LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 9/1 pp. 8-12
  • Inżomm Sħiħ Bħala Suldat taʼ Kristu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Inżomm Sħiħ Bħala Suldat taʼ Kristu
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nittieħed f’Ħabsijiet Imbiegħda
  • L-​Ikel Spiritwali Jasalli fl-​Imwarrab
  • Inxandar Mingħajr Ma Nieqaf
  • Inkuraġġiment Mhux Mistenni
  • Nerġaʼ Lura l-​Ħabs, Nerġaʼ Nibda Nippriedka
  • Suldat taʼ Kristu
  • Tgħallimt Nistrieħ fuq Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Li Nogħġob lil Jehovah Huwa l-Ewwel Interess Tiegħi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Niffaċċjaw il-Provi bis-Saħħa t’Alla
    Stenbaħ!—2000
  • Minkejja l-Provi, it-Tama Tiegħi Baqgħet Qawwija
    Stenbaħ!—2002
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 9/1 pp. 8-12

Bijografija

Inżomm Sħiħ Bħala Suldat taʼ Kristu

KIF RAKKONTATA MINN YURII KAPTOLA

“Issa konvint li int tassew għandek il-​fidi!” Dan il-​kliem ġie mingħand xi ħadd li ma kontx qed nistennieh—uffiċjal taʼ l-​armata Sovjetika—u inkuraġġieni eżatt meta kelli bżonn. Kelli quddiemi sentenza twila l-​ħabs u kont għadni kif tlabt lil Ġeħova bil-​ħrara biex jappoġġani. Kelli ġlieda fit-​tul quddiemi li kienet teħtieġ is-​sabar u d-​determinazzjoni.

TWELIDT fid-​19 t’Ottubru, 1962, u trabbejt fil-​punent taʼ l-​Ukraina. F’dik l-​istess sena, missieri, li kien jismu Yurii wkoll, ġie f’kuntatt max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Fi żmien qasir, hu sar l-​ewwel aduratur taʼ Ġeħova fir-​raħal tagħna. L-​attività tiegħu ġiet notata mill-​uffiċjali li kienu jopponu lix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Però, ħafna mill-​ġirien tagħna kienu jirrispettaw lill-​ġenituri tiegħi għall-​kwalitajiet Kristjani tagħhom u għall-​interess li kienu juru fl-​oħrajn. Il-​ġenituri tiegħi kienu jieħdu kull opportunità biex inaqqxu l-​imħabba għal Alla fija u fit-​tliet ħuti bniet minn meta konna ċkejknin, u dan għenni niffaċċja ħafna sfidi li ltqajt magħhom l-​iskola. Waħda minn dawn l-​isfidi nqalgħet meta kull student kellu jilbes beġġ li tidentifikah bħala wieħed mit-​Tfal t’Ottubru taʼ Lenin. Minħabba n-​newtralità Kristjana tiegħi, jien ma lbistx il-​beġġ, u għalhekk spikkajt bħala li kont differenti.—Ġwanni 6:15; 17:16.

Iktar tard, meta kelli xi disaʼ snin, l-​istudenti kollha ġew mitluba jingħaqdu maʼ organizzazzjoni għaż-​żgħażagħ Komunisti li kienet tissejjaħ il-​Pijunieri Żgħażagħ. Darba minnhom, ħarġu lill-​klassi tagħna fil-​bitħa taʼ l-​iskola għaċ-​ċelebrazzjoni tad-​dħul f’din l-​organizzazzjoni. Kont imwerwer minn dak li setaʼ jiġri għaliex stennejt li kienu se jirridikolawni u jgħajruni. Kulħadd kien ġab mid-​dar il-​maktur aħmar ġdid tal-​Pijunieri minbarra jien, u l-​istudenti tpoġġew weqfin f’ringiela twila quddiem is-​surmast, l-​għalliema, u l-​istudenti li kienu akbar minna. Meta lil dawn l-​istudenti ntqalilhom jorbtulna l-​imkatar m’għonqna, jien baxxejt rasi u ħarist ’l isfel, bit-​tama li ħadd ma kien se jagħti kasi.

Nittieħed f’Ħabsijiet Imbiegħda

Meta kelli 18-il sena, qatgħuli s-​sentenza għal tliet snin sħaħ il-​ħabs talli żammejt in-​newtralità Kristjana. (Isaija 2:4) Għamilt l-​ewwel sena fir-​raħal taʼ Trudovoye, fid-​Distrett Vinnitskaya taʼ l-​Ukraina. Meta kont hemmhekk, iltqajt maʼ xi 30 Xhud ieħor taʼ Ġeħova. Ġejna inkarigati tnejn tnejn biex naħdmu f’postijiet separati, għaliex l-​awtoritajiet ma ridux iħalluna nissieħbu flimkien.

F’Awissu taʼ l-​1982, jien u Eduard—Xhud ieħor—intbgħatna bil-​ferrovija ġo vaguni li kienu ħabsijiet lejn it-​tramuntana fil-​Muntanji Ural flimkien maʼ grupp taʼ ħabsin oħra. Għal tmint ijiem issaportejna f’kundizzjonijiet estremi taʼ sħana u nuqqas taʼ spazju sakemm wasalna l-​Ħabs taʼ Solikamsk, fid-​Distrett taʼ Permskaya. Jien u Eduard intbgħatna f’ċelel differenti. Ħmistax wara, jien itteħidt iktar ’il fuq lejn it-​tramuntana f’Vels, fir-​reġjun taʼ Krasnovishersky.

It-trasport tagħna wassalna fil-​post f’nofs taʼ lejl, u kien dlam ċappa. Minkejja d-​dalma, l-​uffiċjal ordna lill-​grupp tagħna biex naqsmu x-​xmara bid-​dgħajsa. Imma aħna la stajna naraw ix-​xmara u lanqas id-​dgħajsa! Xorta waħda, fittixna kif stajna sakemm b’kumbinazzjoni sibna d-​dgħajsa u, għalkemm bil-​biżaʼ, irnexxielna naqsmu għan-​naħa l-​oħra tax-​xmara. X’ħin ilħaqna x-​xatt l-​ieħor, imxejna lejn dawl li stajna naraw fuq għolja fil-​qrib, fejn sibna ftit tined. Dawn kellhom ikunu d-​dar il-​ġdida tagħna. Jien kont ngħix flimkien maʼ xi 30 ħabsi ieħor f’tinda daqsxejn kbira, meta tqabbilha maʼ l-​oħrajn. Matul ix-​xitwa, issaportejna temperaturi li kultant kienu jinżlu sa 40 grad Celsius taħt iż-​żero, u t-​tinda ma tantx kienet tilqaʼ l-​ksieħ. Ix-​xogħol primarju tal-​ħabsin kien li jqaċċtu s-​siġar, imma xogħli kien li nibni l-​għerejjex għall-​ħabsin.

L-​Ikel Spiritwali Jasalli fl-​Imwarrab

Jien kont l-​uniku Xhud f’dan il-​post; però, Ġeħova m’abbandunanix. Ġurnata minnhom wasalli pakkett mingħand ommi, li kienet għadha tgħix fil-​punent taʼ l-​Ukraina. Meta l-​gwardjan fetaħ il-​pakkett, l-​ewwel ħaġa li ra kienet Bibbja żgħira. Hu ħadha f’idejh u beda jqalleb il-​paġni. Bdejt naħseb dwar xi stajt ngħidlu biex ma nħallix li dan it-​teżor spiritwali jittieħed minni. “Din x’inhi?” staqsa l-​gwardjan f’daqqa waħda. Qabel ma ħsibt xi stajt ngħidlu, spettur li kien fil-​qrib qallu: “Dak dizzjunarju!” Jien ma ftaħtx ħalqi. (Koħèlet 3:7) L-​ispettur fittex fil-​bqija tal-​pakkett u mbagħad tahuli flimkien mal-​Bibbja tant prezzjuża. Tant fraħt li offrejtlu ftit ġewż mill-​pakkett tiegħi. Meta rċivejt dan il-​pakkett, kont naf li Ġeħova ma kienx nesieni. Bil-​ġenerożità kollha hu pprovda l-​għajnuna u ħa ħsieb il-​bżonnijiet spiritwali tiegħi.—Ebrej 13:5.

Inxandar Mingħajr Ma Nieqaf

Ftit xhur wara bqajt sorpriż meta rċivejt ittra mingħand ħu Kristjan li kien miżmum f’ħabs xi 400 kilometru ’l bogħod. Talabni nfittex raġel li kien wera interess u li issa jistaʼ jkun li jinsab fil-​kamp tiegħi. Ma kinitx ħaġa għaqlija li jiktibli ittra daqshekk bil-​miftuħ, għaliex l-​ittri tagħna kienu jiġu eżaminati. Ma ħadthiex b’sorpriża meta wieħed mill-​uffiċjali sejjaħli fl-​uffiċċju tiegħu u wissieni bl-​aħrax biex ma nippridkax. Imbagħad ordnali niffirma dokument bi stqarrija li kont se nieqaf naqsam it-​twemmin tiegħi m’oħrajn. Jien weġibtu li ma stajtx nifhem għala kelli niffirma stqarrija bħal din, ladarba kulħadd kien diġà jaf li jien kont wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Semmejtlu li ħabsin oħra riedu jkunu jafu għala ġejt mitfugħ il-​ħabs. X’kont se ngħidilhom? (Atti 4:20) L-​uffiċjal irrealizza li ma setax ibeżżagħni, u allura ddeċieda li jeħles minni, u għalhekk bagħtuni f’kamp ieħor.

Ġejt trasferit fir-​raħal taʼ Vaya, 200 kilometru ’l bogħod. Hemmhekk, dawk li kienu jieħdu ħsieb il-​post kienu jirrispettaw in-​newtralità Kristjana tiegħi u inkarigawni nagħmel xogħol li ma kienx konness mal-​militar—l-​ewwel bħala mastrudaxxa, imbagħad bħala elektrixin. Imma dawn ix-​xogħlijiet xorta ġabu magħhom xi ostakli. Darba minnhom, qaluli naqbad l-​għodda tiegħi u mmur fil-​klabb tar-​raħal. Meta wasalt, is-​suldati ħadu gost bija. Kellhom xi problemi bid-​dwal li jżejnu diversi emblemi militari għaliex ma kinux qed jaħdmu sew. Riduni ngħinhom jirranġaw l-​affarijiet għaliex kienu qed jippreparaw għaċ-​ċelebrazzjoni annwali taʼ Jum ir-​Red Army. Wara li bit-​talb ħsibt dwar dak li kelli nagħmel, għedtilhom li ma stajtx nagħmel dan it-​tip taʼ xogħol. Tajthom l-​għodda tiegħi u tlaqt. Ġejt rapportat lid-​deputat direttur, u b’sorpriża għalija hu semaʼ l-​ilmenti li kien hemm kontrija u wieġeb: “Nirrispettah għal dan. Huwa raġel taʼ prinċipju.”

Inkuraġġiment Mhux Mistenni

Fit-​8 taʼ Ġunju, 1984, wara eżatt tliet snin t’arrest, jien ġejt meħlus. Malli rritornajt l-​Ukraina, kelli nirreġistra mal-​militar bħala wieħed li kont ġejt miżmum fil-​ħabs. L-​uffiċjali qaluli li kont se nerġaʼ ngħaddi ġuri fi żmien sitt xhur u li jkun aħjar għalija jekk nitlaq għalkollox mid-​distrett. Allura tlaqt mill-​Ukraina u maż-​żmien sibt xogħol il-​Latvja. Għal xi żmien irnexxieli nippriedka u nissieħeb maʼ grupp żgħir taʼ Xhieda li kienu jgħixu fil-​kapitali Riga u fl-​inħawi taʼ madwarha. Madankollu, wara sena biss, għal darb’oħra ġejt ingaġġat bil-​lieva. Fl-​uffiċċju tal-​lieva, għedt lill-​uffiċjal li qabel kont diġà rrifjutajt is-​servizz militari. Bl-​għajjat, hu weġibni: “Int taf x’int tagħmel? Ejja naraw x’se tgħid lit-​tenent kurunell!”

Ħadni ġo kamra fit-​tieni sular fejn it-​tenent kurunell kien jinsab bil-​qiegħda wara mejda twila. Hu semagħni bl-​akbar attenzjoni hekk kif spjegajt in-​newtralità tiegħi u mbagħad qalli li kien għad għandi ċ-​ċans nerġaʼ naħsibha qabel ma niffaċċja l-​kumitat tal-​lieva. Hekk kif tlaqna mill-​uffiċċju tat-​tenent kurunell, l-​uffiċjal li kien għadu kif għajjat miegħi stqarr: “Issa konvint li int tassew għandek il-​fidi!” Meta dhert quddiem il-​kumitat tal-​militar, erġajt stqarrejt in-​newtralità tiegħi, u għal dak iż-​żmien ħallewni nitlaq.

Matul dak iż-​żmien kont ngħix f’lukanda. Darba minnhom fil-​għaxija, smajt taħbita żgħira fuq il-​bieb. Ftaħt u sibt raġel liebes pulit li kien qed iġorr bagalja. Hu introduċa ruħu, u qalli: “Jien mibgħut mis-​Sigurtà taʼ l-​Istat. Naf li qed tiffaċċja xi diffikultajiet u li se tgħaddi minn ġuri fil-​qorti.” “Hekk hu,” weġibtu jien. Ir-​raġel kompla: “Nistgħu ngħinuk jekk taqbel li taħdem għalina.” “Le, dan m’huwiex possibbli,” għedtlu jien. “Jien irrid nibqaʼ leali lejn it-​twemmin Kristjan tiegħi.” Mingħajr ma għamel iktar sforz biex jikkonvinċini, hu qabad u telaq.

Nerġaʼ Lura l-​Ħabs, Nerġaʼ Nibda Nippriedka

Fis-​26 t’Awissu, 1986, il-​Qorti Nazzjonali taʼ Riga tatni sentenza t’erbaʼ snin xogħol iebes, u ħaduni fil-​Ħabs Ċentrali taʼ Riga. Tefgħuni f’ċella kbira maʼ 40 ħabsi ieħor, u pprovajt nippriedka maʼ kulmin kien hemm f’dik iċ-​ċella. Xi wħud kienu jgħidu li jemmnu f’Alla; oħrajn kienu sempliċement jidħqu. Innotajt li l-​irġiel kienu miġburin fi gruppi, u wara ħmistax, il-​kapijiet taʼ dawn il-​gruppi qaluli li ma stajtx nippriedka, ladarba ma kontx nimxi mal-​liġijiet mhux miktubin tagħhom. Spjegajtilhom li kont arrestat għal dik l-​istess raġuni—għax ngħix skond liġijiet differenti.

Komplejt nippridkalhom b’mod diskret, u meta sibt lil xi wħud li kienu miġbudin lejn l-​affarijiet spiritwali, irnexxieli nistudja l-​Bibbja m’erbgħa minnhom. Waqt id-​diskussjonijiet tagħna, huma kienu jiktbu xi tagħlim bażiku mill-​Bibbja fuq pitazz. Ftit xhur wara, intbgħatt f’kamp b’sigurtà kbira f’Valmiera, fejn ħdimt bħala elektrixin. Hemmhekk, irnexxieli nistudja l-​Bibbja m’elektrixin ieħor li erbaʼ snin wara sar Xhud taʼ Ġeħova.

Fl-24 taʼ Marzu, 1988, ħarġuni mill-​kamp li kellu sigurtà kbira u bagħtuni f’kamp fil-​viċin. Din kienet tassew barka, għaliex kelli iktar libertà. Ġejt inkarigat naħdem f’diversi xogħlijiet taʼ bini, u dejjem kont infittex opportunitajiet biex nippriedka. Spiss, kont inkun barra l-​kamp, nippriedka sa tard fil-​għaxija, imma qatt ma kelli problemi meta kont nirritorna fil-​kamp.

Ġeħova bierek l-​isforzi tiegħi. Kien hemm ftit Xhieda li kienu jgħixu fl-​inħawi, imma fir-​raħal stess kien hemm waħda biss, Vilma Krūmin̗a—oħt anzjana. Jien u oħtna Krūmin̗a bdejna nikkonduċu ħafna studji tal-​Bibbja maż-​żgħażagħ. Kultant l-​aħwa kienu jivvjaġġaw minn Riga biex jieħdu sehem fil-​ministeru, u xi pijunieri regulari kienu jiġu saħansitra minn Leningrad (illum San Pietruburgu). Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova bdejna ħafna studji tal-​Bibbja, u jien malajr dħalt fis-​servizz taʼ pijunier regulari u bdejt niddedika 90 siegħa fix-​xahar għax-​xogħol taʼ l-​ippridkar.

Fis-7 t’April, 1990, il-​każ tiegħi wasal biex jiġi rivedut fil-​Qorti tal-​Poplu f’Valmiera. Meta beda s-​smigħ tal-​każ, jien għaraft lill-​prosekutur. Kien żagħżugħ li kont iddiskutejt il-​Bibbja miegħu! Hu għarafni u tbissem, imma ma qal xejn. Għadni niftakar dak li qalli l-​imħallef dakinhar: “Yurii, id-​deċiżjoni li ttieħdet erbaʼ snin ilu biex tiġi mitfugħ il-​ħabs kienet illegali. Ma kellhomx jiddikjarawk ħati.” F’daqqa waħda kont meħlus!

Suldat taʼ Kristu

F’Ġunju taʼ l-​1990, għal darb’oħra kelli nerġaʼ mmur nirreġistra fl-​uffiċċju tal-​lieva biex nikseb permess għar-​residenza f’Riga. Dħalt fl-​istess uffiċċju bl-​istess mejda twila fejn erbaʼ snin qabel kont għedt lit-​tenent kurunell li ma kontx se naqdi fis-​servizz militari. Din id-​darba, hu qam biex jilqagħni, ħadli b’idi, u qalli: “Ħasra li kellek tgħaddi minn dan kollu. Jiddispjaċini li l-​affarijiet marru kif marru.”

Jien weġibtu: “Jien suldat taʼ Kristu, u rrid ngħix skond l-​inkarigu tiegħi. Bl-​għajnuna tal-​Bibbja, int ukoll tistaʼ tgawdi dak li wiegħed Kristu lis-​segwaċi tiegħu—ħajja hienja u futur dejjiemi.” (2 Timotju 2:​3, 4) Il-​kurunell weġibni: “M’ilux xtrajt Bibbja u issa qed naqraha.” Fuqi kelli l-​ktieb Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-​Ġenna Fuq L-​Art.a Ftaħtu fil-​kapitlu li jiddiskuti s-​sinjali taʼ l-​aħħar jiem u wrejtu kif il-​profezija tal-​Bibbja hija marbuta maʼ żmienna. B’apprezzament kbir il-​kurunell reġaʼ ħadli b’idi u xtaqli s-​suċċess f’xogħli.

Sa dan iż-​żmien, fil-​Latvja l-​għelieqi kienu tassew bojod għall-​ħsad. (Ġwanni 4:35) Fl-​1991, bdejt naqdi bħala anzjan fil-​kongregazzjoni. Kien hemm biss żewġ anzjani maħturin fil-​pajjiż kollu! Sena wara, l-​unika kongregazzjoni fil-​Latvja nqasmet fi tnejn—waħda tal-​lingwa tal-​Latvja u l-​oħra tar-​Russu. Jien kelli l-​privileġġ naqdi mal-​kongregazzjoni tar-​Russu. It-​tkabbir tant seħħ malajr li s-​sena taʼ wara l-​kongregazzjoni tagħna nqasmet fi tlieta! Meta nħares lura, jidher ċar li Ġeħova nnifsu kien qed jidderieġi n-​nagħaġ tiegħu lejn l-​organizzazzjoni tiegħu.

Fl-​1998, ġejt maħtur biex naqdi bħala pijunier speċjali f’Jelgava, belt li tinsab xi 40 kilometru fil-​lbiċ taʼ Riga. F’dik l-​istess sena, kont wieħed minn taʼ l-​ewwel fil-​Latvja li ġejt mistieden nattendi l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali bir-​Russu f’Solnechnoye, ħdejn San Pietruburgu fir-​Russja. Meta kont l-​iskola, bdejt napprezza iktar kemm hu importanti li jkollok attitudni taʼ mħabba lejn in-​nies sabiex tirnexxi fil-​ministeru. L-​iktar li laqatni, iktar minn dak kollu li tgħallimna fl-​iskola, kienet l-​imħabba u l-​attenzjoni li wrewna l-​familja taʼ Betel u l-​għalliema taʼ l-​iskola.

Fl-2001, ilħaqt mira oħra f’ħajti meta żżewwiġt lil Karina, mara Kristjana mill-​aħjar. Karina ngħaqdet miegħi fis-​servizz speċjali full-time, u kuljum inħossni inkuraġġit meta nara lil marti tirritorna mis-​servizz taʼ l-​għalqa b’ħarsa daqshekk kuntenta. Tabilħaqq, is-​servizz lil Ġeħova jġib ferħ kbir. L-​esperjenzi ħorox taħt ir-​reġim Komunista għallmuni nafda fih għalkollox. Ebda sagrifiċċju ma hu kbir wisq għal min jixtieq jibqaʼ ħabib taʼ Ġeħova u jappoġġa s-​sovranità tiegħu. Ħajti hi mimlija skop minħabba li ngħallem lil oħrajn dwar Ġeħova. Kien unur tassew meraviljuż għalija li naqdi lil Ġeħova “bħala suldat tajjeb taʼ Kristu.”—2 Timotju 2:3.

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova imma issa m’għadux jiġi stampat.

[Stampa f’paġna 10]

Ngħatajt sentenza taʼ xogħol iebes għal erbaʼ snin u ntbgħatt fil-​Ħabs Ċentrali taʼ Riga

[Stampa f’paġna 12]

Maʼ Karina fil-​ministeru

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja