Isaija
54 “Għajjat bil-ferħ, mara li ma jistax ikollok tfal!
Ifraħ u ibki bil-ferħ, int li qatt ma kellek l-uġigħ tal-ħlas,
Għax dik li hi abbandunata għandha ħafna iktar tfal
Mill-mara li għandha raġel,”* jgħid Ġeħova.
2 “Kabbar it-tinda tiegħek biex ikollok iktar spazju.
Ġebbed il-biċċiet tad-drapp tat-tabernaklu kbir tiegħek.
Iżżommx lura, tawwal il-ħbula tat-tinda tiegħek,
U saħħaħ l-imsiemer tagħha.
3 Għax int se tinfirex lejn il-lemin u lejn ix-xellug.
Dawk li se jiġu minnek se jmexxu lill-popli
U jgħixu fil-bliet abbandunati.
4 Tibżax, għax mhux se jkollok għal xiex tistħi;
Tħossokx umiljata, għax mhux se tiġi ddiżappuntata.
Għax se tinsa l-mistħija taʼ meta kont żgħira,
U mhux se tiftakar iżjed id-diżunur taʼ meta kont armla.”
5 “Għax il-Ħallieq Grandjuż qisu r-raġel tiegħek,*
Ismu hu Ġeħova tal-armati,
U l-Qaddis t’Iżrael hu Dak li Jixtrik Lura.
Hu se jissejjaħ l-Alla tal-art kollha.
6 Meta Ġeħova għajjatlek, int kont bħal mara abbandunata u mdejqa ħafna,*
Bħal mara li żżewġet meta kienet żgħira u mbagħad ġiet imwarrba,” jgħid l-Alla tiegħek.
7 “Abbandunajtek għal ftit biss,
Imma se nġibek lura bi ħniena kbira.
8 Jien irrabjajt ħafna u ħbejt wiċċi minnek għal ftit,
Imma se nħenn għalik bi mħabba u lealtà* li jibqgħu għal dejjem,” jgħid Ġeħova, Dak li Jixtrik Lura.
9 “Għalija, dan hu bħal żmien Noè.
Bħalma ħlift li l-ilmijiet taʼ Noè mhux se jiksu iżjed l-art,
Naħlef li ma nkunx irrabjat iżjed miegħek jew nikkastigak.
10 Il-muntanji jistgħu jitneħħew
U l-għoljiet jistgħu jitriegħdu,
Imma l-imħabba u l-lealtà li nurik ma jitneħħewx minnek,
U lanqas il-patt taʼ paċi tiegħi mhu se jitriegħed,” jgħid Ġeħova, il-Wieħed li jurik ħniena.
11 “Mara li qed tbati minħabba t-tempesti u li m’intix imfarrġa,
Jien qed inqiegħed il-ġebel tiegħek b’tajn b’saħħtu
U l-pedament tiegħek biż-żaffir.
12 Jien se nagħmel is-swar tiegħek tar-rubini,
Il-bibien tiegħek tal-ħaġar ileqq,*
U l-fruntieri tiegħek tal-ħaġar prezzjuż.
13 It-tfal kollha tiegħek se jiġu mgħallmin minn Ġeħova,
U huma se jkollhom ħafna paċi.
14 Int se tkun b’saħħtek għax tagħmel dak li hu ġust.
Ħadd mhu se jaħqrek,
Mhu se tibżaʼ minn xejn u ma jkollokx għal xiex titwerwer,
Għax mhu se jersaq lejk xejn tal-biżaʼ.
15 Jekk xi ħadd jattakkak,
Dan ma jkunx għax ikkmandajtu jien.
Kull min jiġi biex jattakkak se jitlef.”
16 “Jien stess ħlaqt il-ħaddiem tas-sengħa
Li jonfoħ fuq in-nar tal-faħam u jagħmel arma.
Jien stess ħlaqt ukoll il-wieħed li juża l-armi biex jeqred.
17 Għalhekk, ebda arma li ssir biex tagħmillek il-ħsara mhu se tirnexxi,
U int se tikkundanna lil kull min jakkużak.
Dan hu l-wirt li jien, Ġeħova, qed nagħti lill-qaddejja tiegħi.
Jien inqishom ġusti,” jgħid Ġeħova.