Ġenesi
22 Issa wara dan, l-Alla l-veru għadda lil Abraham minn prova, u qallu: “Abraham!” u hu wieġeb: “Hawn jien!” 2 Imbagħad Alla qallu: “Jekk jogħġbok, ħu lil Iżakk, l-uniku iben tiegħek li tant tħobb, u vvjaġġa lejn l-art taʼ Morija. Hemmhekk offrih bħala offerta tal-ħruq fuq waħda mill-muntanji li ngħidlek jien.”
3 Għalhekk, Abraham qam kmieni u rama l-ħmar tiegħu u ħa miegħu żewġ qaddejja u lil ibnu Iżakk. Hu qattaʼ l-ħatab għall-offerta tal-ħruq, u mbagħad bdew jivvjaġġaw lejn il-post li qallu bih l-Alla l-veru. 4 Fit-tielet jum, Abraham ħares ’il fuq u ra l-post mill-bogħod. 5 Hu qal lill-qaddejja tiegħu: “Ibqgħu hawnhekk mal-ħmar, imma jien u t-tifel se mmorru hemmhekk, inqimu lil Alla, u niġu lura ħdejkom.”
6 Imbagħad Abraham qabad il-ħatab għall-offerta tal-ħruq u għabbieh fuq ibnu Iżakk. Wara ħa s-sikkina* u n-nar,* u t-tnejn li huma mxew flimkien. 7 U Iżakk qal lil missieru: “Pa!” Hu wieġeb: “Għidli ibni!” U Iżakk kompla: “Ġibna n-nar u l-ħatab, imma m’għandniex nagħġa għall-offerta tal-ħruq.” 8 Għal dan Abraham qal: “Alla stess jipprovdiha n-nagħġa għall-offerta tal-ħruq.” U t-tnejn li huma komplew mexjin flimkien.
9 Fl-aħħar waslu fil-post li qallu bih l-Alla l-veru, u Abraham bena artal hemmhekk u rranġa l-ħatab fuqu. Hu rabat lil ibnu Iżakk minn idejh u minn saqajh u poġġieh fuq il-ħatab li kien hemm fuq l-artal. 10 Imbagħad Abraham qabad is-sikkina* biex joqtol lil ibnu. 11 Imma l-anġlu taʼ Ġeħova għajjatlu mis-sema u qallu: “Abraham, Abraham!” u hu wieġbu: “Hawn jien!” 12 U l-anġlu qal: “Tweġġax lit-tifel u tagħmillu xejn. Issa naf li għandek rispett kbir lejn* Alla għax ma ċaħħadtnix minn ibnek, l-uniku wieħed li għandek.” 13 Malli semaʼ dan, Abraham ħares ’il fuq, u ftit ’il bogħod minnu kien hemm muntun maqbud minn qrunu fil-friegħi tas-siġar. Għalhekk, Abraham mar u ħa l-muntun u offrieh bħala offerta tal-ħruq minflok ibnu. 14 U Abraham semma dan il-post Ġeħova-jire.* Hu għalhekk li llum għadhom jgħidu: “Ġeħova jipprovdi fuq il-muntanja tiegħu.”
15 U l-anġlu taʼ Ġeħova għajjat lil Abraham it-tieni darba mis-sema 16 u qallu: “‘Bija nnifsi naħlef,’ jiddikjara Ġeħova, ‘li minħabba li għamilt dan u ma ċaħħadtnix minn ibnek, l-uniku wieħed li għandek, 17 jien żgur li nbierkek u nżid lid-dixxendent tiegħek* daqs l-istilel tas-sema u r-ramel f’xatt il-baħar. Hu għad jieħu f’idejh il-bliet* tal-għedewwa tiegħu. 18 U permezz tad-dixxendent tiegħek,* il-popli kollha tal-art se jitbierku minħabba li int smajt minn kliemi.’”
19 Imbagħad Abraham mar lura ħdejn il-qaddejja tiegħu, u dawn telqu lura flimkien lejn Bir-xeba. U Abraham baqaʼ jgħix f’Bir-xeba.
20 Wara dan, lil Abraham waslitlu din l-aħbar: “Milka welldet it-tfal lil ħuk Naħor: 21 Uż l-ewwel imwieled tiegħu, ħuh Buż, u Kemwel missier Aram. 22 Milka kellha wkoll lil Kesed, Ħażo, Pildas, Ġidlaf, u Betwel.” 23 Betwel kellu lil Rebekka. Milka welldet lil dawn it-tmienja lil Naħor ħu Abraham. 24 Il-konkubina tiegħu, li kien jisimha Rewma, ukoll welldet subien: Tebaħ, Gaħam, Taħas, u Magħka.