LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 1/15 pp. 24-29
  • Għalliema tal-Kelma t’Alla Mħeġġin Iwettqu l-Inkarigu Tagħhom

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għalliema tal-Kelma t’Alla Mħeġġin Iwettqu l-Inkarigu Tagħhom
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Ewwel Ġurnata​—L-​Iskrittura Mnebbħa Tiswa biex Wieħed Jgħallem
  • It-​Tieni Ġurnata​—Kwalifikati Biżżejjed biex Ngħallmu lil Oħrajn
  • It-​Tielet Ġurnata—Kunu Għalliema Meta Tqisu ż-​Żmien
  • Qiegħed Tapplika Dak li Tgħallimt fil-Konvenzjoni Distrettwali “Għalliema tal-Kelma t’Alla”?
    Il-Ministeru tas-Saltna—2001
  • “Proklamaturi Żelużi tas-Saltna” Ferħanin li Jiltaqgħu Flimkien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Il-Kelma Profetika t’Alla Tagħti Tama għall-Futur
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Dawk li Jagħmlu Dak li Tgħid il-Kelma t’Alla Jsibu l-Hena
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 1/15 pp. 24-29

Għalliema tal-​Kelma t’Alla Mħeġġin Iwettqu l-​Inkarigu Tagħhom

MIJIET t’eluf t’għalliema f’dawn l-​aħħar xhur iltaqgħu biex jirċievu iktar tagħlim. Sa minn Mejju li għadda, huma nġabru flimkien f’mijiet taʼ Konvenzjonijiet Distrettwali “Għalliema tal-​Kelma t’Alla” li x-​Xhieda taʼ Jehovah kellhom mad-​dinja kollha. Id-​delegati kienu mħeġġin jgħallmu lilhom infushom, isiru iktar kwalifikati, u jwettqu l-​inkarigu tagħhom bħala għalliema.

Attendejt xi waħda minn dawn il-​konvenzjonijiet? Jekk iva, int bla dubju apprezzajt l-​ikel spiritwali mill-​aħjar li ngħata f’dawn il-​laqgħat għall-​qima taʼ dak Alla veru, Jehovah. Għax ma tingħaqadx magħna hekk kif nirrivedu l-​programm istruttiv tal-​konvenzjoni?

L-​Ewwel Ġurnata​—L-​Iskrittura Mnebbħa Tiswa biex Wieħed Jgħallem

Iċ-​chairman tal-​konvenzjoni laqaʼ b’imħabba lid-​delegati bit-​taħdita “Kunu Istruwiti, Għalliema tal-​Kelma t’Alla.” Billi ġie mgħallem minn Jehovah, l-​“Istruttur Grandjuż,” Ġesù Kristu sar l-​Għalliem il-​Kbir. (Isaija 30:​20, NW; Mattew 19:16) Jekk irridu nipprogressaw bħala għalliema tal-​Kelma t’Alla, aħna wkoll irridu niġu istruwiti minn Jehovah.

Wara kien hemm il-​parti “It-​Tagħlim dwar is-​Saltna Jipproduċi Frott Tajjeb.” Permezz taʼ intervisti m’għalliema t’esperjenza tal-​Kelma t’Alla, ġew enfasizzati l-​ferħ u l-​barkiet li jkollna meta nagħmlu dixxipli.

Imbagħad kien hemm taħdita li tqanqal bl-​isem “Imqanqlin mill-​‘Għeġubijiet taʼ Alla.’” Fl-​ewwel seklu, “għeġubijiet” marbutin mas-​Saltna t’Alla qanqlu lin-​nies biex jaġixxu. (Atti 2:​11) Aħna wkoll nistgħu nħeġġu lin-​nies jaġixxu billi niddikjaraw “għeġubijiet,” bħalma huwa t-​tagħlim skritturali dwar il-​fidwa, l-​irxoxt, u l-​patt il-​ġdid.

It-taħdita taʼ wara inkuraġġiet lil kulħadd biex ‘Jitgħaxxaq bit-​Tjieba taʼ Jehovah.’ (Salm 35:27) Niġu megħjunin nimxu fit-​tjieba billi nitgħallmu nħobbu dak li hu tajjeb u nobogħdu dak li hu ħażin, nistudjaw il-​Bibbja, nirreżistu bil-​ħeġġa kollha l-​influwenzi li jagħmlu ħsara spiritwalment, u nikkultivaw l-​umiltà. Dawn il-​passi se jgħinuna nipproteġu lilna nfusna minn ħbiberiji ħżiena, mill-​valuri materjalistiċi tad-​dinja, u minn divertiment immorali u vjolenti.

It-taħdita prinċipali, bl-​isem “Armati bis-​Sħiħ Bħala Għalliema tal-​Kelma t’Alla,” fakkritna li Jehovah, permezz tal-​Kelma tiegħu, l-​ispirtu qaddis, u l-​organizzazzjoni tiegħu fuq l-​art, jagħmilna ministri kwalifikati. Rigward l-​użu tal-​Kelma t’Alla, il-​kelliemi ħeġġiġna: “Il-​mira tagħna hi li bħallikieku naqbdu l-​messaġġ tal-​Bibbja minn fuq il-​karta stampata u nistampawh fil-​qlub tas-​semmiegħa tagħna.”

L-ewwel serje taʼ taħditiet tal-​konvenzjoni kien jisimha “Ngħallmu Lilna Nfusna waqt li Ngħallmu lil Oħrajn.” Il-​parti tal-​ftuħ saħqet biex aħna nżommu l-​istess livelli għoljin taʼ moralità Kristjana li ngħallmu lil oħrajn. Il-​parti taʼ wara ħeġġitna biex ‘inxandru bir-​reqqa l-​kelma tal-​verità.’ (2 Timotju 2:​15) Biex ngħallmu lilna nfusna huwa vitali li nagħmlu studju persunali regulari u bir-​reqqa, ilna kemm ilna naqdu lil Alla. L-​aħħar parti tas-​serje taʼ taħditiet uriet li x-​Xitan qiegħed għassa biex jara għandniex fina attitudnijiet bħal kburija, spirtu indipendenti, għira, invidja, mibegħda, u stmerrija. Jara wkoll jekk inħobbux nagħtu importanza żejda lilna nfusna, jew inkella nħobbux insibu n-​nuqqasijiet f’ħaddieħor. Madankollu, jekk nieqfu lix-​Xitan b’saħħitna kollha, hu se jaħrab minna. Biex inkunu nistgħu niqfulu, għandna bżonn nersqu iktar qrib lejn Alla.​—Ġakbu 4:​7, 8.

It-​taħdita f’waqtha “Stmerr il-​Pjaga Dinjija tal-​Pornografija” wrietna kif nistgħu nirreżistu b’suċċess jekk il-​pornografija thedded li tkissrilna l-​ispiritwalità tagħna. Il-​profeta Ħabakkuk qal dan fuq Jehovah: “Int għajnejk safja wisq biex tara l-​ħażen, inti ma tiflaħx tħares lejn id-​deni.” (Ħabakkuk 1:​13) Aħna rridu ma ‘naħmlux il-​ħażen.’ (Rumani 12:9) Il-​ġenituri ġew imwissijin biex joqogħdu attenti għall-​użu li t-​tfal tagħhom qed jagħmlu mill-​Internet u għal dak li qed jaraw fuq it-​televixin. Il-​kelliemi qal li dawk li huma attirati mill-​pornografija, għandhom jitolbu l-​għajnuna taʼ xi ħabib matur spiritwalment. Ikun t’għajnuna wkoll li timmedita u titgħallem bl-​amment skritturi bħal Salm 97:10; Mattew 5:​28; l-​1 Korintin 9:​27; Efesin 5:​3, 12; Kolossin 3:5; u l-​1 Tessalonikin 4:​4, 5.

It-taħdita taʼ wara, “Ħalli s-​Sliem t’Alla Jħarsek,” farrġitna bl-​assiguranza li meta nħossuna mtaqqlin bl-​ansjetà, nistgħu nitfgħu t-​tagħbija tagħna fuq Jehovah. (Salm 55:​22, KŻ) Jekk niftħu qalbna fit-​talb, Jehovah se jagħtina “s-​sliem taʼ Alla,” il-​kalma u s-​serħan ġewwieni li jirriżultaw mir-​relazzjoni prezzjuża tagħna miegħu.​—Filippin 4:​6, 7.

L-​ewwel ġurnata spiċċat fuq nota tassew tajba bit-​taħdita “Jehovah Isebbaħ lill-​Poplu Tiegħu bid-​Dawl,” li spjegat it-​twettiq taʼ Isaija kapitlu 60. F’nofs id-​dlam li hawn fid-​dinja bħalissa, “barranin”​—il-​folla kbira li qed tiżdied t’uħud bħal nagħaġ​—qed igawdu d-​dawl taʼ Jehovah flimkien maʼ Kristjani midlukin. Billi rrefera għal versi 19 u 20, il-​kelliemi spjega: “Jehovah mhux se ‘jinżel’ bħalma tinżel ix-​xemx jew ‘jgħib’ bħalma jgħib il-​qamar. Hu se jibqaʼ jsebbaħ lin-​nies tiegħu billi jixħet id-​dawl fuqhom. X’assiguranza meraviljuża hija din għalina li qed ngħixu f’dawn l-​aħħar jiem taʼ din id-​dinja mudlama!” Fi tmiem it-​taħdita, il-​kelliemi ħabbar il-​ħruġ tal-​ktieb Il-​Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-​Bnedmin Kollha, it-​Tieni Volum. Qrajtu kollu dan il-​ktieb ġdid?

It-​Tieni Ġurnata​—Kwalifikati Biżżejjed biex Ngħallmu lil Oħrajn

Fit-​tieni ġurnata, wara d-​diskussjoni taʼ l-​iskrittura tal-​jum, b’interess ħerqan smajna t-​tieni serje taʼ taħditiet taʼ din il-​konvenzjoni, “Ministri li Permezz Tagħhom Oħrajn Isiru Jemmnu.” Kull kelliemi f’din is-​serje taʼ tliet taħditiet enfasizza wieħed mit-​tliet stadji meħtiġin sabiex ngħinu lin-​nies isiru jemmnu​—inxerrdu l-​messaġġ tas-​Saltna, nikkultivaw l-​interess li nsibu, u ngħallmu lil uħud li juru interess jagħmlu dak li kkmandana Kristu. Bl-​għajnuna taʼ xi intervisti u esperjenzi li ġew reċtati, stajna naraw speċifikament kif nistgħu ngħallmu lil oħrajn biex isiru dixxipli.

Il-parti li kien imiss kienet fuq it-​tema “Żid mas-​Sabar Tiegħek id-​Devozzjoni Lejn Alla.” Il-​kelliemi wriena li dak li jgħodd fl-​aħħar mill-​aħħar hu li ‘nibqgħu nżommu sħaħ sa l-​aħħar.’ (Mattew 24:13) Biex nikkultivaw id-​devozzjoni lejn Alla rridu nużaw il-​provvedimenti kollha t’Alla bħalma huma t-​talb, l-​istudju persunali, il-​laqgħat, u l-​ministeru. Ma rridux inħallu l-​attivitajiet u x-​xewqat dinjin jeqirdu jew jieħdu post id-​devozzjoni tagħna lejn Alla.

Kif jistgħu n-​nies li huma mħabbtin u mtaqqlin isibu serħan illum? It-​taħdita “Insibu Serħan taħt il-​Madmad taʼ Kristu” wieġbet din il-​mistoqsija. Ġesù b’imħabba stieden lis-​segwaċi tiegħu biex jieħdu fuqhom il-​madmad tiegħu u jitgħallmu minnu. (Mattew 11:​28-​30) Aħna nistgħu nkunu taħt il-​madmad taʼ Ġesù billi nimxu fuq l-​eżempju tiegħu kemm nistgħu u ngħixu ħajja sempliċi u bilanċjata. Il-​punti prinċipali taʼ din il-​preżentazzjoni ntwerew iktar ċar b’intervisti m’uħud li ssimplifikaw ħajjithom.

Waħda mill-​iktar partijiet li jispikkaw fil-​laqgħat kbar tax-​Xhieda taʼ Jehovah hi l-​magħmudija taʼ qaddejja ġodda li jkunu għadhom kemm iddedikaw lilhom infushom lil Alla. Il-​ħu li ta t-​taħdita “Il-​Magħmudija Twasslek għal Iktar Privileġġi li Tgħallem lil Ħaddieħor” laqaʼ b’imħabba lill-​kandidati li kienu se jitgħammdu u stidinhom biex jieħdu sehem f’iktar privileġġi taʼ servizz. L-​għalliema tal-​Kelma t’Alla li għadhom kemm tgħammdu u li jilħqu kwalifiki spiritwali jistgħu jirsistu għal diversi responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni.

“Imita lill-​Għalliem il-​Kbir” kien it-​titlu taʼ l-​ewwel taħdita wara nofsinhar. Matul il-​miljuni taʼ snin li qattaʼ fis-​sema, Ġesù qagħad attent josserva u jimita lil Missieru, u b’hekk sar l-​Għalliem il-​Kbir. Meta kien fuq l-​art, hu uża metodi taʼ tagħlim effettivi, bħal mistoqsijiet li jġagħluk taħseb u tixbihat sempliċi imma ħajjin. Ġesù bbaża t-​tagħlim tiegħu fuq il-​Kelma t’Alla u tkellem b’entużjażmu, b’imħabba, u b’awtorità. Ma ġejniex imqanqlin biex nimitaw lill-​Għalliem il-​Kbir?

Taħdita eċċitanti oħra, “Lest Int li Taqdi lil Oħrajn?,” inkuraġġietna biex nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù meta niġu biex naqdu lil oħrajn. (Ġwann 13:​12-​15) Il-​kelliemi ħeġġeġ direttament lill-​irġiel kwalifikati biex ikunu bħal Timotju u jaħtfu opportunitajiet biex jgħinu lil oħrajn. (Filippin 2:​20, 21) Il-​ġenituri ġew inkuraġġiti jimitaw lil Elkana u Anna u jgħinu lit-​tfal tagħhom jidħlu fil-​ministeru full-time. Uħud żgħar ġew imħeġġin jimitaw l-​eżempji taʼ Ġesù u taż-​żagħżugħ Timotju, billi jkunu lesti li minn jeddhom joffru lilhom infushom. (1 Pietru 2:​21) Ġejna wkoll imqanqlin bil-​kliem taʼ dawk li ħadu l-​opportunità biex jaqdu lil oħrajn.

It-tema tat-​tielet serje taʼ taħditiet kienet “Ibbenefika Iktar bis-​Sħiħ mill-​Edukazzjoni Teokratika.” L-​ewwel kelliemi enfasizza l-​importanza taʼ li noqogħdu attenti għal ħin itwal. Sabiex nilħqu din il-​mira, nistgħu nibdew b’sessjonijiet qosra taʼ studju persunali u nipprovaw intawluhom. Hu inkuraġġixxa lill-​udjenza wkoll biex ifittxu l-​iskritturi u jieħdu n-​noti waqt il-​laqgħat. It-​tieni kelliemi wissiena dwar il-​bżonn li nistinkaw biex inżommu sod mat-​“tagħlim sħiħ” u bnin. (2 Timotju 1:​13, 14) Biex nipproteġu lilna nfusna mill-​immoralità fuq il-​mezzi tax-​xandir, mill-​filosofiji umani, mill-​kritika letterarja, u minn tagħlim apostat, irridu nirbħu l-​ħin għal studju persunali u attendenza għal-​laqgħat. (Efesin 5:​15, 16, Saydon) L-​aħħar kelliemi fis-​serje taʼ taħditiet enfasizza l-​bżonn li nipprattikaw l-​affarijiet li tgħallimna ħalli b’hekk nibbenefikaw bis-​sħiħ mill-​edukazzjoni teokratika.​—Filippin 4:9.

Kemm konna eċċitati meta smajna t-​taħdita “Provvedimenti Ġodda għall-​Avvanz Spiritwali Tagħna”! Fraħna ħafna meta ntqalilna li dalwaqt se jiġi pubblikat ktieb ġdid li jismu Benefit From Theocratic Ministry School Education (Ibbenefika mill-​Edukazzjoni taʼ l-​Iskola għall-​Ministeru Teokratiku). Meta l-​kelliemi beda jsemmi fuq fuq il-​kontenut, kellna sebaʼ mitt sena sakemm ikollna l-​ktieb f’idejna. Dwar il-​parti fil-​ktieb fejn hemm numru taʼ pariri fuq id-​diskors, hu qal: “Dan il-​ktieb il-​ġdid ma jużax metodu sekulari biex jippreżenta dawn it-​53 aspett taʼ qari tajjeb, diskors tajjeb, u tagħlim tajjeb. Il-​metodu huwa bbażat fuq prinċipji Skritturali.” Il-​ktieb se juri kif il-​profeti, Ġesù, u d-​dixxipli tiegħu użaw metodi tajbin taʼ tagħlim. Iva, dan il-​ktieb u l-​fatturi ġodda taʼ l-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku żgur se jassistuna biex inkunu għalliema aħjar tal-​Kelma t’Alla.

It-​Tielet Ġurnata—Kunu Għalliema Meta Tqisu ż-​Żmien

Wara d-​diskussjoni taʼ l-​iskrittura tal-​jum taʼ l-​aħħar ġurnata, kulħadd kien ħerqan u attent għall-​aħħar serje taʼ taħditiet “Il-​Profezija taʼ Malakija Tħejjina għall-​Jum taʼ Jehovah.” Malakija pprofetizza madwar mitt sena wara li l-​Lhud irritornaw minn Babilonja. Huma kienu reġgħu waqgħu għall-​apostasija u għall-​ħażen, u żebilħu isem Jehovah billi injoraw il-​liġijiet taʼ tjieba tiegħu u ġabu annimali għomja, zopop u morda għas-​sagrifiċċju. Iktar minn hekk, huma kienu qed jiddivorzjaw lill-​mara taʼ żgħożithom, x’aktarx biex jiżżewġu nisa barranin.

L-ewwel kapitlu taʼ Malakija jaċċertana mill-​imħabba taʼ Jehovah għan-​nies tiegħu. Jenfasizza l-​bżonn li jkollna biżaʼ riverenzjali lejn Jehovah kif ukoll apprezzament lejn dak kollu li hu sagru. Jehovah jistenna li nagħtuh l-​aħjar li nistgħu, li nqimuh b’imħabba bla egoiżmu. Is-​servizz sagru tagħna m’għandux ikun sempliċi formalità, u kull wieħed minna jrid jagħti kont lil Alla.

Filwaqt li applika t-​tieni kapitlu taʼ Malakija għal żmienna, it-​tieni kelliemi tas-​serje taʼ taħditiet staqsa: “Qegħdin aħna attenti li ‘ebda ħażen ma jinstab fuq xofftejna’?” (Malakija 2:6) Dawk li huma fuq quddiem biex jgħallmu lil oħrajn iridu jkunu ċerti li dak li jgħidu huwa kollu bbażat b’mod sod fuq il-​Kelma t’Alla. Irridu nobogħdu dan it-​tip taʼ qerq bħal li tikseb divorzju inġust.—Malakija 2:​14-​16, NW.

Meta tkellem fuq it-​tema “Min Se Jibqaʼ Ħaj fil-​Jum taʼ Jehovah?,” l-​aħħar kelliemi tas-​serje taʼ taħditiet għenna nippreparaw lilna nfusna għall-​jum taʼ Jehovah. “Kemm hu taʼ faraġ għall-​qaddejja taʼ Jehovah li jkunu jafu li Malakija kapitlu 3, vers 17, qed ikollu l-​akbar twettiq tiegħu fuqhom!” esklama l-​kelliemi. “Dan jgħid: ‘“U fil-​jum imħejji minni,” jgħid il-​Mulej taʼ l-​eżerċti, “huma jkunu għalija teżor li ma bħalu, u nagħdirhom kif raġel jagħder lil ibnu li jaqdih.”’”

Parti eċċitanti oħra f’din il-​konvenzjoni kienet id-​drama bil-​kostum “Irrispetta l-​Awtorità taʼ Jehovah,” li trattat dwar ulied Koraħ. Minkejja l-​attitudni ribelluża taʼ missierhom lejn Mosè u Aron, huma baqgħu leali lejn Jehovah u r-​rappreżentanti tiegħu. Waqt li Koraħ u dawk li żammew miegħu mietu, ulied Koraħ baqgħu ħajjin. It-​taħdita taʼ wara, “Issottometti Ruħek Lealment Lejn l-​Awtorità Divina,” applikat it-​tifsir tad-​drama għal kull wieħed u waħda minna. Il-​kelliemi wissiena dwar sitt aspetti li fihom Koraħ u dawk li żammew miegħu naqsu bl-​ikrah: m’appoġġawx l-​awtorità taʼ Jehovah lealment; ħallew il-​kburija, l-​ambizzjoni, u l-​għira jegħlbuhom; iffokaw fuq id-​difetti taʼ dawk li kienu maħturin minn Jehovah; żviluppaw attitudni taʼ tgergir; ma baqgħux kuntenti bil-​privileġġi taʼ servizz li kellhom; u ħallew il-​ħbiberiji u r-​rabtiet tal-​familja jiġu qabel il-​lealtà tagħhom lejn Jehovah.

“Min Huma Dawk li Qed Jgħallmu l-​Verità lill-​Ġnus Kollha?” kienet it-​tema tat-​taħdita pubblika. Il-​verità li ġiet diskussa ma kinitx il-​verità in ġenerali, imma l-​verità dwar l-​iskop taʼ Jehovah li dwarha Ġesù Kristu ta xiehda. Il-​kelliemi kkunsidra l-​verità relatata maʼ dak kollu li nemmnu, il-​verità rigward il-​mod kif inqimu, u l-​verità li għandha x’taqsam maʼ l-​imġiba persunali. B’dan ix-​xebh bejn il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu u x-​Xhieda taʼ Jehovah illum, il-​konvinzjoni li ‘tassew li Alla f’nofsna’ ġiet verament imsaħħa.​—1 Korintin 14:25.

Wara sommarju taʼ l-​istudju tat-​Torri taʼ l-​Għassa għal dik il-​ġimgħa, l-​għalliema kollha tal-​kelma t’Alla fl-​attendenza ġew imqanqlin għall-​azzjoni permezz tat-​taħdita taʼ l-​għeluq, “Inwettqu b’Urġenza l-​Inkarigu Tagħna li Ngħallmu.” Reviżjoni fil-​qosor tal-​programm enfasizzat kemm hu importanti li nużaw l-​Iskrittura fit-​tagħlim, il-​modi taʼ kif nistgħu nsiru għalliema kwalifikati, u l-​bżonn li jkollna fiduċja fil-​verità li ngħallmu lil ħaddieħor. Il-​kelliemi wissiena ‘biex kulħadd jara li aħna mexjin ’il quddiem’ u biex ‘ngħassu fuqna nfusna u fuq it-​tagħlim tagħna.’—1 Timotju 4:​15, 16.

X’festa spiritwali gawdejna fil-​Konvenzjoni Distrettwali “Għalliema tal-​Kelma t’Alla”! Jalla nimitaw lill-​Istruttur Grandjuż tagħna, Jehovah, u lill-​Għalliem il-​Kbir tagħna, Ġesù Kristu, f’li ngħallmu l-​kelma t’Alla lil oħrajn.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 28]

Pubblikazzjonijiet Ġodda biex Jilħqu Bżonnijiet Speċjali

Delegati għall-​Konvenzjoni Distrettwali “Għalliema tal-​Kelma t’Alla” b’entużjażmu rċivew żewġ pubblikazzjonijiet li għandhom ikunu t’għajnuna kbira f’li tiġi mgħallma l-​verità Skritturali lin-​nies f’ċerti partijiet tad-​dinja. Il-​fuljett li jismu Do You Have an Immortal Spirit? (Għandek Int Spirtu Immortali?) se jkun għodda tajba biex nibdew konversazzjonijiet maʼ dawk li joqogħdu f’artijiet fejn il-​lingwa lokali ma tagħmilx differenza bejn “ruħ” u “spirtu.” Dan il-​fuljett ġdid juri ċar li forza spirtu hi differenti minn ħliqa spirtu u li n-​nies ma jsirux ħlejjaq spirti meta jmutu.

Il-​browxer A Satisfying Life—How to Attain It (Ħajja li Tissodisfak—Kif Takkwistaha) ġie maħruġ fi tmiem it-​tieni ġurnata tal-​konvenzjoni. Dan il-​browxer ġie preparat bl-​iskop li jinbeda studju tal-​Bibbja maʼ dawk li la għandhom idea taʼ Ħallieq li għandu personalità u lanqas taʼ ktieb ispirat b’mod divin. Irnexxielek tużahom dawn il-​pubblikazzjonijiet fil-​ministeru tiegħek?

[Stampi f’paġna 26]

Mijiet ġew mgħammdin ġo Milan, l-​Italja, u f’konvenzjonijiet madwar id-​dinja

[Stampa f’paġna 29]

L-​udjenzi ġew imqanqlin permezz tad-​drama “Irrispetta l-​Awtorità taʼ Jehovah”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja