LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 1/15 pp. 30-31
  • Is-Siġra li “Tibki” u d-“Dmugħ” Siewi Tagħha

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Is-Siġra li “Tibki” u d-“Dmugħ” Siewi Tagħha
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Istorja taʼ Pjanta Prezzjuża
  • Il-​Mastiċi Tistaʼ Tintuża għal Ħafna Affarijiet
  • Balzmu taʼ Gilegħad—L-Ingwent li Jfejjaq
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Iċ-Chewing Gum—Modern iżda Antik
    Stenbaħ!—2002
  • Id-dmugħ misterjuż tiegħek
    Stenbaħ!—2014
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 1/15 pp. 30-31

Is-​Siġra li “Tibki” u d-​“Dmugħ” Siewi Tagħha

‘Ġibu l-​balzmu għall-​uġigħ,’ jgħid Ġeremija 51:8. It-​tfittxija għal wieħed mis-​sorsi taʼ din is-​sustanza li tant isserraħ u tfejjaq tiħodna fil-​gżira taʼ Kijos, fil-​Baħar Eġew.

HEKK kif jibda s-​sajf, il-​bdiewa f’Kijos jibdew ilestu għall-​ħsad b’mod verament mhux tas-​soltu. Wara li jikinsu l-​art, jagħmlu bażi ċatta taʼ tafal abjad madwar tip taʼ siġar baxxi li jħaddru s-​sena kollha. Dawn is-​siġar jissejħu siġar tal-​mastiċi. Il-​bdiewa mbagħad jagħmlu qatgħat fiz-​zkuk, u b’hekk iġagħlu s-​siġar “jibku.” “Dmugħ” ċar tar-​raża jibda jnixxi miz-​zokk. Wara ġimagħtejn jew tlieta, il-​qtar tar-​raża jagħqad u l-​bdiewa jiġbruh direttament miz-​zokk inkella mill-​wiċċ tat-​tafal taʼ taħt iz-​zokk. Dan id-​“dmugħ,” li jissejjaħ gomma tal-​mastiċi, jintuża għall-​balzmu.

Madankollu, qabel il-​ħsad, hemm bżonn taʼ ħafna paċenzja u xogħol iebes. Iz-​zkuk mgħawġin u griżi tas-​siġar jikbru bil-​mod ħafna. Siġra waħda tieħu bejn 40 u 50 sena biex tikber sew—ġeneralment sakemm tilħaq l-​għoli taʼ madwar żewġ metri jew tlieta.

Minbarra l-​biċċa xogħol taʼ li jaqtgħu z-​zkuk u jiġbru d-​“dmugħ,” hemm bżonn taʼ iktar xogħol biex issir il-​mastiċi. Wara li l-​bdiewa jiġbru d-​“dmugħ” tal-​mastiċi, jgħarbluh, jaħsluh, u jagħżluh skond id-​daqs u l-​kwalità. Iktar tard, il-​mastiċi terġaʼ titnaddaf u mbagħad tkun tistaʼ tintuża għal ħafna affarijiet.

L-​Istorja taʼ Pjanta Prezzjuża

Il-​kelma Griega użata għal “mastiċi” tfisser tgħażżaż is-​snien maʼ xulxin. Dan l-​isem jissuġġerixxi li r-​raża tal-​mastiċi kienet ilha minn żmien il-​qedem tintuża bħala chewing gum biex tfewwaħ in-​nifs.

L-eqdem informazzjoni dwar il-​mastiċi ġejja minn Erodotu, kittieb taʼ l-​istorja Grieg tal-​ħames seklu Q.E.K. Awturi u tobba tal-​qedem oħrajn—inkluż Apollodoru, Dijoskoride, Teofrastu, u Ippokrate—semmew l-​użu mediku tal-​mastiċi. Għalkemm is-​siġar tal-​mastiċi jikbru madwar il-​kosta kollha tal-​Mediterran, minn madwar is-​sena 50 E.K., il-​produzzjoni tal-​mastiċi saret limitata kważi għal Kijos biss. U l-​mastiċi kienet l-​interess prinċipali taʼ dawk li kkonkwistaw lil Kijos, ibda mir-​Rumani, u spiċċa bil-​Ġenovisi u l-​Ottomani.

Il-​Mastiċi Tistaʼ Tintuża għal Ħafna Affarijiet

Tobba Eġizzjani tal-​qedem kienu jużaw il-​mastiċi biex jikkuraw diversi mard, inkluż id-​dijarea u l-​artrite. Kienu jużawha wkoll bħala inċens u biex jagħmlu l-​mumji. Is-​siġra tal-​mastiċi setgħet kienet waħda mis-​sorsi tal-​‘balzmu taʼ Gilgħad,’ li huwa msemmi fil-​Bibbja għall-​valur tiegħu fil-​mediċina u għall-​użu fil-​kosmetika u l-​ibbalzmar. (Ġeremija 8:22; 46:11) Ġie suġġerit ukoll li s-​siġra li tagħmel l-​istakti, waħda mill-​ingredjenti taʼ l-​inċens qaddis u jfuħ li kien jintuża biss għal affarijiet sagri, x’aktarx li ġejja mill-​familja tas-​siġar tal-​mastiċi.—Eżodu 30:​34, 35.

Illum, il-​mastiċi tintuża fil-​verniċ biex tipproteġi l-​pittura taż-​żejt, l-​għamara, u l-​istrumenti mużikali. Tintuża wkoll biex tipproteġi materjal taʼ l-​elettriku u affarijiet oħra mill-​ilma, u hija kunsidrata bħala waħda mill-​aħjar sustanzi li tippreserva l-​kulur taż-​żebgħa tal-​ħwejjeġ u tal-​pittura. Il-​mastiċi ntużat ukoll fil-​kolla u biex ibiddlu l-​kulur tal-​ġild. Minħabba r-​riħa tfuħ u l-​karatteristiċi l-​oħra tagħha, il-​mastiċi tintuża fis-​sapun, fil-​kosmetika, u fil-​fwejjaħ.

Il-mastiċi tinsab imniżżla f’25 lista uffiċjali tal-​mediċina madwar id-​dinja. Sa llum, l-​Għarab għadhom jużawha taʼ spiss f’mediċini tradizzjonali. Il-​mastiċi tintuża wkoll biex jimlew is-​snien u biex isiru l-​kapsuli tal-​pilloli.

Bħala wieħed mis-​sorsi tal-​balzmu, id-​“dmugħ” siewi tas-​siġra tal-​mastiċi li “tibki” ntuża biex ifejjaq u jserraħ għal sekli sħaħ. B’raġuni tajba, mela, il-​profezija ta’ Ġeremija tgħid: ‘Ġibu l-​balzmu għall-​uġigħ.’

[Stampi f’paġna 31]

Kijos

Il-​ħsad tal-​mastiċi

Id-​“dmugħ” tal-​mastiċi jinġabar bir-​reqqa

[Sorsi]

Kijos u kif isir il-​ħsad: Bil-​korteżija tal-​Librerija taʼ Korais; l-​oħrajn kollha: Kostas Stamoulis

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja