Il-Kelma Profetika t’Alla Tagħti Tama għall-Futur
GRAZZI għall-Kelma t’Alla, il-Bibbja Mqaddsa, il-Kristjani veri jħarsu lejn il-futur b’fidi, tama, u ottimiżmu. Huma jħarsu ’l quddiem lejn il-futur minħabba li jħossuhom żguri fir-relazzjoni tagħhom m’Alla Jehovah. Bħalma spjegat l-ewwel taħdita tal-Konvenzjonijiet Distrettwali “Il-Kelma Profetika t’Alla”, ix-Xhieda taʼ Jehovah ilhom studenti entużjasti tal-profeziji tal-Bibbja għal snin sħaħ. Għalhekk, Jehovah x’kellu merfugħ għall-poplu tiegħu f’dawn il-konvenzjonijiet? Armati bil-Bibbji f’idejhom, dawk kollha preżenti kienu ħerqanin li jsiru jafu. It-tema taʼ kull jum tal-konvenzjoni hija preżentata bħala sottitlu separat.
L-EWWEL JUM: Nimxu fid-Dawl tal-Kelma t’Alla
It-taħdita “Il-Kelma t’Alla Mexxietna” spjegat li l-poplu taʼ Jehovah huwa bħal wieħed li jibda vjaġġ fid-dlam tal-lejl. Hekk kif ix-xemx tkun tielgħa, jibda jara biss dellijiet, imma meta x-xemx tiddi direttament minn nofs is-sema, jibda jara l-affarijiet fid-dettall. Bħalma ġie mbassar fi Proverbji 4:18, in-nies taʼ Jehovah issa qed jaraw ċar minfejn għandhom jgħaddu permezz tad-dawl tax-xemx kollu dija tal-verità mill-kelma profetika t’Alla. Ma jitħallewx jitfixklu fid-dlam spiritwali.
L-indirizz taʼ qofol, “Oqgħod Attent għall-Kelma Profetika t’Alla,” fakkar lis-semmiegħa li dawk li jfittxu lil Jehovah huma meħlusin mid-diżappunt u d-delużjoni li jesperjenzaw dawk li jsegwu messijiet foloz u profeti foloz. F’kuntrast kbir maʼ dawn, il-kredenzjali tal-veru Messija, Ġesù Kristu, huma abbundanti! Per eżempju, it-trasfigurazzjoni mirakoluża taʼ Ġesù pprovdiet dehra tiegħu bil-quddiem bħala s-Sultan tas-Saltna t’Alla mqiegħed fuq it-tron. Minn mindu ġie fil-qawwa tas-Saltna fl-1914, Ġesù hu wkoll il-“kewkba taʼ filgħodu” msemmija fit-2 Pietru 1:19. “Bħala l-Kewkba Messjanika taʼ Fil-għodu, hu jagħti merħba lil jum ġdid, jew era ġdida, li jżernaq għall-umanità ubbidjenti kollha,” qal il-kelliemi.
It-taħdita “Niddu Bħala Dawwala,” li introduċiet il-programm taʼ wara nofsinhar, fetħet fuq Efesin 5:8 [KŻ], fejn l-appostlu Pawlu jagħtina l-parir biex nibqgħu ‘nimxu bħala wlied id-dawl.’ Il-Kristjani huma dawwala, mhux sempliċement billi jaqsmu l-Kelma t’Alla m’oħrajn imma wkoll billi japplikaw il-Bibbja f’ħajjithom bħalma għamel Ġesù.
Sabiex inkunu dawwala taʼ dan it-tip, aħna rridu ‘Nitgħaxxqu bil-Qari tal-Kelma t’Alla.’ Dan is-suġġett ġie żviluppat f’simposju maqsum fi tliet partijiet. Wara li kkwota lil Abraham Lincoln, li lill-Bibbja sejħilha “l-aqwa għotja li Alla qatt ta lill-bniedem,” l-ewwel kelliemi staqsa lill-udjenza x’kixfu d-drawwiet tal-qari tagħhom dwar kemm huma japprezzaw il-Kelma taʼ Jehovah. Is-semmiegħa ġew inkuraġġiti biex jaqraw il-Bibbja bir-reqqa, billi jieħdu l-ħin biex f’moħħhom jimmaġinaw ix-xena tar-rakkonti Skritturali u jassoċjaw punti ġodda m’affarijiet li diġà tgħallmu.
Il-parti li jmiss tas-simposju enfasizzat il-bżonn għall-istudju, mhux qari fuq fuq, jekk irridu nassorbu l-“ikel sħiħ.” (Lhud 5:13, 14) L-istudju jkun tassew edifikanti, qal il-kelliemi, jekk ‘inħejju qalbna’ minn qabel, bħalma għamel il-qassis Iżraelit Esdra. (Esdra 7:10, Saydon) Imma l-istudju għala huwa daqshekk importanti? Għax għandu konnessjoni diretta mar-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah. Għaldaqstant, l-istudju tal-Bibbja għandu jkun xi ħaġa prezzjuża, pjaċevoli, u rifreskanti, għalkemm dan jinvolvi dixxiplina u sforz mentali. Kif nistgħu nsibu l-ħin għal studju effettiv? Billi ‘nirbħu ż-żmien’ minn attivitajiet inqas importanti, qal l-aħħar kelliemi tas-simposju. (Efesin 5:16, Saydon) Iva, il-qofol biex insibu l-ħin huwa li nużaw il-ħin li għandna bl-aħjar mod.
It-taħdita “Alla Jagħti s-Saħħa lill-Għajjien” irrikonoxxiet li llum il-ġurnata ħafna nies huma għajjenin. Sabiex ikun jistaʼ jkollna “l-qawwa iktar min-normal” għall-ministeru Kristjan, għandna bżonn nistrieħu fuq Jehovah, li “jagħti l-qawwa lill-għajjien.” (2 Korintin 4:7, NW; Isaija 40:29) Xi għajnuniet li jqawwuna huma l-Kelma t’Alla, it-talb, il-kongregazzjoni Kristjana, il-parteċipazzjoni regulari fil-ministeru, l-indokraturi Kristjani, u l-eżempju leali t’oħrajn. It-tema “Kunu Għalliema meta Tqisu ż-Żmien” enfasizzat il-bżonn li l-Kristjani jkunu kemm għalliema kif ukoll predikaturi, u l-bżonn li jaħdmu iebes f’li jiżviluppaw “l-arti tat-tagħlim.”—2 Timotju 4:2, NW.
L-aħħar taħdita tal-jum, “Min Jiġġieled Kontra Alla ma Jirbaħx,” semmiet sforzi bbażati fuq informazzjoni żbaljata li saru dan l-aħħar f’xi artijiet biex jittimbraw lix-Xhieda taʼ Jehovah bħala kult perikoluż. Imma m’għandniex għalfejn nibżgħu, għaliex Isaija 54:17 jgħid: “‘Ebda arma magħmula kontrik ma tiswa, u kull ilsien li jħaqqaq kontrik toħorġu b’ħati. Din hi x-xorti tal-qaddejja tal-Mulej; mingħandi jieħdu r-raġun,’ oraklu tal-Mulej.”
IT-TIENI JUM: Affarijiet Mgħarrfin Permezz tal-Kitba tal-Profeti
Wara diskussjoni tat-test Bibliku tal-jum, dawk miġburin gawdew it-tieni simposju tal-konvenzjoni, intitolat “Nigglorifikaw lil Jehovah Bħala Wħud li Nġorru d-Dawl.” L-ewwel taħdita wriet li l-mira taʼ Kristjan hi li jigglorifika lil Jehovah billi jippriedka kullimkien. It-taħdita taʼ wara semmiet il-bżonn li nidderieġu lil uħud li jwieġbu b’mod favorevoli lejn l-organizzazzjoni t’Alla. Kif? Billi nieħdu ħames jew għaxar minuti qabel jew wara kull studju tal-Bibbja fid-dar biex nuru kif tiffunzjona l-organizzazzjoni t’Alla. It-tielet taħdita taʼ dan is-simposju enfasizzat il-bżonn li nigglorifikaw lil Alla b’għemil tajjeb.
It-taħdita “Ħobb Ħafna t-Tfakkiriet taʼ Jehovah” kopriet versi magħżulin minn Salm 119. Ċertament, aħna għandna bżonn it-tfakkiriet, għax ilkoll għandna t-tendenza li ninsew. Kemm huwa importanti, għalhekk, li niżviluppaw imħabba għat-tfakkiriet taʼ Jehovah, sewwa sew bħalma għamel is-salmista!
Imbagħad wasal mument speċjali—it-taħdita tal-magħmudija intitolata “Li Nagħtu Kas il-Kelma Profetika Jwassal għall-Magħmudija.” Il-kandidati għall-magħmudija ġew imfakkrin li għandhom jimitaw lil Kristu mhux sempliċement billi jkunu mgħammdin imma wkoll billi jsegwu l-passi tiegħu mill-qrib. (1 Pietru 2:21) Xi privileġġ għandhom dawn l-uħud ġodda li jieħdu sehem fit-twettiq taʼ Ġwann 10:16, fejn Ġesù bassar li kellu jiġbor in-“nagħaġ oħra” biex jaqdu flimkien mad-dixxipli tiegħu maħturin bl-ispirtu!
It-taħdita “Isimgħu x’Għandu xi Jgħid l-Ispirtu,” li fetħet il-programm taʼ wara nofsinhar, spjegat li l-ispirtu taʼ Jehovah jitkellem magħna permezz tal-Bibbja, “l-ilsir leali u diskret,” u l-kuxjenza tagħna mħarrġa fuq il-Bibbja. (Mattew 24:45, NW) Għaldaqstant, il-Kristjani m’għandhomx bżonn jisimgħu vuċi letterali mis-sema sabiex ikunu jafu kif jogħġbu lil Alla. Id-diskussjoni taʼ wara, “Sodi għal Tagħlim li Hu fi Qbil mad-Devozzjoni lejn Alla,” ħeġġet lill-Kristjani biex ma jeżaminawx ideat li jikkorrompu l-morali li xxerred din id-dinja. Tabilħaqq, kurżità mhux kontrollata tistaʼ tesponina għal informazzjoni taʼ ħsara fornuta mill-apostati u aġenti oħrajn taʼ Satana. Kemm hu aħjar li naqraw regolarment il-Bibbja kif ukoll l-artikli kollha tar-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!
It-taħdita taʼ wara, li kienet intitolata “Żomm Quddiem Għajnejk l-Eżempju tat-Tagħlim Sħiħ,” enfasizzat l-importanza taʼ li nkunu familjari sewwa maʼ l-“eżempju” Skritturali, jew il-qafas, tal-verità. (2 Timotju 1:13) Li niggranfaw maʼ dan l-eżempju huwa l-qofol mhux biss biex ikollna devozzjoni lejn Alla imma wkoll biex nidentifikaw dak li m’huwiex fi qbil mal-verità.
Immaġina li Jehovah jħares lejk bħala ġid. X’unur dan! It-taħdita “‘Il-Ġid Kollu’ Qed Jimla d-Dar taʼ Jehovah,” ibbażata fuq il-profezija taʼ Ħaggaj, kienet inkuraġġanti ferm għaliex assigurat lis-semmiegħa li kull membru tal-“kotra kbira” huwa tassew ġid għal Jehovah. (Apokalissi 7:9) Għalhekk, Jehovah se jeħlishom mit-‘theżżiż’ finali tal-ġnus li hu se jikkaġuna matul it-“taħbit il-kbir” li ġej. (Ħaggaj 2:7, 21, 22; Mattew 24:21) Madankollu, il-poplu taʼ Jehovah sadanittant għandu jishar spiritwalment, kif ġie spjegat fil-parti “L-Iskritturi Profetiċi Jiftħulna Għajnejna biex Noqogħdu Għassa.” Il-kelliemi kkwota l-kliem taʼ Ġesù: “Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom.” (Mattew 24:42) Kif nistgħu nibqgħu għassa spiritwalment? Billi nżommu ruħna okkupati fis-servizz taʼ Jehovah, nitolbu kontinwament, u nibqgħu nistennew il-jum il-kbir taʼ Jehovah.
L-aħħar taħdita tal-jum kienet intitolata “Il-Kelma Profetika fiż-Żmien taʼ l-Aħħar.” Din se nibqgħu niftakruha fis-snin li ġejjin. Għala? Għax il-kelliemi ħabbar il-ħruġ taʼ ktieb ġdid—Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel! “Din il-pubblikazzjoni taʼ 320 paġna bi stampi sbieħ ħafna tkopri kull parti mill-ktieb taʼ Danjel,” qal il-kelliemi. X’evidenza hi din li Jehovah qed jitfaʼ d-dawl fuq il-Kelma profetika tiegħu, u dan kemm isaħħilna l-fidi tagħna!
IT-TIELET JUM: Il-Kelma Profetika t’Alla Ma Tonqos qatt
L-aħħar jum tal-konvenzjoni beda bis-simposju “Kliem Profetiku għaż-Żmien Imwaqqat.” It-tliet partijiet eżaminaw it-tliet dikjarazzjonijiet taʼ ġudizzju esekuzzjonali minn Jehovah li ħabbar il-profeta Ħabakkuk. L-ewwel wieħed kien kontra l-ġens stinat taʼ Ġuda u t-tieni wieħed kien kontra Babilonja l-oppressiva. L-aħħar wieħed, li għad irid jitwettaq, japplika għall-qerda imminenti tal-bnedmin mill-agħar kollha. Meta kien qed jitkellem dwar Armageddon, l-aħħar ħu tas-simposju qajjem ammont konsiderevoli taʼ biżaʼ minn Alla fis-semmiegħa tiegħu meta qal: “Verament, se tkun xi ħaġa li tqanqal il-biżaʼ meta Jehovah jiżvoga l-forza sħiħa tal-qawwa kbira tiegħu.”
“Napprezzaw il-Wirt Spiritwali Tagħna” kien it-titlu tad-drama Biblika eċċitanti tal-konvenzjoni. Din il-preżentazzjoni li ġġagħlek teżamina lilek innifsek uriet il-kuntrast bejn l-attitudnijiet taʼ Ġakobb u Għesaw lejn l-affarijiet spiritwali. Għesaw iddisprezza l-wirt spiritwali tiegħu, u għalhekk dan ngħata lil Ġakobb, li kien jgħożżu. Dawk fil-konvenzjoni saritilhom il-mistoqsija “X’tana Jehovah [bħala wirt spiritwali]?” “Il-verità tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja; it-tama taʼ ħajja taʼ dejjem; u l-unur li nirrappreżentawh bħala proklamaturi taʼ l-aħbar tajba,” wieġeb il-kelliemi.
Il-parti taʼ wara kienet intitolata “X’Ifisser Għalik il-Wirt Prezzjuż Tagħna?” Aħna nuru l-attitudni xierqa lejn il-wirt spiritwali tagħna billi npoġġu s-servizz taʼ Jehovah u l-privileġġi spiritwali qabel l-interessi persunali jew materjali. B’dan il-mod aħna nibnu ħajjitna fuq ir-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah, f’kuntrast kbir maʼ Adam, Għesaw, u l-Iżraeliti mhux leali.
It-taħdita pubblika, “Kollox Jiġġedded—Bħalma Ġie Mbassar,” ġabret flimkien erbaʼ profeziji fundamentali rigward is-“smewwiet ġodda” u l-“art ġdida.” (Isaija 65:17-25; 66:22-24; 2 Pietru 3:13; Apokalissi 21:1, 3-5) Jidher ċar li Jehovah kellu f’moħħu twettiq akbar taʼ dawn il-profeziji minn dak li seħħ fuq il-poplu restawrat tiegħu fil-537 Q.E.K. Iva, hu kellu f’moħħu l-gvern tas-Saltna tiegħu (is-“smewwiet ġodda”) u s-sudditi tiegħu fuq l-art (l-“art ġdida”), li se jgħammru f’ġenna taʼ l-art globali glorjuża.
Il-konvenzjoni ġiet fi tmiemha bit-taħdita eċċitanti u li tqanqal intitolata “Dak li Nistennew hekk kif il-Kelma t’ Alla Tiggwidana.” Din fakkret lil kulħadd li “ż-żmien qsar” sabiex jitlesta x-xogħol tal-proklamazzjoni tas-Saltna. (1 Korintin 7:29) Iva, aħna ninsabu preċiż fuq l-għatba tat-twettiq tad-digriet taʼ Jehovah kontra Satana u s-sistema mill-agħar kollha tiegħu. Jalla s-sentimenti tagħna jkunu bħal dawk tas-salmista li għanna: “Ruħna tixxennaq għall-Mulej, hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.” (Salm 33:20) Xi prospett glorjuż hemm lest għal dawk li l-istennijiet tagħhom huma bbażati fuq il-kelma profetika t’Alla!
[Stampa f’paġna 7]
Drama eċċitanti żiedet l-apprezzament għall-wirt spiritwali tal-qaddejja taʼ Jehovah
[Stampa f’paġna 7]
Ħafna li taw kas tal-kelma profetika t’Alla tgħammdu