Ġenesi
50 Imbagħad Ġużeppi nxteħet fuq missieru u beka fuqu u biesu. 2 U Ġużeppi kkmanda lill-qaddejja tiegħu li kienu tobba biex jibbalzmaw lil missieru. Għalhekk, dawn ibbalzmaw lil Iżrael, 3 u ħadu 40 jum sħaħ għalih, għax daqshekk kienu jdumu biex jibbalzmaw, u l-Eġizzjani komplew jibkuh 70 jum.
4 Meta għaddewlu l-jiem tal-vistu, Ġużeppi kellem lill-uffiċjali* tal-Fargħun u qalilhom: “Jekk sibt il-ħniena f’għajnejkom, agħtu dan il-messaġġ lill-Fargħun: 5 ‘Missieri qalli: “Jien se mmut. Aħlef li tidfinni fil-post għad-dfin li jien ħaffirt fl-art taʼ Kangħan.” Jekk jogħġbok, ħallini nitlaʼ nidfen lil missieri u wara niġi lura.’” 6 U l-Fargħun wieġbu: “Itlaʼ idfen lil missierek bħalma ħliftlu.”
7 Għalhekk, Ġużeppi telaʼ jidfen lil missieru, u miegħu telgħu l-qaddejja kollha tal-Fargħun, l-ogħla uffiċjali,* l-anzjani* kollha tal-art tal-Eġittu, 8 in-nies kollha taʼ dar Ġużeppi, ħutu, u n-nies taʼ dar missieru. Fl-art taʼ Gosen ħallew biss it-tfal tagħhom u l-imrieħel tan-nagħaġ u tal-baqar tagħhom. 9 Telgħu miegħu wkoll irġiel rekbin fuq karrijiet u żwiemel, u l-grupp kien kbir ħafna. 10 Imbagħad waslu ħdejn l-għalqa t’Atad, li hemm fir-reġjun tal-Ġordan, u hemmhekk bkew biki kbir, u Ġużeppi għamel sebat ijiem vistu għal missieru. 11 In-nies tal-pajjiż, il-Kangħanin, rawhom imdejqin fl-għalqa t’Atad, u qalu: “Dan hu vistu kbir għall-Eġizzjani!” Huwa għalhekk li semmew il-post Abel-misrajm,* li qiegħed fir-reġjun tal-Ġordan.
12 Għalhekk, it-tfal tiegħu għamlulu eżatt kif kien ikkmandahom. 13 Huma ġarrewh lejn l-art taʼ Kangħan u difnuh fl-għar tal-għalqa taʼ Makfela, l-għalqa li qiegħda quddiem Mamre, li Abraham kien xtara mingħand Għefron il-Ħitti bħala post għad-dfin. 14 Wara li difen lil missieru, Ġużeppi mar lura l-Eġittu maʼ ħutu u maʼ kull min kien mar miegħu biex jidfen lil missieru.
15 Wara li miet missierhom, ħut Ġużeppi bdew jgħidu: “Għandu mnejn li Ġużeppi jobgħodna u jpattihielna minħabba l-ħsara kollha li għamilnielu.” 16 Għalhekk, bagħtu jgħidu lil Ġużeppi: “Missierek ta dan il-kmand qabel ma miet: 17 ‘Dan għandkom tgħidulu lil Ġużeppi: “Nitolbok, jekk jogħġbok, aħfer in-nuqqas taʼ ħutek u d-dnub li għamlu billi ġabulek ħsara bħal din.”’ U issa jekk jogħġbok, aħfrilna n-nuqqas tagħna, il-qaddejja tal-Alla taʼ missierek.” U Ġużeppi beka meta semaʼ dan. 18 Imbagħad ġew ħutu u nxteħtu fl-art quddiemu u qalulu: “Aħna lsiera tiegħek!” 19 Ġużeppi qalilhom: “Tibżgħux. Mela jien Alla biex niġġudikakom? 20 Għalkemm ridtu tagħmluli l-ħsara, Alla kellu f’moħħu li jagħmel il-ġid u jsalva ħafna nies, bħalma qed jagħmel illum. 21 Mela issa tibżgħux. Jien nibqaʼ nagħti l-ikel lilkom u lit-tfal tagħkom.” B’hekk, hu farraġhom u serrħilhom moħħhom bi kliemu.
22 U Ġużeppi baqaʼ jgħix l-Eġittu flimkien man-nies taʼ dar missieru u għex 110 snin. 23 Ġużeppi ra t-tielet ġenerazzjoni tat-tfal t’Efrajm, kif ukoll lit-tfal taʼ Makir, bin Manasse. Lil dawn Ġużeppi kien iqishom bħala t-tfal tiegħu.* 24 Fl-aħħar, qal lil ħutu: “Jien se mmut, imma Alla żgur li se jgħinkom u żgur li se joħroġkom minn din l-art, u jtellagħkom lejn l-art li dwarha ħalef lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb.” 25 Għalhekk, Ġużeppi qal lit-tfal t’Iżrael: “Alla żgur li se jgħinkom u joħroġkom minn din l-art. Aħilfuli li meta jagħmel hekk, tieħdu magħkom l-għadam tiegħi minn hawnhekk.” 26 U Ġużeppi miet fl-età taʼ 110 snin, u bbalzmawh u poġġewh f’tebut fl-Eġittu.