Eżodu
1 U dawn huma l-ismijiet tat-tfal t’Iżrael li marru l-Eġittu maʼ Ġakobb, kull raġel man-nies taʼ daru: 2 Ruben, Simegħon, Levi, u Ġuda; 3 Issakar, Żebulun, u Benjamin; 4 Dan u Naftali; Gad u Aser. 5 U l-familja kollha taʼ Ġakobb kienu 70 ruħ, imma Ġużeppi kien diġà l-Eġittu. 6 Maż-żmien, Ġużeppi miet, kif ukoll ħutu kollha u dik il-ġenerazzjoni kollha. 7 U l-Iżraelin* kellhom ħafna tfal, u komplew jiżdiedu bil-kbir u jsiru iktar b’saħħithom b’rata mgħaġġla, u b’hekk il-pajjiż imtela bihom.
8 Għadda ż-żmien u fl-Eġittu laħaq re ġdid li ma kienx jaf lil Ġużeppi. 9 Għalhekk qal lill-poplu tiegħu: “In-nies t’Iżrael huma iżjed minna u iktar b’saħħithom. 10 Ejja nħaddmu rasna u naraw kif nittrattawhom. Inkella se jkomplu jiżdiedu u jekk tfaqqaʼ xi gwerra, huma jingħaqdu mal-għedewwa tagħna, jiġġieldu kontrina, u jitilqu mill-pajjiż.”
11 Għalhekk, inkarigaw fuqhom kapijiet biex jisforzawhom jagħmlu xogħol iebes u jaħqruhom bih, u ġegħluhom jibnu għall-Fargħun il-bliet taʼ Pitom u Ragħmses bħala mħażen. 12 Imma iktar ma kienu jaħqruhom, iktar kien ikollhom tfal u jinfirxu maʼ kullimkien, u b’hekk bdew jibżgħu ħafna minħabba l-Iżraelin. 13 Għaldaqstant, l-Eġizzjani sforzaw lill-Iżraelin jaħdmu iebes bħala lsiera. 14 U baqgħu jagħmlulhom ħajjithom diffiċli ħafna b’xogħol iebes. Kellhom jagħmlu l-briks u t-tajn magħmul mit-tafal, u kull tip taʼ xogħol bħala lsiera fl-għelieqi. Ġegħluhom jaħdmu iebes f’kundizzjonijiet mill-agħar u f’kull tip taʼ xogħol bħala lsiera.
15 Iktar tard, ir-re tal-Eġittu kellem lill-majjistri Lhud li kien jisimhom Sifra u Puwa, 16 u qalilhom: “Meta tgħinu lin-nisa Lhud iwelldu, jekk taraw li jkun tifel, oqtluh, imma jekk tkun tifla, ħalluha ħajja.” 17 Madankollu, il-majjistri kienu jirrispettaw ħafna lill-Alla* l-veru, u m’għamlux kif qalilhom ir-re tal-Eġittu. Minflok, kienu jħallu lit-tfal subien ħajjin. 18 Maż-żmien, ir-re tal-Eġittu għajjat lill-majjistri u qalilhom: “Għala ħallejtu lit-tfal subien ħajjin?” 19 Il-majjistri wieġbu lill-Fargħun: “Għax in-nisa Lhud mhumiex bħan-nisa Eġizzjani. Huma b’saħħithom u jkunu diġà welldu qabel ma l-majjistra tidħol ħdejhom.”
20 Għalhekk, Alla ttrattahom tajjeb lill-majjistri, u n-nies baqgħu jiżdiedu u jissaħħu ħafna. 21 U minħabba li l-majjistri rrispettaw ħafna lill-Alla* l-veru, hu berikhom billi kellhom it-tfal. 22 Fl-aħħar, il-Fargħun ikkmanda lin-nies kollha tiegħu: “Għandkom titfgħu fix-Xmara Nil lil kull tifel Lhudi li jitwieled, imma kull tifla ħalluha ħajja.”