L-Istilel Jikkontrollawlek Ħajtek?
JEKK tosserva s-smewwiet f’lejla sabiħa u ’l bogħod mid-dwal taʼ kwalunkwe preżenza umana, dawn jidhru bħal bellus iswed b’eluf taʼ djamanti żgħar ileqqu fil-firxa tas-smewwiet. Huwa biss f’dawn l-aħħar 350 sena li l-bniedem beda jifhem il-kobor enormi tad-daqs tal-istilel u d-distanza tagħhom minna. Aħna kemm kemm qegħdin nibdew nifhmu l-qawwiet enormi li qed jaħdmu madwar il-post tal-għaġeb li nsejħulu l-univers tagħna.
Il-bnedmin ilhom minn kmieni fl-istorja josservaw il-movimenti preċiżi tal-oġġetti ċelestjali, bħall-istilel, il-pjaneti, u l-kwiekeb, fis-smewwiet bil-lejl. Ukoll, ilhom jaraw il-bidliet fil-pożizzjoni taʼ dawn l-oġġetti ċelestjali fis-smewwiet skont l-istaġuni. (Ġenesi 1:14) Ħafna esprimew sentimenti bħal dawk tas-Sultan David t’Iżrael li xi 3,000 sena ilu kiteb: “Meta nara s-smewwiet tiegħek, għemil subgħajk, il-qamar u l-kwiekeb li int ħejjejt, x’inhu l-bniedem mortali biex iżżommu f’moħħok?”—Salm 8:3, 4.
Madankollu, kemm jekk nirrealizzaw u kemm jekk le, l-oġġetti ċelestjali u l-movimenti tagħhom jeffettwawlna ħajjitna b’mod tassew iktar reali. Ix-xemx tagħna, l-istilla li madwarha ddur l-art, tistabbilixxi l-iktar aspetti bażiċi tal-ħin tal-bniedem—it-tul tal-jiem u s-snin tagħna. Il-qamar qiegħed “biex jimmarka ż-żminijiet stabbiliti,” jew “għall-istaġuni.” (Salm 104:19; Karm Żammit) U l-istilel huma gwida taʼ min joqgħod fuqha fin-navigazzjoni, saħansitra biex l-astronawti jikkalkulaw fejn jinsabu bil-vetturi spazjali tagħhom. Minħabba f’hekk, xi wħud jaħsbu dwar jekk l-istilel jistgħux jagħmlu iktar għalina milli juruna f’liema żmien u staġun ninsabu u milli jkabbru l-apprezzament tagħna għall-ħolqien t’Alla. Jistgħu dawn ukoll ibassru l-futur tagħna jew iwissuna dwar xi għawġ?
L-Oriġini u l-Iskop tal-Astroloġija
Il-prattika tat-tfittix fis-smewwiet għal sinjali biex jidderieġu l-mod kif timxi l-ħajja fuq l-art kellha l-oriġini tagħha fil-Mesopotamja tal-qedem, u x’aktarx li tmur lura sa 3,000 sena Q.E.K. L-astroloġi tal-bidu kienu josservaw is-smewwiet bir-reqqa. Mill-isforzi tagħhom biex jiddokumentaw il-movimenti tal-oġġetti ċelestjali, iniżżlu bil-miktub il-pożizzjonijiet tal-istilel, jifformaw il-kalendarji, u jbassru l-eklissi, twieldet ix-xjenza tal-astronomija. Imma l-astroloġija tagħmel iktar milli tosserva l-effett naturali tax-xemx u l-qamar fuq l-ambjent tagħna. Din issostni li l-post fejn ikunu x-xemx, il-qamar, il-pjaneti, l-istilel, u l-kostellazzjonijiet u l-pożizzjoni bejniethom mhux biss jinfluwenzaw ġrajjiet sinifikanti fuq l-art imma wkoll jikkontrollaw il-ħajjiet individwali. B’liema modi?
Xi astroloġi jużaw l-astroloġija bħala mezz biex josservaw l-oġġetti ċelestjali għal indikazzjonijiet jew twissijiet dwar il-futur. Dawn jistgħu jintużaw minn dawk li jkunu jafu bihom, u b’hekk jibbenefikaw minnhom b’diversi modi. Oħrajn iħossu li l-astroloġija fil-fatt turi x’inhu mbassar li se nagħmlu fil-futur jew tistaʼ tgħinna niddeċiedu liema hu l-aħjar żmien biex nieħdu sehem f’ċerti attivitajiet jew biex nagħmlu xi biċċa xogħol partikulari. Jingħad li din l-informazzjoni tinkiseb milli jiġu osservati l-pożizzjonijiet bejn l-oġġetti ċelestjali fundamentali u milli jiġi “kalkulat” kif jeffettwaw lil xulxin u lill-art. Jingħad ukoll li l-effett tagħhom fuq individwu partikulari jiddependi mill-pożizzjoni bejn l-oġġetti ċelestjali meta dan jitwieled.
L-astroloġi tal-bidu kienu jimmaġinaw li l-art kienet iċ-ċentru tal-univers u li l-pjaneti u l-istilel kienu maqfulin f’serje taʼ sferi ċelestjali waħda akbar mill-oħra li kienu jduru madwar id-dinja. Kienu jaħsbu wkoll li x-xemx tivvjaġġa fis-smewwiet fost l-istilel u l-kostellazzjonijiet fi triq speċifika fuq vjaġġ li kienet tagħmel kull sena. Huma sejħu din it-triq, li immaġinaw li kienet tieħu x-xemx, l-eklittika u qasmuha fi 12-il żona, jew parti. Kull parti ssemmiet għall-kostellazzjoni li kienet fiha u li minnha kienet tgħaddi x-xemx. Dan hu kif ġew ivvintati t-12-il simbolu żodjakali. Dawn iż-żoni, jew “djar fis-sema,” kienu kunsidrati bħala l-post fejn jgħammru allat speċifiċi. M’għandniex xi ngħidu, ix-xjenzati maż-żmien saru jafu li x-xemx ma ddurx madwar id-dinja imma li l-art tivvjaġġa madwar ix-xemx. Din l-iskoperta tat id-daqqa tal-mewt lill-astroloġija bħala xjenza.
Il-prattika tal-astroloġija, mill-oriġini tagħha fil-Mesopotamja, infirxet kważi fil-partijiet kollha tad-dinja u niżżlet l-għeruq b’diversi forom kważi fiċ-ċivilizzazzjonijiet il-kbar kollha tal-umanità. Wara li l-Persjani għelbu lil Babilonja, l-astroloġija daħlet ukoll fl-Eġittu, fil-Greċja, u fl-Indja. Mill-Indja, il-missjunarji Buddisti daħħluha fl-Asja Ċentrali, fiċ-Ċina, fit-Tibet, fil-Ġappun, u fl-Asja tax-Xlokk. Għalkemm ma nafux eżatt kif l-astroloġija sabet ruħha fil-komunità tal-Maja, din iċ-ċivilizzazzjoni użat ħafna l-osservazzjonijiet astroloġiċi b’mod simili għall-Babiloniżi. L-astroloġija “moderna” milli jidher żviluppat fl-Eġittu Ellenizzat u kellha impatt qawwi fuq il-ħsieb li minnu ġej xi tagħlim tal-Ġudaiżmu, l-Iżlam, u l-Kristjaneżmu.
Anki qabel ma l-ġens t’Iżrael ġie eżiljat lejn Babilonja fis-sebaʼ seklu Q.E.K., dan ukoll ġie effettwat mill-astroloġija. Il-Bibbja tgħidilna dwar l-isforzi tas-sultan leali Ġosija biex ineħħi minn fost in-nies il-prattika tas-sagrifiċċji “lix-xemx u lill-qamar u lill-kostellazzjonijiet taż-żodjaku u lill-armata kollha tas-smewwiet.”—2 Slaten 23:5.
Is-Sors tal-Astroloġija
L-astroloġija hija bbażata fuq żbalji gravi dwar il-mod kif inhu mqassam l-univers u kif jaħdem. Għalhekk, bilfors li mhijiex ġejja minn Alla. Minħabba li l-bażi tagħha hi msejsa fuq il-gideb, l-astroloġija ma tistax tkun sors t’informazzjoni eżatta dwar il-futur. Nistgħu naraw b’mod ċar kemm ma tiswa xejn minn żewġ rakkonti storiċi interessanti.
Matul il-ħakma tas-sultan Babiloniż Nebukadnessar, il-qassisin u l-astroloġi ma rnexxilhomx jinterpretaw għas-sultan il-ħolma li kellu. Danjel, profeta tal-Alla l-veru Ġeħova, wera x’kienet ir-raġuni għall-problema: “Is-sigriet li s-sultan qed jistaqsi dwaru, la l-għorrief, la dawk li jsejħu lill-ispirti, la l-qassisin li jipprattikaw il-maġija, u lanqas l-astroloġi m’għandhom il-ħila juruh lis-sultan. Madankollu, jeżisti Alla fis-smewwiet li hu Dak li jirrivela s-sigrieti, u hu għarraf lis-Sultan Nebukadnessar x’għandu jseħħ fl-aħħar parti tal-jiem.” (Danjel 2:27, 28) Iva, Danjel dar lejn Ġeħova, “Dak li jirrivela s-sigrieti”—mhux lejn ix-xemx, il-qamar, jew l-istilel—u pprovda l-interpretazzjoni korretta għas-sultan.—Danjel 2:36-45.
Il-kalkoli astroloġiċi preċiżi ħafna tal-Maja ma salvawx liċ-ċivilizzazzjoni tagħhom milli tinqered għalkollox fid-disaʼ seklu E.K. Dan ma jurix biss li l-astroloġija hija qerq, li ma tistaʼ tbassar xejn b’mod eżatt, imma wkoll jikxef l-iskop reali tagħha: li żżomm lin-nies lura milli jduru lejn Alla għal informazzjoni eżatta dwar il-futur.
Il-fatt li l-astroloġija hi bbażata fuq il-gideb jgħinna wkoll biex nidentifikaw l-awtur tagħha. Ġesù qal dwar ix-Xitan: “Ma żammx sħiħ fil-verità, għax il-verità mhix fih. Meta jigdeb, jitkellem skond il-karattru tiegħu, għax hu giddieb u missier il-gidba.” (Ġwanni 8:44) Satana jagħmilha t’“anġlu tad-dawl,” u d-demonji jilagħbuha taʼ “ministri tal-ġustizzja.” Fir-realtà, huma qarriqin determinati biex jaħtfu lin-nies f’xibka taʼ qerq. (2 Korintin 11:14, 15) Il-Kelma t’Alla tikxef li ‘l-għemejjel setgħanin u s-sinjali giddibin u l-għeġubijiet’ huma l-“ħidma taʼ Satana.”—2 Tessalonikin 2:9.
Għala Għandek Taħrabha
L-astroloġija hi bbażata fuq il-gideb u, għal din ir-raġuni, l-Alla tal-verità, Ġeħova, jistkerrahha. (Salm 31:5) Għalhekk, il-Bibbja tikkundannaha għalkollox u tħeġġeġ lin-nies biex ma jkollhom xejn x’jaqsmu magħha. F’Dewteronomju 18:10-12, Alla jgħid b’mod ċar: “M’għandux jinstab fik . . . xi ħadd li jfittex sinjali li bihom jaqra l-futur jew saħħâr, . . . xi ħadd li jikkonsulta maʼ medjum taʼ l-ispirti jew min xogħlu hu li jbassar il-ġrajjiet jew xi ħadd li jistħarreġ dwar il-mejtin. Għax kulmin jagħmel dawn l-affarijiet ikun xi ħaġa mistkerrha għal Ġeħova.”
Ladarba Satana u d-demonji huma l-qawwa wara l-astroloġija, min jesperimenta biha jiftaħ il-bieb għall-influwenza tagħhom. Sewwasew bħalma min jesperimenta bid-drogi jistaʼ jispiċċa fil-kontroll tat-traffikanti tad-droga, min jesperimenta bl-astroloġija jistaʼ jispiċċa fil-kontroll tal-qarrieq il-kbir, Satana. Għalhekk, min iħobb lil Alla u l-verità jrid jiċħad l-astroloġija għalkollox, u minflok jagħti widen għall-parir tal-Bibbja: “Obogħdu dak li hu ħażin, u ħobbu dak li hu tajjeb.”—Għamos 5:15.
L-astroloġija tmur tajjeb minħabba li n-nies jixtiequ jkunu jafu l-futur. Huwa possibbli li nkunu nafu l-futur? Jekk iva, kif? Il-Bibbja tgħidilna li ma nistgħux inkunu nafu x’se jiġrilna personalment għada, ix-xahar id-dieħel, jew is-sena d-dieħla. (Ġakbu 4:14) Xorta waħda, il-Bibbja tagħtina stampa ġenerali taʼ dak li se jiġrilha l-umanità dalwaqt. Din turina li dalwaqt tiġi s-Saltna li nitolbu għaliha fit-Talba tal-Missierna. (Danjel 2:44; Mattew 6:9, 10) Tgħidilna wkoll li t-tbatija tal-bniedem dalwaqt tintemm u li qatt iktar ma se nerġgħu nbatu. (Isaija 65:17; Rivelazzjoni 21:4) Minflok ma jbassar id-destin tal-ħajja tal-bnedmin, Alla qed jistieden lin-nies kullimkien biex jitgħallmu dwaru u dwar dak li se jagħmel għall-ġid tagħhom. Kif nafuh dan? Il-Bibbja turi b’mod ċar li r-rieda t’Alla hi li “bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-għarfien eżatt dwar il-verità.”—1 Timotju 2:4.
Is-smewwiet meraviljużi u kulma fihom ma tpoġġewx f’posthom biex jikkontrollawlna ħajjitna. Minflok, juruna l-qawwa u d-Divinità taʼ Ġeħova. (Rumani 1:20) Jistgħu jqanqluna biex niċħdu l-gideb u nduru lejn Alla u l-Kelma tiegħu, il-Bibbja, għal gwida taʼ min joqgħod fuqha u direzzjoni għal ħajja li tirnexxi. “Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess. Agħti kasu fil-mogħdijiet tiegħek kollha, u hu jiddrittalek triqatek.”—Proverbji 3:5, 6.
[Kumment f’paġna 19]
Il-komunità tal-Maja użat ħafna l-osservazzjonijiet astroloġiċi
[Kumment f’paġna 20]
Il-kalkoli astroloġiċi preċiżi ħafna tal-Maja ma salvawx liċ-ċivilizzazzjoni tagħhom milli tinqered għalkollox
[Kumment f’paġna 20]
“Jeżisti Alla fis-smewwiet li hu Dak li jirrivela s-sigrieti, u hu għarraf . . . x’għandu jseħħ fl-aħħar parti tal-jiem”
[Stampa f’paġna 19]
EL CARACOL OBSERVATORY, CHICHÉN ITZÁ, YUCATÁN, MEXICO, 750-900 C.E.
[Sorsi tal-istampa f’paġna 19]
Paġni 18 u 19, mix-xellug għal-lemin: Stilel: NASA, ESA, and A. Nota (STScI); Kalendarju tal-Maja: © Lynx/Iconotec com/age fotostock; Astronomu tal-Maja: © Albert J. Copley/age fotostock; Osservatorju tal-Maja: El Caracol (The Great Conch) (photo), Mayan/Chichen Itza, Yucatan, Mexico/Giraudon/The Bridgeman Art Library