LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 3/1 pp. 24-28
  • Iktar Minn 40 Sena Taħt Projbizzjoni Komunista

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Iktar Minn 40 Sena Taħt Projbizzjoni Komunista
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Verità tal-​Bibbja Tasal Għandna
  • Nipprattika Dak li Tgħallimt
  • L-​Ewwel Prova Tiegħi Ġiet f’Daqqa Waħda
  • Il-​Ħabs u l-​Eżilju
  • Attività Spiritwali fil-​Ħabs
  • Lura mal-​Familja Tiegħi
  • Kuntatt mal-​Kampijiet
  • Post Ġdid u Traġedji
  • Il-​Familja Tagħna Nxterdet f’Pajjiżi Oħrajn
  • Barkiet Talli Ssaportejna
  • Inżommu l-Fidi taħt Ħakma Ħarxa Totalitarjana
    Stenbaħ!—2000
  • Niffaċċjaw il-Provi bis-Saħħa t’Alla
    Stenbaħ!—2000
  • Kont Lesta “Nimxi Kilometru Ieħor”
    Stenbaħ!—2005
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 3/1 pp. 24-28

Iktar Minn 40 Sena Taħt Projbizzjoni Komunista

KIF IRRAKKONTAT MINN MIKHAIL VASILEVICH SAVITSKII

The Watchtower taʼ l-​1 t’April, 1956, irrapporta li fl-​1, fis-​7, u fit-​8 t’April, 1951, twettqet “tindifa sħiħa” biex jeħilsu mix-​Xhieda taʼ Jehovah. “Dawn huma dati li x-​xhieda taʼ Jehovah ġewwa r-​Russja qatt ma jinsewhom,” spjega The Watchtower. “F’dawn it-​tlett ijiem, ix-​xhieda taʼ Jehovah kollha li setgħu jinstabu fl-​Ukraina tal-​Punent, fil-​White Russia [Belorussja], fil-​Bessarabja, fil-​Moldavja, fil-​Latvja, fil-​Litwanja u fl-​Estonja​—iktar minn sebat elef raġel u mara . . . tgħabbew fuq karettuni, ittieħdu fl-​istazzjonijiet tal-​ferrovija u hemmhekk intefgħu ġo vaguni u ntbagħtu ’l bogħod.”

FIT-​8 t’April, 1951, marti, ibni taʼ tmien xhur, il-​ġenituri tiegħi, ħija ż-​żgħir, u ħafna Xhieda oħrajn ittieħdu minn djarhom li kienu f’Ternopol’ u fil-​viċinanzi tiegħu, ġewwa l-​Ukraina. Wara li ġew mitfugħin fil-​vaguni, huma vvjaġġaw għal madwar ġimagħtejn. Fl-​aħħar, tefgħuhom fit-​taiga Siberjan (masġar subartiku) fil-​punent taʼ Lake Baikal.

Jien għala ma kontx inkluż f’dik it-​tindifa? Qabel ma nirrakkontalkom fejn kont dak iż-​żmien u xi ġralna wara dan ilkoll kemm aħna, ħalli ngħidilkom kif sirt wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Il-​Verità tal-​Bibbja Tasal Għandna

F’Settembru taʼ l-​1947, meta kien għad għandi 15-il sena, ġew tnejn mix-​Xhieda taʼ Jehovah d-​dar għandna ġewwa r-​raħal żgħir taʼ Slaviatin, madwar 50 kilometru ’l bogħod minn Ternopol’. Hekk kif jien u ommi qgħadna nisimgħu lil dawn iż-​żgħażagħ​—li waħda minnhom kien jisimha Maria—​indunajt li din ma kinitx sempliċement xi reliġjon oħra. Huma spjegaw dwar il-​fidi tagħhom u wieġbu l-​mistoqsijiet tagħna fuq il-​Bibbja b’mod ċar.

Kont nemmen li l-​Bibbja kienet il-​Kelma t’Alla, imma ħassejtni ddiżappuntat bil-​knisja. In-​nannu kien jgħid: “Il-​qassisin ibeżżgħu lin-​nies b’diskors taʼ turment fin-​nar taʼ l-​infern, imma l-​qassisin infushom ma jibżgħu minn xejn. Huma sempliċement jisirqu u jqarrqu bil-​foqra.” Niftakar fl-​atti taʼ vjolenza u l-​ħruq taʼ propjetà li saru kontra r-​residenti Pollakki tar-​raħal tagħna fil-​bidu tat-​Tieni Gwerra Dinjija. Il-​ħaġa xokkanti hi li, dawn l-​attakki kienu organizzati mill-​qassis tal-​Knisja Kattolika. Wara dan, rajt ħafna vittmi mmassakrati, u kont ansjuż li nkun naf ir-​raġunijiet għal din il-​krudeltà kollha.

Hekk kif bdejt nistudja l-​Bibbja max-​Xhieda, bdejt nifhem. Tgħallimt veritajiet bażiċi mill-​Bibbja, inkluż il-​fatt li m’hemm ebda infern jaqbad u li Satana x-​Xitan juża r-​reliġjon falza biex jippromwovi l-​gwerer u t-​tixrid taʼ demm. Kull tant ħin, kont nieqaf waqt l-​istudju persunali tiegħi u noffri talba taʼ ringrazzjament mill-​qalb lil Jehovah għal dak li kont qed nitgħallem. Bdejt naqsam dawn il-​veritajiet tal-​Bibbja maʼ ħija ż-​żgħir Stakh, u kont ferħan ħafna meta hu aċċettahom.

Nipprattika Dak li Tgħallimt

Jien irrikonoxxejt il-​bżonn taʼ bidliet persunali u waqaft inpejjep immedjatament. Fhimt ukoll il-​bżonn li niltaqaʼ regolarment m’oħrajn għall-​istudju organizzat tal-​Bibbja. Biex nagħmel dan kont nimxi madwar 10 kilometri ġol-​boskijiet biex nasal sal-​post sigriet fejn kienu jinżammu l-​laqgħat. Xi drabi, ftit nisa biss kien jirnexxilhom jiġu għal-​laqgħa, u għalkemm kont għadni ma tgħammidx, kienu jitolbuni biex nikkonduċih jien.

Kien taʼ riskju kbir li tippossiedi letteratura tal-​Bibbja, u jekk tinqabad biha setaʼ jirriżulta f’sentenza taʼ ħabs sa 25 sena. Jien xorta xtaqt li jkolli l-​librerija tiegħi. Wieħed mill-​ġirien tagħna kien studja max-​Xhieda taʼ Jehovah, imma minħabba l-​biżaʼ, waqaf u ħeba l-​letteratura tiegħu fil-​ġnien tiegħu. Kemm irringrazzjajt lil Jehovah meta dan ir-​raġel ħaffer għall-​kotba u r-​rivisti tiegħu kollha u aċċetta li jagħtihomli! Ħbejthom fid-​doqqajs taʼ missieri, fejn oħrajn ma jkunux inklinati li jfittxu.

F’Lulju taʼ l-​1949, iddedikajt ħajti lil Jehovah u tgħammidt bħala simbolu tad-​dedikazzjoni tiegħi. Kienet l-​isbaħ ġurnata taʼ ħajti. Ix-​Xhud li kkonduċa l-​magħmudija bil-​moħbi enfasizza li m’huwiex faċli li tkun Kristjan veru u li kien hemm ħafna provi jistennewna. Malajr tgħallimt kemm kien veru dak il-​kliem! Xorta waħda ħajti bħala Xhud mgħammed bdiet b’ferħ kbir. Xahrejn wara li tgħammidt, iżżewwiġt lil Maria, waħda minn dawk it-​tnejn li introduċew il-​verità lili u lil ommi.

L-​Ewwel Prova Tiegħi Ġiet f’Daqqa Waħda

Fis-​16 t’April, 1950, kont sejjer lura d-​dar mir-​raħal żgħir taʼ Podgaitsi meta f’daqqa waħda sibt ruħi wiċċ imbwiċċ mas-​suldati u fuqi sabuli xi letteratura tal-​Bibbja li kont se nieħu miegħi għall-​istudju tal-​grupp. Ġejt arrestat. Matul l-​ewwel ftit ġranet li kont miżmum arrestat, sawtuni b’virga, u ma ħallewnix niekol jew norqod. Kont ikkmandat ukoll biex għal mitt darba ninżel kokka u nerġaʼ nqum b’idejja wara rasi, u tant kont eżawrit li ma stajtx nagħmilhom kollha. Wara dan tefgħuni ġo kantina kiesħa u umduża għal 24 siegħa.

L-għan taʼ dan it-​trattament ħażin kien biex idgħajfuli r-​reżistenza u jagħmluha iktar faċli biex jiksbu informazzjoni mingħandi. “Minfejn ġibtha l-​letteratura, u lil min kont se tiħodha?” staqsewni. Jien irrifjutajt li nitkellem. Imbagħad qrawli silta mil-​liġi li biha kienu se jgħadduni ġuri. Din kienet tgħid li min ixerred u jżomm letteratura anti-Sovjetika kien jiġi kkastigat b’eżekuzzjoni jew jeħel 25 sena ħabs.

“Liema kastig tippreferi?” staqsewni.

“L-​ebda wieħed minnhom,” weġibthom, “imma jien nafda f’Jehovah, u bl-​għajnuna tiegħu naċċetta dak kollu li jippermetti.”

B’sorpriża għalija, wara sebat ijiem ħelsuni. Din l-​esperjenza għenitni napprezza kemm hi vera l-​wegħda taʼ Jehovah: “Jien m’iniex se nħallik, anqas nitilqek.”—Lhud 13:5.

Sakemm mort lura d-​dar, kont marid ħafna, imma missieri ħadni għand tabib, u malajr irkuprajt. Għalkemm missieri ma kellux l-​istess konvinzjonijiet reliġjużi bħall-​bqija tal-​familja, hu kien jappoġġana fil-​qima tagħna.

Il-​Ħabs u l-​Eżilju

Ftit xhur wara ġejt mgħajjat għas-​servizz fl-​armata Sovjetika. Jien spjegajtilhom l-​oġġezzjoni tiegħi minħabba raġunijiet taʼ kuxjenza. (Isaija 2:4) Minkejja dan, fi Frar taʼ l-​1951, ikkundannawni għal erbaʼ snin u bagħtuni ġo ħabs f’Ternopol’. Iktar tard ħaduni f’ieħor ġewwa L’viv, belt akbar madwar 120 kilometru ’l bogħod. Waqt li kont f’dak il-​ħabs, sirt naf li ħafna Xhieda kienu ntbagħtu lejn is-​Siberja.

Fis-sajf taʼ l-​1951, grupp minna ntbagħat iktar ’il bogħod mis-​Siberja, sal-​Lvant Imbiegħed. Domna nivvjaġġaw xahar sħiħ​—madwar 11,000 kilometru—​billi qsamna 11-il reġjun! Darba biss, wara iktar minn ġimagħtejn fuq il-​ferrovija, waqafna f’post fejn ħallewna ninħaslu. Dan kien f’dar kbira ġewwa l-​belt taʼ Novosibirsk, fis-​Siberja, fejn wieħed setaʼ jinħasel.

Hemmhekk, fost folla kbira taʼ ħabsin, smajt raġel jgħid b’vuċi għolja: “Min minnkom huwa mill-​familja taʼ Ġeħonadab?” It-​terminu “Ġeħonadab” kien jintuża dak iż-​żmien biex jidentifikaw lil dawk bit-​tama taʼ ħajja eterna fuq l-​art. (2 Slaten 10:15-17; Salm 37:11, 29) Immedjatament, diversi ħabsin identifikaw ruħhom bħala Xhieda. Kemm fraħna hekk kif ilqajna lil xulxin!

Attività Spiritwali fil-​Ħabs

Waqt li konna f’Novosibirsk ftehemna dwar kelma li biha stajna nidentifikaw lil xulxin meta nkunu wasalna fid-​destinazzjoni tagħna. Spiċċajna kollha fl-​istess kamp tal-​ħabs qrib il-​Baħar tal-​Ġappun, mhux ’il bogħod minn Vladivostok. Hemmhekk organizzajna laqgħat regulari għal studju tal-​Bibbja. Il-​fatt li kont maʼ aħwa akbar minni u maturi, li kienu kkundannati għal żmien twil fil-​ħabs, tassew saħħaħni spiritwalment. Kienu jikkonduċu l-​laqgħat tagħna darba kull wieħed, billi jużaw testi tal-​Bibbja u punti relatati li kienu jiftakruhom mir-​rivisti tat-​Torri taʼ l-​Għassa.

Kienu jistaqsu mistoqsijiet, u l-​aħwa kienu jwieġbu. Ħafna minna konna naqtgħu biċċiet tal-​karti mill-​ixkejjer vojta tas-​siment u niktbu n-​noti tal-​kummenti fuqhom. Żammejna n-​noti u ġbarniehom flimkien biex nużawhom bħala l-​librerija għal referenza persunali. Wara ftit xhur, dawk li kellhom kundanna twila ntbagħtu f’kampijiet ’il fuqnett fit-​tramuntana tas-​Siberja. Lili u żewġ żgħażagħ oħrajn ħaduna ġewwa Nakhodka, belt fil-​viċin, inqas minn 650 kilometru ’l bogħod mill-​Ġappun. Qattajt sentejn sħaħ f’dak il-​ħabs.

Xi drabi konna nakkwistaw kopja taʼ It-​Torri taʼ l-​Għassa. Dan kien serviena bħala ikel spiritwali għal xhur sħaħ. Maż-​żmien, irċevejna ittri wkoll. L-​ewwel waħda li rċevejt mingħand il-​familja tiegħi (li issa kienet fl-​eżilju) bikkietni. Kienet tgħid, kif ġie deskritt f’The Watchtower ikkwotat fl-​introduzzjoni, li d-​djar tax-​Xhieda ġew invaduti u li lill-​familji kienu tawhom biss sagħtejn ċans biex jitilqu.

Lura mal-​Familja Tiegħi

F’Diċembru taʼ l-​1952 ħelsuni, wara li qattajt sentejn mill-​erbaʼ snin tas-​sentenza tiegħi. Ngħaqadt mal-​familja tiegħi fir-​raħal żgħir taʼ Gadaley viċin Tulun, is-​Siberja, fejn kienu ntbagħtu huma wkoll. M’għandniex xi ngħidu, kienet ħaġa meraviljuża li erġajt ngħaqadt magħhom​—ibni Ivan kellu kważi tliet snin, u binti Anna kellha kważi sentejn. Madankollu, il-​libertà tiegħi kienet relattiva. L-​awtoritajiet lokali kkonfiskawli l-​passaport tiegħi, u kont taħt osservazzjoni mill-​qrib. Ma stajtx nivvjaġġa iktar minn 3 kilometri ’l bogħod mid-​dar. Iktar tard, kienu jħalluni mmur sas-​suq taʼ Tulun fuq iż-​żiemel. Kont noqgħod b’sebaʼ għajnejn biex hemmhekk niltaqaʼ maʼ Xhieda sħabi.

Sadanittant, kellna żewġt ibniet, Anna u Nadia, u żewġ subjien, Ivan u Kolya. Fl-​1958 kellna tifel ieħor, Volodya. U iktar tard, fl-​1961, kellna tifla oħra, Galia.

Il-KGB (l-aġenzija tas-​sigurtà taʼ l-​istat taʼ dak iż-​żmien) taʼ spiss kienu jżommuni u jinterrogawni. L-​iskop tagħhom ma kienx biss biex iġagħluni nirrivela xi informazzjoni dwar il-​kongregazzjoni, imma wkoll biex joħolqu suspett li jien kont qed nikkoopera magħhom. Għalhekk, kienu jiħduni f’restorant mill-​aqwa u jipprovaw jiħduli ritratti waqt li nkun qed nitbissem u nieħu pjaċir magħhom. Imma jien indunajt x’kien il-​motiv tagħhom, u billi kont konxju għamilt sforz u żammejt wiċċi serju. Kull darba li kienu jżommuni, kont ngħid lill-​aħwa eżattament dak li jkun ġara. B’hekk, huma qatt ma ddubitaw il-​lealtà tiegħi.

Kuntatt mal-​Kampijiet

Matul is-​snin, kienu ntefgħu mijiet taʼ Xhieda fil-​kampijiet tal-​ħabs. Matul dan iż-​żmien, żammejna kuntatt regulari maʼ ħutna fil-​ħabs, billi konna nipprovdulhom il-​letteratura. Dan kif għamilnieh? Meta xi aħwa kienu jinħelsu minn xi kamp, tgħallimna mingħandhom modi li bihom il-​letteratura setgħet tiddaħħal bil-​moħbi minkejja l-​kontroll strett. Għal madwar għaxar snin, lil ħutna f’dawn il-​kampijiet stajna nipprovdulhom kopji taʼ rivisti u kotba, li konna nakkwistaw mill-​Polonja jew pajjiżi oħrajn.

Ħafna minn ħutna Kristjani nisa qattgħu sigħat sħaħ u stressanti jikkopjaw letteratura f’kitba tant żgħira li rivista sħiħa setgħet tinħeba f’xi ħaġa żgħira daqs kaxxa tas-​sulfarini! Fl-​1991, meta ma bqajniex taħt projbizzjoni u bdejna nirċievu rivisti sbieħ b’erbaʼ kuluri, waħda minn ħutna qalet: “Issa se jinsewna.” Kellha żball. Avolja l-​bnedmin jistgħu jinsew, ix-​xogħol taʼ wħud leali bħal dawn Jehovah qatt ma se jinsieh!—Lhud 6:10.

Post Ġdid u Traġedji

Lejn tmiem is-​sena 1967, saret tfittxija fid-​dar taʼ ħija ġewwa Irkutsk. Sabu film u kopji taʼ letteratura tal-​Bibbja. Instab ħati u ġie kkundannat għal tliet snin ħabs. Madankollu, xejn ma sabu meta fittxew fid-​dar tagħna. Minkejja dan, l-​awtoritajiet kienu konvinti li aħna wkoll konna involuti, u għalhekk il-​familja tiegħi kellha titlaq minn dawk l-​inħawi. Morna madwar 5,000 kilometru lejn il-​punent tal-​belt taʼ Nevinnomyssk ġewwa Caucasus. Hemmhekk żammejna ruħna medhijin nagħtu xiehda informali.

F’Ġunju taʼ l-​1969, fl-​ewwel ġurnata tal-​vaganzi taʼ l-​iskola, laqtitna traġedja. Waqt li kien qed jipprova jġib ballun ħdejn transformer taʼ l-​elettriku b’voltaġġ qawwi, Kolya, it-​tifel tagħna taʼ 12-il sena, ħa xokk qawwi. Iktar minn 70 fil-​mija taʼ ġismu nħaraq. Meta konna l-​isptar, dar lejja u staqsieni: “Se jirnexxilna nerġgħu mmorru flimkien fil-​gżira?” (Kien qed jitkellem dwar gżira li konna nieħdu gost inżuru.) “Iva, Kolya,” għedtlu, “se nerġgħu mmorru f’dik il-​gżira. Meta Ġesù Kristu jirxoxtak, żgur li mmorru f’dik il-​gżira.” Nofsu mitluf, hu baqaʼ jkanta waħda mill-​għanjiet tas-​Saltna favoriti tiegħu, waħda li kien jieħu pjaċir idoqqha bit-​trumbetta tiegħu fl-​orkestra tal-​kongregazzjoni. Tlett ijiem wara miet, fiduċjuż fit-​tama taʼ l-​irxoxt.

Is-sena taʼ wara, Ivan, it-​tifel tagħna taʼ 20 sena, għajtulu għas-​servizz militari. Meta rrifjuta li jaqdi, arrestawh u qattaʼ tliet snin fil-​ħabs. Fl-​1971, għajtu lili u reġgħu heddewni bil-​ħabs talli ma ridtx naqdi. Il-​każ tiegħi dam sejjer għal xhur sħaħ. Sadanittant, marti mardet bil-​kanċer u kellha bżonn ħafna attenzjoni. Għal din ir-​raġuni waqqfu l-​każ tiegħi. Maria mietet fl-​1972. Kienet sieħba leali, leali lejn Jehovah sal-​mewt.

Il-​Familja Tagħna Nxterdet f’Pajjiżi Oħrajn

Fl-​1973, iżżewwiġt lil Nina. Missierha kien keċċieha mid-​dar fl-​1960 minħabba li kienet saret waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Kienet ministru żeluża, waħda minn dawk l-​aħwa nisa li kienu ħadmu iebes f’li jikkopjaw ir-​rivisti għal dawk fil-​kampijiet. Uliedi wkoll saru jħobbuha.

L-awtoritajiet bdew jitħassbu minħabba l-​attività tagħna ġewwa Nevinnomyssk u għamlulna pressjoni biex nitilqu. Għalhekk, fl-​1975, jien, marti, u wliedi l-​bniet morna lejn in-​nofsinhar tar-​reġjun Caucasus ġewwa Ġeorġja. Fl-​istess ħin, uliedi, Ivan u Volodya marru f’Dzhambul fil-​konfini tan-​nofsinhar taʼ Kazakstan.

F’Ġeorġja, l-​attività tax-​Xhieda taʼ Jehovah kienet għadha fil-​bidu. Bdejna nagħtu xiehda informali ġewwa u madwar Gagra u Sukhumi fil-​Kosta tal-​Baħar l-​Iswed, u wara sena, għaxar Xhieda ġodda tgħammdu fi xmara fuq il-​muntanja. F’qasir żmien, l-​awtoritajiet insistew sabiex nitilqu minn dawk l-​inħawi, u aħna morna lejn il-​lvant taʼ Ġeorġja. Hemmhekk saħħaħna l-​isforzi tagħna biex insibu lil uħud bħal nagħaġ, u Jehovah berikna.

Konna niltaqgħu fi gruppi żgħar. Il-​lingwa kienet problema, ladarba aħna ma konniex nafu nitkellmu bil-​Ġeorġjan u xi Ġeorġjani ma kinux jafu jitkellmu sew bir-​Russu. Għall-​ewwel, konna nistudjaw biss mar-​Russi. Iżda, l-​ippridkar u t-​tagħlim bil-​lingwa Ġeorġjana malajr għamel progress, u issa hemm eluf taʼ proklamaturi tas-​Saltna ġewwa Ġeorġja.

Fl-1979, taħt il-​pressjoni tal-​KGB l-​imgħallem tiegħi qalli li ma bqajtx milqugħ f’pajjiżu. Kien f’dak iż-​żmien li binti Nadia kienet involuta f’aċċident tat-​traffiku li fih mietu kemm hi u kemm bintha. Ommi kienet mietet leali lejn Jehovah ġewwa Nevinnomyssk is-​sena taʼ qabel, u ħalliet warajha lil missieri u lil ħija. Għalhekk, iddeċidejna li nerġgħu mmorru hemmhekk.

Barkiet Talli Ssaportejna

Bqajna nipproduċu l-​letteratura tal-​Bibbja bil-​moħbi ġewwa Nevinnomyssk. Darba waħda, f’nofs is-​snin 80, meta l-​awtoritajiet bagħtu għalija, għedtilhom li kont ħlomt li qed naħbi r-​rivisti tagħna. Huma bdew jidħku. Hekk kif kont sejjer, wieħed minnhom qalli: “Jalla ma jkollokx iktar ħolm dwar kif taħbi l-​letteratura tiegħek.” Hu kkonkluda: “Il-​letteratura dalwaqt se tkun fuq l-​ixkafef tiegħek, u int tibda tmur għal-​laqgħat la branzetta maʼ martek u bil-​Bibbja f’idejk.”

Fl-1989, tgħidx kemm konna mdejqin meta binti Anna mietet minħabba anewriżmu fil-​moħħ. Kien għad għandha 38 sena. F’dik l-​istess sena, f’Awissu, ix-​Xhieda ġewwa Nevinnomyssk krew ferrovija u vvjaġġaw lejn Varsavja, fil-​Polonja, biex jattendu konvenzjoni internazzjonali. Kien hemm 60,366 preżenti, inkluż eluf mill-​Unjoni Sovjetika. Tassew ħsibna li konna qed noħolmu! Inqas minn sentejn wara, fis-​27 taʼ Marzu, 1991, kelli l-​privileġġ li nkun wieħed minn fost dawk il-​ħames anzjani li ilhom jaqdu fil-​kongregazzjoni ġewwa l-​Unjoni Sovjetika, li f’Moska ffirmajna d-​dokument storiku li pprovda rikonoxximent legali għall-​organizzazzjoni reliġjuża tax-​Xhieda taʼ Jehovah!

Kemm inħossni kuntent li t-​tfal tiegħi li għadhom ħajjin qed jaqdu lil Jehovah lealment. U qed inħares ’il quddiem għad-​dinja l-​ġdida t’Alla meta nistaʼ nerġaʼ nara lil Anna, lil Nadia u lil bintha, kif ukoll lil Kolya. Meta jirxoxta, se nżomm il-​wegħda tiegħi li nieħdu f’dik il-​gżira li tant konna nieħdu gost immorru fiha snin ilu.

Sadanittant, x’ferħ ġarrabt f’li nara t-​tkabbir mgħaġġel tal-​verità tal-​Bibbja f’din l-​art vasta! Jien verament ferħan bil-​ħajja tiegħi, u nirringrazzja lil Jehovah talli ħallieni nsir wieħed mix-​Xhieda tiegħu. Ninsab konvint dwar il-​verità li nsibu f’​Salm 34:9 [Salm 34:8, NW]: “Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-​Mulej; hieni l-​bniedem li jistkenn fih.”

[Stampa f’paġna 25]

Fis-​sena li fiha ngħaqadt mal-​familja tiegħi ġewwa Tulun

[Stampi f’paġna 26]

Fuq: Missieri u wliedi ħdejn id-​dar tagħna ġewwa Tulun, fis-​Siberja

Fuq, lemin: Binti Nadia u bintha, li t-​tnejn mietu f’aċċident tat-​traffiku

Lemin: Ritratt tal-​familja fl-​1968

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja