LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 2/15 pp. 26-30
  • Nimxu fit-Triq tad-Dawl li Jitqawwa

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nimxu fit-Triq tad-Dawl li Jitqawwa
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • It-​Tidwil Iwassal għal Irfinar fl-​Organizzazzjoni
  • Iktar Dawl Ifisser Iktar Irfinar
  • Ġeħova Jdawwal it-​Triq bit-​Tagħlim
  • Ibqaʼ Miexi fit-​Triq tad-​Dawl li Jitqawwa
  • Leħħiet taʼ Dawl—Kbar u Żgħar it-Tieni Parti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Żomm il-Pass maʼ l-Organizzazzjoni taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Segwi d-Dawl tad-Dinja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Il-Glorja taʼ Jehovah Tiddi Fuq il-Poplu Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 2/15 pp. 26-30

Nimxu fit-​Triq tad-​Dawl li Jitqawwa

“Triq it-​tajbin bħal dawl iż-​żerniq, li jżid jitqawwa sal-​milja tal-​jum.” ​—PROVERBJI 4:18.

1, 2. In-​nies t’Alla x’esperjenzaw b’riżultat tad-​dawl spiritwali li jitqawwa mingħand Ġeħova?

MIN jistaʼ jiddeskrivi l-​aħjar l-​effett li għandha x-​xemx tielgħa fuq id-​dlam taʼ bil-​lejl aħjar mis-​Sors tad-​dawl innifsu, Alla Ġeħova? (Salm 36:10 [36:​9, NW]) ‘Is-​sebħ jaqbad l-​art mit-​truf tagħha,’ jgħid Alla, ‘l-​art tinbidel bħal tafal taħt is-​siġill, u tiġi mżewwqa bħal libsa.’ (Ġob 38:​12-14) Bid-​dawl li jitqawwa mix-​xemx, l-​affarijiet taʼ fuq l-​art jieħdu l-​forma u jsiru iktar ċari, eżatt bħalma t-​tafal jinbidel hekk kif jirċievi l-​marka tas-​siġill.

2 Ġeħova huwa wkoll is-​Sors tad-​dawl spiritwali. (Salm 43:3) Filwaqt li d-​dinja tibqaʼ fi dlam taqtgħu b’sikkina, l-​Alla l-​veru jkompli jitfaʼ d-​dawl fuq in-​nies tiegħu. B’liema riżultat? Il-​Bibbja twieġeb: “Triq it-​tajbin bħal dawl iż-​żerniq, li jżid jitqawwa sal-​milja tal-​jum.” (Proverbji 4:18) Id-​dawl li jitqawwa mingħand Ġeħova jibqaʼ jdawwal il-​mogħdija tan-​nies tiegħu. Dan jirfinahom fl-​organizzazzjoni, fit-​tagħlim, u fil-​morali.

It-​Tidwil Iwassal għal Irfinar fl-​Organizzazzjoni

3. X’hemm imwiegħed f’Isaija 60:17?

3 Permezz tal-​profeta Isaija, Ġeħova bassar: “Minflok il-​bronż, nġiblek id-​deheb; flok il-​ħadid, il-​fidda; flok l-​injam, il-​bronż; flok il-​ġebel, il-​ħadid.” (Isaija 60:17) Bħalma jkun hemm irfinar meta materjal inferjuri jinbidel maʼ wieħed superjuri, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova esperjenzaw irfinar fl-​arranġamenti organizzazzjonali tagħhom matul “tmiem is-​sistema,” jew l-​“aħħar jiem.”​—Mattew 24:3; 2 Timotju 3:1.

4. Liema arranġament inbeda fl-​1919, u kif kien taʼ ġid?

4 Fil-​bidu taʼ l-​aħħar jiem, il-​kongregazzjonijiet taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja, bħalma kienu magħrufin ix-​Xhieda taʼ Ġeħova dak iż-​żmien, kienu jivvotaw b’mod demokratiku għall-​anzjani u d-​djakni. Però, xi anzjani ma kellhomx spirtu ġenwin għall-​evanġelizzar. Xi wħud mhux biss kienu jżommu lura milli jieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar huma stess imma wkoll skuraġġew lil oħrajn milli jieħdu sehem. Għalhekk, fl-​1919, ngħatat kariga ġdida f’kull kongregazzjoni​—dik taʼ direttur tas-​servizz. Id-​direttur tas-​servizz ma kienx jiġi elett mill-​kongregazzjoni imma kien jinħatar b’mod teokratiku fil-​pożizzjoni tiegħu mill-​uffiċċju tal-​fergħa tal-​poplu t’Alla. Ir-​responsabbiltajiet tad-​direttur maħtur kienu jinkludu li jorganizza x-​xogħol taʼ l-​ippridkar, jinkariga t-​territorji, u jinkuraġġixxi l-​parteċipazzjoni fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. Fis-​snin taʼ wara, ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna ngħata spinta enormi ’l quddiem.

5. Liema rfinar sar realtà fis-​snin 20?

5 Dawk kollha fil-​kongregazzjoni tqanqlu iktar bit-​twissija “Irreklamaw, irreklamaw, irreklamaw, lis-​Sultan u lis-​saltna tiegħu,” li ngħatat fl-​1922 fil-​konvenzjoni taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja f’Cedar Point, Ohio, l-​Istati Uniti. Sa l-​1927, is-​servizz taʼ l-​għalqa kien organizzat sal-​punt li l-​Ħadd kien meqjus bħala l-​iktar ġurnata adattata biex isir ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar minn dar għal dar. Għala f’dik il-​ġurnata? Għaliex il-​Ħadd kienet l-​iktar ġurnata meta n-​nies ma jkunux xogħol. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova llum juru l-​istess spirtu billi jħabirku biex imorru għand in-​nies fil-​ħin meta dawn wisq probabbli jkunu d-​dar, bħal per eżempju, fi tmiem il-​ġimgħa jew fil-​għaxijiet.

6. Fl-​1931, liema riżoluzzjoni saret, u dan kif effettwa x-​xogħol tax-​xandir dwar is-​Saltna?

6 Nhar il-​Ħadd wara nofsinhar, fis-​26 taʼ Lulju, 1931, ngħatat spinta kbira ’l quddiem lix-​xogħol tax-​xandir tas-​Saltna meta saret riżoluzzjoni l-​ewwel fil-​konvenzjoni f’Columbus, Ohio, l-​Istati Uniti, u mbagħad madwar id-​dinja. F’parti minnha, ir-​riżoluzzjoni stqarret: “Aħna qaddejja t’Alla Ġeħova u ġejna inkarigati biex nagħmlu xogħol f’ismu, u, nobdu l-​kmand tiegħu, li nwasslu x-​xiehda dwar Ġesù Kristu, u ngħarrfu lin-​nies li Ġeħova huwa l-​Alla l-​veru li Jistaʼ Kollox; għalhekk aħna bil-​ferħ inħaddnu u nġorru l-​isem li tkellem dwaru l-​Mulej Alla, u nixtiequ nkunu magħrufin u msejħin b’dan l-​isem, jiġifieri, xhieda taʼ Ġeħova.” (Isaija 43:10) Dan l-​isem kemm iddeskriva b’mod ċar l-​attività primarja taʼ dawk kollha li jġorruh! Iva, Ġeħova kellu xogħol biex jieħdu sehem fih il-​qaddejja kollha tiegħu. In-​nies in ġenerali wieġbu b’ħafna entużjażmu!

7. Liema bidla nbdiet fl-​1932, u għala?

7 Ħafna anzjani fil-​kongregazzjoni b’umiltà ddedikaw irwieħhom għax-​xogħol taʼ l-​ippridkar. F’xi pajjiżi, però, xi anzjani li ġew eletti ma kinux jaqblu li kulħadd fil-​kongregazzjoni kellu jieħu sehem fil-​ministeru pubbliku. Madankollu, dalwaqt kien se jkun hemm iktar irfinar. Fl-​1932 il-​kongregazzjonijiet irċivew gwida permezz tal-​Watchtower sabiex ma jibqgħux jivvotaw biex jiġu eletti l-​anzjani u d-​djakni. Minflok, kellu jiġi elett kumitat tas-​servizz magħmul minn irġiel spiritwali li kienu jieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar pubbliku. L-​indokrar ġie fdat lil dawk li kienu jieħdu sehem b’mod attiv fil-​ministeru, u x-​xogħol kompla miexi ’l quddiem.

Iktar Dawl Ifisser Iktar Irfinar

8. Liema rfinar seħħ fl-​1938?

8 Id-​dawl kien qed “iżid jitqawwa.” Fl-​1938 l-​elezzjonijiet spiċċaw għalkollox. Il-​qaddejja kollha fil-​kongregazzjoni kellhom jibdew jiġu maħturin b’mod teokratiku taħt l-​indokrar taʼ l-​“ilsir leali u għaqli.” (Mattew 24:​45-​47) Il-​bidla ġiet aċċettata mill-​qalb minn kważi l-​kongregazzjonijiet kollha tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, u x-​xogħol taʼ l-​għoti taʼ xiehda kompla jagħti l-​frott.

9. Fl-​1972, liema arranġament ġie stabbilit, u għala ġab irfinar?

9 B’seħħ mill-​1 t’Ottubru, 1972, reġaʼ sar aġġustament ieħor fl-​indokrar tal-​kongregazzjoni. Fil-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-​dinja ġie stabbilit l-​arranġament taʼ l-​indokrar minn ġemgħa t’anzjani, minflok l-​indokrar minn qaddej tal-​kongregazzjoni, jew indokratur, wieħed biss. Dan l-​arranġament ġdid ipprovda inkuraġġiment kbir għal irġiel maturi sabiex jikkwalifikaw biex jieħdu t-​tmexxija fil-​kongregazzjoni. (1 Timotju 3:​1-7) B’riżultat taʼ dan, għadd ħafna akbar t’aħwa rġiel kisbu l-​esperjenza biex jieħdu ħsieb ir-​responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni. Kemm urew li kienu taʼ valur f’li jieħdu ħsieb il-​ħafna wħud ġodda li aċċettaw il-​verità tal-​Bibbja!

10. Liema arranġament inbeda fl-​1976?

10 Il-​membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna ġew organizzati f’sitt kumitati, u b’seħħ mill-​1 taʼ Jannar, 1976, l-​attivitajiet kollha taʼ l-​organizzazzjoni u tal-​kongregazzjonijiet madwar id-​dinja ġew taħt is-​superviżjoni taʼ dawn il-​kumitati. X’barka kienet li l-​aspetti kollha tax-​xogħol tas-​Saltna jkunu mmexxijin mill-​“parir taʼ ħafna”!​—Proverbji 15:22; 24:6.

11. Liema rfinar inbeda fl-​1992, u għalfejn?

11 Fis-​sena 1992 reġaʼ sar irfinar ieħor, wieħed li jistaʼ jitqabbel maʼ dak li ġara wara li l-​Iżraelin u oħrajn reġgħu lura mill-​eżilju f’Babilonja. Lura f’dak iż-​żmien ma kienx hemm biżżejjed Leviti biex jieħdu ħsieb is-​servizz fit-​tempju. Għalhekk, in-​Netinin, li ma kinux Iżraelin, ngħataw iktar xogħol x’jagħmlu biex jgħinu lil-​Leviti. Bl-​istess mod, fl-​1992, xi wħud min-​“nagħaġ oħrajn” ngħataw iktar responsabbiltajiet fis-​servizz sabiex jgħinu lill-​ilsir leali u għaqli biex jieħu ħsieb ix-​xogħol li qed jiżdied fuq l-​art. Huma nħatru bħala ajjutanti għall-​kumitati tal-​Ġemgħa li Tiggverna.​—Ġwanni 10:16.

12. Ġeħova kif ġab is-​sliem bħala t-​tmexxija tagħna?

12 Xi rriżulta minn dan kollu? “Nagħmel is-​Sliem it-​tmexxija tiegħek, u l-​Ġustizzja l-​ħakma tiegħek,” jgħid Ġeħova. (Isaija 60:17) Hemm is-​“Sliem” fost il-​qaddejja taʼ Ġeħova llum, u l-​imħabba għall-​“Ġustizzja” saret il-​“ħakma tagħhom”​—il-​qawwa li timmotivahom biex jaqdu lil Alla. Huma organizzati tajjeb biex iwettqu x-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna u taʼ li jagħmlu dixxipli.​—Mattew 24:14; 28:​19, 20.

Ġeħova Jdawwal it-​Triq bit-​Tagħlim

13. Fis-​snin 20, Ġeħova kif dawwal it-​triq tal-​poplu tiegħu bit-​tagħlim?

13 Ġeħova wkoll qiegħed idawwal bil-​mod il-​mod it-​triq tan-​nies tiegħu bit-​tagħlim. Rivelazzjoni 12:​1-9 jipprovdilna eżempju. Ir-​rakkont jirreferi għal tliet karattri simboliċi​—“mara” li hija tqila u tiled, “dragun,” u “iben, tifel.” Taf int lil min jirrappreżenta kull karattru? Dawn ġew identifikati f’artiklu bl-​isem “Birth of the Nation” (Twelid tal-​Ġens), li deher fil-​ħarġa tal-​Watch Tower taʼ l-​1 taʼ Marzu, 1925. Dan l-​artiklu ta fehma iktar ċara lill-​poplu t’Alla tal-​profeziji dwar it-​twelid tas-​Saltna, dehen li wera ċar li jeżistu żewġ organizzazzjonijiet distinti​—taʼ Ġeħova u taʼ Satana. Imbagħad fl-​1927/28, il-​poplu t’Alla għaraf li l-​Milied u ċ-​ċelebrazzjonijiet t’għeluq is-​snin m’humiex Skritturali, u għalhekk ma baqax josservahom.

14. Liema tagħlim tal-​verità ġie ċċarat fis-​snin tletin?

14 Fis-​snin 30 inxteħet iktar dawl fuq tliet veritajiet duttrinali. Għal snin sħaħ, l-​Istudenti tal-​Bibbja kienu jafu li l-​kotra kbira, jew il-​“folla kbira,” li jintqalilna dwarha f’Rivelazzjoni 7:​9-​17 kienet differenti mill-​144,000, li kienu se jaħkmu maʼ Kristu bħala slaten u qassisin. (Rivelazzjoni 5:​9, 10; 14:​1-5) Madankollu, l-​identità tal-​kotra kbira baqgħet imċajpra. Sewwasew bħalma d-​dawl taż-​żerniq li jitqawwa jikxef l-​oġġetti u l-​kuluri li jkunu mistura fid-​dlam, fl-​1935 il-​kotra kbira ġiet identifikata bħala dawk li jgħaddu ħajjin mit-​“tribulazzjoni l-​kbira,” bil-​prospett li jgħixu għal dejjem fuq l-​art. Iktar tard f’dik is-​sena ġiet iċċarata kwistjoni li effettwat lit-​tfal, tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, li kienu jmorru l-​iskola f’għadd taʼ pajjiżi. Filwaqt li madwar id-​dinja kollha kien hemm ħeġġa patrijottika kbira, ix-​Xhieda rrikonoxxew li t-​tislim lill-​bandiera kien ħafna iktar minn sempliċi formaliżmu. Fis-​sena taʼ wara, ġiet spjegata tagħlima oħra tal-​verità, li Kristu miet fuq għuda, mhux fuq salib.​—Atti 10:39.

15. Il-​qdusija tad-​demm meta u kif ġiet enfasizzata?

15 Hekk kif bdiet it-​tieni gwerra dinjija, li fiha kienet saret xi ħaġa normali li s-​suldati jingħataw kura bi trasfużjonijiet tad-​demm, kien hemm iktar dawl fuq il-​qdusija tad-​demm. Il-​ħarġa taʼ The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Lulju, 1945, inkuraġġiet “lill-​aduraturi kollha taʼ Ġeħova li jixtiequ ħajja taʼ dejjem fid-​dinja l-​ġdida tiegħu taʼ ġustizzja biex jirrispettaw il-​qdusija tad-​demm u biex iżommu mal-​prinċipji ġusti t’Alla dwar din il-​kwistjoni vitali.”

16. Meta ħarġet in-​New World Translation of the Holy Scriptures, u liema huma żewġ aspetti minnha li jispikkaw?

16 Fl-​1946 inħass il-​bżonn għal traduzzjoni ġdida tal-​Bibbja li ħadet vantaġġ mill-​aħħar studji akkademiċi u li ma kinitx imtebbgħa b’dommi bbażati fuq tradizzjonijiet tal-​Kristjaneżmu. Ix-​xogħol fuq din it-​traduzzjoni inbeda f’Diċembru taʼ l-​1947. Fl-​1950 ħarġet it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana bl-​Ingliż. L-​Iskrittura Ebrajka bl-​Ingliż ġiet stampata f’ħames volumi, li ħarġu wara xulxin b’seħħ mill-​1953. L-​aħħar volum ħareġ fl-​1960, ftit iktar minn 12-il sena wara li beda l-​proġett tat-​traduzzjoni. In-​New World Translation of the Holy Scriptures kompluta f’volum wieħed ħarġet fl-​1961. Issa li tinsab disponibbli f’ħafna lingwi, din it-​traduzzjoni għandha xi aspetti li jispikkaw. Din reġgħet poġġiet l-​isem t’Alla Ġeħova f’postu. Iktar minn hekk, it-​traduzzjoni kelma b’kelma tal-​kitba oriġinali pprovdiet bażi għal progress kontinwu fil-​fehma tal-​verità divina.

17. Liema dawl iktar qawwi kien hemm fl-​1962?

17 Fl-​1962 kien hemm fehma iktar ċara dwar l-​“awtoritajiet superjuri” f’Rumani 13:1 u dwar sa liema punt il-​Kristjani għandhom ikunu sottomessi lejhom. Studju fil-​fond tat-​13-il kapitlu taʼ Rumani u skritturi oħrajn bħal Titu 3:​1, 2 u l-​1 Pietru 2:​13, 17 għamluha ċara li l-​espressjoni “awtoritajiet superjuri” ma tirreferix għal Alla Ġeħova u Ġesù Kristu, imma għal awtoritajiet governattivi umani.

18. Liema huma xi veritajiet li ġew iċċarati fis-​snin 80?

18 Fis-​snin taʼ wara, triq it-​tajbin kompliet tiddawwal dejjem iktar. Fl-​1985 kien hemm iktar dawl dwar xi jfisser li wieħed jiġi dikjarat ġust “għall-​ħajja” u ġust bħala ħabib t’Alla. (Rumani 5:18; Ġakbu 2:23) Fl-​1987 kien hemm tifsir bir-​reqqa tal-​Ġublew Kristjan.

19. Ġeħova kif ipprovda iktar dawl spiritwali għan-​nies tiegħu fi snin reċenti?

19 Fl-​1995 il-​frid tan-​“nagħaġ” mill-​“mogħoż” ġie mifhum iktar ċar. Fis-​sena 1998 kien hemm spjegazzjoni dettaljata tal-​viżjoni tat-​tempju t’Eżekjel, li diġà bdiet titwettaq. Fl-​1999 ġie ċċarat meta u kif tkun “wieqfa f’post qaddis il-​ħaġa moqżieża.” (Mattew 24:​15, 16; 25:32) U fl-​2002 inkiseb iktar dehen dwar x’jiġifieri li tqim lil Alla “bl-​ispirtu u l-​verità.”—Ġwanni 4:24.

20. Il-​poplu t’Alla f’liema ħaġa oħra esperjenza iktar irfinar?

20 Minbarra rfinar fl-​organizzazzjoni u fit-​tagħlim, kien hemm irfinar f’dak li għandu x’jaqsam maʼ l-​imġiba Kristjana. Per eżempju, fl-​1973, l-​użu tat-​tabakk beda jitqies bħala “tinġis tal-​laħam” u beda jitqies bħala għemil ħażin serju. (2 Korintin 7:1) Għaxar snin wara, fil-​ħarġa taʼ The Watchtower tal-​15 taʼ Lulju, 1983, ġiet iċċarata l-​pożizzjoni tagħna rigward l-​użu taʼ l-​armi tan-​nar. Dawn huma biss ftit eżempji taʼ dawl li tqawwa fi żmienna.

Ibqaʼ Miexi fit-​Triq tad-​Dawl li Jitqawwa

21. Liema attitudni se tgħinna nkomplu mexjin fit-​triq tad-​dawl li jitqawwa?

21 “Jistaʼ jkun diffiċli li naċċettaw bidla meta tasal jew li nadattaw ruħna għaliha,” jammetti wieħed li ilu jaqdi bħala anzjan għal żmien twil. X’għenu jaċċetta l-​irfinar kbir li ra b’għajnejh fit-​48 sena li qeda bħala proklamatur tas-​Saltna? Hu jwieġeb: “Huwa vitali li jkollok attitudni xierqa. Jekk ma taċċettax l-​irfinar ikun ifisser li int titħalla lura filwaqt li l-​kongregazzjoni tkompli miexja ’l quddiem. Jekk insib ruħi f’sitwazzjoni fejn insibha diffiċli li naċċetta xi bidla, nirrifletti fuq il-​kliem taʼ Pietru lil Ġesù: ‘Mulej, għand min tridna mmorru? Int għandek il-​kliem tal-​ħajja taʼ dejjem.’ Imbagħad nistaqsi lili nnifsi, ‘Fejn se mmur​—hemm barra fid-​dlam tad-​dinja?’ Dan jgħinni nżomm sod maʼ l-​organizzazzjoni t’Alla.”​—Ġwanni 6:​68.

22. Aħna kif nibbenefikaw milli nimxu fit-​triq tad-​dawl?

22 Bla dubju taʼ xejn, id-​dinja madwarna tinsab fi dlam kbir. Hekk kif Ġeħova jkompli jixħet id-​dawl fuq in-​nies tiegħu, id-​differenza bejnhom u bejn dawk fid-​dinja tkompli tikber. Dan id-​dawl x’jagħmel għalina? Bħalma dawl taʼ bozza fuq xi ħofra fi triq mudlama ma jneħħix il-​ħofra min-​nofs, id-​dawl mill-​Kelma t’Alla ma jneħħilniex in-​nases minn quddiemna. Madankollu, id-​dawl divin żgur li jistaʼ jgħinna nevitawhom sabiex inkunu nistgħu nkomplu mexjin fit-​triq tad-​dawl li jitqawwa. Għalhekk, ħalli nkomplu nagħtu kas il-​kelma profetika taʼ Ġeħova, “bħallikieku kienet fanal jiddi f’post mudlam.”—2 Pietru 1:19.

Tiftakar Int?

• Liema rfinar fl-​organizzazzjoni ġab Ġeħova fuq il-​poplu tiegħu?

• Id-​dawl li jitqawwa ġab liema rfinar fit-​tagħlim?

• Liema aġġustamenti rajt int b’għajnejk stess, u x’għenek biex taċċettahom?

• Għala għandek tkun trid tibqaʼ miexi fit-​triq tad-​dawl li jitqawwa?

[Stampi f’paġna 27]

Il-​konvenzjoni taʼ l-​1922 f’Cedar Point, Ohio, ħeġġet lill-​Istudenti tal-​Bibbja biex jagħmlu x-​xogħol t’Alla

[Stampa f’paġna 29]

It-​“Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana” bl-​Ingliż li ġiet preżentata fl-​1950, minn N. H. Knorr

[Sors tal-Istampa f’paġna 26]

© 2003 BiblePlaces.com

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja