LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 7/1 pp. 14-19
  • Il-Glorja taʼ Jehovah Tiddi Fuq il-Poplu Tiegħu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Glorja taʼ Jehovah Tiddi Fuq il-Poplu Tiegħu
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Imberkin Iktar Milli Stennew
  • Progress Organizzazzjonali
  • Id-​Dawl taʼ Jehovah Se Jkompli Jiddi
  • Iż-​Żjieda Tkompli
  • Il-Qima Vera Tinfirex mad-Dinja Kollha
    Il-Profezija ta’ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha II
  • Jehovah Isebbaħ lill-Poplu Tiegħu bid-Dawl
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • “Isem Ġdid”
    Il-Profezija ta’ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha II
  • “L-Iżgħar Wieħed” Sar “Elf”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 7/1 pp. 14-19

Il-​Glorja taʼ Jehovah Tiddi Fuq il-​Poplu Tiegħu

“Il-​Mulej ikun id-​dawl tiegħek għal dejjem.”—ISAIJA 60:20.

1. Jehovah kif ibierek lin-​nies leali tiegħu?

“IL-​MULEJ jitgħaxxaq bil-​poplu tiegħu, u jsebbaħ lill-​fqajrin bir-​rebħa.” (Salm 149:4) Hekk qal is-​salmista tal-​qedem, u l-​istorja kkonfermat kemm hu veru kliemu. Meta n-​nies taʼ Jehovah ikunu leali, hu jieħu ħsiebhom, jagħmilhom produttivi, u jipproteġihom. Fil-​qedem, hu tahom ir-​rebħa fuq l-​għedewwa tagħhom. Illum, iżommhom f’saħħithom spiritwalment u jassigurahom mis-​salvazzjoni fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù. (Rumani 5:9) Hu jagħmel dan għaliex huma sbieħ f’għajnejh.

2. Għalkemm jiltaqgħu maʼ l-​oppożizzjoni, in-​nies t’Alla dwar xiex huma fiduċjużi?

2 M’għandniex xi ngħidu, f’dinja mgħaddsa fid-​dlam, dawk li “jgħixu ħajja tajba” se jiltaqgħu maʼ l-​oppożizzjoni. (2 Timotju 3:12) Minkejja dan, Jehovah jinnota lil dawn li jopponu, u jwissihom: “Il-​ġens u s-​saltna li ma taqdikx tinqered: ġnus bħal dawn jinqerdu għalkollox.” (Isaija 60:12) Illum, l-​oppożizzjoni tieħu ħafna forom. F’xi pajjiżi, dawk li jopponu jipprovaw jillimitaw jew jipprojbixxu l-​qima li Kristjani sinċieri jagħtu lil Jehovah. F’pajjiżi oħrajn, xi fanatiċi jattakkaw fiżikament lill-​adoraturi taʼ Jehovah u jaħarqulhom il-​propjetà. Ftakar, iżda, li Jehovah diġà qatagħha x’se jkun ir-​riżultat għal kull oppożizzjoni li tqum kontra t-​twettiq tar-​rieda tiegħu. Dawk li jopponu se jfallilhom. Dawk li jiġġieldu kontra Sijon, kif rappreżentata minn uliedha fuq l-​art, ma jistgħux jirnexxu. M’hijiex din assiguranza li tqawwi l-​qalb u li ġejja mingħand il-​kbir Alla tagħna, Jehovah?

Imberkin Iktar Milli Stennew

3. Kif tingħata stampa tal-​fatt li l-​adoraturi taʼ Jehovah huma sbieħ u produttivi?

3 Il-​verità hi li matul l-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema, Jehovah bierek lin-​nies tiegħu iktar milli stennew huma. Speċjalment hu sebbaħ b’mod progressiv il-​post taʼ qima tiegħu u lil dawk taʼ ġo fih li jġorru Ismu. Skond il-​profezija taʼ Isaija, hu jgħid lil Sijon: “Ġmiel il-​Libanu jiġi għandek, iċ-​ċipress u ċ-​ċedru u l-​bux magħhom, għat-​tiżjin tat-​tempju mqaddes tiegħi, u għas-​sebħ taʼ mirfes riġlejja.” (Isaija 60:13) Id-​dehra taʼ muntanji miksijin b’foresti jħaddru hija meraviljuża. Għalhekk, siġar kbar mimlija bil-​frott huma simboli xierqa taʼ kemm l-​adoraturi taʼ Jehovah huma sbieħ u produttivi.—Isaija 41:19; 55:13.

4. X’inhuma t-​“tempju mqaddes” u ‘mirfes riġlejn’ Jehovah, u dawn kif issebbħu?

4 X’inhuma t-​“tempju mqaddes” u ‘mirfes riġlejn’ Jehovah imsemmijin f’Isaija 60:13? Dawn it-​termini jirreferu għall-​btieħi tat-​tempju spiritwali kbir taʼ Jehovah, li hu l-​arranġament biex wieħed jersaq lejh fil-​qima permezz taʼ Ġesù Kristu. (Lhud 8:​1-5; 9:​2-10, 23) Jehovah stqarr l-​iskop tiegħu biex jigglorifika dan it-​tempju spiritwali billi ħareġ lil xi nies mill-​ġnus kollha ħalli jiġu u jqimuh hemmhekk. (Ħaggaj 2:7) Iktar kmieni Isaija nnifsu kien ra folol taʼ nies mill-​ġnus kollha jiġru bi ħġarhom lejn muntanja merfugħa ’l fuq, il-​muntanja taʼ qima taʼ Jehovah. (Isaija 2:​1-4) Mijiet taʼ snin wara, l-​appostlu Ġwanni ra fil-​viżjoni “kotra kbira li ħadd ma jistaʼ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien.” Dawn kienu weqfin “quddiem it-​tron taʼ Alla, lejl u nhar jaqduh fit-​tempju tiegħu.” (Apokalissi 7:​9, 15) Billi dawn il-​profeziji twettqu fi żmienna, id-​dar taʼ Jehovah issebbħet quddiem għajnejna stess.

5. Liema bidla kbira għall-​aħjar esperjenzaw ulied Sijon?

5 X’bidla kbira għall-​aħjar dan kollu kien għal Sijon! Jehovah jgħid: “Għax kont mitluqa, u kienu jobogħduk, u ħadd ma kien jgħaddi minnek, nagħmlek kbira għal dejjem u l-​għaxqa taʼ kull żmien.” (Isaija 60:15) Lejn tmiem l-​ewwel gwerra dinjija, l-​“Iżrael taʼ Alla” tabilħaqq li ġarrab perijodu t’abbandun. (Galatin 6:16) Hu tassew li ħassu ‘mitluq,’ għax uliedu fuq l-​art m’għarfux b’mod ċar x’kienet ir-​rieda t’Alla għalihom. Imbagħad, fl-​1919, Jehovah reġaʼ ta l-​ħajja lill-​qaddejja midlukin tiegħu, u minn dakinhar ’l hawn berikhom b’riżq spiritwali taʼ l-​għaġeb. Iktar minn hekk, m’hijiex taʼ ferħ u eċċitanti l-​wegħda li hemm f’dan il-​vers? Jehovah se jħares lejn Sijon bħala “kbira.” Iva, ulied Sijon, u Jehovah innifsu, se jkunu kburin b’Sijon. Din se tkun “għaxqa” li tikkaġuna ferħ bla tarf. U dan mhux se jkun sempliċement għal żmien qasir. Il-​kundizzjoni favorita taʼ Sijon, kif rappreżentata minn uliedha fuq l-​art, se ddum għal “kull żmien.” Qatt ma se tispiċċa.

6. Il-​Kristjani veri kif jużaw ir-​riżorsi mill-​ġnus?

6 Iftaħ widnejk, issa, għal wegħda divina oħra. Waqt li jkellem lil Sijon, Jehovah jgħid: “Bħal tarbija terdaʼ ħalib il-​ġnus, u titmantna minn sider is-​slaten, biex tagħraf li jien il-​Mulej, is-​Salvatur tiegħek, il-​Feddej tiegħek, il-​Qawwi taʼ Ġakobb.” (Isaija 60:16) Sijon kif terdaʼ “ħalib il-​ġnus” u titmantna minn “sider is-​slaten”? Billi l-​Kristjani midlukin u sħabhom in-​“nagħaġ oħra” jużaw riżorsi taʼ valur mill-​ġnus sabiex javanzaw il-​qima safja. (Ġwann 10:16) L-​għoti volontarju taʼ kontribuzzjonijiet finanzjarji jgħin biex xogħol kbir u internazzjonali taʼ ppridkar u tagħlim ikun possibbli. L-​użu għaqli tat-​teknoloġija moderna jiffaċilita l-​ippubblikar taʼ Bibbji u letteratura Biblika b’mijiet taʼ lingwi. Illum, il-​verità Biblika hija disponibbli għal iktar nies minn qatt qabel fl-​istorja. Ċittadini taʼ bosta u bosta ġnus qed jitgħallmu li Jehovah, li feda lill-​qaddejja midlukin tiegħu mill-​jasar spiritwali, huwa tabilħaqq is-​Salvatur.

Progress Organizzazzjonali

7. Ulied Sijon liema avvanz li jispikka esperjenzaw?

7 Jehovah sebbaħ lin-​nies tiegħu b’mod ieħor. Hu berikhom b’avvanz organizzazzjonali. Naqraw f’Isaija 60:17: “Minflok il-​bronż, nġiblek id-​deheb; flok il-​ħadid, il-​fidda; flok l-​injam, il-​bronż; flok il-​ġebel, il-​ħadid. U nagħmel is-​Sliem it-​tmexxija tiegħek, u l-​Ġustizzja l-​ħakma tiegħek.” Meta d-​deheb jieħu post il-​bronż ikun hemm titjib, u l-​istess huwa minnu dwar il-​materjali l-​oħrajn imsemmijin. Fi qbil maʼ dan, l-​Iżrael t’Alla esperjenza titjib organizzazzjonali kontinwu matul l-​aħħar jiem. Ikkunsidra ftit eżempji.

8-10. Iddeskrivi xi titjib organizzazzjonali li seħħ mill-​1919 ’l hawn.

8 Qabel l-​1919, il-​kongregazzjonijiet tan-​nies t’Alla kienu amministrati minn anzjani u djakni, li lkoll kemm huma kienu jiġu eletti demokratikament mill-​membri tal-​kongregazzjoni. Minn dik is-​sena, “l-​ilsir leali u diskret” ħatar direttur tas-​servizz f’kull kongregazzjoni biex jindokra l-​attivitajiet tas-​servizz taʼ l-​għalqa. (Mattew 24:​45-47, NW) Madankollu, f’ħafna kongregazzjonijiet dan l-​arranġament ma tantx irnexxa għaliex xi anzjani li ġew eletti m’appoġġawx bis-​sħiħ ix-​xogħol taʼ l-​evanġelizzar. Għaldaqstant, fl-​1932, il-​kongregazzjonijiet intqalilhom biex ma jibqgħux jaħtru l-​anzjani u d-​djakni b’elezzjoni. Minflok, kellhom jiġu eletti rġiel ħalli jaqdu f’kumitat tas-​servizz biex jaħdmu id f’id mad-​direttur tas-​servizz. Dan kien bħal “bronż” minflok “injam”—titjib kbir!

9 Fl-​1938, il-​kongregazzjonijiet madwar id-​dinja ddeċidew li jaċċettaw bidla għall-​aħjar, arranġament li kien iktar fi qbil mal-​preċedent Skritturali. L-​amministrazzjoni tal-​kongregazzjoni bdiet tiġi fdata f’idejn qaddej tal-​kumpanija u qaddejja oħrajn, kollha maħturin bl-​approvazzjoni taʼ l-​ilsir leali u diskret. Spiċċaw l-​elezzjonijiet! B’hekk, il-​ħatriet fil-​kongregazzjoni bdew isiru b’mod teokratiku. Dan kien bħal “ħadid” minflok “ġebel” jew “deheb” minflok “bronż.”

10 Minn dakinhar ’l hawn il-​progress kompla. Per eżempju, fl-​1972 intwera illi li jkollok il-​kongregazzjonijiet indokrati minn ġemgħa t’anzjani li jkunu ġew maħturin teokratikament u li jikkooperaw bejniethom, u mhux li anzjan wieħed jeżerċita l-​awtorità fuq il-​bqija, kien saħansitra eqreb lejn kif kienu jiġu amministrati l-​kongregazzjonijiet Kristjani taʼ l-​ewwel seklu. Iżjed minn hekk, xi sentejn ilu, sar pass ieħor ’il quddiem. Sar aġġustament fil-​kariga tad-​diretturi taʼ ċerti korporazzjonijiet legali, u b’hekk sar possibbli li l-​Ġemgħa li Tiggverna tikkonċentra iktar bis-​sħiħ fuq l-​interessi spiritwali tan-​nies t’Alla minflok ma tiġi distratta bi kwistjonijiet legali minn jum għal jum.

11. Min kien hemm wara l-​bidliet organizzazzjonali fost in-​nies taʼ Jehovah, u dawn il-​bidliet fiex irriżultaw?

11 Min hemm wara dawn il-​bidliet progressivi? Ħadd ħlief Alla Jehovah. Hu dak li jgħid: “[Jien] inġiblek id-​deheb.” U hu dak li jissokta jgħid: “[Jien] nagħmel is-​Sliem it-​tmexxija tiegħek, u l-​Ġustizzja l-​ħakma tiegħek.” Iva, Jehovah hu responsabbli biex jindokra lin-​nies tiegħu. L-​avvanz organizzazzjonali mbassar huwa mod ieħor kif qed isebbaħ lin-​nies tiegħu. U x-​Xhieda taʼ Jehovah ġew imberkin b’ħafna modi bħala riżultat taʼ dan. F’Isaija 60:18 naqraw: “Ma tinstemax aktar dnewwa f’artek, u ħerba u qerda fi trufijietek; swarek jissejjħu: ‘Ħelsien,’ u bwiebek: ‘Foħrija.’” Kemm hu sabiħ dan il-​kliem! Imma kif twettaq?

12. Is-​sliem kif beda jsaltan fost il-​Kristjani veri?

12 Il-​Kristjani veri jħarsu fissi lejn Jehovah għat-​tagħlim u l-​gwida, u r-​riżultat hu bħalma tbassar minn Isaija: “Uliedek ilkoll ikunu mgħallma mill-​Mulej, kbir għad ikun ġid uliedek.” (Isaija 54:13) Iżjed minn hekk, l-​ispirtu taʼ Jehovah jopera fuq in-​nies tiegħu, u s-​sliem huwa parti mill-​frott taʼ dan l-​ispirtu. (Galatin 5:​22, 23) B’riżultat taʼ dan, in-​nies taʼ Jehovah igawdu kundizzjoni taʼ sliem li tagħmilhom oasi rifreskanti f’dinja vjolenti. Dan l-​istat taʼ sliem li għandhom, ibbażat fuq l-​imħabba li l-​Kristjani veri għandhom bejniethom, huwa indikazzjoni bil-​quddiem tal-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida. (Ġwann 15:17; Kolossin 3:14) Ċertament li kull wieħed minna tgħidx kemm jieħu gost igawdi dan is-​sliem u jaħdem għalih, sliem li jġib tifħir u unur lil Alla tagħna u li hu ingredjent ewlieni tal-​ġenna spiritwali tagħna!—Isaija 11:9.

Id-​Dawl taʼ Jehovah Se Jkompli Jiddi

13. Għala nistgħu nkunu ċerti li d-​dawl taʼ Jehovah qatt ma se jieqaf jiddi fuq in-​nies tiegħu?

13 Se jkompli d-​dawl taʼ Jehovah jiddi fuq in-​nies tiegħu? Iva! F’Isaija 60:​19, 20, naqraw: “Ma ddawwlekx aktar ix-​xemx binhar, u lanqas jiddi għalik il-​qamar billejl, għax il-​Mulej ikunlek id-​dawl għal dejjem u Alla tiegħek ikun sebħek. Ma tinżilx aktar ix-​xemx għalik u lanqas jgħib il-​qamar, għax il-​Mulej ikun id-​dawl tiegħek għal dejjem u jintemmu l-​jiem tal-​vistu tiegħek.” Meta ntemm il-​“vistu” taʼ l-​eżiljati spiritwali fl-​1919, id-​dawl taʼ Jehovah beda jiddi fuqhom. Iktar minn 80 sena wara, huma għadhom igawdu l-​favur taʼ Jehovah hekk kif id-​dawl tiegħu jkompli jiddi. U mhux se jieqaf. Inkwantu għall-​adoraturi tiegħu, Alla tagħna mhux se ‘jinżel’ bħax-​xemx jew “jgħib” bħall-​qamar. Minflok, se jitfaʼ d-​dawl fuqhom għall-​eternità kollha. X’assiguranza meraviljuża din hija għalina li qegħdin ngħixu matul l-​aħħar jiem taʼ din id-​dinja mudlama!

14, 15. (a) In-nies t’Alla kollha b’liema mod huma ‘ġusti’? (b) F’konnessjoni maʼ Isaija 60:​21, in-​nagħaġ oħra jħarsu ’l quddiem lejn liema twettiq importanti?

14 Ismaʼ, issa, jerġaʼ wegħda oħra li Jehovah ilissen f’konnessjoni maʼ l-​Iżrael t’Alla, ir-​rappreżentant taʼ Sijon fuq l-​art. Isaija 60:21 jgħid: “Kulħadd ikun ġust fil-​poplu tiegħek u jirtu l-​art għal dejjem; huma xitla li jien ħawwilt, xogħol idejja għal foħriti.” Fl-​1919, meta l-​Kristjani midlukin reġgħu saru attivi, huma kienu grupp taʼ nies mhux tas-​soltu. F’dinja li bla dubju hi midinba, kienu ġew ‘ġustifikati’ fuq il-​bażi tal-​fidi soda tagħhom fis-​sagrifiċċju li Kristu Ġesù ħallas bħala fidwa. (Rumani 3:24; 5:1) Imbagħad, bħall-​Iżraelin li nħelsu mill-​jasar f’Babilonja, huma ħadu pussess taʼ “pajjiż,” pajjiż spiritwali, jew qasam t’attività, fejn kienu se jgawdu ġenna spiritwali. (Isaija 66:8) Il-​ġmiel bħal tal-​ġenna taʼ dan il-​pajjiż qatt ma se jbatti għaliex, kuntrarju għal Iżrael tal-​qedem, l-​Iżrael t’Alla bħala ġens mhux se jkun infidil. Il-​fidi tagħhom, is-​sabar tagħhom, u ż-​żelu tagħhom qatt ma se jieqfu jonoraw l-​isem t’Alla.

15 Il-​membri kollha taʼ dan il-​ġens spiritwali daħlu fil-​patt il-​ġdid. Kollha għandhom il-​liġi taʼ Jehovah miktuba f’qalbhom, u Jehovah ħafrilhom dnubiethom fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju li Ġesù ħallas bħala fidwa. (Ġeremija 31:​31-34) Hu jiddikjarahom ġusti bħala “wlied” u jittratta magħhom bħallikieku kienu perfetti. (Rumani 8:​15, 16, 29, 30) Sħabhom in-​nagħaġ oħra wkoll kellhom dnubiethom maħfurin fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù u, bħal Abraham, ġew dikjarati ġusti bħala ħbieb t’Alla permezz tal-​fidi tagħhom. “L-​ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajjduhom fid-​demm tal-​Ħaruf.” U dawn sħabhom in-​nagħaġ oħra jħarsu ’l quddiem lejn barka oħra li tispikka. Wara li jgħaddu mit-​“taħbit il-​kbir” jew wara li jiġu rxoxtati, se jaraw il-​kliem taʼ Isaija 60:21 jitwettaq letteralment meta l-​art kollha ssir ġenna. (Apokalissi 7:14; Rumani 4:​1-3) F’dak iż-​żmien, “il-​ġwejdin għad jirtu l-​art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.”—Salm 37:​11, 29.

Iż-​Żjieda Tkompli

16. Jehovah liema wegħda meraviljuża għamel, u kif twettqet?

16 Fl-​aħħar vers taʼ Isaija kapitlu 60, naqraw l-​aħħar wegħda taʼ Jehovah f’dan il-​kapitlu. Hu jgħid lil Sijon: “L-​iżgħar fostkom isir tribù [“elf,” Karm Żammit] u l-​iċken isir ġens qawwi. Jien il-​Mulej, li nfittex nagħmel dan kollu f’waqtu.” (Isaija 60:22) Fi żmienna, Jehovah żammha kelmtu. Meta l-​Kristjani midlukin reġgħu saru attivi fl-​1919, huma kienu ftit—verament, “l-​iżgħar.” L-​għadd tagħhom żdied hekk kif iddaħħlu iktar Iżraelin spiritwali. U mbagħad in-​nagħaġ oħra bdew ġejjin bi ħġarhom lejhom b’għadd li dejjem jiżdied. Il-​kundizzjoni taʼ sliem li jgawdu n-​nies t’Alla, il-​ġenna spiritwali li teżisti f’‘pajjiżhom,’ tant ġibdet uħud taʼ qalb onesta li “l-​iċken” tassew sar “ġens qawwi.” Bħalissa dan il-​“ġens”—l-​Iżrael t’Alla u iktar minn sitt miljun ‘barrani’ dedikat—fih iktar nies minn ħafna mill-​istati sovrani tad-​dinja. (Isaija 60:10) Iċ-​ċittadini kollha tiegħu jieħdu sehem f’li jirriflettu d-​dawl taʼ Jehovah, u dan jagħmilhom kollha sbieħ f’għajnejh.

17. Kif effettwatek din id-​diskussjoni dwar Isaija kapitlu 60?

17 Iva, il-​fatt li nikkunsidraw il-​punti prinċipali taʼ Isaija kapitlu 60 isaħħilna l-​fidi. Huwa taʼ faraġ li naraw li Jehovah kien jaf daqshekk bil-​quddiem li n-​nies tiegħu kienu se jidħlu f’eżilju spiritwali u mbagħad joħorġu minnu. Nibqgħu skantati kif sa minn ħafna żmien qabel, Jehovah setaʼ jara bil-​quddiem iż-​żjieda kbira fl-​għadd t’adoraturi veri fi żmienna. Iktar minn hekk, kemm hu taʼ faraġ li niftakru li Jehovah mhux se jitlaqna! Kemm hi taʼ mħabba l-​assiguranza li l-​bibien tal-​“belt” se jibqgħu miftuħin dejjem biex jilqgħu b’mod ospitabbli lil dawk li huma “magħżula għall-​ħajja taʼ dejjem”! (Atti 13:48) Jehovah se jkompli jiddi fuq in-​nies tiegħu. Sijon se tkompli tkun kbira hekk kif uliedha jħallu d-​dawl tagħhom jiddi iktar u iktar. (Mattew 5:16) Żgur li aħna determinati iktar minn qatt qabel li nibqgħu qrib l-​Iżrael t’Alla u ngħożżu l-​privileġġ li għandna f’li nirriflettu d-​dawl taʼ Jehovah!

Tistaʼ Tispjega?

• F’konnessjoni maʼ l-​oppożizzjoni, dwar liema ħaġa aħna fiduċjużi?

• Ulied Sijon kif ‘redgħu ħalib il-​ġnus’?

• Jehovah b’liema modi ‘ġab il-​bronż minflok l-​injam’?

• Liema żewġ kwalitajiet huma enfasizzati f’Isaija kapitlu 60:​17, 21?

• “L-​iċken” kif sar “ġens qawwi”?

[Kaxxa/Stampi f’paġna 18]

IL-​PROFEZIJA TAʼ ISAIJA- Dawl għall-​Bnedmin Kollha

Is-​sustanza tal-​materjal f’dawn l-​artikli kienet preżentata f’taħdita matul il-​Konvenzjonijiet Distrettwali “Għalliema tal-​Kelma t’Alla” fl-​2001/02. Fi tmiem it-​taħdita, fil-​biċċa l-​kbira tal-​postijiet il-​kelliemi ppreżenta pubblikazzjoni ġdida intitolata Il-​Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-​Bnedmin Kollha, It-​Tieni Volum. Is-​sena taʼ qabel ħarġet il-​pubblikazzjoni Il-​Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-​Bnedmin Kollha, L-​Ewwel Volum. Bil-​ħruġ taʼ din il-​pubblikazzjoni l-​ġdida, għandna issa disponibbli diskussjoni aġġornata dwar kważi kull vers fil-​ktieb taʼ Isaija. Dawn il-​volumi qed ikunu t’għajnuna kbira biex ikabbru l-​fehma u l-​apprezzament tagħna għall-​ktieb profetiku taʼ Isaija li jsaħħaħ il-​fidi.

[Stampi f’paġna 15]

Quddiem oppożizzjoni vjolenti, ‘Jehovah isebbaħ lin-​nies tiegħu bir-​rebħa’

[Stampi f’paġna 16]

In-​nies t’Alla jużaw riżorsi taʼ valur mill-​ġnus biex iġibu ’l quddiem il-​qima safja

[Stampa f’paġna 17]

Jehovah bierek lin-​nies tiegħu b’avvanz organizzazzjonali u sliem

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja