Bijografija
Orfni Minsi Jsib Missier li Jħobbu
KIF RAKKONTATA MINN DIMITRIS SIDIROPOULOS
“Ħa, aqbad l-arma u spara,” għajjat l-uffiċjal waqt li tefagħli xkubetta quddiemi. Jien irrifjutajt b’mod kalm. Is-suldati baqgħu mwaħħxin hekk kif raw il-balal għaddejjin sparati minn fuq spallejja mill-ixkubetta taʼ l-uffiċjal. Il-mewt dehret tant fil-qrib. B’ferħ, salvajt. Imma din ma kinitx l-ewwel darba li ħajti kienet fil-periklu.
IL-FAMILJA tiegħi kienet parti minn grupp etniku żgħir viċin Kayseri, fil-Kappadoċja, it-Turkija. Mid-dehra, fl-ewwel seklu E.K. kien hemm xi wħud f’din l-akkwata li saru Kristjani. (Atti 2:9) Madankollu, sal-bidu tas-seklu 20, l-affarijiet inbidlu b’mod drastiku.
Minn Refuġjat għal Orfni
Ftit xhur wara li twilidt fl-1922, konflitt etniku ġiegħel lill-familja tiegħi taħrab lejn il-Greċja u saret refuġjata hemm. Imbeżżgħin, il-ġenituri tiegħi telqu mingħajr ma ħadu xejn magħhom ħlief lit-tarbija tagħhom taʼ xahar, lili. Wara li għaddew minn ħafna tbatijiet, huma waslu f’qagħda terribbli fir-raħal taʼ Kiria, viċin Drama, fit-tramuntana tal-Greċja.
Meta kelli erbaʼ snin u ftit wara li twieled ħija ż-żgħir, missieri miet. Hu kellu biss 27 sena, imma l-miżerja li kien hemm f’dawk iż-żminijiet tal-biżaʼ ħaditlu saħħtu. Ommi sofriet ħafna, u ftit wara mietet hi wkoll. Ħija ż-żgħir u jien spiċċajna b’xejn. Konna nintbagħtu minn orfanatrofju għal ieħor, u taʼ 12-il sena spiċċajt f’orfanatrofju ġo Tessalonika, fejn bdejt apprendistat bħala mekkanik.
Hekk kif kont qed nikber f’orfanatrofji li kienu nieqsa mill-affezzjoni, kont nistaqsi bejni u bejn ruħi għala xi nies jgħaddu minn tant sofferenzi u inġustizzji. Kont nistaqsi lili nnifsi għala Alla kien jippermetti li jkun hawn kundizzjonijiet taʼ niket bħal dawn. Waqt il-lezzjonijiet tar-reliġjon, konna nitgħallmu li Alla huwa omnipotenti, imma qatt ma kienu jagħtuna spjegazzjoni raġunevoli dwar għala hawn daqstant ħażen. Espressjoni popolari kienet li l-Knisja Griega Ortodossa kienet l-aħjar reliġjon. Meta staqsejt, “Jekk l-Ortodossija hija l-aqwa reliġjon, għala mhux kulħadd Ortodoss?” ma rċivejt ebda tweġiba sodisfaċenti.
Minkejja dan, l-għalliem tagħna kellu rispett kbir lejn il-Bibbja, u hu kien jenfasizzalna li hi ktieb sagru. Id-direttur taʼ l-orfanatrofju kellu l-istess attitudni, imma għal xi raġuni li ma konniex nafu biha kien jirrifjuta li jieħu sehem fl-attivitajiet reliġjużi. Meta staqsejt dwar dan, intqalli li xi darba hu kien jistudja max-Xhieda taʼ Ġeħova, reliġjon li qatt ma kont smajt biha qabel.
Kelli 17-il sena meta spiċċajt l-edukazzjoni fl-orfanatrofju ġo Tessalonika. Kienet bdiet it-tieni gwerra dinjija, u l-Greċja kienet f’idejn in-Nazi. In-nies kienu qed imutu bil-ġuħ fit-toroq. Biex nibqaʼ ħaj, ħrabt fejn kien hemm l-għelieqi u hemm kont naħdem għal paga miżera.
Il-Bibbja Tipprovdi Tweġibiet
Meta rġajt mort Tessalonika f’April taʼ l-1945, ġiet tarani oħt ħabib tiegħi li kont ngħix miegħu f’diversi orfanatrofji meta konna għadna żgħar. Paschalia qaltli li ħuha ma deherx iktar u staqsietni jekk kontx naf fejn kien. Waqt din id-diskussjoni, hi qaltli li kienet saret waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova u semmiet l-interess li Alla għandu fina l-bnedmin.
Minħabba l-imrar li kelli ġo fija, qajjimt ħafna oġġezzjonijiet. Għala kont ilni nsofri minn meta kont għadni żgħir? Għala spiċċajt orfni? Fejn hu Alla meta jkollna bżonnu l-iktar? Hi wiġbitni, “Ċert li huwa Alla l-wieħed li jaħti għal dawn il-kundizzjonijiet?” Billi użat il-Bibbja wrietni li Alla ma jġagħalx lin-nies isofru. Dan għenni nara li l-Ħallieq iħobb lill-bnedmin u li dalwaqt se jirranġa l-affarijiet. Hi wrietni skritturi bħal taʼ Isaija 35:5-7 u Rivelazzjoni 21:3, 4, u wrietni li l-gwerer, il-ġlied, il-mard, u l-mewt se jitneħħew, u li dawk li jkunu leali se jirtu l-art għal dejjem.
Insib Familja li Tappoġġani
Sirt naf li ħu Paschalia nqatel waqt ġlieda mill-gwerilli. Żort lill-membri tal-familja tagħha biex infarraġhom, imma minflok spiċċaw farrġuni huma permezz taʼ l-Iskrittura. Erġajt mort għandhom biex nieħu iktar faraġ mill-Bibbja, u ma domtx ma sirt parti minn grupp żgħir taʼ Xhieda taʼ Ġeħova li kienu jiltaqgħu bil-moħbi biex jistudjaw u jagħtu qima. Għalkemm ix-Xhieda kienu projbiti, jien kont determinat li nibqaʼ nassoċja magħhom.
Fost dak il-grupp taʼ Kristjani umli, sibt familja li tilqagħni u li tħobbni, atmosfera li verament kont nixxennaq għaliha. Huma tawni l-appoġġ u l-għajnuna spiritwali li tant kelli bżonn. Hemm sibt ħbieb li kienu jaħsbu f’ħaddieħor u mhux fihom infushom, li mhux biss kienu lesti li jgħinuni u jfarrġuni imma wkoll xtaqu jagħmlu dan. (2 Korintin 7:5-7) Iktar importanti minn hekk, ġejt megħjun nersaq eqreb lejn Ġeħova, li jien bdejt inqisu bħala Missieri tas-sema kollu mħabba. Il-kwalitajiet taʼ mħabba, mogħdrija, u interess profond tiegħu tant ġibduni. (Salm 23:1-6) Fl-aħħar kont sibt familja spiritwali u Missier taʼ mħabba! Dan verament messli qalbi. Ftit wara tqanqalt niddedika ħajti lil Ġeħova, u tgħammidt f’Settembru taʼ l-1945.
Il-fatt li kont nattendi l-laqgħat Kristjani mhux biss żiedli l-għarfien imma wkoll saħħaħli l-fidi. Ladarba ma kienx hemm xi mezz taʼ trasport, spiss xi wħud minna konna nimxu 5 kilometri mir-raħal fejn konna noqogħdu għall-post fejn kienet se ssir il-laqgħa, u waqt li konna nkunu mexjin kien ikollna diskussjonijiet spiritwali li ma ninsiehom qatt. Fl-aħħar taʼ l-1945, sirt naf li kien hemm l-opportunità li nieħu sehem fix-xogħol taʼ l-evanġelizzar full-time, u għalhekk bdejt naqdi bħala pijunier. Relazzjoni b’saħħitha maʼ Ġeħova kienet importanti għax ftit wara, il-fidi u l-integrità tiegħi ġew testjati sew.
L-Oppożizzjoni Taħdem Favurina
Il-pulizija spiss kienu jattakkaw għall-għarrieda lpost tal-laqgħat tagħna bit-theddida li joqtluna. Il-pajjiż kien taħt il-liġi marzjali minħabba li fil-Greċja kien hemm gwerra ċivili. Gruppi li kienu kontra xulxin attakkaw lil xulxin b’mibegħda ħarxa. Billi ħa vantaġġ minn din is-sitwazzjoni, il-kleru kkonvinċa lill-awtoritajiet li aħna konna Komunisti u ħeġġiġhom jippersegwitawna.
F’perijodu taʼ sentejn, ġejna arrestati ħafna drabi, u sitt darbiet irċivejna sentenzi sa erbaʼ xhur ħabs. Madankollu, il-ħabsijiet kienu mimlijin priġunieri politiċi, u għalhekk ġejna meħlusin. Aħna użajna l-libertà mhux mistennija tagħna billi komplejna nippridkaw, imma ftit wara ġejna arrestati għal darba oħra—tliet darbiet fl-istess ġimgħa. Sirna nafu li xi aħwa ntbagħtu fuq gżejjer abbandunati. Kienet il-fidi tiegħi se tkun b’saħħitha biżżejjed biex inkun nistaʼ niflaħ prova bħal dik?
Is-sitwazzjoni tiegħi saret verament diffiċli meta ġagħluni nirrapporta l-għassa tal-pulizija kuljum. L-awtoritajiet bagħtuni Evosmos, qrib Tessalonika, fejn kien hemm għassa tal-pulizija sabiex ikunu jistgħu jżommu għajnejhom fuqi. Krejt kamra fil-viċin, u biex inkun nistaʼ mmantni lili nnifsi bdejt innaddaf il-borom u t-twaġen tar-ram fid-djar tan-nies. Sakemm kont qed naqdi bħala pijunier fl-irħula taʼ madwar, dan ix-xogħol għamilhieli iktar faċli biex nikkuntattja n-nies fi djarhom mingħajr ma nqajjem suspetti lill-pulizija. Bħala riżultat, diversi wħud semgħu l-aħbar tajba u wieġbu b’mod favorevoli. Iktar minn għaxra minnhom saru aduraturi dedikati taʼ Ġeħova.
Għaxar Snin, Tmien Ħabsijiet
Bqajt taħt il-ħarsien tal-pulizija sa l-aħħar taʼ l1949, u mbagħad mort lura Tessalonika u kont ħerqan biex inkompli l-ministeru full-time hemm. Eżatt meta ħsibt li l-provi tiegħi kienu għaddew, fl-1950, inqbadt bil-lieva bla mistenni. Minħabba n-newtralità Kristjana, kont determinat li ‘l-gwerra ma nitgħallimhiex.’ (Isaija 2:4) Għalhekk, minn dakinhar beda vjaġġ twil u taʼ wġigħ li ħadni f’uħud mill-agħar ħabsijiet tal-Greċja.
Dan kollu beda fil-belt taʼ Drama. Matul l-ewwel ftit ġimgħat taʼ l-arrest tiegħi hemm, is-suldati li kienu għadhom kemm inqabdu bil-lieva kienu qed jipprattikaw l-isparar. Ġurnata minnhom, ħaduni fejn kienu qed jisparaw. Wieħed mill-uffiċjali tefagħli xkubetta quddiemi u ordnali nispara. Meta rrifjutajt beda jispara fid-direzzjoni tiegħi. Meta l-uffiċjali l-oħra raw li jien ma kontx se nagħmel kompromess bdew jagħtuni daqqiet bl-addoċċ. Xegħlu s-sigaretti u bdew jaħarquli l-pali taʼ idejja bihom. Wara, qafluni f’ċella waħdi. Dan kompla għal tlett ijiem. L-uġigħ mill-ħruq tas-sigaretti ma kontx nifilħu, u l-marki tagħhom baqgħu fuq idejja għal snin sħaħ.
Qabel ma mort quddiem il-qorti marzjali, ġejt mibgħut fil-kamp militari f’Iráklion, fi Kreta. Waqt li kont qiegħed hemm, sawtuni bl-aħrax biex jipprovaw jiksru l-integrità tiegħi. Tgħidx kemm tlabt lil Missieri tas-sema biex isaħħaħni għax bdejt nibżaʼ li se nċedi. Ġie f’moħħi l-kliem taʼ Ġeremija 1:19: “Huma jeħduha kontrik, imma ma jagħmlulek xejn, għax jien inkun miegħek, oraklu tal-Mulej, biex neħilsek minnhom.” Is-serħan li tatni “l-paċi t’Alla” għenni nikkalma. Fhimt kemm hu għaqli li nafdaw kompletament f’Ġeħova.—Filippin 4:6, 7; Proverbji 3:5.
Wara dan għaddewni ġuri u ssentenzjawni għomri l-ħabs. Lix-Xhieda taʼ Ġeħova kienu jqisuhom bħala l-agħar “għedewwa taʼ l-Istat.” Din is-sentenza bdejtha fil-ħabs kriminali taʼ Itsedin, barra Canea, fejn tpoġġejt f’ċella waħdi. Itsedin kien forti antik, u ċ-ċella tiegħi kienet impestata bil-firien. Kont nitgeżwer minn rasi sa saqajja ġo gverta antika li kienet maħmuġa u mqattgħa ħalli l-ġrieden ma jkollhomx kuntatt dirett miegħi meta kienu jgħaddu minn fuqi. Imradt sew bil-pulmunite. It-tobba qalu li kelli bżonn noqgħod fix-xemx, u b’hekk setaʼ jkolli konversazzjonijiet maʼ ħafna mill-priġunieri fil-bitħa. Madankollu, il-kundizzjoni tiegħi marret għall-agħar, u wara li kelli emorraġija kbira fil-pulmun, ittrasferewni fl-isptar taʼ Iráklion.
Għal darba oħra, il-familja spiritwali taʼ Kristjani sħabi kienet hemm meta kelli bżonnha. (Kolossin 4:11) L-aħwa f’Iráklion kienu jiġu jarawni spiss, u kienu jfarrġuni u jinkuraġġuni. Għedtilhom li kelli bżonn il-letteratura sabiex inkun nistaʼ nitkellem maʼ dawk li kienu interessati. Huma ġabuli bagalja b’qiegħ doppju li fih stajt naħbi l-letteratura mingħajr ebda periklu. Kemm kont ferħan li sakemm kont f’dawk il-ħabsijiet, minn taʼ l-inqas sitt priġunieri ġew megħjuna jsiru Kristjani veri!
Sadanittant, il-gwerra ċivili spiċċat u s-sentenza tiegħi naqset għal għaxar snin ħabs. Qattajt l-aħħar ftit tas-sentenza tiegħi f’ħabsijiet ġewwa Rethimno, Genti Koule, u Cassandra. Wara li qattajt kważi għaxar snin fi tmien ħabsijiet differenti, inħlist u mort lura Tessalonika, fejn kont milqugħ b’idejn miftuħa minn ħuti l-Kristjani maħbubin.
Nimxi ’l Quddiem Fost il-Fratellanza Kristjana
Sa dan iż-żmien, ix-Xhieda fil-Greċja almenu kellhom ftit libertà tal-qima. Mill-ewwel ħtaft l-opportunità biex nerġaʼ nibda l-ministeru full-time. Ftit wara dan kelli barka oħra meta sirt naf Kristjana leali li kien jisimha Katina. Hi kienet tħobb lil Ġeħova u kienet attiva ħafna fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Iżżewwiġna f’Ottubru taʼ l-1959. It-twelid tat-tifla tagħna Agape, u l-fatt li issa kelli l-familja Kristjana tiegħi komplew jgħinuni nfiq mill-ġerħa li kelli minħabba li kont sfajt orfni. Fuq kollox, il-familja tagħna kienet kuntenta taqdi lil Missierna Ġeħova taħt il-ħarsien protettiv tiegħu kollu mħabba.—Salm 5:11.
Minħabba ċirkustanzi li ma kellix kontroll fuqhom, kelli nieqaf mix-xogħol taʼ pijunier, imma appoġġajt lil marti biex hi tkun tistaʼ tkompli fix-xogħol full-time. Ġrajja li vera kienet importanti għalija fil-ħajja Kristjana tiegħi kienet fl-1969 meta kien se jkun hemm konvenzjoni internazzjonali tax-Xhieda taʼ Ġeħova f’Nuremberg, il-Ġermanja. Hekk kif kont qed nipprepara biex immur, applikajt għall-passaport. Meta marti marret l-għassa tal-pulizija biex tistaqsi għala kienu għaddew xahrejn u l-passaport kont għadni ma rċivejtux, l-uffiċjal ħareġ file oħxon minn ġol-kexxun u qalilha: “Int qed titlobni l-passaport taʼ dan ir-raġel biex ikun jistaʼ jipproselitizza n-nies tal-Ġermanja? M’hemmx ċans! Huwa perikoluż.”
Bl-għajnuna taʼ Ġeħova u l-assistenza taʼ xi aħwa, ġejt inkluż f’passaport li sar għal grupp t’aħwa, u b’hekk stajt nattendi dik il-konvenzjoni mill-isbaħ. L-akbar attendenza li kien hemm kienet taʼ iktar minn 150,000, u hemm stajt nara sew kemm l-ispirtu taʼ Ġeħova kien qed jidderieġi u jżomm lill-familja spiritwali internazzjonali tiegħu magħquda. Iktar tard f’ħajti stajt napprezza l-valur tal-fratellanza Kristjana.
Fl-1977, l-għażiża marti, li kienet sieħba leali, raqdet fil-mewt. Għamilt mill-aħjar biex intellaʼ lit-tifla tagħna skond il-prinċipji Bibliċi, imma qatt ma tħallejt nagħmel dan waħdi. Għal darb’oħra, il-familja spiritwali tiegħi tatni l-għajnuna li kelli bżonn. Jien se nibqaʼ dejjem grat għall-appoġġ li tawni l-aħwa f’dak iż-żmien diffiċli. Xi wħud minnhom saħansitra ġew joqogħdu magħna għal xi żmien sabiex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb lit-tifla tiegħi. Qatt m’hu se ninsa l-imħabba mhix egoistika tagħhom.—Ġwanni 13:34, 35.
Agape kibret u żżewġet ħu leali, Elias. Huma għandhom erbaʼ subien, u kollha jinsabu fil-verità. F’dawn l-aħħar snin, mhux l-ewwel darba li tatni xi puplesija, u saħħti sejra lura. It-tifla u l-familja tagħha jieħdu ħsiebi sew. Minkejja n-nuqqas taʼ saħħa, xorta għandi ħafna għalfejn nifraħ. Għadni niftakar iż-żmien meta kien hemm biss mitt ħu u oħt f’Tessalonika kollha u konna niltaqgħu bil-moħbi fi djar privati. Issa hemm madwar ħamest elef Xhud leali f’dik l-akkwata. (Isaija 60:22) Fil-konvenzjonijiet, xi aħwa rġiel żgħażagħ jistaqsuni: “Tiftakar meta kont iġġibilna r-rivisti d-dar?” Għalkemm il-ġenituri ma kinux jaqraw ir-rivisti, it-tfal tagħhom kienu jaqrawhom, u huma mxew ’il quddiem spiritwalment!
Hekk kif nara l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova miexja ’l quddiem, inħoss li l-provi tiegħi ma kinux għal xejn. Lin-neputijiet tiegħi u lil żgħażagħ oħrajn dejjem ngħidilhom biex jiftakru f’Missierhom tas-sema fiż-żgħożija tagħhom, u hu qatt ma se jabbandunahom. (Koħèlet 12:1) Ġeħova wettaq kelmtu, għax hu sar “Missier l-iltiema.” (Salm 68:6 [68:5, NW]) Għalkemm kont orfni minsi fl-ewwel ftit snin taʼ ħajti, iktar tard sibt Missier li jimpurtah minni!
[Stampa f’paġna 22]
Ħdimt bħala kok fil-ħabs taʼ Drama
[Stampa f’paġna 23]
Maʼ Katina fil-ġurnata tat-tieġ tagħna fl-1959
[Stampa f’paġna 23]
Assemblea f’foresta viċin Tessalonika, fl-aħħar tas-snin 60
[Stampa f’paġna 24]
Mat-tifla tagħna, fl-1967