Il-Ħarsa tal-Bibbja
Iż-Żodjaku Għandu Jinfluwenzalek Ħajtek?
“M’AĦNIEX NEQSIN MINN ŻGĦAŻAGĦ U ADULTI LI JFITTXU FL-ISTILEL GĦAL SINJALI DWAR ID-DESTIN TAGĦHOM.”—PAPA ĠWANNI PAWLU II.
SKOND stħarriġ li sar, persuna Amerikana minn kull erbgħa tuża l-astroloġija meta tieħu xi deċiżjonijiet. M’humiex biss in-nies li jgħixu f’din il-parti tad-dinja li jikkonsultaw is-sinjali taʼ l-astroloġija. Tistaʼ tgħid li mad-dinja kollha, iż-żodjaku jiġi konsultat għal pariri fuq kwistjonijiet finanzjarji, pjanijiet għal vjaġġi, bidliet fil-karriera, dati tat-tieġ, u strateġiji militari. Jintqal li permezz tas-sinjal żodjakali, in-nies jistgħu jidentifikaw is-sieħeb jew sieħba prospettivi tagħhom u saħansitra jsiru jafu liema persuni ma jkunux jaqblu għal magħhom. L-astroloġija rnexxielha ssaħħar miljuni taʼ nies għal warajha minn kull rokna tad-dinja. Imma minfejn oriġina ż-żodjaku?
Fatti Storiċi
Sa mill-eqdem ċivilizzazzjonijiet magħrufa, instabu traċċi taʼ forom differenti taż-żodjaku. Anki l-Bibbja ssemmi l-“kostellazzjonijiet tal-kwiekeb.” (2 Slaten 23:5) L-evidenza turi li fiż-żminijiet tal-qedem iż-żodjaku kien jiġi konsultat mill-Ħindu, kif ukoll miċ-Ċiniżi, mill-Eġizzjani, mill-Griegi u minn nies oħra. Madankollu, l-iktar referenzi bikrin għas-sinjali taż-żodjaku nstabu f’Babilonja tal-qedem.
Il-Babiloniżi żviluppaw l-astroloġija biex jipprovaw jiksbu tagħrif dwar il-futur. Huma nnotaw iċ-ċaqliq li kien isir fis-sema u fasslu mapep u tabelli elaborati. Minn dawn kienu jiġu mbassra kwistjonijiet tan-nies u ġrajjiet li kellhom x’jaqsmu maʼ l-art. F’ħafna każi, lanqas deċiżjonijiet politiċi jew militari ma kienu jittieħdu qabel ma kienu jissejħu l-astroloġi biex jagħtu l-parir tagħhom. Għaldaqstant ġiet ifformata klassi taʼ qassisin li sostnew li kellhom għerf speċjali u qawwiet soprannaturali, u dawn saru influwenti ħafna fuq in-nies. Fil-fatt, kull tempju importanti f’Babilonja kien mgħammar b’osservatorju ċelestjali.
Fi żmienna, is-sinjali taż-żodjaku għadhom jilagħbu parti importanti fil-ħajja taʼ ħafna nies. Għalkemm hemm xi wħud li jsostnu li ma jemmnux fl-oroskopju, dawn xi kultant xorta jħobbu jaqraw l-istilel sempliċement għall-kurżità jew biex jgħaddu ż-żmien. Huwa minnu li xi astroloġi bassru ċerti affarijiet li mbagħad ġraw veru. Imma jfisser dan li huwa taʼ benefiċċju li wieħed jikkonsulta l-istilel? Meta toqgħod taħseb, il-qaddejja t’Alla fl-antik kif kienu jqisuh l-interess fl-astroloġija?
Perikli Moħbija
Kuntrarju għall-Babiloniżi, il-Lhud leali ma kinux jipprattikawha l-astroloġija—u bir-raġun. Alla kien wissiehom ċar u tond: “Ma għandu jkun hemm ħadd f’nofsok . . . min jeħber, min jitkixxef il-ġejjieni, min jagħmel il-magħmul u s-sħarijiet, min isejjaħ l-erwieħ, min jobsor u jistħarreġ il-mejtin. Għax mistkerrah quddiem il-Mulej kull min jagħmel dawn il-ħwejjeġ.”a—Dewteronomju 18:10-12.
Il-qaddejja t’Alla ħadu waqfa soda kontra l-astroloġija. Per eżempju, is-Sultan leali Ġosija “neħħa . . . lil dawk li kienu jaħarqu l-inċens lil Bagħal, lix-xemx, lill-qamar u lill-kostellazzjonijiet tal-kwiekeb.” Dak li għamel Ġosija ntqal li kien “sewwa f’għajnejn il-Mulej,” u Alla bierku taʼ dan. (2 Slaten 22:2; 23:5) Imma jistaʼ jkun hemm min jistaqsi, ‘M’huwiex minnu li xi affarijiet li jbassru l-astroloġi jseħħu verament?’
Taʼ interess, fl-Iskrittura Griega Kristjana naqraw dwar tfajla li “kienet iġġib ħafna flus lis-sidien tagħha bit-teħbir li kienet tagħmel.” Mid-dehra, xi affarijiet milli kienet bassret din it-tfajla kienu seħħew, ladarba s-sidien tagħha kienu għamlu l-qligħ mill-qawwiet li kellha. Imma din it-tfajla kif kien qed jirnexxilha tbassar ġrajjiet futuri? Il-Bibbja tgħid li hi kienet taħt l-influwenza taʼ “spirtu biex taqra x-xorti.”—Atti 16:16.
Il-Bibbja turi li “d-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-Ħażin,” Satana x-Xitan. (1 Ġwann 5:19) Satana u d-demonji tiegħu rnexxielhom isaħħru miljuni taʼ nies għal warajhom billi jdawru xi ġrajjiet kif jaqblilhom sabiex iseħħ ċertu tbassir.
Il-pura verità hija li l-astroloġija hija waħda mit-“tnassis tax-Xitan,” li hu juża biex jikkontrolla u jinfluwenza lin-nies ħalli jwettqu l-iskop tiegħu. B’hekk, mhux taʼ b’xejn li l-Bibbja tħeġġeġ lill-Kristjani biex ‘jieqfu’ lit-tattiċi makakki taʼ Satana, inkluż l-astroloġija. (Efesin 6:11) Imma jfisser b’daqshekk li m’għandna l-ebda gwida rigward il-futur?
Il-Bibbja—Gwida taʼ Min Jafdaha
Miljuni taʼ nies sabu li l-gwida li tagħti l-Bibbja jistgħu jafdawha meta jiġu biex jieħdu xi deċiżjonijiet. Bħalma poġġieha s-salmista David, “ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa [“taʼ min jafdaha,” NW], u tgħallem lil min ma jafx.” (Salm 19:8 [19:7, NW]; 119:105) Dan ma jfissirx li l-Bibbja tgħidlek eżatt kelma b’kelma x’għandek tagħmel f’kull sitwazzjoni li tistaʼ tiltaqaʼ magħha. Imma fil-Kelma t’Alla nsibu prinċipji li jistgħu jgħinuna nħarrġu s-sens biex nagħżlu. B’hekk inkunu nistgħu nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin u nkunu kapaċi nieħdu deċiżjonijiet għaqlin.—Lhud 5:14.
Għaldaqstant, il-Kristjani ġenwini għandhom raġun li ma jikkonsultawx l-oroskopju, anki sempliċement għall-kurżità jew biex jgħaddu ż-żmien. Minflok, huma jużaw l-għaqal billi jagħtu kas it-twissijiet li hemm fil-Kelma t’Alla kontra kull influwenza demonika, inkluż modi sottili. Jekk tħalli l-Bibbja tinfluwenzalek ħajtek minflok iż-żodjaku, int tistaʼ tgawdi l-barka t’Alla għall-eternità.—Salm 37:29, 38.
[Nota taʼ taħt]
a It-teħbir jinvolvi l-iskop kollu taʼ li wieħed jikseb għarfien, speċjalment rigward ġrajjiet futuri, permezz taʼ qawwiet okkulti.
[Stampa f’paġna 26]
Iż-żodjaku tal-lvant
[Stampa f’paġna 26]
Iż-żodjaku tal-punent