LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g05 3/8 pp. 28-29
  • Ħarsa Lejn id-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn id-Dinja
  • Stenbaħ!—2005
  • Sottitli
  • Kafeni bla Kafeina
  • Il-​Brimb M’Huwiex Effettwat mill-​Gravità
  • Żgħażagħ Għajjenin
  • L-​Art Qed Issir Iktar Mudlama
  • Is-​Sħana fil-​Bliet Qed Teffettwa l-​Pjanti
  • Eżerċizzju għal Dawk li Jbatu bis-​CFS
  • Oqgħod Attent Kif Toqtol in-​Nemus
  • L-​Ikklassifikar tal-​Films Imur għall-​Agħar
Stenbaħ!—2005
g05 3/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn id-​Dinja

Kafeni bla Kafeina

Xjenzati Brażiljani skoprew tip ġdid taʼ Coffea arabica​—l-​iktar varjetà popolari taʼ pjanta tal-​kafè—li prattikament m’għandhiex kafeina, tirrapporta l-​gazzetta Spanjola El País. Dan il-​kafè li hu bla kafeina min-​natura jikber fl-​Etjopja u jirrappreżenta skoperta kbira għall-​industrija tal-​kafè. Kważi 10 fil-​mija minn dawk li jixorbu l-​kafè madwar id-​dinja jippreferu l-​kafè mingħajr kafeina, u dan il-​persentaġġ qed jikber. Kafena (coffee bean) tipika għandha xi 12-il milligramma taʼ kafeina kull gramma, imma l-​varjetà l-​ġdida għandha biss 0.76 milligrammi kull gramma. El País tirrapporta: “Il-​proċess industrijali biex titneħħa l-​kafeina mill-​kafè jiswa ħafna flus, u skond ix-​xjenzati, ma jneħħix biss il-​kafeina iżda wkoll xi wħud mill-​ingredjenti fundamentali li jagħtu lill-​kafè t-​togħma tajba tiegħu.” Għalhekk, il-​pjanta l-​ġdida se ssolvi ż-​żewġ problemi maħluqin mill-​proċess biex titneħħa l-​kafeina mill-​kafè.

Il-​Brimb M’Huwiex Effettwat mill-​Gravità

“Is-​sigriet taʼ kif il-​brimb iżomm mal-​ħitan u mas-​soqfa ġie rivelat mix-​xjenzati,” tgħid The Times taʼ Londra. Brimba għandha tmien saqajn. Fit-​tarf taʼ kull sieq hemm ċappa xagħar żgħir, u jerġaʼ kull xagħra hi miksija b’xagħar saħansitra iktar żgħir li jissejjaħ setules. Is-​saħħa tas-​sustanza li twaħħal li hemm fit-​truf tas-​624,000 setule tal-​brimba tant hija qawwija li din tistaʼ ġġorr madwar 170 darba iktar mill-​piż taʼ ġisimha filwaqt li tkun qed iżżomm maʼ ħajt jew saqaf. Billi użaw mikroskopju apposta, xi riċerkaturi fil-​Ġermanja u l-​Isvizzera studjaw is-​sieq taʼ tip taʼ brimba li taqbeż. The Times tispjega li s-​sejbiet juru li “għandu jkun possibbli li jintużaw tekniki simili biex issir kolla ġdida b’saħħitha ħafna” li “ma tiġix effettwata mill-​umdità.” Il-​Professoressa Antonia Kesel, il-​kap tat-​tim taʼ riċerkaturi, qalet: “Tistaʼ timmaġina wkoll astronawti li jużaw ilbies spazjali li jgħinhom jeħlu mal-​ħitan taʼ vettura spazjali.”

Żgħażagħ Għajjenin

Il-​gazzetta Spanjola ABC tirrapporta li “l-​irqad qed jiġi kkunsidrat bħala ħela taʼ ħin. Anki t-​tfal iż-​żgħar qed jorqdu inqas sigħat minn kemm għandhom bżonn biex jiżviluppaw psikoloġikament u fiżikament.” Skond it-​Taqsima taʼ l-​Irqad fl-​Isptar taʼ Dexeus f’Barċellona, in-​nuqqas taʼ rqad iwassal lit-​tfal biex ikunu ansjużi, ikollhom burdata ħażina, ma jmorrux tajjeb fl-​iskola, u jkollhom id-​dwejjaq, u jistaʼ saħansitra jtellef l-​iżvilupp tagħhom. L-​esperti jgħidu li l-​kaġun tan-​nuqqas taʼ l-​irqad taʼ ħafna żgħażagħ hu l-​użu tal-​kompjuter, it-​televixin, it-​telefons ċellulari, u l-​logħob tal-​kompjuter eżatt qabel ma jmorru jorqdu. Dawn l-​affarijiet mhux talli jisirqu mill-​irqad tan-​nies imma jwaqqfuhom ukoll milli jiġu fi stat rilassat biex ikunu jistgħu jorqdu. “It-​tfal kollha jafu li t-​tipjip huwa ħażin imma ħadd ma jgħidilhom dwar il-​bżonn taʼ l-​irqad,” tgħid il-​psikologa Victoria de la Fuente. “Jekk ma niħdux azzjoni, meta jikbru jistgħu jsiru adulti li jbatu bl-​insomnja.”

L-​Art Qed Issir Iktar Mudlama

“Ix-​xjenzati sabu li inqas dawl tax-​xemx qed jilħaq wiċċ l-​art fi snin reċenti,” tinnota Scientific American. “Ix-​xemx mhix qed tiddallam; iżda s-​sħab, it-​tinġis taʼ l-​arja u l-​aerosols mhux qed iħallu d-​dawl tagħha jgħaddi.” Mill-​aħħar tas-​snin 50 sal-​bidu tas-​snin 90, mijiet taʼ strumenti ddokumentaw nuqqas taʼ kważi 10 fil-​mija fl-​ammont taʼ dawl tax-​xemx li jilħaq l-​art. In-​nuqqas kien saħansitra akbar fl-​Asja, fl-​Ewropa, u fl-​Istati Uniti. Per eżempju, Ħong Kong esperjenza nuqqas taʼ dawl tax-​xemx taʼ 37 fil-​mija. Ix-​xjenzati jaqblu li għadhom ma fehmux il-​kwistjoni bis-​sħiħ.

Is-​Sħana fil-​Bliet Qed Teffettwa l-​Pjanti

Osservazzjonijiet bis-​satellita fil-​lvant taʼ l-​Amerika taʼ Fuq donnhom qed juru li s-​sħana li jipproduċu l-​bliet qed teffettwa kemm tikber il-​veġitazzjoni, jgħid rapport pubblikat f’Science News. Ir-​rapport jgħid li l-​pjanti fil-​bliet jibdew jarmu iktar kmieni fir-​rebbiegħa u l-​weraq tagħhom idumu iktar biex jaqgħu fil-​ħarifa meta tqabbilhom mal-​pjanti fil-​postijiet rurali fil-​viċin. Skond Science News, it-​temperaturi fil-​bliet matul perijodu taʼ ħames xhur kienu ‘medja taʼ 2.28°C ogħla minn dawk taʼ postijiet madwar 10 kilometri ’l bogħod miċ-​ċentru taʼ kull belt.’ Bejn it-​tramuntana taʼ Florida u n-​nofsinhar tal-​Kanada, hemm minn taʼ l-​inqas 70 belt li kull waħda fiha iktar minn 10 kilometri kwadri. “Din l-​informazzjoni turi li dawn il-​bliet jeffettwaw il-​klima lokali b’mod sinifikanti,” jgħid Science News.

Eżerċizzju għal Dawk li Jbatu bis-​CFS

Minkejja riċerka estensiva, ix-​xjenza medika ma tistax tiddetermina dak li jikkaġuna u dak li jistaʼ jfejjaq il-​chronic fatigue syndrome (CFS). Rapport pubblikat f’The Medical Journal of Australia (MJA) jispjega li ftit li xejn kien hemm benefiċċju mill-​varjetà kbira taʼ kura studjata, kura kontra l-​virus u d-​dipressjoni, kura li tinvolvi l-​immunità u l-​ormoni, u oħrajn. Madankollu, programmi li jinvolvu l-​eżerċizzju fiżiku, bħall-​mixi, is-​sewqan tar-​rota, jew l-​għawm, qed ikollhom riżultati aħjar minn ħafna terapiji oħra. Xi wħud li jbatu bis-​CFS ma jagħmlux eżerċizzju għax isibu li jekk jagħmlu ħafna eżerċizzju, is-​sintomi tagħhom imorru għall-​agħar. Però, hemm bżonn tal-​bilanċ. Il-​MJA tirrapporta li xi individwi li jagħmlu eżerċizzju b’mod bilanċjat u li ma jaqbżux il-​limiti kaġunati mis-​sintomi tagħhom, jesperjenzaw ‘titjib sinifikanti’ meta jiġu testjati dwar kif iħossuhom dwarhom infushom u dwar il-​kapaċità li għandhom biex jaħdmu, u testijiet oħra għad-​dipressjoni u għall-​pressjoni tad-​demm. “Eżerċizzju fiżiku mqassam sew għandu jsir parti importanti mill-​kura għall-​pazjenti li jbatu bis-​CFS,” jikkonkludi r-​rapport.

Oqgħod Attent Kif Toqtol in-​Nemus

Żewġ studji jindikaw li l-​kojl taʼ kontra n-​nemus​—wieħed mill-​iktar oġġetti li jintuża biex joqtol in-​nemus fl-​Asja​—jistaʼ jkun taʼ ħsara speċjalment għat-​tfal, tirrapporta r-​rivista Down to Earth taʼ l-​Indja. L-​ewwelnett, ix-​xjenzati fl-​Università taʼ Kalifornja, l-​Istati Uniti, jgħidu li meta l-​kojlijiet ikunu qed jinħarqu bil-​mod il-​mod, dawn jipproduċu dħaħen qawwijin li jistgħu jikkaġunaw il-​kanċer tal-​pulmuni. Ħafna familji f’pajjiżi li qed jiżviluppaw jużaw il-​kojlijiet taʼ kontra n-​nemus fid-​djar żgħar tagħhom. “Iktar minn hekk, iżommu t-​twieqi magħluqin waqt li jkunu reqdin,” jinnotaw l-​awturi taʼ l-​istudju. It-​tieni studju li sar minn xjenzati mill-​Malasja u mill-​Istati Uniti, sab li minn kojl wieħed jaqbad għal tmien sigħat joħroġ l-​istess ammont taʼ dħaħen velenużi li joħorġu minn 75 sa 137 sigarett. Bħala alternattiva, l-​esperti jirrikkmandaw li tuża prodotti li huma magħmulin mill-​pjanti, bħal dawk magħmulin mis-​siġra neem. “Dawn il-​prodotti mhux talli huma effiċjenti u tajbin għas-​saħħa, iżda huma wkoll orħos,” jgħid ir-​rapport.

L-​Ikklassifikar tal-​Films Imur għall-​Agħar

“Bejn wieħed u ieħor, fil-​films taʼ llum issib ammont akbar taʼ vjolenza, sess, u kliem baxx milli kont issib fil-​films taʼ l-​istess klassifika għaxar snin ilu.” Din hi l-​konklużjoni li waslu għaliha xi riċerkaturi mill-​Iskola taʼ Harvard għas-​Saħħa Pubblika, fl-​Istati Uniti, wara li studjaw l-​ikklassifikar tal-​films, li hija sistema komuni f’xi pajjiżi. L-​istudju eżamina r-​relazzjoni bejn l-​ikklassifikar u l-​kontenut tal-​films maħruġin bejn l-​1992 u s-​sena 2003. Ir-​riżultati juru li tbaxxa l-​livell taʼ l-​ikklassifikar tal-​films skond l-​età. Ir-​riċerkaturi kkonkludew li “l-​ġenituri għandhom jirrikonoxxu r-​responsabbiltà tagħhom meta jiġu biex jagħżlu films xierqa maʼ jew għal uliedhom, u li għandhom jiddiskutu l-​kontenut tal-​films mat-​tfal biex jiċċaraw kwalunkwe effetti li jistgħu jkunu taʼ ħsara u jenfasizzaw kwalunkwe effetti li jistgħu jkunu taʼ ġid.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja