“Proklamaturi Żelużi tas-Saltna” Ferħanin li Jiltaqgħu Flimkien
KRIŻIJIET morali, ekonomiċi, u politiċi qed jheżżu lid-dinja. Iżda, fost dan it-taqlib kollu, ix-Xhieda taʼ Jehovah inġabru biex igawdu tlett ijiem taʼ paċi fil-Konvenzjonijiet Distrettwali “Proklamaturi Żelużi tas-Saltna.” Fl-2002, dawn il-konvenzjonijiet li jsiru madwar il-globu kollu bdew f’Mejju.
Dawn il-konvenzjonijiet tassew kienu okkażjonijiet taʼ ferħ. Ejja nirrivedu fil-qosor il-programm inkuraġġanti bbażat fuq il-Bibbja.
Fl-Ewwel Ġurnata Ġie Enfasizzat iż-Żelu taʼ Ġesù
It-tema taʼ l-ewwel ġurnata tal-konvenzjoni kienet “Imita ż-Żelu taʼ Sidna, Ġesù.” (Ġwann 2:17) It-taħdita “Ferħanin li Ninġemgħu Flimkien Bħala Proklamaturi tas-Saltna” kienet stedina mill-qalb għal dawk preżenti biex jieħdu sehem fil-ferħ li bħas-soltu qatt ma jonqos f’konvenzjonijiet bħal dawn tal-poplu t’Alla. (Dewteronomju 16:15) Wara din it-taħdita kien hemm intervisti maʼ xi proklamaturi żelużi taʼ l-aħbar tajba.
Fit-taħdita “Sib l-Għaxqa Tiegħek f’Jehovah Innifsu” ġie diskuss Salm 37:1-11 vers vers. Ġejna mħeġġin biex ma ‘nagħdbux’ meta naraw is-suċċess li jidher li qed ikollhom il-ħżiena. Għalkemm xi wħud mill-agħar jistgħu forsi jaqilgħu l-gideb fuqna, meta jasal il-waqt Jehovah se juri ċar min huma verament in-nies leali tiegħu. Fit-taħdita “Uri Gratitudni” ġie diskuss kif nistgħu nuru li aħna grati lejn Alla. Il-Kristjani kollha huma fid-dmir li joffru “sagrifiċċju taʼ tifħir” lil Jehovah. (Lhud 13:15) M’għandniex xi ngħidu, l-ammont taʼ ħin li niddedikaw għas-servizz taʼ Jehovah jiddependi mill-apprezzament u ċ-ċirkustanzi tagħna.
It-taħdita prinċipali kienet intitolata “Il-Proklamaturi tas-Saltna Għandhom Żelu Jaħraq bħan-Nar.” Din ġibdet l-attenzjoni lejn Ġesù Kristu bħala l-aqwa eżempju taʼ żelu għalina. Mindu ġiet stabbilita s-Saltna tas-sema fl-1914, il-veri Kristjani kellhom bżonn taż-żelu biex ixandru l-aħbar tajba. Il-kelliemi rrefera għall-konvenzjoni taʼ Cedar Point, Ohio, fl-Istati Uniti, li saret fl-1922 u fakkarna f’dik l-għajta storika: “Irreklamaw lis-Sultan u lis-Saltna tiegħu”! Hekk kif gerbu s-snin, iż-żelu tal-qaddejja leali t’Alla qanqalhom biex jiddikjaraw il-veritajiet meraviljużi dwar is-Saltna lill-ġnus kollha.
It-taħdita “Ma Nibżgħux għax Nafu li Jehovah Qiegħed Magħna,” li ngħatat fl-ewwel ġurnata wara nofsinhar, uriet li n-nies t’Alla huma l-mira speċjali taʼ Satana. Iżda, minkejja l-oppożizzjoni li jistaʼ jkollna, aħna niksbu kuraġġ jekk nimmeditaw dwar il-ħafna eżempji taʼ nies taʼ fidi, kemm Bibliċi u kemm taʼ żmienna, biex inkunu nistgħu niffaċċjaw il-provi u t-tentazzjonijiet mingħajr biżaʼ.—Isaija 41:10.
Imbagħad kien imiss serje taʼ tliet taħditiet bit-tema “Il-Profezija taʼ Mikea Ssaħħaħna biex Nimxu f’Isem Jehovah.” L-ewwel kelliemi qabbel il-kollass morali, l-apostasija reliġjuża, u l-materjaliżmu taʼ żmien Mikea maʼ żmienna. Hu stqarr: “It-tama tagħna għall-futur se tkun żgura jekk irrawmu qalb ubbidjenti u naraw li l-imġiba tagħna tkun qaddisa u ħajjitna mimlija b’għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla—u jekk qatt ma ninsew li l-jum taʼ Jehovah se jiġi tabilħaqq.”—2 Pietru 3:11, 12.
It-tieni kelliemi f’din is-serje taʼ taħditiet ġibed l-attenzjoni lejn il-kundanna taʼ Mikea fuq il-mexxejja Lhud. Dawn ħaqru lin-nies foqra li ma setgħux jiddefendu ruħhom. Imma Mikea bassar ukoll li l-qima vera kellha tittrijonfa. (Mikea 4:1-5) Bil-qawwa li jagħtina l-ispirtu qaddis taʼ Jehovah, aħna determinati li nxandru dan il-messaġġ taʼ tama li tant iġib serħan. Imma xi ngħidu jekk inħossu li ma nistgħux nagħmlu kemm nixtiequ minħabba xi mard jew xi affarijiet oħra? It-tielet kelliemi qal: “Il-ħtiġijiet taʼ Jehovah huma raġunevoli u jistgħu jintlaħqu.” Hu mbagħad kompla jiddiskuti dwar l-aspetti differenti taʼ Mikea 6:8, li jgħid: “X’jistenna minnek il-Mulej: li tagħmel dak li hu ġust, li tħobb u tkun ħanin, u li tkun umli fl-imġiba tiegħek maʼ Alla tiegħek.”
Minħabba li t-taħsir morali taʼ din id-dinja jistaʼ jeffettwa lill-Kristjani, ilkoll kemm aħna bbenefikajna mit-taħdita intitolata “Ibqaʼ Safi Billi Tħares lil Qalbek.” Per eżempju, il-fatt li nżommu ruħna safjin jgħinna biex ikollna żwieġ hieni. Bħala Kristjani, qatt m’għandna naħsbu, lanqas għal mument wieħed, dwar il-ħsieb li nikkommettu immoralità sesswali.—1 Korintin 6:18.
It-taħdita “Għasses Kontra l-Qerq” urietna kemm hu għaqli li l-qerq, in-nofs veritajiet, u l-gideb sfaċċat li jxerrdu l-apostati, inqisuhom bħallikieku kienu velenu. (Kolossin 2:8) Bl-istess mod, aħna qatt m’għandna nqarrqu bina nfusna u naħsbu li nistgħu nissodisfaw ix-xewqat midinba tagħna mingħajr ma nġibu konsegwenzi koroh fuqna.
“Qim lill-Uniku Alla Veru” kien it-titlu taʼ l-aħħar taħdita fl-ewwel ġurnata. Hekk kif il-kundizzjonijiet fid-dinja jkomplu jsiru dejjem iktar kritiċi, kemm iqawwilna qalbna li nafu li Jehovah dalwaqt se jġib id-dinja l-ġdida tiegħu mimlija tjieba! Min se jgħix fiha? Dawk biss li jqimu lil Jehovah. Biex jgħin lilna, lil uliedna, u lil dawk li nistudjaw il-Bibbja magħhom nilħqu din il-mira, il-kelliemi ħabbar il-ħruġ taʼ ktieb ġdid għall-istudju, Worship the Only True God (Qim lill-Uniku Alla Veru). X’ferħ ħassejna!
Fit-Tieni Ġurnata Ġie Enfasizzat iż-Żelu għal Dak li Hu Tajjeb
It-tieni ġurnata tal-konvenzjoni kellha t-tema “Kun Żeluż għal Dak li Hu Tajjeb.” (1 Pietru 3:13) L-ewwel kelliemi ddiskuta l-Iskrittura tal-jum. Hu enfasizza l-fatt li meta neżaminaw bis-serjetà l-Iskrittura tal-jum, dan iżidilna ż-żelu.
Imbagħad kien hemm is-serje taʼ taħditiet “Proklamaturi tas-Saltna li Jigglorifikaw il-Ministeru Tagħhom.” Fl-ewwel parti ġie enfasizzat il-bżonn li nimmaniġġaw sewwa l-Kelma t’Alla. (2 Timotju 2:15) Meta nużaw il-Bibbja b’mod effettiv inkunu qed inħalluha teżerċita l-‘qawwa’ fil-ħajjiet tan-nies. (Lhud 4:12) Aħna għandna niġbdu l-attenzjoni lejn il-Bibbja u nirraġunaw fuqha b’mod li jikkonvinċi. Fit-tieni parti taʼ din is-serje taʼ taħditiet ġejna mħeġġin biex inżuru għal darba wara l-oħra lin-nies li juru interess. (1 Korintin 3:6) Neħtieġu l-preparazzjoni u l-qlubija biex inkomplu nieħdu ħsieb l-interess kollu li nsibu fil-pront. Fit-tielet parti ngħatajna s-suġġeriment biex inħarsu lejn kulmin navviċinaw bħala xi ħadd li għad isir dixxiplu. Din uriet ukoll li jekk noffru studju tal-Bibbja fl-ewwel żjara dan jistaʼ jwassal biex ikollna l-ferħ li ngħinu lil xi individwi jsiru dixxipli.
“Għala ‘Titlob bla Heda’” kienet it-tema tat-taħdita li kien imiss. Il-Bibbja tħeġġeġ lill-Kristjani biex iduru lejn Alla għall-gwida f’kull aspett tal-ħajja. Jeħtieġ li nsibu l-ħin biex nitolbu fil-privat. Iktar minn hekk, irridu nipperseveraw fit-talb, għax Jehovah jistaʼ jħallina nkomplu nitolbu għal xi żmien qabel nindunaw kif wieġeb talbna.—Ġakbu 4:8.
Fit-taħdita “Konversazzjoni Spiritwali Tibnina” ġejna mħeġġin biex nużaw ir-rigal tagħna tad-diskors għall-benefiċċju tagħna nfusna u taʼ oħrajn. (Filippin 4:8) Kemm ir-raġel, kemm il-mara, u kemm l-ulied jeħtieġu xi ftit jew wisq konversazzjoni spiritwali bejniethom kuljum. Minħabba f’hekk, il-familji għandhom jipprovaw jiltaqgħu minn taʼ l-inqas għal ikla waħda kuljum, biex b’hekk ikollhom ħin għall-konversazzjoni li tibnihom.
Il-programm taʼ fil-għodu ntemm bit-taħdita li tant tqanqal il-qalb, “Kif id-Dedikazzjoni u l-Magħmudija Jwasslu għas-Salvazzjoni.” Il-kandidati tal-magħmudija diġà kienu kisbu l-għarfien, eżerċitaw fidi, nidmu, daru lura mill-ħażen, u ddedikaw lilhom infushom lil Alla. Il-kelliemi ġibdilhom l-attenzjoni li wara l-magħmudija, huma kellhom ikomplu jikbru spiritwalment u ma jitilfux iż-żelu u l-kondotta tajba li kellhom.—Filippin 2:15, 16.
Wara nofsinhar, ġew enfasizzati żewġ punti fit-taħdita “Kun Modest, u Żomm Għajnek Sempliċi.” Li nkunu modesti jfisser li jkollna ħarsa realistika tal-limitazzjonijiet u tal-qagħda tagħna quddiem Alla. Il-modestja tgħinna nżommu għajn “safja” jew kif tpoġġiha n-New World Translation, “sempliċi”—iffokata fuq is-Saltna t’Alla, u mhux fuq affarijiet materjali. Jekk nagħmlu hekk, m’għandniex għalfejn inkunu ansjużi, għax Jehovah jipprovdilna dak li jkollna bżonn.—Mattew 6:22-24, 33, 34.
Il-kelliemi taʼ wara li ta t-taħdita “Afda f’Jehovah Għalkollox fi Żmien l-Inkwiet” uriena għala għandna nagħmlu dan. Kif nistgħu nkampaw m’affarijiet bħalma huma dgħjufijiet persunali u problemi taʼ saħħa jew finanzjarji? Ejja nitolbu lil Jehovah għall-għerf prattiku u nitolbu l-għajnuna taʼ ħaddieħor. Minflok ma nċedu u nibdew nippanikkjaw u niddispraw, aħna għandna nsaħħu l-fiduċja tagħna f’Alla billi naqraw il-Kelma tiegħu.—Rumani 8:35-39.
L-aħħar serje taʼ taħditiet f’din il-konvenzjoni kellha t-tema “Il-Kwalità tal-Fidi Tagħna Mġarrba b’Diversi Provi.” L-ewwel parti fakkritna li l-Kristjani veri kollha jiffaċċjaw il-persekuzzjoni. Din isservi bħala xiehda, issaħħilna l-fidi, u tagħtina opportunità biex nuru l-lealtà tagħna lejn Alla. Għalkemm aħna ma nissograwx ħajjitna bla bżonn, qatt ma se nużaw mezzi li m’humiex skritturali biex nevitaw il-persekuzzjoni.—1 Pietru 3:16.
It-tieni kelliemi f’din is-serje taʼ taħditiet semma xi mistoqsijiet li għandhom x’jaqsmu man-newtralità. Il-Kristjani tal-bidu ma kinux paċifisti, imma kienu jirrikonoxxu li l-lealtà primarja tagħhom kienet lejn Alla. Bl-istess mod illum, ix-Xhieda taʼ Jehovah iżommu sod maʼ dan il-prinċipju: “M’intomx tad-dinja.” (Ġwann 15:19) Ladarba minn ħin għall-ieħor nistennew li tinqalaʼ xi ħaġa li tittestja n-newtralità tagħna, għandna nsibu l-ħin biex bħala familja nirrivedu dak li tgħid il-Bibbja dwar dan is-suġġett. Bħalma wriet it-tielet taħdita f’din is-serje taʼ taħditiet, mhux bilfors li l-mira taʼ Satana hija li joqtolna, imma li jagħmlilna pressjoni biex ma nibqgħux leali. Jekk nissaportu fedelment it-twaqqigħ għaċ-ċajt, il-pressjonijiet immorali, l-uġigħ emozzjonali, u l-mard, inkunu qed inġibu tifħir lil Jehovah.
L-istedina mill-qalb “Ersaq Qrib Lejn Jehovah” kienet it-titlu taʼ l-aħħar taħdita taʼ din il-ġurnata. Meta nifhmu l-attributi kardinali li għandu Jehovah, inkunu nistgħu nersqu qrib tiegħu. Hu juża l-qawwa bla limitu li għandu biex jipproteġi lin-nies tiegħu, speċjalment spiritwalment. Il-ġustizzja tiegħu m’hijiex ħarxa imma tqanqlu biex jagħmel ħajja bla tmiem disponibbli għal kulmin jagħmel is-sewwa. L-għerf t’Alla jidher fil-mod kif hu uża lill-bnedmin imperfetti biex jiktbu l-Bibbja. L-iktar kwalità li tiġbdek lejh hi l-imħabba tiegħu, li qanqlitu jagħmel arranġament għas-salvazzjoni tal-bnedmin permezz taʼ Ġesù Kristu. (Ġwann 3:16) Il-kelliemi spiċċa billi ppreżenta l-ktieb il-ġdid li tant iqanqal il-qalb, Draw Close to Jehovah (Ersaq Qrib Lejn Jehovah).
It-Tielet Ġurnata Ffokat fuq iż-Żelu għal Għemejjel Tajbin
It-tema tat-tielet ġurnata tal-konvenzjoni kienet “Poplu Żeluż għal Għemejjel Tajbin.” (Titu 2:14) Il-programm tal-ġurnata beda billi familja ddiskutiet l-iskrittura tal-jum. Imbagħad kien hemm it-taħdita “Qiegħda l-Fiduċja Tiegħek f’Jehovah?” Il-ġnus poġġew il-fiduċja tagħhom f’sors żbaljat billi straħu fuq l-għerf u l-qawwa tagħhom stess. Iżda b’kuntrast, il-qaddejja taʼ Jehovah jistrieħu fuqu bil-kuraġġ u bil-ferħ minkejja l-gwaj kollu li jistaʼ jiġi fuqhom.—Salm 46:2-4, 8-12 (46:1-3, 7-11, NW).
Fil-parti intitolata “Żgħażagħ—Ibnu għall-Futur maʼ l-Organizzazzjoni taʼ Jehovah” ġiet diskussa l-mistoqsija: Kif jistaʼ żagħżugħ tassew jikseb l-aħjar mill-ħajja? Dan mhux se jinkiseb billi wieħed ikun moħħu fil-flus, fil-ġid materjali, u fil-fama. Il-Ħallieq tagħna jħeġġeġ bl-imħabba kollha liż-żgħażagħ biex jiftakru fih dment li għadhom żgħar. Il-kelliemi intervista lil xi wħud li stinkaw kemm felħu fis-servizz Kristjan f’żgħożithom, u stajna nifhmu l-ferħ li qed iħossu. U kemm ħadna gost meta rċivejna l-fuljett il-ġdid, Żgħażagħ—Kif Se Tużaw Ħajjitkom?, li sar bl-għan li jgħin lix-Xhieda żgħażagħ ipoġġu l-pedament għall-futur li ma jintemm qatt maʼ l-organizzazzjoni taʼ Jehovah!
Imbagħad wasal il-ħin għad-drama “Sodi fi Żmien taʼ Inkwiet,” li kulħadd segwa b’attenzjoni kbira. Din tat deskrizzjoni fil-qosor tal-karriera twila taʼ Ġeremija mindu kien għadu żagħżugħ sal-qerda taʼ Ġerusalemm, li dwarha hu kien ipprofetizza b’żelu kbir. Ġeremija ħass li ma kienx kwalifikat biżżejjed għal dan l-inkarigu, imma hu wettqu minkejja l-oppożizzjoni li kellu, u Jehovah ħelsu.—Ġeremija 1:8, 18, 19.
Wara d-drama kien hemm it-taħdita “Kun bħal Ġeremija—Ipproklama l-Kelma t’Alla bla Biżaʼ.” Illum taʼ spiss insibu lil min jaqlaʼ l-gideb u jagħmel propaganda malizzjuża kontra l-proklamaturi tas-Saltna. (Salm 109:1-3) Iżda aħna, bħal Ġeremija, nistgħu negħlbu l-iskuraġġiment billi nsibu l-għaxqa tagħna fil-Kelma taʼ Jehovah. U ninsabu fiduċjużi li dawk li jiġġieldu kontrina m’humiex se joħorġu rebbiħin.
Tabilħaqq kienet f’waqtha t-taħdita pubblika, intitolata “Ix-Xena taʼ Din id-Dinja Qiegħda Tinbidel.” Fi żmienna kien hawn ħafna bidliet drammatiċi. Il-Bibbja bassret li dawn il-kundizzjonijiet, inkluż għajta taʼ “paċi u sigurtà,” kienu se jwasslu għall-jum il-ħaqq t’Alla li tant iqanqal il-biżaʼ. (1 Tessalonikin 5:3, NW) Dan il-jum se jġib bidliet taʼ l-għaġeb—it-tmiem tal-gwerer, tal-kriminalità, tal-vjolenza, u saħansitra tal-mard kollu. Mela, minflok ma nafdaw f’din is-sistema t’affarijiet, dan hu ż-żmien biex nibqgħu nimxu bid-devozzjoni lejn Alla u nżommu l-kondotta tagħna nadifa.
It-Torri taʼ l-Għassa fil-qosor ġie segwit mill-aħħar taħdita tal-konvenzjoni, intitolata “Furu bl-Għemejjel Tajbin Bħala Proklamaturi Żelużi tas-Saltna.” Il-kelliemi wera kif il-programm kien qanqalna spiritwalment u inkuraġġiena biex nistrieħu fuq Jehovah. Dan spiċċa billi ħeġġiġna biex inkunu nodfa, nuru mħabba, u nkunu proklamaturi żelużi tas-Saltna t’Alla.—1 Pietru 2:12.
Bi spirtu bħal dak tal-qaddejja taʼ Jehovah taʼ żmien Neħemija, aħna ċertament li morna lura lejn darna ferħanin minħabba l-barkiet spiritwali li rċivejna fil-Konvenzjonijiet Distrettwali “Proklamaturi Żelużi tas-Saltna.” (Neħemija 8:12) Ma ġagħlitekx din il-konvenzjoni eċċitanti tħossok mimli ferħ u determinazzjoni biex tibqaʼ miexi ’l quddiem bħala proklamatur żeluż tas-Saltna?
[Kaxxa/Stampa f’paġna 23]
Għajnuna Ġdida għall-Istudju!
Fi tmiem l-ewwel ġurnata tal-konvenzjoni, dawk preżenti ħadu gost ħafna bil-ħruġ tal-ktieb il-ġdid Worship the Only True God (Qim lill-Uniku Alla Veru). Dan sar bl-għan li jiġi studjat maʼ dawk li jkunu studjaw il-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem, u dan bla dubju se jsaħħaħ il-fidi taʼ dawk li huma “disposti sewwa għall-ħajja taʼ dejjem.”—Atti 13:48, NW.
[Sors]
Stampa fuq il-qoxra tal-ktieb: ritratt mill-U.S. Navy
[Kaxxa/Stampi f’paġna 24]
Għajnuna biex Nersqu Eqreb Lejn Alla
L-aħħar kelliemi fit-tieni ġurnata tal-konvenzjoni ħabbar il-ħruġ tal-ktieb il-ġdid Draw Close to Jehovah (Ersaq Qrib Lejn Jehovah). Dan fih erbaʼ sezzjonijiet prinċipali, waħda għal kull attribut kardinali taʼ Jehovah—il-qawwa, il-ġustizzja, l-għerf, u l-imħabba. Kull sezzjoni tal-ktieb għandha kapitlu li turi kif Ġesù Kristu wera l-kwalitajiet t’Alla fil-ħajja tiegħu. L-iskop ewlieni taʼ dan il-ktieb il-ġdid hu li jgħin lilna u lil dawk li jistudjaw il-Bibbja magħna biex nibnu relazzjoni mill-qrib u iktar b’saħħitha m’Alla Jehovah.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 26]
Gwida Spiritwali għaż-Żgħażagħ
It-tielet ġurnata tal-konvenzjoni spikkat minħabba l-ħruġ taʼ fuljett speċjali intitolat Żgħażagħ—Kif Se Tużaw Ħajjitkom? Dan il-fuljett ġdid sar bl-għan li jgħin lix-Xhieda żgħażagħ jieħdu deċiżjonijiet tajbin rigward il-futur tagħhom, għaliex jagħti pariri Skritturali kif jistgħu jibnu karriera dejjiema fis-servizz taʼ Jehovah.