LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 11/8 pp. 20-25
  • Niffaċċjaw il-Provi bis-Saħħa t’Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Niffaċċjaw il-Provi bis-Saħħa t’Alla
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Ġlieda biex Nibqaʼ Newtrali
  • Iż-​Żmien li Qattajt il-​Ħabs
  • Taħwid f’Konnessjoni maʼ Rumani Kapitlu 13
  • Attività bil-​Moħbi
  • Mara taʼ Ħila
  • Żminijiet Iktar Reċenti
  • Inżommu l-Fidi taħt Ħakma Ħarxa Totalitarjana
    Stenbaħ!—2000
  • Iktar Minn 40 Sena Taħt Projbizzjoni Komunista
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • “Fuq Lemintek Nitgħaxxaq Għal Dejjem”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Inżomm Sħiħ Bħala Suldat taʼ Kristu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Stenbaħ!—2000
g00 11/8 pp. 20-25

Niffaċċjaw il-​Provi bis-​Saħħa t’Alla

KIF RAKKONTAT MINN STEPAN KOZHEMBA

Lejl wieħed fil-​bidu t’April taʼ l-​1951, ġew xi trakkijiet mimlija truppi Sovjetiċi fir-​raħal tagħna taʼ Stenyatyn fl-​Ukraina. Is-​suldati armati dawru xi djar li kienu ntgħażlu minn qabel u qabdu familji sħaħ taʼ Xhieda taʼ Jehovah u ħaduhom lejn is-​Siberja. Kelli 12-il sena, u taʼ tifel li kont, kont nimpressjona ruħi ħafna. Ma kontx nistaʼ nifhem għala dawn in-​nies kienu jiġu trattati hekk u kif setgħu jifilħu għal daqstant tbatija.

TWELIDT fir-​raħal taʼ Stenyatyn f’Ottubru taʼ l-​1938. Ommi mietet ġimagħtejn wara li twelidt, u missieri nqatel fl-​1944 waqt li kien qed jiġġieled fl-​armata Sovjetika kontra l-​Ġermanja. Ħutu l-​bniet, Olena u Anna, ħaduni magħhom u rabbewni huma.

Meta kont żgħir, kont naf lil diversi Xhieda taʼ Jehovah fir-​raħal tagħna. Kienu jkellmu lili u lil oħrajn dwar is-​Saltna Messjanika kulmeta kien ikollhom l-​opportunità. Maż-​żmien, għamilt ħbieb maʼ xi wħud miż-​żgħażagħ li kienu Xhieda. Meta t-​truppi Sovjetiċi qabduhom u bagħtuhom is-​Siberja, veru bqajt imbellah.

Imma mhux ix-​Xhieda kollha ttieħdu fl-​eżilju. Stepan, Xhud li kien jgħix ħdejn id-​dar tiegħi, ħallewh jibqaʼ joqgħod hemm, peress li l-​membri l-​oħra tal-​familja tiegħu ma kinux Xhieda. Kien sitt snin akbar minni, u meta tlaqt mill-​iskola mort naħdem miegħu bħala mastrudaxxa. Hu studja l-​Bibbja miegħi billi uża l-​kopji taʼ It-​Torri taʼ l-​Għassa li setaʼ jsib. Stepan, li issa qed jaqdi lil dak Alla veru, Jehovah, fl-​Estonja, kien ferħan ħafna meta jien tgħammidt f’Lulju taʼ l-​1956.

L-oppożizzjoni kienet parti mill-​ħajja taʼ kull qaddej taʼ Jehovah fl-​Ukraina. L-​awtoritajiet kienu jmorru jfittxu fid-​djar għal-​letteratura Biblika, u għalhekk kelli diversi postijiet li kont nużahom bħala moħba għal-​letteratura. Iz-​zijiet Olena u Anna, li kienu Kattoliċi Griegi, ma ħadux gost li kelli x’naqsam max-​Xhieda. Ipprovaw ukoll jinfluwenzawni biex nieqaf nissieħeb magħhom. Bħall-​appostlu Pawlu, xi kultant kont inħossni ‘magħfus iżżejjed li ma kontx niflaħ.’ Imma r-​relazzjoni tiegħi m’Alla Jehovah saħħitni biex nissaporti kull prova.—2 Korintin 1:8; Filippin 4:13.

Il-​Ġlieda biex Nibqaʼ Newtrali

Il-​ġuvintur taʼ 18-il sena bilfors kellhom jidħlu fis-​servizz mal-​militar Sovjetiku. Minħabba l-​għarfien li kelli mill-​Bibbja, jien kont determinat li nibqaʼ newtrali f’konnessjoni mal-​kwistjonijiet tad-​dinja. Dan kien ifisser li jien irrifjutajt li nidħol fl-​armata Sovjetika. (Isaija 2:4; Ġwann 17:14-16) Olena u Anna inkuraġġewni nsir suldat, avolja ħuhom stess, jiġifieri missieri, kien inqatel fil-​gwerra.

Wara li rċivejt il-​karti biex nidħol fil-​militar, jien mort fil-​kwartieri ġenerali tal-​militar li kienu fl-​inħawi tagħna u hemmhekk spjegajtilhom il-​pożizzjoni tiegħi. Mill-​ewwel arrestawni u mbagħad żammewni taħt arrest sakemm kienu qed iħejju l-​akkużi kontrija. Il-​ġuri ma kienx miftuħ għall-​pubbliku; lanqas iz-​zijiet tiegħi ma kienu jafu bid-​data. Waqt il-​ġuri tajt xiehda tajba lill-​imħallef, lill-​prosekutur, u liż-​żewġ irġiel tal-​ġurija. Wara 20 minuta kien spiċċa kollox. Is-​sentenza tiegħi kienet taʼ ħames snin ħabs flimkien maʼ ħames snin oħra li matulhom jien kont se nitlef ċerti drittijiet bħala ċittadin.

Iż-​Żmien li Qattajt il-​Ħabs

Wara l-​ġuri tefgħuni l-​ħabs fi Lviv. Għal tliet xhur, minn wara l-​arrest sa qabel ma ħaduni f’kamp tax-​xogħol, ma kelli l-​ebda kuntatt maʼ Kristjan ieħor, u la kelli Bibbja u lanqas letteratura Biblika. Però, bqajt attiv spiritwalment billi tajt xiehda lil ħabsin oħra. Dawn ma kinux jistgħu jifhmu għala ma ridtx nidħol fil-​militar. Matul dawn ix-​xhur, kont niddependi mill-​istudju persunali li kont nagħmel qabel m’arrestawni. Din l-​esperjenza għallmitni lezzjoni importanti ferm: L-​istudju persunali tal-​Bibbja jgħinna nżidu mal-​ħażna spiritwali tagħna, biex nieħdu minnha meta jinqalgħu l-​provi.—Ġwann 14:26.

F’April taʼ l-​1958, ħaduni f’kamp tax-​xogħol 21, ħdejn Dnepropetrovsk, iktar minn 700 kilometru ’l bogħod mid-​dar. Hemmhekk kelli nqattaʼ l-​bqija tas-​sentenza li kienu tawni. Konna nqumu fis-​sitta taʼ fil-​għodu, u wara li nieħdu xi ħaġa kienu jgħabbuna ġot-​trakkijiet u jiħduna xi 50 kilometru ’l bogħod lejn il-​post fejn konna naħdmu barra l-​kamp. Konna naħdmu għal tmien sigħat f’post fejn kien tielaʼ xi bini. Imbagħad konna nerġgħu lura lejn il-​kamp biex inqattgħu l-​lejl.

Konna norqdu fi kwartieri li kien ikun fihom madwar mitt ħabsi kull wieħed. L-​ikel kien miżeru, u l-​kundizzjonijiet li konna ngħixu fihom kienu sempliċi għall-​aħħar; imma għall-​inqas kelli l-​kumpanija taʼ tnejn minn sħabi Xhieda fil-​kwartieri tiegħi. Kull wieħed minna ħass li ried jagħmel l-​isforz tiegħu biex jinkuraġġixxi lit-​tnejn l-​oħra. Dan huwa mod ieħor kif Jehovah jipprovdi s-​saħħa lill-​qaddejja tiegħu li jkunu għaddejjin minn żmien taʼ niket, jiġifieri permezz tal-​kumpanija taʼ sħabna li jemmnu bħalna.—2 Korintin 7:6.

Fil-kamp kien hemm 12-il Xhud b’kollox. Xi wħud minnhom kellhom lil xi qraba barra l-​kamp. Dawn kienu jgħaddulna baxx baxx paġni minn It-​Torri taʼ l-​Għassa billi kienu jaħbuhom f’pakketti taʼ l-​ikel. Il-​gwardji kienu jiftħu l-​biċċa l-​kbira tal-​pakketti biex jiċċekkjaw x’kien ikun fihom qabel ma jgħadduhomlna. Imma biex ma jinstabux, il-​paġni taʼ It-​Torri taʼ l-​Għassa kienu jiġu mgeżwrin fil-​plastik u mbagħad jitqegħdu f’bottijiet tal-​ġamm. Il-​gwardji ma kinux joqogħdu jiftħuhom. Hekk kif konna nirċievu l-​artikli, konna nikkopjawhom b’idejna u naqsmuhom bejnietna.

Għamilna ħilitna wkoll biex nippridkaw dwar is-​Saltna t’Alla, u Jehovah bierek l-​isforzi tagħna. Per eżempju, sirt naf ħabsi li kien jismu Sergei. Dan qabel kien iżomm il-​kontijiet għal kumpanija tal-​gvern fl-​Ukraina tal-​lvant. Meta nstab li kienet qed issir frodi fil-​post tax-​xogħol tiegħu, hu nżamm responsabbli u ngħata sentenza t’għaxar snin ħabs. Diversi Xhieda li kienu fil-​ħabs studjaw miegħu, billi wżaw ir-​rivisti kollha li ġew taħt idejhom. Sergei irreaġixxa b’mod favorevoli u fl-​aħħar qalli: “Meta ninħeles mill-​kamp, irrid nitgħammed bħala Xhud taʼ Jehovah!” Sergei żamm kelmtu, u tgħammed ftit wara li nħeles. Hu qeda lil Jehovah lealment sa mewtu.

Taħwid f’Konnessjoni maʼ Rumani Kapitlu 13

Inħlist f’Jannar taʼ l-​1963 u rġajt lura lejn ir-​raħal tiegħi, Stenyatyn. Kważi mill-​ewwel intbaħt li kien hemm xi ħaġa ħażina fil-​kongregazzjoni lokali f’Sokal. L-​atmosfera fost l-​aħwa ma kienet rilassata xejn. X’kienet il-​problema? X’kien wassal għal din is-​sitwazzjoni kollha dubji?

L-​awtoritajiet Sovjetiċi kien ilhom bosta snin jipprovaw iqanqlu n-​nuqqas t’unità fost il-​poplu taʼ Jehovah. Kienu jaqbdu lil xi aħwa biex jinterrogawhom u jipprovaw iġagħluhom jemmnu li x-​Xhieda kienu qed jintużaw biex imexxu ’l quddiem l-​interessi taʼ l-​Istati Uniti taʼ l-​Amerika. L-​uffiċjali kienu wkoll irrikkmandaw li x-​Xhieda fl-​Unjoni Sovjetika biex jgħaqqdu organizzazzjoni separata għalihom, u qalu li mbagħad setgħu jgawdu relazzjonijiet paċifiċi maʼ l-​Istat u jitħallew jipprattikaw ir-​reliġjon tagħhom mingħajr persekuzzjoni. Dak li kienu jgħidu l-​uffiċjali kien idoqq ħafna għall-​widnejn.

Imbagħad f’It-Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Novembru, 1962, dehret fehma ġdida taʼ Rumani kapitlu 13. Bl-​Ukranjan dehret iktar tard fil-​ħarġa taʼ l-​1 taʼ Lulju, 1964. Sa dakinhar, aħna konna tal-​fehma li l-​awtoritajiet superjuri li jissemmew fl-​ewwel vers kienu Alla Jehovah u Ġesù Kristu. Imma It-​Torri taʼ l-​Għassa nnota li l-​awtoritajiet superjuri fil-​fatt jirrappreżentaw lill-​gvernijiet fuq l-​art u li dawn “qegħdin hemm bl-​ordni taʼ Alla.”—Rumani 13:1.

Xi Xhieda ħassewha bi tqila biex jemmnu din il-​ħarsa li ġiet irranġata. Dan peress li l-​kapijiet fil-​gvern taʼ l-​art fl-​Unjoni Sovjetika wrew krudeltajiet kbar meta pprovaw jeliminaw il-​qima vera lejn Alla. Għalhekk, dawn ix-​Xhieda ħasbu li It-​Torri taʼ l-​Għassa li kien fih il-​fehma l-​ġdida ma kienx ġej mill-​organizzazzjoni uffiċjali tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Minflok, huma ħasbu li dawk li għamlu kompromess maʼ l-​awtoritajiet kienu vvintaw b’qerq din l-​informazzjoni sabiex iġagħlu lix-​Xhieda jobdu iktar lill-​Istat Sovjetiku.

Allura kull qaddej taʼ Jehovah fl-​Ukraina kellu din il-​mistoqsija quddiemu, Liema grupp għandu raġun, u liema għandu żball? Jien innotajt lix-​Xhieda li appoġġaw lil kull naħa taʼ l-​argument u staqsejt lili nnifsi, ‘X’motivi għandhom?’ Malajr stajt nagħraf id-​differenza ċara bejn iż-​żewġ naħat.

Il-biċċa l-​kbira tax-​Xhieda taʼ Jehovah, li xi wħud minnhom ma fehmux għalkollox l-​ispjegazzjoni l-​ġdida taʼ Rumani kapitlu 13, riedu jżommu lealment maʼ Jehovah u maʼ l-​organizzazzjoni tiegħu. Imma oħrajn bdew jiddubitaw jekk il-​pubblikazzjonijiet taʼ l-​aħħar li kienu ħarġu mill-​Watch Tower Bible and Tract Society kinux għadhom ġejjin mill-​organizzazzjoni uffiċjali tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Dawn l-​uħud kellhom il-​ħabta li jkollhom opinjonijiet estremi dwar diversi kwistjonijiet. Per eżempju, huma ħassew li kien ħażin li għarusa tilbes libsa bajda fit-​tieġ u li mseħbin miżżewġin jilbsu ċurkett tat-​tieġ. Għadd taʼ individwi telqu l-​organizzazzjoni. Imma maż-​żmien, għadd mhux ħażin minnhom għarfu l-​iżball tagħhom u reġgħu bdew jaqdu lil Jehovah.

Attività bil-​Moħbi

Avolja l-​attivitajiet Kristjani tagħna kienu projbiti, kulmeta kien possibbli konna nagħmlu l-​laqgħat taʼ kull ġimgħa u konna niltaqgħu fi gruppi taʼ bejn 10 u 15-il ruħ. Mil-​laqgħat ħadna s-​saħħa spiritwali tagħna, kemm mill-​istudju tagħna tal-​Bibbja u kemm mis-​sħubija wara l-​istudju. Konna nqabblu l-​esperjenzi tagħna, u dan għenna nintebħu li kull wieħed minna kellu l-​istess battalja. Dak li kiteb l-​appostlu Pietru ħadnieh bis-​serjetà u effettwana ħafna: “Ħutkom, mxerrdin fid-​dinja, qegħdin jaqsmu magħkom l-​istess tbatijiet tagħkom.”—1 Pietru 5:9.

Id-diskussjonijiet tagħna konna nibbażawhom fuq l-​artikli f’It-Torri taʼ l-​Għassa. Ir-​rivisti kif kienu jaslulna? Xi Xhieda li kienu jagħmluha taʼ messaġġiera kienu jġibu kopji tar-​rivisti fuq mikrofilm u jaqsmu l-​fruntiera għal ġo l-​Ukraina. Imbagħad kien hemm rotta taʼ Xhieda preparata u dawn il-​films kienu jgħaddu minn Xhud għal ieħor. Kull wieħed minnhom imbagħad kien jipproduċi kopji biżżejjed għall-​kongregazzjoni tiegħu. Xi kultant jien kont inkun involut f’li nagħmel dawn il-​kopji. Kont naħdem il-​ġurnata kollha u mal-​lejl kont inżomm ruħi bieżel fis-​servizz taʼ Jehovah, nipproduċi r-​rivisti u nagħmel affarijiet oħra. Kienet sfida kbira li llaħħaq maʼ l-​iskeda, imma dawk minna li kellhom responsabbiltà xi jġorru fl-​organizzazzjoni tgħallmu li Jehovah “jagħti l-​qawwa lill-​għajjien.”—Isaija 40:29.

Konna noħolqu l-​opportunitajiet biex nitkellmu dwar il-​Bibbja man-​nies li konna niltaqgħu magħhom. Ħafna minna konna nagħmlu dan waqt li nużaw it-​trasport pubbliku. Metodu komuni li konna nużaw biex nibdew diskursata kien wieħed sempliċi. Konna naqraw il-​gazzetta tal-​ġurnata u mbagħad nibdew nitkellmu b’mod informali mal-​passiġġier taʼ maġenbna dwar l-​aħbarijiet taʼ l-​aħħar. Meta kien jirnexxilna nibdew diskursata, imbagħad konna nxaqilbuha lejn suġġett Bibliku. B’dan il-​mod konna nxerrdu l-​aħbar tajba fl-​inħawi tagħna.

Mara taʼ Ħila

Fl-​1965 iżżewwiġt lil Tamara, li kienet trabbiet bħala qaddejja taʼ dak Alla veru. Hi kienet taf x’jiġifieri li tieqaf sod għall-​fidi tagħha waqt xi prova. Ħuha Sergei kien ġie arrestat u mgħoddi ġuri tliet darbiet minħabba l-​attivitajiet tiegħu bħala Xhud. Fl-​aħħar każ, meta nstab li kellu xi kopji taʼ It-​Torri taʼ l-​Għassa, hu ngħata sentenza t’għaxar snin ħabs. Tamara stess kienet ittieħdet mill-​awtoritajiet lejn il-​kwartieri ġenerali tagħhom fejn interrogawha u heddewha li jibagħtuha l-​ħabs.

Wara li żżewwiġna kien diffiċli għalina li nsibu post fejn noqogħdu. Imma familja li kienet toqgħod f’Sokal u li kienet dħulija max-​Xhieda, offritilna kamra żgħira fid-​dar tagħha bi ftit flus. Din il-​familja żguratna li Tamara setgħet tibqaʼ toqgħod f’dik il-​kamra jekk xi darba kelli niġi arrestat u jerġgħu jitfgħuni l-​ħabs. Jien u l-​mara konna grati lejn Jehovah għall-​barka tiegħu u lejn il-​familja għall-​qalb tajba tagħha. Iktar tard meta l-​familja tilfet lil xi ħadd fil-​mewt, Tamara ħatfet l-​opportunità biex tispjega t-​tama taʼ l-​irxoxt lit-​tifla, Galina. Iż-​żrieragħ tal-​verità tal-​Bibbja għamlu l-​frott, u Galina saret tħobb lill-​Ħallieq tagħna. Hija tgħammdet u issa qed taqdi lil Jehovah flimkien maʼ żewġha.

Fis-​snin 70, ħafna mis-​Sibtijiet u l-​Ħdud kont inqattagħhom nivvjaġġa lejn diversi partijiet fl-​Ukraina kif ukoll lejn il-​Moldavja (Moldova) u l-​Muntanji Karpazji. Kont immur sabiex niltaqaʼ u ninkuraġġixxi lil dawk li kienu qed imexxu fl-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. Normalment kont nitlaq il-​Ġimgħa fil-​għaxija u nasal lura d-​dar tard il-​Ħadd. Tamara rari kienet tkun taf fejn kont immur u xi kultant lanqas ma kienet tkun ċerta jekk kontx se niġi lura. Din is-​sitwazzjoni damet għaddejja s-​snin. Nistaʼ biss nikkonferma dak li l-​Bibbja tgħid dwar mara taʼ ħila: “Tiswa ħafna aktar mill-​ġawhar.”—Proverbji 31:10.

Dak iż-​żmien kwalunkwe attività li konna nagħmlu bħala Xhieda taʼ Jehovah kienet tinvolvi ċertu sogru. Konna kapaċi nibqgħu għaddejjin biss bis-​saħħa li jipprovdi Jehovah. Kemm-il darba ffaċċjajt sitwazzjonijiet diffiċli u ma kontx inkun naf x’se naqbad nagħmel. Allura kont ngħid talba f’qalbi u nistrieħ fuq Jehovah għas-​saħħa. Hekk konna ngħixu.—Atti 4:29.

Żminijiet Iktar Reċenti

Iż-​żmien baqaʼ għaddej u l-​ħajja bdiet issir iktar faċli għall-​qaddejja taʼ Jehovah fl-​Ukraina. Il-​persekuzzjoni battiet, u l-​multi ħadu post is-​sentenzi tal-​ħabs. Fis-​snin 80, l-​awtoritajiet saru japprezzaw li x-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​fatt huma organizzazzjoni internazzjonali. B’hekk, jekk l-​Istat kien jitfaʼ lix-​Xhieda l-​ħabs fl-​Ukraina u fi bnadi oħrajn fl-​Unjoni Sovjetika, dan kien qed iħassar ir-​reputazzjoni tiegħu maʼ taʼ barra. Niftakar li kien hemm uffiċjal li waqt li interrogani qalli: “Issa qed nirrealizzaw li r-​reliġjon mhux bilfors tagħmel id-​deni. It-​tħassib ewlieni tagħna huwa li grupp reliġjuż m’għandux jagħmel ħsara lill-​Istat.”

Fl-Ewropa tal-​lvant bdiet tinfetaħ il-​Purtiera tal-​Ħadid fl-​aħħar tas-​snin 80, u minn dakinhar ’l hawn gawdejna iktar ħelsien fl-​Ukraina. Fl-​1991 l-​ippridkar tagħna sar legalizzat. Imbagħad, f’Settembru taʼ l-​1998, il-​Watch Tower Society stabbiliet uffiċċju tal-​fergħa fi Lviv. Fil-​bidu taʼ l-​1999 beda l-​bini taʼ faċilità ġdida li se jkun hemm joqogħdu fiha iktar minn 170 ħaddiem. Issa fl-​Ukraina għandna iktar minn 112,000 ruħ li jieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, u iktar minn 250,000 attendew il-​Mafkar fl-​2000. L-​iktar li jispikka huwa n-​numru taʼ żgħażagħ li għandna magħna. F’konvenzjoni fi Kiev fl-​1991, kien hemm riporter taʼ gazzetta li staqsietni:

“Dawn in-​nies kollha minfejn ġew? Jien mingħalija li ma kienx hemm Xhieda fl-​Unjoni Sovjetika, u f’daqqa waħda hawn bl-​eluf!”

“Ma tfaċċajniex f’daqqa, mil-​lejl għan-​nhar,” għedtilha. “Ilna naqdu lil Jehovah hawnhekk għal ħafna snin.”

“Kif tiġbdu lil daqs dawn żgħażagħ lejn ir-​reliġjon tagħkom?” riedet tkun taf.

“L-​aħjar li tistaqsi liż-​żgħażagħ stess. Ħallihom jgħidulek huma għala jridu jaqdu lil Jehovah.”

“Diġà għamiltu dan,” qaltli hi. “Qaluli li jieħdu gost.”

“Mela dik hi r-​raġuni,” żidt jien. “Jekk iż-​żgħażagħ tagħna jgħidulek hekk, mela dik hi l-​ispjegazzjoni.”

Iż-żgħażagħ m’humiex l-​uniċi wħud li jieħdu gost jaqdu lil Jehovah. Bejnietna, jien u Tamara ilna naqduh għal total taʼ 80 sena u ma nixtiequ nibdlu t-​twemmin tagħna maʼ xejn. Għalkemm aħna Xhieda taʼ Jehovah, xorta għandna l-​problemi. Aħna nirrealizzaw li sakemm din is-​sistema qadima tibqaʼ teżisti, kulħadd se jibqaʼ jgħaddi minn diffikultajiet. Imma aħna armati biex niffaċċjaw il-​provi aħjar minn kwalunkwe grupp ieħor taʼ nies fid-​dinja. Aħna għadna determinati li niffaċċjaw dawn il-​provi kif għamilna fl-​imgħoddi, bis-​saħħa t’Alla li jistaʼ kollox, Jehovah. Inħossuna kif ħassu Mosè meta kanta l-​għanja tar-​rebħa: “Qawwieti u għanjieti l-​Mulej: għalija sar is-​salvazzjoni.”—Eżodu 15:2.

[Stampa f’paġna 22]

Maʼ Xhieda sħabi fil-​kamp tax-​xogħol 21

[Stampa f’paġna 22]

Mikrofilm taʼ “Torri taʼ l-​Għassa” bl-​Ukranjan (fid-daqs propju)

[Stampa f’paġna 23]

Maʼ marti, Tamara

[Stampa f’paġna 24, 25]

Tpinġija taʼ kif se jkun il-​kumpless il-​ġdid tal-​fergħa li qed jinbena fi Lviv

[Stampi f’paġna 25]

Għala hemm ħafna żgħażagħ jaqdu lil Jehovah fl-​Ukraina?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja