Kif Tagħmel lil Ġeħova l-Alla Tiegħek
FI ŻMINIJIET Bibliċi, xi individwi gawdew relazzjoni tant mill-qrib maʼ Ġeħova li bdew iqisuh bħala l-Alla tagħhom. Per eżempju, fl-Iskrittura Ġeħova huwa deskritt bħala “Alla taʼ Abraham,” “Alla taʼ David,” u “Alla taʼ Elija.”—Ġenesi 31:42; 2 Slaten 2:14; 20:5.
Kull wieħed minn dawn l-irġiel kif wasal biex ikollu rabta mill-qrib m’Alla? X’nistgħu nitgħallmu minnhom sabiex aħna wkoll inkunu nistgħu nibnu u nżommu relazzjoni persunali b’saħħitha mal-Ħallieq?
Abraham Poġġa “l-Fidi f’Ġeħova”
Abraham kien l-ewwel persuna li l-Bibbja tgħid dwaru li poġġa l-fidi f’Ġeħova. Il-fidi kienet il-kwalità primarja t’Abraham u kien permezz tagħha li rċieva l-approvazzjoni t’Alla. Fil-fatt, Abraham tant kellu l-favur taʼ Ġeħova li iktar tard il-Ħallieq introduċa lilu nnifsu maʼ Mosè bħala “Alla taʼ Abraham” u taʼ ibnu u neputih, Iżakk u Ġakobb.—Ġenesi 15:6, NW; Eżodu 3:6.
Abraham, kif kiseb fidi bħal din f’Alla? L-ewwelnett, Abraham bena l-fidi tiegħu fuq pedament sod. Jistaʼ jkun li tgħallem dwar il-mogħdijiet taʼ Ġeħova minn Sem, it-tifel taʼ Noè, li ra b’għajnejh stess l-atti taʼ salvazzjoni t’Alla. Sem kien xiehda ħajja li “lil Noè, predikatur tal-ġustizzja, [Ġeħova] żammu qawwi u sħiħ maʼ sebgħa oħrajn meta ġab dilluvju fuq dinja taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla.” (2 Pietru 2:5) Għandu mnejn li Abraham sar jaf mingħand Sem li ladarba Ġeħova kien iwiegħed xi ħaġa, Hu ċertament li kien se jwettaqha. Kien x’kien il-każ, meta Abraham innifsu rċieva xi wegħda mingħand Alla, hu feraħ u bbaża ħajtu fuq l-għarfien ċert li l-wegħda kienet se titwettaq.
Peress li Abraham diġà kellu pedament sod, il-fidi tiegħu ssaħħet b’xogħlijietu. L-appostlu Pawlu kiteb: “Bil-fidi Abraham, meta kien imsejjaħ, obda u mar f’post li kellu jirċivih bħala wirt; u mar, għalkemm ma kienx jaf fejn kien sejjer.” (Ebrej 11:8) L-ubbidjenza żiedet il-fidi t’Abraham u dwar dan id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “B’dan tistaʼ tara li l-fidi tiegħu ħadmet id f’id maʼ l-għemejjel tiegħu u b’dawn l-għemejjel il-fidi tiegħu saret perfetta.”—Ġakbu 2:22.
Barra minn hekk, Ġeħova ppermetta li l-fidi t’Abraham tiġi mġarrba, u għalhekk saret iktar b’saħħitha. Pawlu kompla jgħid: “Bil-fidi Abraham, meta ġie mġarrab, kważi offra lil Iżakk.” Il-fatt li l-fidi tiġi mġarrba u msaħħa jagħmilha “taʼ kwalità li tiswa ferm iktar mid-deheb.”—Ebrej 11:17; 1 Pietru 1:7.
Għalkemm Abraham ma għexx biżżejjed biex jara t-twettiq taʼ dak kollu li Alla kien wiegħdu, hu kellu l-ferħ li jara lil oħrajn isegwu l-eżempju tiegħu. Martu Sara u tliet membri oħra tal-familja tiegħu—Iżakk, Ġakobb, u Ġużeppi—ukoll huma mniżżlin fil-Bibbja bħala eżempji tal-fidi tagħhom li tispikka.—Ebrej 11:11, 20-22.
Fidi bħal t’Abraham Illum
Il-fidi hija essenzjali għal xi ħadd li jixtieq jagħmel lil Ġeħova l-Alla tiegħu. “Mingħajr fidi impossibbli li togħġbu [lil Alla] sew,” Pawlu kiteb. (Ebrej 11:6) Kif jistaʼ qaddej t’Alla llum jiżviluppa fidi qawwija bħal t’Abraham?
Bħal Abraham, il-fidi tagħna għandha tkun mibnija fuq pedament sod. L-aħjar mod kif nistgħu nagħmlu dan huwa billi nistudjaw regolarment il-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet ibbażati fuqha. Meta naqraw il-Bibbja u nimmeditaw fuq dak li naqraw, nistgħu nassiguraw ruħna li l-wegħdi t’Alla se jitwettqu. Imbagħad, nitqanqlu biex inbiddlu l-mod taʼ ħajja tagħna fuq il-bażi taʼ dik it-tama ċerta. Il-fidi tagħna tissaħħaħ bl-ubbidjenza, li tinkludi parteċipazzjoni fil-ministeru pubbliku u attendenza għal-laqgħat Kristjani.—Mattew 24:14; 28:19, 20; Ebrej 10:24, 25.
Ċertament li l-fidi tagħna se tiġi mġarrba, forsi minħabba l-oppożizzjoni, il-mard serju, il-mewt taʼ xi ħadd maħbub, jew affarijiet oħra. Jekk nibqgħu leali lejn Ġeħova minkejja l-provi se nsaħħu l-fidi tagħna, u din se ssir tiswa iktar mid-deheb. Kemm jekk nibqgħu ħajjin biex naraw it-twettiq tal-wegħdi kollha t’Alla u kemm jekk le, il-fidi tagħna se tressaqna eqreb lejn Ġeħova. Iktar minn hekk, l-eżempju tagħna se jinkuraġġixxi lil oħrajn biex jimitaw il-fidi tagħna. (Ebrej 13:7) Dan kien il-każ taʼ Ralph li osserva u imita l-fidi tal-ġenituri tiegħu. Hu jispjega:
“Meta kont għadni ngħix id-dar, il-ġenituri tiegħi inkuraġġew lill-familja kollha biex tqum kmieni fil-għodu ħalli naqraw il-Bibbja flimkien. Qrajna l-Bibbja kollha b’dan il-mod.” Ralph għadu jaqra l-Bibbja kull fil-għodu, u għalhekk jibda l-ġurnata bit-tajjeb. Kull ġimgħa, Ralph kien imur fil-ministeru pubbliku maʼ missieru. “B’dan il-mod tgħallimt nagħmel żjajjar lura u nikkonduċi studji tal-Bibbja fid-djar.” Issa, Ralph jaqdi bħala volontier f’wieħed mill-uffiċċji tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova fl-Ewropa. Xi premju mill-aqwa għall-fidi tal-ġenituri tiegħu!
Raġel għal Qalb Ġeħova
David, li twieled xi 900 sena wara Abraham, huwa bniedem li jispikka fost il-qaddejja taʼ Ġeħova msemmijin fl-Iskrittura. Meta Ġeħova għażel lil David biex isir sultan, il-profeta Samwel qal: “Il-Mulej ifittex bniedem ieħor għal qalbu.” Ir-rabta bejn Ġeħova u David tant kienet b’saħħitha li l-profeta Isaija iktar tard kellem lis-Sultan Ħeżekija dwar “il-Mulej, Alla taʼ David missierek.”—1 Samwel 13:14; 2 Slaten 20:5; Isaija 38:5.
Għalkemm David kien għal qalb Ġeħova, kien hemm okkażjonijiet fejn ħalla x-xewqat tiegħu jegħlbuh. Tliet darbiet għamel żbalji serji: Hu ppermetta li l-arka tal-patt tinġarr mhux kif suppost lejn Ġerusalemm; hu għamel adulterju maʼ Batseba u ppjana l-mewt taʼ żewġha, Urija; u għamel ċensiment tal-poplu taʼ Iżrael u Ġuda mingħajr m’ordnalu Ġeħova. F’kull okkażjoni, David kiser il-Liġi t’Alla.—2 Samwel 6:2-10; 11:2-27; 24:1-9.
Però, meta ġibdulu l-attenzjoni għal dnubietu, David aċċetta r-responsabbiltà għalihom u ma waħħal f’ħadd. Hu ammetta li l-mod kif inġarret l-Arka ma ġiex ippjanat kif suppost, u żied “ma konniex fittixnieh [lil Ġeħova] kif inhu ordnat.” Meta l-profeta Natan kixef l-adulterju taʼ David, hu wieġeb: “Jiena dnibt kontra l-Mulej.” U ladarba David intebaħ kemm ma kienx għaqli meta għamel iċ-ċensiment tal-poplu, hu ammetta: “Dnibt bil-kbir b’li għamilt.” David nidem minn dnubietu u baqaʼ qrib Ġeħova.—1 Kronaki 15:13; 2 Samwel 12:13; 24:10.
Meta Niżbaljaw
L-eżempju taʼ David jinkuraġġina hekk kif nistinkaw biex nagħmlu lil Ġeħova l-Alla tagħna. Jekk raġel li kien daqstant għal qalb Ġeħova wasal biex wettaq dnubiet serji bħal dawn, mela m’għandniex għalfejn niddispraw jekk minkejja l-isforzi mill-aħjar tagħna xi drabi nidinbu jew saħansitra nagħmlu żbalji serji. (Koħèlet 7:20) Nistgħu nitfarrġu mill-fatt li meta David nidem, id-dnubiet tiegħu nħafru. Hekk ġara lil Uwea xi ftit tas-snin ilu.
Uwe kien jaqdi bħala anzjan f’kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Darba minnhom, hu ċeda għal xewqat ħżiena u kkommetta l-immoralità. Għall-bidu, Uwe, bħas-Sultan David, ipprova jaħbi l-kwistjoni bit-tama li Ġeħova jagħlaq għajnejh għan-nuqqas tiegħu. Eventwalment, il-kuxjenza taʼ Uwe tant niggżitu li stqarr kollox m’anzjan sieħbu u ttieħdu passi biex Uwe jirkupra mid-diżastru spiritwali tiegħu.
Uwe nidem mid-dnubiet tiegħu u baqaʼ qrib Ġeħova u l-kongregazzjoni. Tant kien grat għall-għajnuna li ngħata li ftit ġimgħat wara kiteb lill-anzjani biex jesprimi l-gratitudni sinċiera u profonda li ħass għall-għajnuna. “Intom għentuni biex neħles l-isem taʼ Ġeħova mit-tmaqdir,” kiteb hu. Uwe kien kapaċi jżomm ir-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova u maż-żmien reġaʼ nħatar biex jaqdi fl-istess kongregazzjoni.
“Raġel b’Sentimenti bħal Tagħna”
Elija, li għex fis-seklu taʼ wara David, kien wieħed mill-profeti ewlenin taʼ Iżrael. Elija kien eżempju mill-aqwa fejn tidħol il-qima vera fi żmien meta t-taħsir u l-immoralità kienu mifruxa, u hu qatt ma tħarrek fid-devozzjoni tiegħu lejn Ġeħova. Ma niħduhiex bi kbira li s-suċċessur tiegħu, Eliżew, darba sejjaħ lil Ġeħova “Alla taʼ Elija”!—2 Slaten 2:14.
Madankollu, Elija ma kienx xi sovruman. Ġakbu kiteb: “Elija kien raġel b’sentimenti bħal tagħna.” (Ġakbu 5:17) Per eżempju, wara li kellu rebħa qalila kontra l-aduraturi taʼ Bagħal f’Iżrael, ir-Reġina Ġeżabel hedditu li toqtlu. Kif irreaġixxa? Hu beżaʼ u ħarab lejn id-deżert. Hemmhekk, waqt li kien bil-qiegħda taħt siġra tal-ġummar, hu lmenta: “Issa biżżejjed, Mulej; ħudli ’l ħajti, għax m’iniex aħjar minn missirijieti!” Elija ma xtaqx jibqaʼ profeta imma minflok ipprefera jmut.—1 Slaten 19:4.
Madankollu, Ġeħova fehem is-sentimenti taʼ Elija. Alla saħħu, waqt li assigura lil Elija li ma kienx waħdu, ladarba kien hemm oħrajn li kienu leali lejn il-qima vera. Iktar minn hekk, Ġeħova xorta fdah lil Elija u kellu xi xogħol għalih.—1 Slaten 19:5-18.
Il-konfużjoni emozzjonali taʼ Elija ma kinitx sinjal li hu tilef il-favur t’Alla. Xi 1,000 sena wara, meta Kristu Ġesù ġie trasfigurat quddiem Pietru, Ġakbu, u Ġwanni, Ġeħova lil min għażel biex jidher ħdejn Ġesù fil-viżjoni? Lil Mosè u Elija. (Mattew 17:1-9) B’mod ċar, Ġeħova ħares lejn Elija bħala profeta eżemplari. Għalkemm Elija kien sempliċi “raġel b’sentimenti bħal tagħna,” Alla apprezza x-xogħol iebes tiegħu biex jirrestawra l-qima pura u jqaddes lil Ismu.
Il-Ġlieda Emozzjonali Tagħna
Illum il-qaddejja taʼ Ġeħova jistgħu kultant iħossuhom skuraġġiti jew ansjużi. X’serħan li tkun taf li Elija esperjenza l-istess emozzjonijiet! U kemm hu rassiguranti li l-istess bħalma Ġeħova fehem l-emozzjonijiet taʼ Elija, hekk ukoll jifhem il-ġlieda emozzjonali tagħna.—Salm 103:14.
Minn banda, aħna nħobbu lil Alla u lill-proxxmu tagħna u nixtiequ nagħmlu x-xogħol taʼ Ġeħova li nippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna. Mill-banda loħra, nistgħu nkunu diżappuntati minħabba li n-nies ma jwiġbux għall-ippridkar tagħna jew inkella ninkwetaw minħabba t-theddid mill-għedewwa tal-qima vera. Sewwasew bħalma Ġeħova ta lil Elija kulma kellu bżonn biex ikompli, Hu jagħmel l-istess mal-qaddejja tiegħu llum. Ejja nieħdu, per eżempju, il-każ taʼ Herbert u Gertrud.
Herbert u Gertrud tgħammdu bħala Xhieda taʼ Ġeħova f’Leipzig, f’dik li qabel kienet ir-Repubblika Demokratika Ġermaniża, fl-1952. F’dak iż-żmien, il-ħajja kienet diffiċli għall-qaddejja t’Alla, peress li l-ministeru pubbliku kien projbit. Kif ħassu Herbert dwar li jxandar minn dar għal dar?
“Ġieli konna ferm ansjużi. Meta konna mmorru minn dar għal dar, ma konniex nafu jekk f’daqqa waħda kinux se jitfaċċaw l-awtoritajiet u jarrestawna.” X’għen lil Herbert u lil oħrajn biex jegħlbu l-biżaʼ tagħhom? “Għamilna ħafna studju persunali tal-Bibbja. U Ġeħova tana l-qawwa biex inkomplu bix-xogħol tagħna taʼ l-ippridkar.” Fil-ministeru pubbliku, Herbert kellu ħafna esperjenzi li saħħewh—saħansitra ferrħuh.
Herbert iltaqaʼ maʼ mara taʼ mezz’età li wriet interess fil-Bibbja. Xi ġranet wara meta Herbert reġaʼ mar iżurha, kien hemm żagħżugħ preżenti u qagħad jismaʼ l-konversazzjoni. Wara ftit minuti Herbert induna b’xi ħaġa li kexkxitu. Fuq siġġu f’rokna, kien hemm kappell t’uffiċjal tal-pulizija. Kien taż-żagħżugħ, li ovvjament kien pulizija determinat li jarresta lil Herbert.
“Int wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova!” għajjat iż-żagħżugħ. “Ħa nara l-karta taʼ l-identità tiegħek.” Herbert newwillu l-karta taʼ l-identità. Imbagħad seħħet xi ħaġa li ma kienx qed jistennieha. Il-mara daret lejn il-pulizija u wissietu: “Jekk jiġri xi ħaġa lil dan ir-raġel t’Alla, tistaʼ ma tersaqlix ’l hawn.”
Iż-żagħżugħ waqaf għal ftit, ta l-karta taʼ l-identità lura lil Herbert, u ħallieh jitlaq. Imbagħad, Herbert sar jaf li l-pulizija kien għarus lit-tifla taʼ dik il-mara. Ovvjament, hu pprefera li jibqaʼ għarus lit-tfajla milli jarresta lil Herbert.
Nagħmlu lil Ġeħova l-Alla Tagħna
X’nistgħu nitgħallmu minn dawn l-esperjenzi? Bħal Abraham, għandu jkollna fidi b’saħħitha fil-wegħdi taʼ Ġeħova. Bħal David, għandna nduru lejn Ġeħova bi ndiema sinċiera meta niżbaljaw. U bħal Elija, irridu nistrieħu fuq Ġeħova għall-qawwa fi żminijiet t’ansjetà. Billi nagħmlu dan, se nkunu nistgħu nagħmlu lil Ġeħova l-Alla tagħna issa u għall-eternità kollha, ladarba huwa “Alla ħaj, li hu s-Salvatur taʼ kull xorta taʼ bnedmin, speċjalment taʼ wħud leali.”—1 Timotju 4:10.
[Nota taʼ taħt]
a L-isem ġie mibdul.
[Stampi f’paġna 25]
L-ubbidjenza saħħet il-fidi t’Abraham
[Stampa f’paġna 26]
Bħal David, għandna nindmu meta nidinbu
[Stampa f’paġna 28]
L-istess bħalma Ġeħova fehem l-emozzjonijiet taʼ Elija, hekk ukoll jifhem tagħna