Kont Lesta “Nimxi Kilometru Ieħor”
KIF RAKKONTATA MINN CLAIRE VAVY
IL-GŻIRA taʼ Madagaskar li tinsab xi 400 kilometru ’l bogħod mill-Możambik, pajjiż fil-Lvant taʼ l-Afrika, fiha ħafna muntanji u foresti tropikali kbar. Jien twilidt fin-naħa tal-lvant tal-gżira fir-raħal żgħir taʼ Betoko II. Fl-1987, meta kelli 15-il sena, mort ngħix fil-belt taʼ Mahanoro, li tinsab ħdejn il-baħar, biex nattendi l-iskola.
Kont ngħix f’Mahanoro maʼ ħija Celestin li hu akbar minni u li kien qed jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Sentejn wara jien sirt Xhud. Kont determinata li naqdi lil Alla Ġeħova bl-aħjar mod possibbli.
Nistinka biex Nilħaq il-Miri Tiegħi
Waħda mill-ewwel miri tiegħi kienet li ngħin lill-familja tiegħi lura f’Betoko II, u kont nitlob spiss lil Ġeħova dwar ix-xewqa tiegħi. Madankollu, stajt nirritorna hemmhekk biss matul il-vaganzi taʼ l-iskola. Kien vjaġġ diffiċli taʼ 100 kilometru. L-ewwel 40 kilometru stajt nivvjaġġa permezz taʼ vettura, imma s-60 kilometru li kien fadal kelli ngħaddi minn passaġġ dejjaq ħafna fuq il-muntanji li bil-mixi biss stajt tgħaddi minnu.
Ridt nitlaʼ ħafna għoljiet weqfin, u partijiet mill-passaġġ imħarbat kienu dojoq ħafna, kemm toqgħod sieqi. Jekk kont nitlaq kmieni fil-għodu u nimxi sakemm tinżel ix-xemx, ġeneralment kont nagħmel madwar 40 kilometru. Kont inġorr iktar minn 15-il kilo taʼ provvisti—ftit fuq rasi, ftit fuq dari, u l-kumplament f’idejja. L-iktar li kont inġorr kienet letteratura Biblika, li kont inqassam lill-qraba u oħrajn li kienu interessati. Minfejn kont ngħaddi sirt magħrufa bħala “dik li jkollha ħafna xi ġġorr.”
Għall-ewwel, il-familja tiegħi ma riditx tismaʼ dwar dak li kelli xi ngħid rigward it-twemmin ġdid tiegħi, minkejja l-entużjażmu li kelli. Però, ma damux ma bidlu fehmithom u tant bdew jistaqsuni mistoqsijiet li xi drabi konna nispiċċaw immorru norqdu f’xi s-sagħtejn taʼ fil-għodu.
Żjara Memorabbli
Fl-24 taʼ Diċembru, 1990, wasalt lura d-dar f’Betoko II għall-vaganzi. Il-membri tal-familja tiegħi tgħidx kemm ferħu meta rawni, għax ħasbu li kont mort biex niċċelebra l-Milied magħhom. Il-ferħ tagħhom inbidel f’diżappunt meta spjegajtilhom għala ma stajtx ningħaqad magħhom fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied. Huma ħassewhom imbarazzati biex jispjegaw dan lill-oħrajn fir-raħal, peress li kienet komunità magħquda ħafna. Għalhekk, ħassejt il-bżonn li nieħu l-inizjattiva biex nispjegalhom jien. Imma kif kont se nagħmel dan?
Ma kontx ċerta, speċjalment minħabba li kont għadni żgħira. Ħsibt dwar jekk ikunx xieraq li nispjega t-twemmin tiegħi l-għada meta r-raħal kollu jiltaqaʼ flimkien fil-knisja. Jien tlabt lil Ġeħova bil-ħrara għad-direzzjoni tiegħu. Wara dan staqsejt lil Paul, ħija l-kbir, li kien jgħallem fil-knisja, “Taħseb li għada nkun nistaʼ nispjega lil dawk fil-knisja dwar il-għala ma niċċelebrax il-Milied?” Hu ċċekkja m’oħrajn, u huma qablu mal-proposta.
L-għada bagħtu għalija x’ħin spiċċat il-funzjoni fil-knisja. Wara li rġajt tlabt lil Ġeħova, ħadt miegħi xi letteratura Biblika. Wara li introduċejt ruħi, irringrazzjajt lil kulħadd għall-għajnuna tagħhom li tawni biex ikolli rispett profond għall-Bibbja. Spjegajtilhom li kont bqajt nistudja l-Bibbja wara li tlaqt mir-raħal. Għedtilhom li skoprejt ħafna veritajiet Bibliċi li ma konniex ġejna mgħallmin qabel.
Ħadt l-okkażjoni biex nispjega t-tama tal-Bibbja li ngħixu għal dejjem f’art magħmula ġenna (Salm 37:29; Rivelazzjoni 21:3, 4), ir-raġuni għala ftit uħud leali mill-art kienu se jitilgħu fis-sema (Ġwanni 14:2, 3; Rivelazzjoni 5:9, 10; 14:1, 3), u t-tagħlim Bibliku li l-mejtin m’huma konxji taʼ xejn iżda huma f’kundizzjoni bħallikieku reqdin, u għalhekk ma kinux qed isofru (Koħèlet 9:5, 10; Ġwanni 11:11-14, 38-44). Urejthom ukoll li l-Kristjani bikrin ma kinux jiċċelebraw il-Milied u li ċ-ċelebrazzjoni kienet taʼ oriġini pagana.
Wara li spiċċajt il-preżentazzjoni, ħafna mill-grupp irrikonoxxew il-verità taʼ dak li kont għedt. Xi wħud saħansitra staqsewni mistoqsijiet oħra. Wara wrejthom il-pubblikazzjonijiet li kont ħadt miegħi u spjegajtilhom li kienu għajnuniet għall-istudju tal-Bibbja maħruġin mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Għedtilhom ukoll li kont lesta ngħin lil kulmin xtaq jistudja l-Bibbja. Ħafna aċċettaw kopji tal-letteratura Biblika.
Skoperta Mhix Mistennija
Mara li qatt ma kont iltqajt magħha qabel ġiet fuqi u qaltli, “Oħti, li tgħix f’raħal ieħor, hija membru tar-reliġjon tiegħek.” Jien bqajt mistagħġba u staqsejtha, “Fejn?”
“F’Andranomafana,” qaltli hi. Ir-raħal jinsab xi 30 kilometru minn Betoko II.
Għedt lill-mara li oħtha x’aktarx kienet membru taʼ xi reliġjon oħra, ladarba x-Xhieda fil-lokalità kollha kienu jafu lil xulxin. Però, il-mara insistiet li oħtha kienet għallmitha l-istess affarijiet li jien kont spjegajt fit-taħdita tiegħi fil-knisja. Staqsejtha l-isem u l-indirizz t’oħtha, għax kont ħerqana biex nibda mill-ewwel il-vjaġġ lejn dan ir-raħal. Madankollu, ommi ħeġġitni nistenna ġurnata jew tnejn, għax kien vjaġġ iebes li kollu ried isir bil-mixi. Jumejn wara, jien u ħija Charles bdejna l-vjaġġ lejn Andranomafana.
Malli wasalna, staqsejna lil xi nies mir-raħal, “Hawnhekk hawn xi Xhieda taʼ Ġeħova?” Kont diżappuntata meta qalu, “F’dan ir-raħal hawn biss knejjes Kattoliċi, Pentekostali, u Indipendenti.”
Imbagħad kien hemm mara li qalet, “Jekk qed tfittxu lix-Xhieda taʼ Ġeħova, probabbilment tridu lil Marceline u l-familja tagħha.” Dan kien l-istess isem li kienu qaluli biex infittex!
Xi ħadd mar isejjaħ lil Marceline. Hi malajr ġiet imma kienet qisha qed tibżaʼ xi ftit. Ir-raħal kollu nġabar, għax huma ħasbu li konna xi uffiċjali li ġejna ninterrogawha. Wara sirt naf li hi u l-familja tagħha kienu ġew persegwitati fir-raħal minħabba li kienu jipprattikaw ‘reliġjon differenti mill-oħrajn.’
Marceline ħaditna ftit ’il bogħod mill-folla, fejn stajna nitkellmu. Meta staqsejtha jekk kinitx waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova, hi qalet iva. Wara dan, marret u ġabet il-ktieb Il-Verità li Twassal għall-Ħajja Eterna, pubblikazzjoni li x-Xhieda taʼ Ġeħova kienu jużaw bħala għajnuna għall-istudju tal-Bibbja, kif ukoll xi ħarġiet taʼ qabel tat-Torri taʼ l-Għassa. Kollha kienu qodma u mqattgħin. Jien staqsejtha, “Liema rivista studjajtu l-Ħadd li għadda?”
“Dawn huma l-uniċi ħarġiet li għandna,” qalet hi, “u nistudjawhom għal darba wara l-oħra.” Imbagħad għedt lil Marceline li jien ukoll kont Xhud. Riedet ittir bil-ferħ! Meta għedtilha li xtaqt niltaqaʼ mar-raġel li kien jikkonduċi l-laqgħat, hi qaltli li hu kien jgħix f’post ieħor, terġaʼ iktar ’il bogħod.
Skoperta Sabiħa Oħra
L-għada jien u Marceline tlaqna flimkien biex inżur lil dan ir-raġel. X’ħin wasalna, hu kien sorpriż u ferħan li jarana. Fil-fatt, inzerta li kien Xhud li ġie minn Toamasina, belt ħdejn il-baħar, iktar minn 200 kilometru lejn il-grigal. Snin ilu, hu u l-familja tiegħu kellhom jirritornaw hawnhekk wara li tilef ix-xogħol tiegħu ħabta u sabta. Meta rritorna, hu beda jippriedka, jikkonduċi studji tal-Bibbja, u jagħmel il-laqgħat.
Ix-Xhud u l-familja tiegħu kienu ferħanin ħafna li jaraw il-ħarġiet reċenti tat-Torri taʼ lGħassa li kelli miegħi. Urejtu wkoll il-ktieb Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art, li dak iż-żmien konna qed nużaw bħala l-għajnuna prinċipali għall-istudji tal-Bibbja. Din kienet l-ewwel darba li kienu qed jarawh. Il-Ħadd taʼ wara rġajt mort Andranomafana biex nattendi l-laqgħat magħhom. Inkuraġġejthom biex jikkuntattjaw l-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda f’Antananarivo, il-belt kapitali, minħabba li l-uffiċċju ma kienx jaf dwar l-eżistenza taʼ dan il-grupp żgħir.
Minn Jannar tas-sena 1991, jien bdejt nivvjaġġa minn Mahanoro għal Andranomafana kważi kull xahar, u kont niħdilhom kopji reċenti tat-Torri taʼ l-Għassa u pubblikazzjonijiet oħra. Kien vjaġġ taʼ xi 130 kilometru ’l hemm u 130 kilometru lura, li minnhom kont irrid nimxi iktar minn 90 kilometru—tielgħa u nieżla għoljiet weqfin u mħarbtin, kelli ngħaddi minn foresti mimlijin siġar u, meta kienet tagħmel ix-xita, kien ikolli ngħaddi minn ġo tajn magħqud u jiżloq.
Hekk kif żdied in-numru taʼ dawk li riedu l-letteratura u r-rivisti, kelli nibda nġorr iktar affarijiet. Madankollu, wara kull vjaġġ sens taʼ sodisfazzjon u ferħ kbir kienu jikkumpensaw bil-kbir għall-għeja u l-uġigħ li kien ikolli fil-muskoli. X’ferħ kien għalija li nara l-grupp daqshekk ferħan li jirċievi kull pubblikazzjoni ġdida u nara b’għajnejja stess ir-reazzjoni tagħhom għall-veritajiet Bibliċi!
Bdejt fil-Ministeru Full-Time
Fl-1 taʼ Settembru, 1992, ġejt aċċettata bħala pijuniera, terminu li x-Xhieda jużaw għall-ministri tagħhom li jaqdu full-time. Jien għamilt ix-xogħol taʼ pijuniera f’Mahanoro imma żammejt kuntatt mal-qraba tiegħi f’Betoko II permezz taʼ l-ittri. Maż-żmien, huma bdew jistudjaw miegħi permezz taʼ l-ittri, u staqsewni biex nirritorna fir-raħal biex ngħinhom. Kont lesta nagħmel dan, imma l-ewwel ridt inkun ċerta li kienu se jieħdu d-deċiżjoni tagħhom li jistudjaw il-Bibbja u li jagħmlu progress spiritwali bis-serjetà. Għalhekk, għal ftit taż-żmien, bqajt naqdi bħala pijuniera f’Mahanoro.
Lejn l-aħħar tas-sena 1993, kelli l-privileġġ li nattendi kors taʼ ħmistax għall-pijunieri f’Antananarivo. Wara, ġejt mistiedna biex napplika sabiex nibda naqdi bħala pijuniera speċjali, li kien ifisser li stajt nintbagħat fi kwalunkwe post fil-pajjiż. Però, żammejt lura milli naċċetta l-istedina ladarba ridt ngħin lill-qraba tiegħi lura f’Betoko II, li kienu jgħixu ’l bogħod mill-eqreb kongregazzjoni. Għalhekk, irritornajt għall-inkarigu tiegħi bħala pijuniera f’Mahanoro.
Eventwalment, meta l-indokratur li jivvjaġġa tax-Xhieda taʼ Ġeħova ġie jagħmel iż-żjara tiegħu, jien staqsejtu dwar jekk nistax nirritorna biex ngħin lill-qraba tiegħi. Sadanittant kienet ġiet ifformata kongregazzjoni f’Andranomafana, u hu ssuġġerixxa li mmur hemmhekk sabiex inkun mal-kongregazzjoni u nippriedka fit-territorju taʼ Betoko II. Jien bdejt l-inkarigu fl-1 taʼ Settembru, 1994. Fl-istess xahar, ħija Paul, li kien għalliem reliġjuż, attenda konvenzjoni distrettwali miegħi. Wara ftit taż-żmien, 30 ruħ kienu qed jieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar f’Andranomafana, u nhar taʼ Ħadd kien hemm medja taʼ 65 li attendew għal-laqgħat tagħna.
Il-Mixi Ma Waqafx
Ftit wara li rritornajt lura Betoko II, erbgħa minn ħuti kkwalifikaw biex jibdew jieħdu sehem fil-ministeru bħala Xhieda taʼ Ġeħova, u ftit wara tgħammdu. Wara li rġajt mort ngħix f’Betoko II, kont nivvjaġġa regolarment lejn Anosibe An’ala għal-letteratura u r-rivisti, mixja taʼ xi 50 kilometru kull naħa. Filwaqt li kien vjaġġ diffiċli ħafna, kont naf li ma kienx għalxejn għaliex gawdejt il-ferħ li nara t-tkabbir spiritwali f’dan il-post.
Illum hemm kongregazzjoni li qed tiffjorixxi f’Betoko II, b’attendenza medja taʼ madwar 45 ruħ għal-laqgħa taʼ nhar taʼ Ħadd. Issa ommi u ħuti li jgħixu fil-viċin huma kollha Xhieda, u l-maġġuranza huma pijunieri regulari. Wieħed minn ħuti ż-żgħar jaqdi bħala pijunier speċjali. Fl-1 taʼ Novembru, 2001, jien ukoll ngħatajt l-inkarigu taʼ pijuniera speċjali, u ġejt inkarigata biex naqdi fir-raħal taʼ Antanambao-Manampotsy. Imma tlaqt minn Betoko II b’qalb mimlija ferħ.
Meta bdejt nitgħallem il-veritajiet Bibliċi fl-1987, kien hemm inqas minn 3,000 Xhud f’Madagaskar. Issa hemm iktar minn 14,000. Bħal ħafna minn dawn, jien ferħana għall-privileġġ li nistaʼ nuża l-enerġija tiegħi biex “nimxi kilometru ieħor” biex ngħin lil oħrajn. U nirringrazzja lil Ġeħova li bierek l-isforzi tiegħi f’dan ir-rigward.
[Stampi f’paġna 24, 25]
Spiss ġarrejt iktar minn 15-il kilo taʼ provvisti għal distanza taʼ 60 kilometru biex immur fir-raħal fejn kont ngħix
[Stampa f’paġna 25]
Paul, ħija akbar minni
[Stampa f’paġna 26]
Ħija Charles
[Stampa f’paġna 26]
Maʼ xi ftit mill-membri tal-familja tiegħi. Dawn issa huma kollha Xhieda taʼ Ġeħova