LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w10 10/1 pp. 18-21
  • L-Istilel Jikkontrollawlek Ħajtek?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Istilel Jikkontrollawlek Ħajtek?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Oriġini u l-​Iskop tal-​Astroloġija
  • Is-​Sors tal-​Astroloġija
  • Għala Għandek Taħrabha
  • Tikxef l-Astroloġija l-Futur Tiegħek?
    Stenbaħ!—2005
  • Iż-Żodjaku Għandu Jinfluwenzalek Ħajtek?
    Stenbaħ!—2000
  • Nistgħu nafdaw l-astrologi u ’l dawk li jbassru l-futur?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2018
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
w10 10/1 pp. 18-21

L-​Istilel Jikkontrollawlek Ħajtek?

JEKK tosserva s-​smewwiet f’lejla sabiħa u ’l bogħod mid-​dwal taʼ kwalunkwe preżenza umana, dawn jidhru bħal bellus iswed b’eluf taʼ djamanti żgħar ileqqu fil-​firxa tas-​smewwiet. Huwa biss f’dawn l-​aħħar 350 sena li l-​bniedem beda jifhem il-​kobor enormi tad-​daqs tal-​istilel u d-​distanza tagħhom minna. Aħna kemm kemm qegħdin nibdew nifhmu l-​qawwiet enormi li qed jaħdmu madwar il-​post tal-​għaġeb li nsejħulu l-​univers tagħna.

Il-​bnedmin ilhom minn kmieni fl-​istorja josservaw il-​movimenti preċiżi tal-​oġġetti ċelestjali, bħall-​istilel, il-​pjaneti, u l-​kwiekeb, fis-​smewwiet bil-​lejl. Ukoll, ilhom jaraw il-​bidliet fil-​pożizzjoni taʼ dawn l-​oġġetti ċelestjali fis-​smewwiet skont l-​istaġuni. (Ġenesi 1:14) Ħafna esprimew sentimenti bħal dawk tas-​Sultan David t’Iżrael li xi 3,000 sena ilu kiteb: “Meta nara s-​smewwiet tiegħek, għemil subgħajk, il-​qamar u l-​kwiekeb li int ħejjejt, x’inhu l-​bniedem mortali biex iżżommu f’moħħok?”—Salm 8:3, 4.

Madankollu, kemm jekk nirrealizzaw u kemm jekk le, l-​oġġetti ċelestjali u l-​movimenti tagħhom jeffettwawlna ħajjitna b’mod tassew iktar reali. Ix-​xemx tagħna, l-​istilla li madwarha ddur l-​art, tistabbilixxi l-​iktar aspetti bażiċi tal-​ħin tal-​bniedem—it-​tul tal-​jiem u s-​snin tagħna. Il-​qamar qiegħed “biex jimmarka ż-​żminijiet stabbiliti,” jew “għall-​istaġuni.” (Salm 104:19; Karm Żammit) U l-​istilel huma gwida taʼ min joqgħod fuqha fin-​navigazzjoni, saħansitra biex l-​astronawti jikkalkulaw fejn jinsabu bil-​vetturi spazjali tagħhom. Minħabba f’hekk, xi wħud jaħsbu dwar jekk l-​istilel jistgħux jagħmlu iktar għalina milli juruna f’liema żmien u staġun ninsabu u milli jkabbru l-​apprezzament tagħna għall-​ħolqien t’Alla. Jistgħu dawn ukoll ibassru l-​futur tagħna jew iwissuna dwar xi għawġ?

L-​Oriġini u l-​Iskop tal-​Astroloġija

Il-​prattika tat-​tfittix fis-​smewwiet għal sinjali biex jidderieġu l-​mod kif timxi l-​ħajja fuq l-​art kellha l-​oriġini tagħha fil-​Mesopotamja tal-​qedem, u x’aktarx li tmur lura sa 3,000 sena Q.E.K. L-​astroloġi tal-​bidu kienu josservaw is-​smewwiet bir-​reqqa. Mill-​isforzi tagħhom biex jiddokumentaw il-​movimenti tal-​oġġetti ċelestjali, iniżżlu bil-​miktub il-​pożizzjonijiet tal-​istilel, jifformaw il-​kalendarji, u jbassru l-​eklissi, twieldet ix-​xjenza tal-​astronomija. Imma l-​astroloġija tagħmel iktar milli tosserva l-​effett naturali tax-​xemx u l-​qamar fuq l-​ambjent tagħna. Din issostni li l-​post fejn ikunu x-​xemx, il-​qamar, il-​pjaneti, l-​istilel, u l-​kostellazzjonijiet u l-​pożizzjoni bejniethom mhux biss jinfluwenzaw ġrajjiet sinifikanti fuq l-​art imma wkoll jikkontrollaw il-​ħajjiet individwali. B’liema modi?

Xi astroloġi jużaw l-​astroloġija bħala mezz biex josservaw l-​oġġetti ċelestjali għal indikazzjonijiet jew twissijiet dwar il-​futur. Dawn jistgħu jintużaw minn dawk li jkunu jafu bihom, u b’hekk jibbenefikaw minnhom b’diversi modi. Oħrajn iħossu li l-​astroloġija fil-​fatt turi x’inhu mbassar li se nagħmlu fil-​futur jew tistaʼ tgħinna niddeċiedu liema hu l-​aħjar żmien biex nieħdu sehem f’ċerti attivitajiet jew biex nagħmlu xi biċċa xogħol partikulari. Jingħad li din l-​informazzjoni tinkiseb milli jiġu osservati l-​pożizzjonijiet bejn l-​oġġetti ċelestjali fundamentali u milli jiġi “kalkulat” kif jeffettwaw lil xulxin u lill-​art. Jingħad ukoll li l-​effett tagħhom fuq individwu partikulari jiddependi mill-​pożizzjoni bejn l-​oġġetti ċelestjali meta dan jitwieled.

L-​astroloġi tal-​bidu kienu jimmaġinaw li l-​art kienet iċ-​ċentru tal-​univers u li l-​pjaneti u l-​istilel kienu maqfulin f’serje taʼ sferi ċelestjali waħda akbar mill-​oħra li kienu jduru madwar id-​dinja. Kienu jaħsbu wkoll li x-​xemx tivvjaġġa fis-​smewwiet fost l-​istilel u l-​kostellazzjonijiet fi triq speċifika fuq vjaġġ li kienet tagħmel kull sena. Huma sejħu din it-​triq, li immaġinaw li kienet tieħu x-​xemx, l-​eklittika u qasmuha fi 12-​il żona, jew parti. Kull parti ssemmiet għall-​kostellazzjoni li kienet fiha u li minnha kienet tgħaddi x-​xemx. Dan hu kif ġew ivvintati t-​12-​il simbolu żodjakali. Dawn iż-​żoni, jew “djar fis-​sema,” kienu kunsidrati bħala l-​post fejn jgħammru allat speċifiċi. M’għandniex xi ngħidu, ix-​xjenzati maż-​żmien saru jafu li x-​xemx ma ddurx madwar id-​dinja imma li l-​art tivvjaġġa madwar ix-​xemx. Din l-​iskoperta tat id-​daqqa tal-​mewt lill-​astroloġija bħala xjenza.

Il-​prattika tal-​astroloġija, mill-​oriġini tagħha fil-​Mesopotamja, infirxet kważi fil-​partijiet kollha tad-​dinja u niżżlet l-​għeruq b’diversi forom kważi fiċ-​ċivilizzazzjonijiet il-​kbar kollha tal-​umanità. Wara li l-​Persjani għelbu lil Babilonja, l-​astroloġija daħlet ukoll fl-​Eġittu, fil-​Greċja, u fl-​Indja. Mill-​Indja, il-​missjunarji Buddisti daħħluha fl-​Asja Ċentrali, fiċ-​Ċina, fit-​Tibet, fil-​Ġappun, u fl-​Asja tax-​Xlokk. Għalkemm ma nafux eżatt kif l-​astroloġija sabet ruħha fil-​komunità tal-​Maja, din iċ-​ċivilizzazzjoni użat ħafna l-​osservazzjonijiet astroloġiċi b’mod simili għall-​Babiloniżi. L-​astroloġija “moderna” milli jidher żviluppat fl-​Eġittu Ellenizzat u kellha impatt qawwi fuq il-​ħsieb li minnu ġej xi tagħlim tal-​Ġudaiżmu, l-​Iżlam, u l-​Kristjaneżmu.

Anki qabel ma l-​ġens t’Iżrael ġie eżiljat lejn Babilonja fis-​sebaʼ seklu Q.E.K., dan ukoll ġie effettwat mill-​astroloġija. Il-​Bibbja tgħidilna dwar l-​isforzi tas-​sultan leali Ġosija biex ineħħi minn fost in-​nies il-​prattika tas-​sagrifiċċji “lix-​xemx u lill-​qamar u lill-​kostellazzjonijiet taż-​żodjaku u lill-​armata kollha tas-​smewwiet.”—2 Slaten 23:5.

Is-​Sors tal-​Astroloġija

L-​astroloġija hija bbażata fuq żbalji gravi dwar il-​mod kif inhu mqassam l-​univers u kif jaħdem. Għalhekk, bilfors li mhijiex ġejja minn Alla. Minħabba li l-​bażi tagħha hi msejsa fuq il-​gideb, l-​astroloġija ma tistax tkun sors t’informazzjoni eżatta dwar il-​futur. Nistgħu naraw b’mod ċar kemm ma tiswa xejn minn żewġ rakkonti storiċi interessanti.

Matul il-​ħakma tas-​sultan Babiloniż Nebukadnessar, il-​qassisin u l-​astroloġi ma rnexxilhomx jinterpretaw għas-​sultan il-​ħolma li kellu. Danjel, profeta tal-​Alla l-​veru Ġeħova, wera x’kienet ir-​raġuni għall-​problema: “Is-​sigriet li s-​sultan qed jistaqsi dwaru, la l-​għorrief, la dawk li jsejħu lill-​ispirti, la l-​qassisin li jipprattikaw il-​maġija, u lanqas l-​astroloġi m’għandhom il-​ħila juruh lis-​sultan. Madankollu, jeżisti Alla fis-​smewwiet li hu Dak li jirrivela s-​sigrieti, u hu għarraf lis-​Sultan Nebukadnessar x’għandu jseħħ fl-​aħħar parti tal-​jiem.” (Danjel 2:27, 28) Iva, Danjel dar lejn Ġeħova, “Dak li jirrivela s-​sigrieti”—mhux lejn ix-​xemx, il-​qamar, jew l-​istilel—u pprovda l-​interpretazzjoni korretta għas-​sultan.—Danjel 2:36-​45.

Il-​kalkoli astroloġiċi preċiżi ħafna tal-​Maja ma salvawx liċ-​ċivilizzazzjoni tagħhom milli tinqered għalkollox fid-​disaʼ seklu E.K. Dan ma jurix biss li l-​astroloġija hija qerq, li ma tistaʼ tbassar xejn b’mod eżatt, imma wkoll jikxef l-​iskop reali tagħha: li żżomm lin-​nies lura milli jduru lejn Alla għal informazzjoni eżatta dwar il-​futur.

Il-​fatt li l-​astroloġija hi bbażata fuq il-​gideb jgħinna wkoll biex nidentifikaw l-​awtur tagħha. Ġesù qal dwar ix-​Xitan: “Ma żammx sħiħ fil-​verità, għax il-​verità mhix fih. Meta jigdeb, jitkellem skond il-​karattru tiegħu, għax hu giddieb u missier il-​gidba.” (Ġwanni 8:44) Satana jagħmilha t’“anġlu tad-​dawl,” u d-​demonji jilagħbuha taʼ “ministri tal-​ġustizzja.” Fir-​realtà, huma qarriqin determinati biex jaħtfu lin-​nies f’xibka taʼ qerq. (2 Korintin 11:14, 15) Il-​Kelma t’Alla tikxef li ‘l-​għemejjel setgħanin u s-​sinjali giddibin u l-​għeġubijiet’ huma l-​“ħidma taʼ Satana.”—2 Tessalonikin 2:9.

Għala Għandek Taħrabha

L-​astroloġija hi bbażata fuq il-​gideb u, għal din ir-​raġuni, l-​Alla tal-​verità, Ġeħova, jistkerrahha. (Salm 31:5) Għalhekk, il-​Bibbja tikkundannaha għalkollox u tħeġġeġ lin-​nies biex ma jkollhom xejn x’jaqsmu magħha. F’Dewteronomju 18:10-​12, Alla jgħid b’mod ċar: “M’għandux jinstab fik . . . xi ħadd li jfittex sinjali li bihom jaqra l-​futur jew saħħâr, . . . xi ħadd li jikkonsulta maʼ medjum taʼ l-​ispirti jew min xogħlu hu li jbassar il-​ġrajjiet jew xi ħadd li jistħarreġ dwar il-​mejtin. Għax kulmin jagħmel dawn l-​affarijiet ikun xi ħaġa mistkerrha għal Ġeħova.”

Ladarba Satana u d-​demonji huma l-​qawwa wara l-​astroloġija, min jesperimenta biha jiftaħ il-​bieb għall-​influwenza tagħhom. Sewwasew bħalma min jesperimenta bid-​drogi jistaʼ jispiċċa fil-​kontroll tat-​traffikanti tad-​droga, min jesperimenta bl-​astroloġija jistaʼ jispiċċa fil-​kontroll tal-​qarrieq il-​kbir, Satana. Għalhekk, min iħobb lil Alla u l-​verità jrid jiċħad l-​astroloġija għalkollox, u minflok jagħti widen għall-​parir tal-​Bibbja: “Obogħdu dak li hu ħażin, u ħobbu dak li hu tajjeb.”—Għamos 5:15.

L-​astroloġija tmur tajjeb minħabba li n-​nies jixtiequ jkunu jafu l-​futur. Huwa possibbli li nkunu nafu l-​futur? Jekk iva, kif? Il-​Bibbja tgħidilna li ma nistgħux inkunu nafu x’se jiġrilna personalment għada, ix-​xahar id-​dieħel, jew is-​sena d-​dieħla. (Ġakbu 4:14) Xorta waħda, il-​Bibbja tagħtina stampa ġenerali taʼ dak li se jiġrilha l-​umanità dalwaqt. Din turina li dalwaqt tiġi s-​Saltna li nitolbu għaliha fit-​Talba tal-​Missierna. (Danjel 2:44; Mattew 6:9, 10) Tgħidilna wkoll li t-​tbatija tal-​bniedem dalwaqt tintemm u li qatt iktar ma se nerġgħu nbatu. (Isaija 65:17; Rivelazzjoni 21:4) Minflok ma jbassar id-​destin tal-​ħajja tal-​bnedmin, Alla qed jistieden lin-​nies kullimkien biex jitgħallmu dwaru u dwar dak li se jagħmel għall-​ġid tagħhom. Kif nafuh dan? Il-​Bibbja turi b’mod ċar li r-​rieda t’Alla hi li “bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-​għarfien eżatt dwar il-​verità.”—1 Timotju 2:4.

Is-​smewwiet meraviljużi u kulma fihom ma tpoġġewx f’posthom biex jikkontrollawlna ħajjitna. Minflok, juruna l-​qawwa u d-​Divinità taʼ Ġeħova. (Rumani 1:20) Jistgħu jqanqluna biex niċħdu l-​gideb u nduru lejn Alla u l-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, għal gwida taʼ min joqgħod fuqha u direzzjoni għal ħajja li tirnexxi. “Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess. Agħti kasu fil-​mogħdijiet tiegħek kollha, u hu jiddrittalek triqatek.”—Proverbji 3:5, 6.

[Kumment f’paġna 19]

Il-​komunità tal-​Maja użat ħafna l-​osservazzjonijiet astroloġiċi

[Kumment f’paġna 20]

Il-​kalkoli astroloġiċi preċiżi ħafna tal-​Maja ma salvawx liċ-​ċivilizzazzjoni tagħhom milli tinqered għalkollox

[Kumment f’paġna 20]

“Jeżisti Alla fis-​smewwiet li hu Dak li jirrivela s-​sigrieti, u hu għarraf . . . x’għandu jseħħ fl-​aħħar parti tal-​jiem”

[Stampa f’paġna 19]

EL CARACOL OBSERVATORY, CHICHÉN ITZÁ, YUCATÁN, MEXICO, 750-​900 C.E.

[Sorsi tal-istampa f’paġna 19]

Paġni 18 u 19, mix-​xellug għal-​lemin: Stilel: NASA, ESA, and A. Nota (STScI); Kalendarju tal-​Maja: © Lynx/Iconotec com/age fotostock; Astronomu tal-​Maja: © Albert J. Copley/age fotostock; Osservatorju tal-​Maja: El Caracol (The Great Conch) (photo), Mayan/Chichen Itza, Yucatan, Mexico/Giraudon/The Bridgeman Art Library

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja