Balzmu taʼ Gilegħad—L-Ingwent li Jfejjaq
RAKKONT familjari fil-ktieb Bibliku tal-Ġenesi jgħid l-istorja taʼ kif Ġużeppi ġie mibjugħ minn ħutu lil xi negozjanti Ismagħelin li kienu fi triqithom lejn l-Eġittu. Il-karavana tan-negozjanti kienet ġejja minn Gilegħad, u l-iġmla kienu qed iġorru balzmu u affarijiet oħrajn lejn l-Eġittu. (Ġenesi 37:25) Dan ir-rakkont qasir jagħti x’jifhem li l-balzmu minn Gilegħad kien meqjus bħala prezzjuż ħafna fil-Lvant Nofsani tal-qedem għall-valur mediċinali partikulari tiegħu.
Madankollu, fis-sitt seklu Q.E.K., il-profeta Ġeremija b’niket staqsa: “Jaqaw m’hemmx balzmu f’Gilegħad?” (Ġeremija 8:22) X’qanqal lil Ġeremija biex jistaqsi din il-mistoqsija? X’inhu eżattament il-balzmu? Hemm balzmu li hu utli għall-fejqan illum?
Il-Balzmu fiż-Żminijiet Bibliċi
It-terminu ġenerali balzmu jiddeskrivi sustanza tfuħ u ġeneralment żejtnija li twaħħal u li toħroġ minn diversi pjanti u siġar. Iż-żejt tal-balzmu, li spiss kien jintuża fl-inċens u l-fwejjaħ, kien wieħed mill-affarijiet lussużi tal-Lvant Nofsani tal-qedem. Kien imsemmi fost l-ingredjenti taż-żejt tad-dlik qaddis u tal-inċens li kienu jintużaw fit-tabernaklu ftit wara li l-Iżraelin ħarġu mill-Eġittu. (Eżodu 25:6; 35:8) Iż-żejt tal-balzmu kien ukoll fost l-għotjiet prezzjużi li s-sultana taʼ Xeba tat lis-Sultan Salamun. (1 Slaten 10:2, 10) Ester ngħatat kura tas-sbuħija u massaġġi għal “sitt xhur biż-żejt tal-balzmu” qabel ma ppreżentat lilha nfisha lis-Sultan Persjan Aħasweru.—Ester 1:1; 2:12.
Waqt li ż-żejt tal-balzmu kien jiġi minn diversi partijiet tal-Lvant Nofsani, il-balzmu taʼ Gilegħad kien mill-Art Imwiegħda, u Gilegħad kien ir-reġjun lejn il-Lvant tax-Xmara Ġordan. Il-patrijarka Ġakobb qies il-balzmu bħala wieħed mill-“aqwa prodotti taʼ l-art,” u bagħtu bħala għotja lejn l-Eġittu. (Ġenesi 43:11) U l-profeta Eżekjel semma l-balzmu fost il-prodotti li Ġuda u Iżrael esportaw lejn Tir. (Eżekjel 27:17) Il-balzmu kien magħruf sew għall-valur mediċinali partikulari tiegħu. Il-letteratura tal-qedem spiss issemmi l-abbiltajiet tal-ingwent biex ifejjaq u jġedded, l-iktar fejn jidħol il-fejqan tal-feriti.
Balzmu Għal Ġens Marid
Allura, Ġeremija għala qajjem il-mistoqsija, “Jaqaw m’hemmx balzmu f’Gilegħad”? Biex nifhmu dan, irridu nagħtu ħarsa lejn il-ġens t’Iżrael lura f’dak iż-żmien. Iktar kmieni, il-profeta Iżaija kien ta deskrizzjoni ħajja taʼ kemm kienet imħassra r-relazzjoni tagħhom m’Alla: “Mill-qiegħ tas-saqajn sar-ras m’hemmx parti waħda li hi f’saħħitha. Feriti u tbenġil u ġrieħi miftuħin—ma ġewx magħfusin jew marbutin.” (Isaija 1:6) Minflok m’għarfu l-kundizzjoni tal-biki tagħhom u fittxew il-kura, il-ġens baqgħu fit-triq diżubbidjenti tagħhom. Sa żmienu, Ġeremija setaʼ biss jgħid b’niket: “Huma ċaħdu kelmet Ġeħova, u issa x’għerf għandhom? Li kieku biss kienu daru lura lejn Ġeħova, kien ifejjaqhom. “Jaqaw m’hemmx balzmu f’Gilegħad?” X’mistoqsija li tqanqal il-ħsieb!—Ġeremija 8:9.
B’ħafna modi, id-dinja tal-lum hi mimlija “feriti u tbenġil u ġrieħi miftuħin.” In-nies qed isofru minħabba l-faqar, l-inġustizzja, l-egoiżmu, u n-nuqqas taʼ qalb tajba, għax l-imħabba għal Alla u għall-proxxmu birdet. (Mattew 24:12; 2 Timotju 3:1-5) Ħafna jħossuhom imwarrbin minħabba r-razza, l-isfond etniku, jew l-età tagħhom. Minbarra dan, il-ġuħ, il-mard, il-gwerer, u l-mewt iżidu mal-uġigħ tagħhom. Bħal Ġeremija, ħafna nies li sinċerament jemmnu, jiddubitaw jekk hemmx “balzmu f’Gilegħad” li bih jistgħu jorbtu l-ġrieħi emozzjonali u spiritwali taʼ dawk li qed isofru.
L-Aħbar Tajba li Tfejjaq
Fi żmien Ġesù, l-istess mistoqsija kienet fuq moħħ l-umli. Imma ma baqgħux bla tweġiba. Fis-sinagoga f’Nazaret fil-bidu tas-sena 30 E.K., Ġesù qara dan il-kliem mir-romblu t’Iżaija: “Ġeħova dilikni biex ngħid aħbar tajba lill-ġwejdin. Bagħatni biex ninfaxxa lil dawk b’qalbhom maqsuma.” (Isaija 61:1) Imbagħad Ġesù applika dan il-kliem għalih u ppreżenta lilu nnifsu bħala l-Messija bl-inkarigu li jagħmel magħruf messaġġ taʼ faraġ.—Luqa 4:16-21.
Matul il-ministeru tiegħu, Ġesù b’żelu pprietka l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. (Mattew 4:17) Fil-Prietka taʼ fuq il-Muntanja, hu wiegħed lill-magħkusin li s-sitwazzjoni tagħhom kienet se tinbidel: “Henjin intom li bħalissa tibku, għax għad tidħqu.” (Luqa 6:21) Billi ħabbar li s-Saltna t’Alla kienet ġejja—messaġġ taʼ tama—Ġesù “nfaxxa lil dawk b’qalbhom maqsuma.”
Bl-istess mod, fi żmienna “l-aħbar tajba tas-saltna” tibqaʼ tkun sors taʼ faraġ. (Mattew 6:10; 9:35) Ejja nieħdu l-eżempju taʼ Roger u Liliane. F’Jannar tal-1961 tgħallmu għall-ewwel darba dwar il-wegħda t’Alla taʼ ħajja taʼ dejjem, u din kienet għalihom bħal balzmu li jserraħ. Liliane tiftakar: “Bdejt niżfen madwar il-kċina minħabba dak li kont qed nitgħallem. Vera kont ferħana.” Roger, li dakinhar kien ilu paralizzat parzjalment għal għaxar snin, iżid, “Sibt ferħ kbir, il-ferħ tal-ħajja, grazzi għal tama meraviljuża—dik tal-irxoxt u t-tmiem tal-uġigħ u l-mard kollu.”—Rivelazzjoni 21:4.
Fl-1970 ġarrbu t-telfa fil-mewt tat-tifel tagħhom li kellu 11-il sena. Imma ma ħallewx id-disprament jifnihom. Huma personalment ħassew li Ġeħova kien “qed ifejjaq lil dawk taʼ qalbhom maqsuma, u qed jinfaxxalhom il-ġrieħi li juġgħuhom.” (Salm 147:3) It-tama tagħhom farrġithom. Għal kważi 50 sena, l-aħbar tajba dwar is-Saltna t’Alla li ġejja ġabitilhom paċi u kuntentizza.
Fejqan li Għad Irid Jiġi
Allura, hemm “balzmu f’Gilegħad” illum? Iva, illum għadu jeżisti l-balzmu spiritwali. Il-faraġ u t-tama provduti mill-aħbar tajba tas-Saltna jistgħu jinfaxxaw lil dawk b’qalbhom maqsuma. Tixtieq int tesperjenza fejqan bħal dan? Kulma trid tagħmel hu li tiftaħ qalbek beraħ għall-messaġġ taʼ faraġ mill-Kelma t’Alla u tħallih jimla ’l ħajtek. Miljuni taʼ nies diġà għamlu dan.
Il-fejqan permezz taʼ dan il-balzmu jipprovdi ħarsa bil-quddiem tas-serħan akbar li għad irid jiġi. Iż-żmien riesaq bil-ħeffa meta Alla Ġeħova se jġib “fejqan tal-ġnus,” li se jwassal għall-ħajja taʼ dejjem. F’dak iż-żmien, “ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’” Iva, għad hemm “balzmu f’Gilegħad”!—Rivelazzjoni 22:2; Isaija 33:24.
[Stampa f’paġna 23]
L-abbiltà tal-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla biex tfejjaq tibqaʼ ttaffi l-uġigħ taʼ dawk b’qalbhom maqsuma llum