Ġenesi
44 Iktar tard hu kkmanda lir-raġel li kien jiħodlu ħsieb id-dar: “Imla l-ixkejjer tal-irġiel bl-ikel skont kemm jifilħu jġorru, u poġġi l-flus taʼ kull wieħed fil-wiċċ tal-ixkora tiegħu. 2 Imma qiegħed it-tazza tiegħi, it-tazza tal-fidda, fil-wiċċ tal-ixkora taż-żgħir flimkien mal-flus għaċ-ċereali* tiegħu.” Għalhekk, għamel kif qallu Ġużeppi.
3 Meta sebaħ, l-irġiel intbagħtu lura bil-ħmir tagħhom. 4 Waqt li kienu għadhom qrib il-belt, Ġużeppi qal lir-raġel li kien jiħodlu ħsieb id-dar: “Qum! Mur wara l-irġiel u meta tilħaqhom għidilhom, ‘Għala pattejtu t-tajjeb bil-ħażin? 5 Għala ħadtu t-tazza li jixrob minnha sidi u li jużaha biex jaqra s-sinjali b’sengħa kbira? Dak li għamiltu hu ħażin.’”
6 Għalhekk laħaqhom u qalilhom dan il-kliem. 7 Imma huma qalulu: “Għala sidna qed jgħidilna dan il-kliem? Aħna ma jgħaddilniex minn moħħna li nagħmlu ħaġa bħal din. 8 Aħna ġibna lura l-flus li sibna fl-ixkejjer tagħna mill-art taʼ Kangħan, allura ma jagħmilx sens li nisirqu l-fidda jew id-deheb minn dar sidek. 9 Jekk issibha għand xi ħadd minna, dan għandu jmut, u aħna nsiru lsiera taʼ sidna.” 10 Għalhekk qalilhom: “Ħa jsir bħalma għedtu: Għand min tinstab isir ilsir,* imma l-bqija jkunu innoċenti.” 11 U kull wieħed malajr niżżel l-ixkora tiegħu fl-art u fetaħha. 12 Hu beda jfittex sew fl-ixkejjer tagħhom, beda minn tal-kbir u spiċċa b’taż-żgħir. Sa fl-aħħar, it-tazza nstabet fl-ixkora taʼ Benjamin.
13 Imbagħad ċarrtu ħwejjiġhom u kull wieħed għabba lura t-tagħbija tiegħu fuq il-ħmar u reġgħu lura lejn il-belt. 14 Meta Ġuda u ħutu daħlu fid-dar taʼ Ġużeppi, hu kien għadu hemm, u nxteħtu fl-art quddiemu. 15 Ġużeppi qalilhom: “Għala għamiltu hekk? Ma kontux tafu li bniedem bħali jistaʼ jaqra s-sinjali b’sengħa kbira?” 16 Għal dan, Ġuda qallu: “X’nistgħu ngħidulek, sidi? Kif naqbdu nispjegawlek? U kif nistgħu niġġustifikaw lilna nfusna? L-Alla l-veru kixef l-iżball tagħna. Aħna issa lsiera tiegħek, sidi, kemm aħna u kemm dak li nstabet għandu t-tazza!” 17 Madankollu, Ġużeppi qal: “Ma jgħaddilix minn moħħi li nagħmel dan! Dak li nstabet għandu t-tazza jkun l-ilsir tiegħi. Il-kumplament tistgħu tmorru bil-paċi għand missierkom.”
18 Ġuda issa resaq lejh u qallu: “Jekk jogħġbok sidi, ħallini nkellmek, u tirrabjax miegħi, għax int bħall-Fargħun. 19 Sidi, int staqsejtna, ‘Għadu ħaj missierkom u għandkom xi ħu ieħor?’ 20 Għalhekk għednielek, ‘Iva, missierna mdaħħal fiż-żmien u għandna ħuna żgħir li twilidlu fi xjuħitu. Imma ħuh mejjet, u b’hekk hu biss baqaʼ minn ommu, u missieru jħobbu.’ 21 U int għedtilna, ‘Ġibuh hawn sabiex narah.’ 22 Imma aħna wiġibna, ‘It-tifel ma jistax jitlaq lil missieru. Jekk jitilqu, missieru żgur imut.’ 23 Imbagħad int għedtilna, ‘Terġgħux tiġu quddiemi jekk ħukom iż-żgħir ma jinżilx magħkom.’
24 “Għalhekk, tlajna għand missieri, l-ilsir tiegħek, u għednielu x’għedtilna. 25 Iktar tard missierna qalilna, ‘Morru lura, ixtrulna ftit ikel.’ 26 Imma aħna għednielu, ‘Ninżlu biss jekk ħuna ż-żgħir ikun magħna. Għaliex ma nistgħux immorru quddiem ir-raġel jekk ħuna ż-żgħir ma jkunx magħna.’ 27 Imbagħad missieri qalilna, ‘Intom tafu tajjeb li marti wellditli biss żewġ subien. 28 Imma wieħed minnhom diġà tliftu u żgur li nqatel minn annimal feroċi, għax ma rajtux iżjed. 29 Jekk tiħduli lil dan ukoll u jkollu xi aċċident u jmut, żgur li titfgħuni fil-Qabar* imdejjaq fi xjuħiti.’
30 “Missierna jħobb lil ħuna ż-żgħir daqs ħajtu* stess. Jekk immur lura għandu mingħajr it-tifel, 31 hu żgur imut, u aħna żgur li nitfgħu lil missierna fil-Qabar* imdejjaq fi xjuħitu. 32 Jien wegħedtu li nipproteġi t-tifel, u għedtlu, ‘Jekk ma nġibhulekx lura, inkun dnibt kontrik għal dejjem.’ 33 Għalhekk, jekk jogħġbok, ħa nibqaʼ jien minflok it-tifel bħala lsir tiegħek, sabiex hu jmur lura maʼ ħutu. 34 Għax kif nistaʼ mmur lura għand missieri mingħajr it-tifel? Ma niflaħx nara lil missieri jgħaddi minn dan l-inkwiet.”