LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 3/1 pp. 13-15
  • Għotja li tixraq lil sultan

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għotja li tixraq lil sultan
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • MINN NAĦA GĦAL OĦRA TAD-​DEŻERT TAL-​ARABJA
  • “L-​IKBAR SIGRIET TAN-​NEGOZJU LI QATT KIEN HAWN”
  • Balzmu taʼ Gilegħad—L-Ingwent li Jfejjaq
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 3/1 pp. 13-15
Diversi ħwawar aromatiċi

Għotjiet li jixirqu lil sultan

“Astroloġi mil-​lvant . . . fetħu . . . t-​teżori tagħhom u tawh xi rigali, deheb, inċens, u mirra.”—Mattew 2:1, 11.

KIEKU int x’kont tagħżel bħala rigal għal bniedem importanti ħafna? Fi żminijiet Bibliċi, xi ħwawar kienu jiswew daqs id-​deheb—tant kienu jiswew li setgħu jitqiesu bħala għotjiet li jixirqu lil sultan.a Hu għalhekk li tnejn mir-​rigali li l-​astrologi offrew lis-​“sultan tal-​Lhud” kienu ħwawar aromatiċi.—Mattew 2:1, 2, 11.

Iż-​żejt tal-​balzmu

Żejt tal-​balzmu

Il-​Bibbja tgħid ukoll li meta s-​Sultana taʼ Xeba żaret lil Salamun, hi “tat lis-​sultan mija u għoxrin talent deheb u kwantità kbira ferm taʼ żejt tal-​balzmu, u ħaġar prezzjuż; u qatt ma kien hemm żejt tal-​balzmu bħal dak li s-​sultana taʼ Xeba tat lis-​Sultan Salamun.”b (2 Kronaki 9:9) Slaten irġiel ukoll bagħtu ż-​żejt tal-​balzmu bħala ġest tar-​rieda tajba tagħhom.—2 Kronaki 9:23, 24.

Ħwawar bħal dawn u prodotti relatati magħhom għala kienu tant taʼ valur u għaljin fi żminijiet Bibliċi? Għax kellhom ħafna rwoli importanti, bħal meta kienu jintużaw għas-​sbuħija personali, fis-​servizzi reliġjużi, u fid-​dfin tal-​mejtin. (Ara l-​Kaxxa “L-​użu tal-​ħwawar aromatiċi fi żminijiet Bibliċi.”) Minbarra d-​domanda kbira għalihom, il-​ħwawar kienu għaljin minħabba l-​ispejjeż tat-​trasport u l-​bejgħ.

MINN NAĦA GĦAL OĦRA TAD-​DEŻERT TAL-​ARABJA

Il-​kassja

Kassja

Fi żminijiet Bibliċi, ċerti pjanti tal-​ħwawar kienu jikbru fil-​Wied tal-​Ġordan. Madankollu, ħwawar oħrajn kellhom jiġu importati. Varjetà taʼ prodotti tal-​ħwawar jissemmew fil-​Bibbja. Fost dawk l-​iktar familjari hemm iż-​żagħfran, is-​sabbara, il-​balzmu, il-​kannella, l-​inċens abjad, u l-​mirra. Minbarra dawn, kien hemm il-​ħwawar li spiss kienu jintużaw fl-​ikel, bħall-​kemmun, in-​nagħniegħ, u l-​bużbież.

Minn fejn ġew dawn il-​ħwawar eżotiċi? Is-​sabbara, il-​kassja, u l-​kannella kienu jinstabu f’dik li llum hi ċ-​Ċina, l-​Indja, u s-​Sri Lanka. Il-​ħwawar bħalma huma l-​mirra u l-​inċens abjad ġew minn siġar kbar u żgħar li kienu jikbru fid-​deżert min-​naħa t’isfel tal-​Arabja sas-​Somalja fl-​Afrika. In-​nard, jew l-​ispikonardu, kien prodott li ġie biss mill-​muntanji tal-​Ħimalaja fl-​Indja.

Iż-​żagħfran

Żagħfran

Biex jaslu Iżrael, ħafna ħwawar kellhom jinġarru tul l-​Arabja. Minbarra raġunijiet oħrajn, kien minħabba dan ukoll li matul it-​tieni u l-​ewwel millennji QK li l-​Arabja “kellha monopolju fuq il-​ġarr tal-​affarijiet bejn il-​Lvant u l-​Punent,” jispjega The Book of Spices. Bliet tal-​qedem, fortizzi, u postijiet fejn kienu jieqfu l-​karavani fin-​Negev fin-​Nofsinhar taʼ Iżrael jimmarkaw ir-​rotot taʼ negozjanti tal-​ħwawar. Ukoll, dawn il-​postijiet “urew kemm kien iħalli qligħ dan in-​negozju . . . min-​Nofsinhar tal-​Arabja sal-​Mediterran,” jirrapporta l-​World Heritage Centre of UNESCO.

“L-​ispazju żgħir għall-​ippakkjar, il-​prezzijiet għoljin, u d-​domanda kontinwa għamlu lill-​ħwawar affarijiet mixtiqin ħafna tan-​negozju.”—The Book of Spices

Karavani mgħobbijin b’dawn il-​ħwawar aromatiċi regolarment ivvjaġġaw distanzi taʼ 1,800 kilometru tul l-​Arabja. (Ġob 6:19) Il-​Bibbja tirreferi għal karavana taʼ negozjanti Ismagħelin iġorru ħwawar bħall-​“gomma aromatika u l-​balzmu u l-​qoxra taʼ siġra li fiha r-​raża” minn Gilegħad sal-​Eġittu. (Ġenesi 37:25) L-​ulied subien taʼ Ġakobb biegħu lil ħuhom Ġużeppi bħala skjav lil dawn in-​negozjanti.

“L-​IKBAR SIGRIET TAN-​NEGOZJU LI QATT KIEN HAWN”

Il-​bużbież

Bużbież

In-​negozjanti mill-​Arabja kkontrollaw il-​biċċa l-​kbira tan-​negozju tal-​ħwawar għal sekli sħaħ. Huma biss kienu jfornu l-​ħwawar mill-​Asja, bħalma huma l-​kassja u l-​kannella. Sabiex jiskuraġġixxu d-​dinja Mediterranja milli tistabbilixxi konnessjonijiet kummerċjali direttament maʼ sorsi fil-​Lvant, l-​Għarab xerrdu ħrejjef immaġinarji dwar il-​perikli involuti biex jinkisbu l-​ħwawar. Is-​sors veru tal-​ħwawar kien “aktarx l-​ikbar sigriet tan-​negozju li qatt kien hawn,” skont The Book of Spices.

Il-​kemmun

Kemmun

L-​Għarab xi stejjer xerrdu? Ħerodotus, storjografu Grieg tal-​ħames seklu QK, iddeskriva ħrejjef taʼ għasafar tal-​biżaʼ li jibnu bejta mill-​qoxra tas-​siġar tal-​kannella fi rdumijiet li m’hemmx aċċess għalihom. Hu kiteb li biex jiksbu dawn il-​ħwawar prezzjużi, il-​kolletturi kienu jpoġġu biċċiet kbar tal-​laħam taħt l-​irdum. B’regħba, l-​għasafar tant kienu jġorru laħam lejn il-​bejta tagħhom li din kienet taqaʼ fl-​art. L-​irġiel imbagħad setgħu jiġbru l-​qoxra tal-​kannella malajr u jbigħuha lin-​negozjanti. Stejjer bħal dawn infirxu. B’hekk, minħabba l-​perikli li “allegatament kien hemm fil-​ħsad, [il-​kannella] kienet tinbiegħ bi prezz għoli,” jinnota The Book of Spices.

In-​nagħniegħ

Nagħniegħ

Eventwalment, is-​sigriet tal-​Għarab inkixef u l-​monopolju tagħhom intilef. Sal-​ewwel seklu QK, Lixandra, fl-​Eġittu, saret port kbir u ċentru kummerċjali għall-​ħwawar. Ladarba l-​baħħara tgħallmu jieħdu vantaġġ mill-​irjieħ tal-​monsun tal-​Oċean Indjan, xwieni Rumani salpaw minn portijiet Eġizzjani lejn l-​Indja. B’hekk, ħwawar lussużi saru iktar abbundanti u l-​prezzijiet roħsu.

Illum il-​valur tal-​ħwawar m’għandu xejn x’jaqsam maʼ dak tad-​deheb. U bilkemm nikkunsidraw il-​ħwawar bħala għotjiet li jixirqu lil re. Madankollu, miljuni taʼ nies madwar id-​dinja għadhom jużawhom fil-​fwejjaħ u l-​mediċini, u m’għandniex xi ngħidu, biex iżidu t-​togħma u l-​interess fl-​ikel tagħhom. Tabilħaqq, l-​aroma tal-​ħwawar li tħajjar lil dak li jkun tagħmilhom popolari llum, bħalma kienu eluf taʼ snin ilu.

Zkuk tal-​kannella marbutin

Kannella

a Fil-​Bibbja, il-​kliem fil-​lingwa oriġinali għal “ħwawar” ġeneralment jirreferi għal prodotti aromatiċi, jew li jfuħu, magħmulin mill-​pjanti u mhux għal ħwawar tal-​ikel.

b “Iż-​żejt tal-​balzmu” jirreferi għal żjut aromatiċi jew rażi li jiġu minn siġar kbar u żgħar.

L-​użu tal-​ħwawar aromatiċi fi żminijiet Bibliċi

Żejt tad-​dlik u inċens sagru. Ġeħova ta lil Mosè r-​riċetti għaż-​żejt tad-​dlik, jew ingwent, u l-​inċens sagru. It-​tnejn li huma kien fihom erbaʼ ħwawar. (Eżodu 30:22-​25, 34-​38) Ċerti qassisin speċjalizzaw f’li jagħmlu ż-​żejt tad-​dlik u f’li jindokraw il-​provvista taʼ dawn l-​affarijiet.—Numri 4:16; 1 Kronaki 9:30.

Fwejjaħ u ingwenti. Dawk li setgħu jaffordjawhom, użaw terra aromatika biex jagħmlu riħa tfuħ fi djarhom, fuq ħwejjiġhom, fuq is-​sodod, u fuq ġisimhom. (Ester 2:12; Proverbji 7:17; L-​Għanja taʼ Salamun 3:6, 7; 4:13, 14) Marija, oħt Lazzru, ferrgħet “żejt ifuħ, nard pur” fuq xagħar u saqajn Ġesù. Dan il-​vażett żgħir taʼ “nard pur” setaʼ sewa daqs sena paga.—Marku 14:3-​5; Ġwanni 12:3-​5.

Preparazzjoni taʼ iġsma għad-​dfin. Nikodemu ta “mirra u sabbara” biex ġisem Ġesù jiġi preparat għad-​dfin. (Ġwanni 19:39, 40) U wħud mid-​dixxipli taʼ Ġesù ppreparaw “fwejjaħ aromatiċi u żejt ifuħ” u ħaduhom ħdejn il-​qabar.—Luqa 23:56–24:1.

Taħwir. Aktarx li l-​Iżraelin użaw ukoll il-​ħwawar biex itejbu t-​togħma tal-​ħut u l-​laħam. Ħwawar oħrajn kienu jintużaw biex jitħawwar l-​inbid.—L-​Għanja taʼ Salamun 8:2.

Iż-​żewġ ħwawar offruti lil Ġesù

Kemm l-​inċens abjad, jew il-​libien, u l-​mirra ġew mill-​gomma tar-​raża li kienet issir billi jsiru qatgħat fil-​qoxra taʼ siġar żgħar jew dawk bix-​xewk.

Is-​siġra tal-​inċens abjad kibret mal-​kosta tan-​Nofsinhar tal-​Arabja, u s-​siġra żgħira tal-​mirra kibret bl-​abbundanza fil-​pajjiżi nofshom deżert taʼ fejn illum hemm is-​Somalja u l-​Jemen. Iż-​żewġ ħwawar kienu mfittxija ħafna għall-​fwieħa tagħhom. Ġeħova nnifsu għażilhom għall-​qima tiegħu—il-​mirra kienet ingredjent għaż-​żejt qaddis tad-​dlik, u l-​inċens abjad kien jintuża għall-​inċens qaddis. (Eżodu 30:23-​25, 34-​37) Imma kienu jintużaw b’modi differenti.

L-​inċens abjad kellu jinħaraq biex tinxtamm il-​fwieħa tiegħu. Mill-​banda l-​oħra, ir-​raża li kienet tiġi mill-​mirra, kienet tintuża direttament. Il-​mirra tissemma tliet darbiet f’rakkonti dwar Ġesù: bħala rigal meta kien tarbija (Mattew 2:11), bħala droga biex ittaffi l-​uġigħ miżjuda mal-​inbid meta kien imdendel fuq iz-​zokk (Marku 15:23), u bħala waħda mill-​ħwawar użati biex ġismu jiġi preparat għad-​dfin (Ġwanni 19:39).

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja