LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 7/1 pp. 20-22
  • Huwa Effettiv it-Tagħlim Tiegħek?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Huwa Effettiv it-Tagħlim Tiegħek?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nitgħallmu mill-​Eżempju t’Esdra
  • ‘Esdra Ngħata minn Qalbu’
  • ‘Jistudja l-​Liġi tal-​Mulej’
  • ‘Studjaw il-​Liġi tal-​Mulej’ Bħala Familja
  • “Josservaha”
  • ‘Jgħallem id-​Digrieti u l-​Preċetti f’Iżrael’
  • Esdra għallem il-Liġi t’Alla
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb t’Esdra
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Tistaʼ Tkun Ċert li Ġeħova Se Jgħinek fi Żminijiet Diffiċli
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • L-Imġiba t’​Esdra Ġabet Tifħir lil Ġeħova
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2023
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 7/1 pp. 20-22

Huwa Effettiv it-​Tagħlim Tiegħek?

IL-​ĠENITURI, l-​anzjani, ix-​xandara taʼ l-​aħbar tajba—kollha jeħtieġ ikunu għalliema. Il-​ġenituri jgħallmu lil uliedhom, l-​anzjani jgħallmu lill-​membri tal-​kongregazzjoni Kristjana, u dawk li jippridkaw l-​aħbar tajba jgħallmu lil uħud ġodda. (Dewteronomju 6:​6, 7; Mattew 28:​19, 20; 1 Timotju 4:​13, 16) X’tistaʼ tagħmel biex it-​tagħlim tiegħek isir iktar effettiv? L-​ewwelnett, tistaʼ timita l-​eżempju u l-​metodu t’għalliema kapaċi msemmijin fil-​Kelma t’Alla. Esdra kien wieħed minnhom.

Nitgħallmu mill-​Eżempju t’Esdra

Esdra kien qassis mil-​linja t’Aron u kien jgħix xi 2,500 sena ilu f’Babilonja. Fis-​sena 468 Q.E.K., mar Ġerusalemm sabiex isaħħaħ il-​qima safja fost il-​Lhud li kienu jgħixu hemmhekk. (Esdra 7:​1, 6, 12, 13) Biex jagħmel dan kellu bżonn jgħallem il-​Liġi t’Alla lin-​nies. X’għamel Esdra biex ikun ċert li t-​tagħlim tiegħu jkun effettiv? Ħa diversi passi neċessarji. Innotahom dawn il-​passi kif imniżżlin għalina f’Esdra 7:10:

“Esdra kien [1] ingħata minn qalbu [2] għall-​istudju tal-​Liġi tal-​Mulej, [3] għall-​osservanza tagħha, u [4] għat-​tagħlim tad-​digrieti u l-​preċetti tagħha lil Iżrael.” (Korsiv tagħna.) Ejja nħarsu fil-​qosor lejn kull wieħed minn dawn il-​passi u naraw x’nistgħu nitgħallmu minnhom.

‘Esdra Ngħata minn Qalbu’

Sewwa sew bħalma l-​bidwi l-​ewwel jipprepara l-​ħamrija billi juża l-​moħriet qabel ma jiżraʼ ż-​żerriegħa, Esdra ħejja qalbu bit-​talb biex jirċievi l-​kelma t’Alla. (Esdra 10:1) Fi kliem ieħor, hu ‘mejjel qalbu’ għat-​tagħlim taʼ Jehovah.—Qwiel 2:​2, Saydon.

Bl-istess mod, il-​Bibbja tgħid li s-​Sultan Ġosafat ‘dawwar lil qalbu biex ifittex ’l Alla.’ (2 Kronaki 19:3) B’kuntrast, ġenerazzjoni taʼ Iżraelin “li qalbhom kienet bla mistrieħ” tiġi deskritta bħala “nies taʼ ras iebsa li b’xejn ma tismaʼ.” (Salm 78:8) Jehovah jara l-​persuna ‘li hi moħbija fil-​qalb.’ (1 Pietru 3:4) Iva, “lill-​ġwejdin jgħallimhom it-​triqat tiegħu.” (Salm 25:​9, KŻ) Għalhekk, kemm hu importanti li l-​għalliema llum isegwu l-​eżempju taʼ Esdra billi l-​ewwel bit-​talb iġibu qalbhom fil-​kundizzjoni xierqa!

‘Jistudja l-​Liġi tal-​Mulej’

Biex ikun għalliem kapaċi, Esdra kkonsulta l-​Kelma t’Alla. Kieku kellek tmur għand xi tabib, ma tiftaħx widnejk sew u tkun ċert li tifhem kulma jgħidlek jew jiktiblek? Bla dubju hekk tagħmel, għax hemm saħħtek fin-​nofs. Għalhekk, kemm għandna niftħu widnejna iktar għal dak li Jehovah qed jgħidilna, jew jiktbilna, permezz tal-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, u permezz taʼ “l-​ilsir leali u diskret”! Wara kollox, il-​pariri tiegħu jikkonċernaw lil ħajjitna stess! (Mattew 4:4; 24:​45-47, NW) M’għandniex xi ngħidu, tabib jistaʼ jiżbalja, imma “l-​liġi tal-​Mulej perfetta.” (Salm 19:8 [19:​7, NW]) Qatt ma se jkollna bżonn nieħdu opinjoni oħra.

Il-kotba Bibliċi tal-​Kronaki (li Esdra fil-​bidu kitibhom bħala ktieb wieħed) juru li Esdra kien tabilħaqq student taʼ l-​affari tiegħu. Biex jikteb dawn il-​kotba, hu rrefera għal għadd taʼ sorsi.a Il-​Lhud, li kienu għadhom kif ġew lura minn Babilonja, kellhom bżonn ġabra fil-​qosor taʼ l-​istorja taʼ ġenshom. Ma kellhomx għarfien biżżejjed dwar l-​osservanzi tar-​reliġjon tagħhom, is-​servizz fit-​tempju, u x-​xogħol tal-​Leviti. Il-​listi ġenealoġiċi kienu taʼ importanza vitali għalihom. Esdra qagħad attent ħafna għal dawn l-​affarijiet. Sal-​miġja tal-​Messija, il-​Lhud kellhom jibqgħu bħala ġens bil-​pajjiż tiegħu, bit-​tempju, is-​saċerdozju, u l-​gvernatur tiegħu. Grazzi għat-​tagħrif li kien ġabar Esdra, l-​unità u l-​qima vera setgħu jiġu preservati.

Kif jipparaguna maʼ dak taʼ Esdra l-​mod kif int imdorri tistudja? L-​istudju tal-​Bibbja bil-​għaqal se jgħinek tgħallem il-​Bibbja b’mod effettiv.

‘Studjaw il-​Liġi tal-​Mulej’ Bħala Familja

Il-​fatt li tikkonsulta l-​liġi taʼ Jehovah ma jinvolvix biss l-​istudju persunali. L-​istudju tal-​familja huwa opportunità eċċellenti biex isir dan ukoll.

Jan u Julia, koppja li jgħixu l-​Olanda, ilhom jaqraw b’leħen għoli għall-​benefiċċju taż-​żewġ uliedhom subien minn dakinhar li twieldu t-​tfal. Illum, Ivo għandu 15-il sena u Edo għandu 14. Darba fil-​ġimgħa, xorta għadhom jagħmlu l-​istudju tal-​familja. Jan jispjega: “Il-​mira ewlenija tagħna m’hijiex li ngħaddu ħafna materjal waqt l-​istudju imma li s-​subien jifhmu dak li jkun qed jiġi diskuss.” Hu jżid: “Is-​subien jagħmlu ħafna riċerka. Jiċċekkjaw il-​kliem li ma jkunux familjari miegħu u jfittxu dwar personalitajiet tal-​Bibbja—meta għexu, min kienu, x’kien xogħolhom, eċċ. Minn mindu tgħallmu jaqraw, dejjem baqgħu jfittxu f’kotba bħalma huma l-​Insight on the Scriptures, dizzjunarji, u enċiklopediji. B’hekk, l-​istudju tal-​familja jsir iktar pjaċevoli. Is-​subien ikunu dejjem lesti u ħerqana għall-​istudju tal-​familja.” Bħala benefiċċju ieħor, iż-​żewġ subien issa huma wkoll l-​ewwel fil-​klassi f’dawk li huma abbiltajiet lingwistiċi.

John u Tini, koppja oħra li jgħixu l-​Olanda, studjaw maʼ binhom Esli (li issa għandu 24 sena u qiegħed pijunier f’kongregazzjoni oħra), u maʼ binthom Linda (li issa għandha 20 sena u miżżewġa lil ħu żagħżugħ mill-​aħjar). Madankollu, minflok ma jistudjaw xi pubblikazzjoni permezz tal-​metodu tas-​soltu taʼ mistoqsija u tweġiba, huma fasslu l-​istudju tal-​familja skond l-​età u l-​ħtiġijiet taʼ wliedhom. Liema metodu użaw?

John jispjega li ibnu u bintu għażlu suġġett interessanti minn “Mistoqsijiet mill-​Qarrejja” (mit-Torri taʼ l-​Għassa) u “Il-​Ħarsa tal-​Bibbja” (minn Stenbaħ!). Iktar tard, ippreżentaw dak li kienu ħejjew, u dan dejjem irriżulta f’diskussjonijiet interessanti bejn il-​membri tal-​familja. B’dan il-​mod iż-​żgħażagħ kisbu l-​esperjenza fit-​tiftix taʼ riċerka u fid-​diskussjoni dwar ir-​riżultati taʼ l-​istudju tagħhom. Int ‘tistudjaha l-​liġi tal-​Mulej’ maʼ wliedek? Dan mhux biss se jtejjeb l-​abbiltà persunali tiegħek tat-​tagħlim imma wkoll se jgħin lil uliedek isiru għalliema iktar effettivi.

“Josservaha”

Esdra applika dak li tgħallem. Per eżempju, waqt li kien għadu Babilonja, għandu mnejn għex ħajja komda. Minkejja dan, meta rrealizza li setaʼ jgħin lin-​nies tiegħu li kienu jgħixu barra l-​pajjiż, hu ħalla warajh il-​kumditajiet taʼ Babilonja u mar fil-​belt imbiegħda taʼ Ġerusalemm, bl-​inkonvenjenzi, bil-​problemi, u bil-​perikli kollha tagħha. Jidher ċar li Esdra ma kienx biss qed jiġbor l-​għarfien dwar il-​Bibbja imma wkoll kien lest li jaġixxi fuq dak li kien tgħallem.—1 Timotju 3:13.

Iktar tard, waqt li kien Ġerusalemm, Esdra reġaʼ wera li applika dak li kien tgħallem u li kien qed jgħallem. Dan sar evidenti meta hu semaʼ li xi rġiel Iżraelin kienu żżewġu lil nisa pagani. Il-​Bibbja tgħidilna li hu ‘ċarrat ħwejġu u l-​mantar tiegħu, qattaʼ xagħru u l-​leħja tiegħu, u qagħad bilqiegħda inkwetat ħafna sa filgħaxija.’ Hu saħansitra ‘ħassu jistħi, u wiċċu ma tahx li jerfaʼ ħarstu’ lejn Jehovah.—Esdra 9:​1-6.

Kemm kien effettwah l-​istudju tiegħu fuq il-​Liġi t’Alla! Esdra kellu ħarsa ċara dwar il-​konsegwenzi terribbli tad-​diżubbidjenza tal-​poplu. In-​numru taʼ Lhud li ġew lura minn Babilonja kien żgħir. Jekk kienu se jidħlu fi żwiġijiet imħalltin, maż-​żmien setgħu jinbelgħu mill-​ġnus pagani taʼ madwarhom u l-​qima safja kienet se tgħib faċilment minn fuq wiċċ l-​art!

B’ferħ, l-​eżempju t’Esdra taʼ devozzjoni f’dawk li huma biżaʼ u żelu qanqal lill-​Iżraelin biex jikkoreġu t-​triqat tagħhom. Huma ħelsu min-​nisa barranin tagħhom, u sa tliet xhur kollox kien ġie f’postu. Il-​lealtà persunali t’Esdra lejn il-​Liġi t’Alla għenet ħafna biex it-​tagħlim tiegħu jkun effettiv.

L-istess ħaġa tgħodd illum. Missier Kristjan qal: “It-​tfal ma jagħmlux dak li tgħid int; jagħmlu dak li tagħmel!” L-​istess prinċipju japplika fil-​kongregazzjoni Kristjana. Anzjani li jagħtu eżempju tajjeb jistgħu jistennew li l-​kongregazzjoni twieġeb għat-​tagħlim tagħhom.

‘Jgħallem id-​Digrieti u l-​Preċetti f’Iżrael’

Hemm jerġaʼ raġuni oħra għala t-​tagħlim t’Esdra kien effettiv. Hu m’għallimx l-​ideat tiegħu stess, imma għallem ‘id-​digrieti u l-​preċetti,’ jiġifieri, il-​liġijiet taʼ Jehovah. Din kienet ir-​responsabbiltà tiegħu bħala qassis. (Malakija 2:7) Hu għallem ukoll il-​ġustizzja, u pprovda eżempju taʼ dak li għallem billi żamm maʼ dak li hu sewwa b’mod ġust u imparzjali, skond livell wieħed. Meta dawk li għandhom l-​awtorità jimxu bil-​ġustizzja, tinbena l-​istabbilità u jkun hemm riżultati permanenti. (Proverbji 29:4) B’mod simili, anzjani Kristjani, ġenituri, u xandara tas-​Saltna li huma midħla sewwa tal-​Kelma t’Alla se jibnu stabbilità spiritwali meta jgħallmu l-​liġijiet u l-​ġustizzja taʼ Jehovah fil-​kongregazzjoni, fil-​familji tagħhom, u lil uħud li jinteressaw ruħhom.

Ma taqbilx int li t-​tagħlim tiegħek jistaʼ jsir iktar effettiv meta timita bis-​sħiħ l-​eżempju tal-​leali Esdra? Għalhekk, ħejji lil qalbek, studja l-​liġi taʼ Jehovah, osservaha, u għallem il-​liġijiet u l-​ġustizzja taʼ Jehovah.—Esdra 7:10.

[Nota taʼ taħt]

a Tistaʼ ssib lista t’20 sors fl-​Insight on the Scriptures, l-​1 Volum, paġni 444-5, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 22]

X’KIEN LI GĦAMEL IT-​TAGĦLIM T’ESDRA EFFETTIV?

1. Ġab lil qalbu f’kundizzjoni xierqa

2. Studja l-​Liġi taʼ Jehovah

3. Ta eżempju tajjeb billi applika dak li tgħallem

4. Stinka biex jgħallem il-​ħarsa Skritturali

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja