Isaija
25 Ġeħova, int l-Alla tiegħi.
Jien infaħħrek u nsebbaħ lil ismek,
Għax int għamilt affarijiet tal-għaġeb,
Iddeċidejt dawn l-affarijiet żmien twil ilu,
U għamilt dak li għedt u wrejt li int taʼ min jafdak.
2 Għax int ġibt il-belt balla ġebel,
Il-belt iffortifikata farraktha,
Il-fortizza tal-barranin m’għadhiex iktar belt,
U qatt mhu se terġaʼ tinbena.
3 Hu għalhekk li poplu b’saħħtu se jigglorifikak;
In-nies kattivi tal-belt se jibżgħu minnek.
4 Int sirt bħal fortizza għall-batut,
Bħal fortizza għall-fqir li hu inkwetat,
Post taʼ kenn mill-maltempata,
U dell meta jkun hemm is-sħana.
Meta r-rabja taʼ dawk kattivi tkun bħal xita qawwija li tfaqqaʼ mal-ħajt
5 U bħas-sħana f’art niexfa,
Int issikket l-istorbju tal-għedewwa.
Il-kant taʼ dawk kattivi se jiġi msikket
Bħalma s-sħana tonqos bid-dell tas-sħab.
6 Fuq din il-muntanja, Ġeħova tal-armati
Se jagħmel ikla kbira għan-nies kollha.
Fiha se jkun hemm l-aqwa ikel u l-itjeb laħam,
U nbid mill-ifjen u tal-aqwa kwalità.
7 Fuq din il-muntanja, hu se jneħħi l-velu li qed jgħatti lill-popli kollha
U d-drapp li qiegħed imgeżwer mal-ġnus kollha.
Il-poplu tiegħu ġie mwaqqaʼ għaċ-ċajt mal-art kollha,
Imma hu se jneħħi dan it-tmaqdir minn fuqhom,
Għax Ġeħova hekk qal.
9 Dakinhar huma se jgħidu:
“Dan hu l-Alla tagħna!
Aħna ttamajna fih,
U hu salvana.
Dan hu Ġeħova!
Aħna ttamajna fih.
Ejja nifirħu ħafna għax hu salvana.”
10 Ġeħova se jipproteġi din il-muntanja bil-qawwa tiegħu,
U Mowab se jitgħaffeġ fil-pajjiż tiegħu stess
Bħalma t-tiben jitgħaffeġ mad-demel.
11 Hu se jniżżel idu bis-saħħa fuq Mowab
Bħalma għawwiem iniżżel idu bis-saħħa meta jgħum.
Hu se jnaqqaslu s-suppervja bid-daqqiet taʼ jdejh.
12 Hu se jwaqqaʼ l-belt iffortifikata bis-swar għoljin tagħha
U jitfagħha mal-art fit-trab.