LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 11/1 pp. 19-23
  • Li Nogħġob lil Jehovah Huwa l-Ewwel Interess Tiegħi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Li Nogħġob lil Jehovah Huwa l-Ewwel Interess Tiegħi
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ħajja taʼ Servizz Iddedikat
  • Provi tal-​Fidi fl-​Iskola
  • In-​Newtralità Kristjana Tiegħi Ttestjata
  • Attività mill-​Ġdid wara l-​Ħelsien
  • Ħajja taʼ Sodisfazzjon Kbir
  • Orfni Minsi Jsib Missier li Jħobbu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Nagħti lil Jehovah Dak li Jistħoqqlu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Għaddejt minn Provi Ħorox taʼ Sofferenza
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Inżomm Sħiħ Bħala Suldat taʼ Kristu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 11/1 pp. 19-23

Li Nogħġob lil Jehovah Huwa l-​Ewwel Interess Tiegħi

KIF IRRAKKONTAT MINN THEODOROS NEROS

Il-​bieb taċ-​ċella tiegħi nfetaħ, u wieħed fizzjal għajjat: “Min hu Neros?” Meta identifikajt ruħi, ordnali: “Qum. Se noqtluk.” Dan ġara f’kamp militari ġewwa Korintu, fil-​Greċja, fl-​1952. Ħajti għala kienet imdendla b’xagħra? Qabel ma nispjega dan, ejja ngħidilkom ftit dwar l-​isfond tiegħi.

MADWAR l-​1925, missieri ġie kkuntattjat mill-​Istudenti tal-​Bibbja (kif ix-​Xhieda taʼ Jehovah kienu magħrufin dak iż-​żmien). Hu malajr sar wieħed minnhom u għarraf it-​twemmin tiegħu lit-​tmien ħutu subjien u bniet, li kollha kemm huma aċċettaw il-​verità tal-​Bibbja. U l-​istess għamlu l-​ġenituri tiegħu. Imbagħad, hu żżewweġ, u jien twelidt fl-​1929 ġewwa Agrinio, fil-​Greċja.

Xi snin terribbli kienu dawk għall-​Greċja! L-​ewwel kien hemm id-​dittatorjat krudil tal-​Ġeneral Metaxas. Imbagħad, fl-​1939, faqqgħet it-​Tieni Gwerra Dinjija, u eżatt wara, il-​pajjiż ġie okkupat min-​Nazi. Kien hemm ħafna mard u ġuħ. L-​iġsma minfuħin tal-​mejtin kienu jittieħdu fuq karretti żgħar. Il-​ħażen fid-​dinja kien sar evidenti ħafna, bħalma kien evidenti wkoll il-​bżonn tas-​Saltna t’Alla.

Ħajja taʼ Servizz Iddedikat

Fl-​20 t’Awissu taʼ l-​1942, hekk kif grupp minna ltaqaʼ għal laqgħa barra Tessalonika, l-​indokratur li jippresiedi tagħna pponta lejn l-​ajruplani tal-​gwerra Britanniċi waqt li kienu qed jitfgħu l-​bombi fuq il-​belt u enfasizza kif aħna konna protetti billi obdejna t-​twissija biex “ma ninqatgħux mill-​laqgħat tagħna flimkien.” (Lhud 10:25) F’dik l-​okkażjoni, iltqajna ħdejn xatt il-​baħar, u jien kont fost dawk li ppreżentaw lilhom infushom għall-​magħmudija. Meta ħriġna mill-​ilma, qgħadna f’ringiela, u l-​aħwa Kristjani tagħna kantaw għanja fejn ferħulna għad-​deċiżjoni li konna ħadna. X’ġurnata memorabbli kienet dik!

Ftit wara, waqt li jien u tfajjel ieħor konna qed nitkellmu man-​nies waqt il-​ministeru tagħna minn dar għal dar, qabduna l-​pulizija u ħaduna l-​għassa. Biex jenfasizzawlna li konna meqjusin bħala Komunisti u li x-​xogħol taʼ l-​ippridkar tagħna kien ipprojbit, ġejna msawtin u qalulna: “Jehovah hu l-​istess bħal Stalin, ja boloh!”

Sa dak iż-​żmien il-​gwerra ċivili kienet fl-​aqwa tagħha fil-​Greċja, u l-​ferment anti-Komunist kien intens. L-​għada għaddewna mmanettjati minn quddiem id-​djar tagħna bħala turija għal kulħadd, bħallikieku konna xi kriminali. Imma dawk ma kinux l-​uniċi provi li għaddejt minnhom.

Provi tal-​Fidi fl-​Iskola

Kmieni fl-​1944, kont għadni mmur l-​iskola, u n-​Nazi baqgħu jokkupaw lit-​Tessalonika. Jum minnhom fl-​iskola, qassis Ortodoss Grieg, il-​professur tagħna tar-​reliġjon, qalli li kien se jagħmilli eżami fuq il-​lezzjoni taʼ dakinhar. “Dan m’huwiex Kristjan Ortodoss,” qalu t-​tfal l-​oħrajn.

“Mela x’inhu?” staqsa l-​professur.

“Jien wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah,” weġibtu.

“Lupu qalb in-​nagħaġ,” għajjat hu, hekk kif ħatafni u tani daqqa taʼ ħarta ġo wiċċi.

‘Kif inhu possibbli,’ ħsibt bejni u bejn ruħi, ‘li lupu jingidem minn nagħġa?’

Ftit tal-​jiem wara, madwar 350 minna konna bil-​qiegħda madwar l-​imwejjed tagħna biex nieklu. Is-​supretendent qal: “Neros se jgħid it-​talba.” Jien irripetejt ’l hekk imsejħa ‘Talba tal-​Missierna,’ it-​talba li Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu, kif inhi ddokumentata f’Mattew 6:9-13. Din m’għoġbitux lis-​supretendent, u għalhekk b’rabja staqsieni minn postu fil-​mejda: “Għaliex għedt it-​talba b’dak il-​mod?”

“Għax jien wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah,” għedtlu. Malli għedtlu hekk hu wkoll ħatafni u tani daqqa taʼ ħarta fuq il-​warda taʼ wiċċi. Iktar tard dakinhar għalliem ieħor għajjatli fl-​uffiċċju tiegħu u qalli: “Prosit, Neros, żomm sod mat-​twemmin tiegħek, u ċċedix.” Dik il-​lejla, missieri inkuraġġieni b’dan il-​kliem taʼ l-​appostlu Pawlu: “Dawk li jridu jgħixu ħajja tajba fi Kristu Ġesù lkoll jgħaddu mill-​persekuzzjoni.”—2 Timotju 3:12.

Meta spiċċajt mill-​iskola sekondarja, kelli nagħżel liema karriera kont se nsegwi. Minħabba t-​taqbid ċivili fil-​Greċja, kelli niffaċċja wkoll il-​kwistjoni tan-​newtralità Kristjana. (Isaija 2:4; Mattew 26:52) Eventwalment, kmieni fl-​1952, ġejt ikkundannat għal 20 sena ħabs talli rrifjutajt li ningaġġa fil-​militar matul dak il-​perijodu diffiċli fl-​istorja Griega.

In-​Newtralità Kristjana Tiegħi Ttestjata

Waqt li kont maqful ġewwa l-​kampijiet militari f’Mesolóngion u f’Korintu, kelli l-​opportunità li nispjega lill-​kmandanti militari li l-​kuxjenza tiegħi mħarrġa fuq il-​Bibbja ma kinitx tippermettili nsir suldat sabiex nappoġġa l-​kawżi politiċi. “Jien diġà suldat taʼ Ġesù,” spjegatilhom, waqt li wrejthom it-2 Timotju 2:3. Meta ġejt imħeġġeġ biex nerġaʼ nikkunsidra l-​kwistjoni, jien għedtilhom li d-​deċiżjoni tiegħi ma ħadthiex spontanjament imma wara konsiderazzjoni serja u fi qbil mad-​dedikazzjoni tiegħi lil Alla biex nagħmel ir-​rieda tiegħu.

Bħala riżultat, kelli nagħmel xogħol taʼ bilfors kif ordnat minnhom, ngħaddi mingħajr ikel darba iva u darba le għal 20 ġurnata, u norqod f’ċella fuq art tas-​siment li kien fiha ftit inqas minn metru b’żewġ metri. U miegħi kelli żewġ Xhieda oħrajn! Kien matul dan iż-​żmien, meta kont fil-​kamp taʼ Korintu, li ġejt imsejjaħ miċ-​ċella tiegħi biex ningħata l-​mewt.

Hekk kif konna sejrin lejn il-​post taʼ l-​eżekuzzjoni, l-​uffiċjal staqsieni, “M’int se tgħid xejn?”

“Le,” weġibtu.

“M’int se tiktbilha xejn lill-​familja tiegħek?”

“Le,” erġajt weġibtu. “Huma diġà konxji li nistaʼ ningħata l-​mewt hawnhekk.”

Wasalna fil-​bitħa, u ordnawli biex noqgħod mal-​ħajt. Imbagħad, minflok ma kkmanda lis-​suldati jisparaw, l-​uffiċjal ordna, “Ħuduh ġewwa.” Kien sempliċement ingann, ippjanat biex jittestjaw id-​deċiżjoni tiegħi.

Iktar tard, intbagħatt lejn il-​gżira taʼ Makrónisos, fejn ma kontx permess li jkolli xi letteratura ħlief Bibbja. Kien hemm tlettax-il Xhud miżmumin ġo dar żgħira sseparati minn kważi 500 ħabsi kriminali. Madankollu, b’xi mod il-​letteratura kienet taslilna bil-​moħbi. Per eżempju, jum wieħed bagħtuli kaxxa loukoúmia (ħelu popolari). L-​ispetturi kienu tant ħerqanin biex iduqu l-​loukoúmia li ma ndunawx bir-​rivista Torri taʼ l-​Għassa moħbija taħt. “Is-​suldati kielu l-​loukoúmia, imma aħna ‘kilna’ t-​Torri taʼ l-​Għassa!” innota Xhud.

Waslitilna kopja tal-​ktieb What Has Religion Done for Mankind? li kien għadu kemm ħareġ, u wieħed ħabsi li kien Xhud u li kien jaf il-​lingwa Ingliża ttraduċihulna. Konna wkoll nistudjaw it-​Torri taʼ l-​Għassa flimkien, waqt li konna nagħmlu l-​laqgħat bil-​moħbi. Konna nqisu l-​ħabs bħala skola, bħala opportunità biex insaħħu l-​ispiritwalità tagħna. Fuq kollox, konna ferħanin għax konna nafu li l-​korsa tagħna taʼ integrità kienet qed togħġob lil Jehovah.

L-aħħar ħabs li kont maqful fih kien ġewwa Týrintha fil-​Lvant taʼ Pelopónnisos. Hemmhekk innotajt għassies li kien josservani b’attenzjoni waqt li kont nikkonduċi studju tal-​Bibbja maʼ wieħed mill-​ħabsin. X’sorpriża kienet għalija li niltaqaʼ maʼ dak l-​għassies snin wara f’Tessalonika! Sa dakinhar kien sar Xhud. Iktar tard, wieħed minn uliedu ntbagħat il-​ħabs, mhux biex jaqdi bħala għassies imma bħala ħabsi. Intefaʼ l-​ħabs għall-​istess raġuni tiegħi.

Attività mill-​Ġdid wara l-​Ħelsien

Jien qattajt tliet snin biss il-​ħabs mill-​20 sena li tawni. Wara li ħelsuni ddeċidejt li mmur ngħix f’Ateni. Madankollu, malajr imradt bi speċi taʼ plewrite u kelli nerġaʼ mmur lura lejn Tessalonika. Domt xahrejn fis-​sodda. Wara ltqajt maʼ tfajla gustuża li kien jisimha Koula, u f’Diċembru taʼ l-​1959 iżżewwiġna. Fl-​1962 hi bdiet taqdi bħala pijuniera, kif jissejħu l-​ministri full-time tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Tliet snin wara rnexxieli ningħaqad magħha fix-​xogħol taʼ pijunier.

F’Jannar taʼ l-​1965, ġejna inkarigati fix-​xogħol tas-​circuit, fejn konna nżuru kongregazzjonijiet biex insaħħuhom spiritwalment. F’dak is-​sajf kellna l-​privileġġ ukoll li nattendu l-​ewwel konvenzjoni distrettwali kbira tagħna, fi Vjenna, l-​Awstrija. Ma kinitx bħal dawk li kien ikollna fil-​Greċja fejn kellna niltaqgħu bil-​moħbi fil-​boskijiet minħabba li x-​xogħol tagħna kien ipprojbit. Lejn l-​aħħar taʼ l-​1965, ġejna mistednin naħdmu fl-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’Ateni. Madankollu, fl-​1967, minħabba l-​problemi taʼ saħħa taʼ wħud minn qrabati, kellna mmorru lura lejn Tessalonika.

Waqt li konna nieħdu ħsieb ir-​responsabbiltajiet tal-​familja, bqajna ferm medhijin fix-​xogħol taʼ l-​evanġelizzazzjoni. Darba waħda, meta kont qed nitkellem mal-​kuġin tiegħi Kostas, iddeskrivejtlu s-​sbuħija taʼ l-​organizzazzjoni t’Alla u l-​imħabba, l-​unità, u l-​ubbidjenza lejn Alla li hemm fiha. Hu qalli, “Dawn l-​affarijiet ikunu sbieħ ħafna li kieku Alla veru jeżisti.” Aċċetta l-​istedina tiegħi biex jeżamina jekk Alla jeżistix jew le. Jien semmejtlu li konna se nattendu għal konvenzjoni internazzjonali tax-​Xhieda taʼ Jehovah ġewwa Nuremberg, il-​Ġermanja, f’Awissu taʼ l-​1969. Hu staqsieni jekk jistax jiġi, u l-​ħabib tiegħu Alekos, li kien ukoll qed jistudja l-​Bibbja magħna, ried jiġi wkoll.

Il-konvenzjoni taʼ Nuremberg kienet spettaklu straordinarju! Il-​konvenzjoni saret fl-​istejdjum enormi fejn Hitler kien iċċelebra r-​rebħiet militari tiegħu. L-​attendenza tagħna laħqet il-​quċċata taʼ ’l fuq minn 150,000, u l-​ispirtu taʼ Jehovah kien evidenti matul il-​programm kollu. Ftit wara, kemm Kostas kif ukoll Alekos tgħammdu. It-​tnejn li huma issa jaqdu bħala anzjani Kristjani, u l-​familji tagħhom huma Xhieda wkoll.

Bdejt nistudja maʼ mara interessata. Ir-​raġel tagħha stqarr li ried jinvestiga t-​twemmin tagħna, u ftit wara informani li kien stieden lil ċertu Mr. Sakkos, teologu Ortodoss Grieg, għal dibattitu. Ir-​raġel ried jistaqsi xi ftit mistoqsijiet lilna t-​tnejn. Mr. Sakkos ġie flimkien maʼ qassis. Ir-​raġel beda billi qal, “L-​ewwelnett, nixtieq li Mr. Sakkos iweġibli tliet mistoqsijiet.”

Waqt li qabad it-​traduzzjoni tal-​Bibbja li konna nużaw fid-​diskussjonijiet tagħna, ir-​raġel staqsa, “L-​ewwel mistoqsija: Hija din Bibbja ġenwina, jew hija l-​Bibbja tax-​Xhieda?” Mr. Sakkos wieġeb li kienet traduzzjoni awtorevoli, u wkoll iddeskriva lix-​Xhieda taʼ Jehovah bħala “nies li jħobbu l-​Bibbja.”

Waqt li kompla, ir-​raġel staqsa, “It-​tieni mistoqsija: Ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma nies morali?” Attwalment, hu ried ikun jaf x’tip taʼ nies kienet qed tassoċja magħhom il-​mara tiegħu. It-​teologu wieġeb li huma nies definittivament morali.

“It-​tielet mistoqsija,” kompla r-​raġel, “Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jitħallsu?” “Le,” wieġeb it-​teologu.

“Ħadt it-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet tiegħi, u għamilt id-​deċiżjoni tiegħi,” ikkonkluda r-​raġel. Wara dan, hu kompla bl-​istudju tal-​Bibbja u malajr tgħammed bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Ħajja taʼ Sodisfazzjon Kbir

Erġajt bdejt naqdi bħala indokratur tas-​circuit f’Jannar taʼ l-​1976. Xi sitt snin wara, kelli l-​privileġġ li nieħu sehem f’li jingħata bidu għal forma ġdida taʼ ppridkar ġewwa l-​Greċja​—l-​għoti taʼ xiehda fit-​toroq. Imbagħad, f’Ottubru taʼ l-​1991, jien u marti bdejna naqdu bħala pijunieri speċjali. Ftit xhur wara, kelli nagħmel operazzjoni taʼ erbaʼ bypasses tal-​qalb, u li għall-​grazzja t’Alla kienet suċċess. Issa saħħti hija tajba ħafna, u rnexxieli nerġaʼ nibda x-​xogħol taʼ l-​ippridkar full-time. Naqdi wkoll bħala anzjan f’waħda mill-​kongregazzjonijiet taʼ Tessalonika, kif ukoll naħdem mal-​Kumitat taʼ Koordinazzjoni maʼ l-​Isptarijiet biex nassistu lil dawk bi bżonnijiet mediċi.

Hekk kif inħares lura f’ħajti, nirrealizza kemm kien sodisfaċenti li nagħmel dak li jogħġob lil Missierna tas-​sema. Jien ferħan ħafna li żmien ilu aċċettajt l-​istedina mqanqla tiegħu: “Kun għaref, ibni, u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min jgħajjarni.” (Proverbji 27:11) Tabilħaqq qalbi tkun ferħana meta nara ż-​żjieda madwar id-​dinja kollha fin-​numru taʼ nies sinċieri li qed jidħlu fl-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. Huwa verament privileġġ li nieħdu sehem f’li neħilsu lin-​nies permezz tal-​verità tal-​Bibbja, u b’hekk noffrulhom il-​prospett taʼ ħajja eterna f’dinja ġdida taʼ tjieba!​—Ġwann 8:32; 2 Pietru 3:13.

Aħna dejjem nipprovaw ninkuraġġixxu lill-​qaddejja żgħażagħ taʼ Jehovah biex ipoġġu l-​ministeru full-time bħala l-​mira tagħhom, biex jiddedikaw il-​ħin u l-​enerġija tagħhom lilu. Verament, li tafda f’Jehovah u li ssib għaxqa kbira f’li tferraħlu qalbu hija l-​aqwa ħajja taʼ sodisfazzjon li wieħed jistaʼ jesperjenza!​—Proverbji 3:5; Koħèlet 12:1.

[Stampi f’paġna 21]

(Mix-xellug għal-​lemin)

Meta konna naqdu fil-​kċina taʼ Betel fl-​1965

Waqt li qed nagħti taħdita fl-​1970 meta l-​ippridkar tagħna kien ipprojbit

Maʼ marti fl-​1959

[Stampa f’paġna 23]

Maʼ marti, Koula

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja