LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 1/15 pp. 21-25
  • Agħtu Glorja lil Alla—Mhux lill-Bniedem

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Agħtu Glorja lil Alla—Mhux lill-Bniedem
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • It-​Tema taʼ l-​Ewwel Jum: “Int Jistħoqqlok, Jehovah, . . . li Tirċievi l-​Glorja”
  • It-​Tema tat-​Tieni Jum: “Xandru l-​Glorja Tiegħu Fost il-​Ġnus”
  • It-​Tema tat-​Tielet Jum: “Agħmlu Kollox għall-​Glorja taʼ Alla”
  • Miljuni Se Jattendu- Int Se Tkun Hemm?
    Stenbaħ!—2003
  • Għalliema tal-Kelma t’Alla Mħeġġin Iwettqu l-Inkarigu Tagħhom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • “Proklamaturi Żelużi tas-Saltna” Ferħanin li Jiltaqgħu Flimkien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Il-Konvenzjonijiet Distrettwali u Internazzjonali Jħeġġuna biex Nagħtu Glorja lil Alla!
    Il-Ministeru tas-Saltna—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 1/15 pp. 21-25

Agħtu Glorja lil Alla—Mhux lill-​Bniedem

F’DAWN l-​aħħar xhur, nies li jħobbu s-​sewwa minn madwar id-​dinja kollha tgħallmu kif jagħtu glorja lil Alla hekk kif iltaqgħu flimkien għall-​Konvenzjonijiet Distrettwali tax-​Xhieda taʼ Jehovah “Agħtu Glorja lil Alla.” Ejja nirrivedu flimkien il-​programm edukattiv li ġie preżentat hemmhekk.

Bosta wħud li attendew il-​konvenzjonijiet gawdew programm ibbażat fuq il-​Bibbja għal tlett ijiem wara xulxin, filwaqt li dawk li rnexxielhom jattendu l-​konvenzjonijiet internazzjonali speċjali gawdew programm t’erbat ijiem. B’kollox, dawk li attendew semgħu iktar minn 30 preżentazzjoni Skritturali, li kienu jinkludu taħditiet li żiedu l-​apprezzament spiritwali, esperjenzi li saħħew il-​fidi, turijiet li enfasizzaw l-​użu prattiku taʼ prinċipji Bibliċi, u drama bil-​kostumi li ddeskriviet l-​isfidi li ffaċċjaw il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu. Jekk int attendejt xi waħda minn dawn il-​konvenzjonijiet, għala ma tirrivedix in-​noti li ħadt hekk kif taqra dan l-​artiklu? Aħna ċerti li dan se jġeddidlek memorji sbieħ taʼ ikla spiritwali abbundanti u fl-​istess ħin se titgħallem ukoll.

It-​Tema taʼ l-​Ewwel Jum: “Int Jistħoqqlok, Jehovah, . . . li Tirċievi l-​Glorja”

Wara l-​għanja u t-​talba tal-​ftuħ, l-​ewwel kelliemi ta merħba mill-​qalb lil dawk kollha fl-​udjenza permezz taʼ taħdita li ffokat fuq ir-​raġuni prinċipali għall-​konvenzjoni: “Miġburin biex Nigglorifikaw lil Alla.” Hu kkwota minn Rivelazzjoni 4:11 (NW) u enfasizza t-​tema ġenerali tal-​konvenzjoni. Hu mar mill-​ewwel biex spjega l-​punt taʼ xi jfisser li nagħtu glorja lil Alla. Permezz tal-​ktieb tas-​Salmi enfasizza illi biex nigglorifikaw lil Alla jeħtieġ li nagħtu ‘qima,’ ‘tifħir,’ u ‘radd il-​ħajr.’—Salm 95:6; 100:4, 5; 111:1, 2.

Il-parti li kien imiss kienet intitolata “Imberkin Dawk li Jagħtu Glorja lil Alla.” Il-​kelliemi ħareġ punt interessanti. Peress li iktar minn sitt miljun Xhud taʼ Jehovah jinsabu f’234 pajjiż madwar il-​globu, wieħed jistaʼ jgħid li x-​xemx qatt ma tinżel fuq dawk li jġibu glorja lil Jehovah. (Apokalissi 7:15) Parti minn din it-​taħdita li n-​nies fl-​udjenza apprezzaw ħafna u li qawwitilhom qalbhom kienet intervista maʼ diversi aħwa Kristjani li qegħdin f’xi tip taʼ servizz full-time speċjali.

“Il-​Ħolqien Jiddikjara l-​Glorja t’Alla” kienet it-​taħdita li kien imiss. Għalkemm siekta, is-​smewwiet fiżiċi juru l-​kobor immens t’Alla u jgħinuna nżidu l-​apprezzament tagħna għall-​mod kif jieħu ħsiebna bi mħabba. Dan ġie spjegat fid-​dettall.—Isaija 40:26.

Il-​persekuzzjoni, l-​oppożizzjoni, l-​influwenzi dinjin, u t-​tendenzi midinbin huma taʼ sfida għall-​integrità tal-​Kristjani veri. Għaldaqstant, it-​taħdita “Imxi fit-​Triq taʼ l-​Integrità” kien jistħoqqilha attenzjoni sħiħa min-​naħa taʼ l-​udjenza. Din kienet tinkludi diskussjoni vers vers taʼ Salm 26, kif ukoll intervisti maʼ Xhud li għadha l-​iskola u li ħadet waqfa soda dwar prinċipji morali, u maʼ Xhud ieħor li kien qed iqattaʼ wisq ħin f’divertiment dubjuż imma li mbagħad ħa passi biex jegħleb il-​problema.

It-taħdita prinċipali, “Viżjonijiet Profetiċi u Glorjużi Jħeġġuna biex Nagħmlu l-​Almu Tagħna!” temmet il-​programm taʼ fil-​għodu. Il-​kelliemi semma l-​eżempji tal-​profeta Danjel u taʼ l-​appostli Ġwanni u Pietru bħala wħud li saħħew il-​fidi tagħhom permezz taʼ viżjonijiet profetiċi glorjużi dwar it-​twaqqif u x-​xogħol tas-​Saltna Messjanika t’Alla. Waqt li rrefera għal xi wħud li forsi qed jonqsu li jaraw l-​evidenza ċara li turi li qegħdin fiż-​żmien taʼ l-​aħħar, il-​kelliemi qal: “Nittamaw sinċerament li wħud bħal dawn jerġgħu jiffokaw fuq ir-​realtà tal-​preżenza taʼ Kristu fil-​glorja tas-​Saltna u jiġu megħjunin biex jirkupraw is-​saħħa spiritwali.”

Il-programm taʼ wara nofsinhar beda b’taħdita intitolata “Il-​Glorja taʼ Jehovah Rivelata lil Nies Umli.” Il-​kelliemi wera kif Jehovah jagħtina eżempju fl-​umiltà, avolja hu l-​ogħla Persuna fl-​univers. (Salm18:35, NW) Jehovah japprova lil dawk li huma umli b’mod ġenwin, imma jopponi lil dawk li jidhru umli biss maʼ min hu daqshom jew akbar minnhom fil-​grad imma li mbagħad jimxu bl-​aħrax maʼ min ikun taħthom.—Salm 138:6, Saydon.

Imbagħad, ġew diskussi l-​profeziji Bibliċi f’serje taʼ taħditiet li enfasizzat aspetti differenti tat-​tema prinċipali: “Il-​Profezija t’Għamos—Il-​Messaġġ Tagħha għal Żmienna.” Filwaqt li uża l-​eżempju t’Għamos, l-​ewwel kelliemi ġibed l-​attenzjoni lejn ir-​responsabbiltà tagħna li nwissu lin-​nies dwar il-​ġudizzju li ġej taʼ Jehovah. It-​tema tat-​taħdita tiegħu kienet “Stqarr il-​Kelma t’Alla bil-​Qlubija.” It-​tieni kelliemi qajjem il-​mistoqsija: “Sejjer Jehovah xi darba jtemm il-​ħażen u s-​sofferenza li hawn fuq l-​art?” It-​tema tiegħu, “Ġudizzju Divin Kontra l-​Ħżiena,” uriet li l-​ġudizzju divin huwa dejjem mistħoqq, li ħadd ma jistaʼ jaħrab minnu, u li huwa selettiv. L-​aħħar kelliemi f’din is-​serje taʼ taħditiet iddiskuta t-​tema “Jehovah Jeżamina l-​Qalb.” Dawk li x-​xewqa tagħhom hi li jogħġbu lil Jehovah se jagħtu kas il-​kliem f’Għamos 5:15: “Obogħdu d-​deni u l-​ħobbu l-​ġid.”

L-alkoħol, rigal mingħand Alla li jferraħ il-​qalb, jistaʼ jintuża ħażin. Fit-​taħdita tiegħu “Aħrab in-​Nassa taʼ l-​Abbuż mill-​Alkoħol,” il-​kelliemi semma l-​perikli fiżiċi u spiritwali meta xi ħadd jieħu l-​alkoħol bla qjies, anki jekk ma jiskirx. Hu ta dan il-​prinċipju bħala gwida: Ladarba t-​tolleranza għall-​alkoħol tvarja minn persuna għal oħra, kwalunkwe ammont li jnaqqaslek “l-​għerf prattiku u l-​abbiltà tal-​ħsieb” huwa żżejjed għalik.—Proverbji 3:21, 22, NW.

Ladarba qed ngħixu fi żminijiet kritiċi, is-​suġġett li kien imiss, “Jehovah, ‘il-​Kenn Tagħna fi Żmien l-​Għawġ,’” kien taʼ faraġ kbir. It-​talb, l-​ispirtu qaddis, u sħabna l-​Kristjani jistgħu jgħinuna nkampaw.

L-​aħħar taħdita tal-​jum, “‘L-​Art Tajba’—Dehra bil-​Quddiem tal-​Ġenna taʼ l-​Art,” intemmet b’sorpriża sabiħa għal kulħadd—ktieb ġdid mimli mapep Bibliċi! Dan jismu See the Good Land.

It-​Tema tat-​Tieni Jum: “Xandru l-​Glorja Tiegħu Fost il-​Ġnus”

Wara li ġiet kunsidrata l-​iskrittura tal-​jum, ġiet preżentata t-​tieni serje taʼ taħditiet fil-​konvenzjoni, bit-​tema “Irriflettu bħal f’Mera l-​Glorja taʼ Jehovah.” L-​ewwel kelliemi kompla jiftaħ fuq is-​suġġett “Inxerrdu l-​Aħbar Tajba maʼ Kullimkien” u inkluda esperjenzi reċtati li ġraw veru fis-​servizz taʼ l-​għalqa. It-​tieni kelliemi inkluda turija taʼ żjara lura meta ppreżenta t-​tema “Inneħħu l-​Velu minn fuq Għajnejn l-​Għomja.” L-​aħħar parti, intitolata “Naħdmu Iktar bis-​Sħiħ fil-​Ministeru Tagħna,” spikkat b’intervisti interessanti dwar esperjenzi fis-​servizz.

Il-parti li kien imiss tal-​programm kienet intitolata “Mibgħudin Għalxejn.” Din kienet tinkludi intervisti inkuraġġanti maʼ individwi leali li bis-​saħħa t’Alla żammew l-​integrità tagħhom minkejja l-​oppożizzjoni.

Parti mill-​konvenzjoni li ħafna jħarsu ’l quddiem għaliha hija t-​taħdita tal-​magħmudija u t-​tgħaddis komplet fl-​ilma tal-​kandidati kollha li jikkwalifikaw. Il-​magħmudija bl-​ilma tissimbolizza d-​dedikazzjoni totali li persuna tagħmel lil Jehovah. Għaldaqstant, it-​tema kienet tassew xierqa: “Nigglorifikaw lil Alla Billi Ngħixu fi Qbil mad-​Dedikazzjoni Tagħna.”

Il-programm taʼ wara nofsinhar beda bit-​taħdita li ħeġġet lil kulħadd jeżamina lilu nnifsu, “Nikkultivaw Ħarsa bħal taʼ Kristu Lejn il-​Kobor.” Il-​kelliemi ħareġ dan il-​punt interessanti: Il-​kobor jiġi billi nimitaw l-​umiltà taʼ Kristu. B’hekk, Kristjan m’għandux jipprova jikseb xi responsabbiltà sabiex jissodisfa l-​ambizzjoni persunali tiegħu. Hu għandu jistaqsi lilu nnifsu, ‘Lest jien li nwettaq xi biċċa xogħol biex ngħin lil xi persuna bla ma jkun jaf ħadd?’

Ġieli tħossok għajjien? It-​tweġiba hija ovvja. Kulħadd apprezza t-​taħdita “Negħjew, imma Ma Naqtgħux Qalbna.” L-​intervisti maʼ wħud li ilhom Xhieda għal ħafna żmien urew li Jehovah jistaʼ ‘jqawwina permezz taʼ l-​ispirtu tiegħu.’—Efesin 3:16.

Il-ġenerożità hija kwalità li ma nitwildux biha imma li rridu nitgħallmuha. Dan il-​punt importanti ġie enfasizzat fil-​parti “Kunu Ġenerużi u Aqsmu maʼ l-​Oħrajn.” F’din it-​taħdita qamet il-​mistoqsija li tqanqal il-​ħsieb: “Lesti aħna li niddedikaw ftit minuti mill-​ġurnata tagħna lill-​aħwa li huma mdaħħlin fiż-​żmien, morda, dipressi, jew waħedhom?”

It-taħdita “Oqogħdu Attenti minn ‘Leħen Barrani’” żammet l-​attenzjoni taʼ l-​udjenza. Din it-​taħdita xebbhet lis-​segwaċi taʼ Ġesù maʼ nagħaġ li jagħtu widen biss lil leħnu bħala “r-​ragħaj it-​tajjeb” u li ma jagħtux widen lil xi “leħen barrani” li jkun ġej mill-​ħafna sorsi umani influwenzati mix-​Xitan.—Ġwanni 10:5, 14, 27.

Kor irid ikanta f’armonija biex jinftiehem. Sabiex jigglorifikaw lil Alla, l-​aduraturi veri madwar id-​dinja jridu jkunu magħqudin. Għaldaqstant, it-​taħdita “Igglorifikaw lil Alla ‘b’Fomm Wieħed’” kien fiha tagħlim utli dwar kif aħna lkoll nistgħu nitkellmu l-​unika “lingwa pura” u naqdu lil Jehovah “spalla maʼ spalla.”—Sofonija 3:9, NW.

Il-​ġenituri, b’mod partikulari dawk li għandhom it-​tfal żgħar, ħadu ħafna pjaċir bl-​aħħar taħdita tal-​jum, “Uliedna—Wirt Prezzjuż.” L-​udjenza ħadet sorpriża sabiħa meta tħabbar il-​ħruġ taʼ ktieb ġdid b’256 paġna. Learn From the Great Teacher (Tgħallem mill-​Għalliem il-​Kbir) huwa ktieb li se jgħin lill-​ġenituri jqattgħu ħin spiritwali u premjanti maʼ wliedhom, ir-​rigal mogħti lilhom mingħand Alla.

It-​Tema tat-​Tielet Jum: “Agħmlu Kollox għall-​Glorja taʼ Alla”

L-​aħħar jum tal-​konvenzjoni beda fuq nota spiritwali permezz tat-​tfakkiriet taʼ l-​iskrittura tal-​jum. Fl-​ewwel sezzjoni tal-​programm taʼ dan il-​jum ngħatat attenzjoni iktar mis-​soltu lill-​arranġament tal-​familja. L-​ewwel taħdita, “Ġenituri, Saħħu lill-​Familja Tagħkom,” ħejjiet l-​udjenza għal dak li kien ġej. Wara li rriveda r-​responsabbiltajiet li għandhom il-​ġenituri biex jipprovdu affarijiet materjali għall-​familja tagħhom, il-​kelliemi wera li r-​responsabbiltà primarja tal-​ġenituri hija li jipprovdulhom spiritwalment.

Il-kelliemi li kien imiss indirizza lit-​tfal u eżamina s-​suġġett “Kif iż-​Żgħażagħ Qed Ifaħħru lil Jehovah.” Hu qal li ż-​żgħażagħ huma bħal qtar tan-​“nida” għax huma ħafna u ż-​żelu li juru f’żgħożithom huwa rifreskanti. Il-​kbar jieħdu pjaċir jaħdmu magħhom fis-​servizz taʼ Jehovah. (Salm 110:3, Saydon) Din il-​parti kienet tinkludi intervisti sbieħ maʼ żgħażagħ eżemplari.

Parti dejjem eċċitanti fil-​konvenzjonijiet distrettwali hija d-​drama Biblika bil-​kostumi, u din il-​konvenzjoni ma kinitx xi eċċezzjoni. Id-​drama “Nagħtu Xiehda bil-​Qlubija Minkejja l-​Oppożizzjoni” kienet tittratta dwar is-​segwaċi taʼ Ġesù fl-​ewwel seklu. Din id-​drama ma kinitx biss sabiħa imma, iktar importanti minn hekk, kien fiha tagħlima. Fit-​taħdita taʼ wara, “Iddikjara l-​Aħbar Tajba ‘bla Waqfien,’” reġgħu ġew enfasizzati l-​punti prinċipali tad-​drama.

L-udjenza kollha kienet qed tħares ’il quddiem għat-​taħdita pubblika fil-​programm tal-​Ħadd, “Min Illum Qed Jagħti Glorja lil Alla?” Il-​kelliemi wera ċar kif l-​oqsma xjentifiċi u reliġjużi in ġenerali ma tawx glorja lil Alla. Huma biss in-​nies li jġorru ismu, dawk li qed jippridkaw u jgħallmu l-​verità dwar Jehovah, li qegħdin tassew jigglorifikaw lil ismu llum.

Wara t-​taħdita pubblika kien hemm ġabra fil-​qosor taʼ l-​artiklu tat-​Torri taʼ l-​Għassa għal dik il-​ġimgħa, u mbagħad, it-​taħdita taʼ l-​aħħar, “Ibqgħu ‘Agħmlu Ħafna Frott’ għall-​Glorja taʼ Jehovah.” Il-​kelliemi ppreżenta riżoluzzjoni t’għaxar punti sabiex tiġi adottata minn dawk kollha fl-​udjenza u li ċċentrat fuq diversi modi kif il-​glorja tistaʼ tingħata lil Jehovah, il-​Ħallieq. L-​għajta unanima taʼ “Iva” nstemgħet fil-​konvenzjonijiet kollha madwar id-​dinja.

Għaldaqstant, fl-​għeluq tal-​konvenzjoni, kulmin attenda kellu tidwi f’widnejh it-​tema “Agħtu Glorja lil Alla.” U jalla aħna, bl-​għajnuna taʼ l-​ispirtu taʼ Jehovah u l-​parti viżibbli taʼ l-​organizzazzjoni tiegħu, infittxu dejjem li nagħtu glorja lil Alla u mhux lill-​bnedmin.

[Kaxxa/Stampi fʼpaġna 23]

Konvenzjonijiet Internazzjonali

Kien hemm konvenzjonijiet internazzjonali t’erbat ijiem li nżammu fl-​Afrika, fl-​Amerika taʼ Fuq u t’Isfel, fl-​Asja, fl-​Awstralja, u fl-​Ewropa. Diversi Xhieda mid-​dinja kollha ġew mistidnin jattendu dawn il-​konvenzjonijiet bħala delegati. B’dan il-​mod, kemm il-​viżitaturi u kemm dawk li laqgħuhom qawwew u inkuraġġew lil xulxin. (Rumani 1:12) Kien hemm uħud li reġgħu ltaqgħu wara ħafna żmien u oħrajn li għamlu ħbieb ġodda. Aspett speċjali fil-​konvenzjonijiet internazzjonali kien il-​parti tal-​programm intitolata “Rapporti minn Pajjiżi Oħrajn.”

[Kaxxa/Stampi f’paġna 25]

Pubblikazzjonijiet Ġodda li Jagħtu Glorja lil Alla

Fil-​Konvenzjonijiet Distrettwali “Agħtu Glorja lil Alla” ħarġu żewġ pubblikazzjonijiet ġodda. L-​atlas Bibliku See the Good Land għandu qoxra b’saħħitha u fih 36 paġna mimlijin mapep u ritratti taʼ postijiet Bibliċi. Kull paġna hija bil-​kulur u fiha mapep taʼ l-​imperi taʼ l-​Assirja, Babilonja, Medo-Persja, Greċja, u Ruma. Hemm mapep separati li jkopru l-​ministeru taʼ Ġesù u l-​mod kif infirxet il-​Kristjanità.

Learn From the Great Teacher (Tgħallem mill-​Għalliem il-​Kbir) huwa ktieb taʼ 256 paġna li fih bejn wieħed u ieħor 230 stampa. Tistgħu tqattgħu ħafna ħin sabiħ mat-​tfal sempliċement taraw l-​istampi u twieġbu l-​mistoqsijiet li hemm fil-​ktieb u li jġagħluk taħseb. Dan il-​ktieb ġdid huwa mfassal biex iż-​żgħażagħ tagħna jkunu jifilħu għall-​attakki taʼ Satana bl-​iskop li jħassru l-​livelli morali tagħhom.

[Stampa f’paġna 23]

Missjunarji rrakkontaw esperjenzi li jsaħħu l-​fidi

[Stampi f’paġna 24]

Il-​magħmudija kienet aspett importanti fil-​konvenzjonijiet “Agħtu Glorja lil Alla”

[Stampi f’paġna 24]

Kemm il-​kbar u kemm iż-​żgħar jieħdu pjaċir bid-​drama Biblika

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja