L-Aħbar Tajba Skont Luqa
3 Fil-15-il sena tat-tmexxija taʼ Tiberju Ċesari, Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi* kien mexxej tad-distrett* tal-Galilija, ħuh Filippu kien mexxej tad-distrett tal-art tal-Iturija u t-Trakonija, Lisanja kien mexxej tad-distrett tal-Abilene, 2 u Anna u Kajfa kienu qassisin importanti. F’dan iż-żmien, Alla ta messaġġ lil Ġwanni t-tifel taʼ Żakkarija meta kien fid-deżert.
3 Għalhekk, hu mar mal-pajjiż kollu madwar il-Ġordan jgħallem lin-nies biex jitgħammdu ħalli juru li qed jiddispjaċihom u jinħafrulhom id-dnubiet, 4 bħalma hemm miktub fil-ktieb tal-profeta Isaija: “Instemaʼ leħen fid-deżert: ‘Ippreparaw it-triq taʼ Ġeħova!* Irranġaw it-triq li se jgħaddi minnha. 5 Imlew il-widien kollha, u baxxu l-muntanji u l-għoljiet kollha. Iddrittaw it-toroq imserrpin u llixxjaw it-toroq imħarbtin. 6 B’hekk in-nies kollha jaraw kif Alla se jġib salvazzjoni.’”
7 Għalhekk, lill-folol li kienu sejrin għandu biex jitgħammdu qalilhom: “Intom bħas-sriep velenużi, tagħmlu affarijiet ħżiena. Min wissiekom biex taħarbu mir-rabja li ġejja? 8 Mela uru li ddispjaċiekom.* Taħsbux li għandkom skuża għax Abraham hu missierkom. Għax Alla kapaċi jagħti t-tfal lil Abraham minn dan il-ġebel. 9 Fil-fatt, il-mannara diġà qiegħda mal-għeruq tas-siġar. Għalhekk, kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tintefaʼ fin-nar.”
10 U l-folol bdew jistaqsuh: “Allura x’għandna nagħmlu?” 11 Hu wiġibhom: “Jekk xi ħadd għandu żewġ tibdiliet,* ħa jagħti waħda lil dak li m’għandux. U jekk xi ħadd għandu x’jiekol, ħa jagħti xi ħaġa lil min m’għandux.” 12 Anki dawk li jiġbru t-taxxi marru biex jitgħammdu u staqsewh: “X’għandna nagħmlu għalliem?” 13 Hu wiġibhom: “Titolbux* iktar taxxa mill-ammont li titlob il-liġi.” 14 U dawk li kienu fis-servizz militari bdew jistaqsuh: “Aħna x’għandna nagħmlu?” Hu wiġibhom: “Taħqru lil ħadd* u takkużaw lil ħadd b’mod falz, imma kunu kuntenti b’dak li taqilgħu.”*
15 Peress li n-nies kienu qed jistennew lil Kristu, huma bdew jaħsbu: “Tgħid Ġwanni l-Kristu?” 16 Ġwanni qalilhom: “Jien ngħammidkom bl-ilma, imma dak li ġej hu aqwa minni. Jien lanqas biss jistħoqqli nħollu s-sandli. Hu se jgħammidkom bl-ispirtu qaddis u bin-nar. 17 F’idu għandu għodda biex ineħħi l-qoxra minn mal-qamħ. Imbagħad hu se jnaddaf il-post fejn jagħmel dan u l-qamħ jiġbru fil-maħżen, imma l-qoxra jaħraqha b’nar li ma jintefiex.”
18 Hu inkuraġġixxa lin-nies b’ħafna affarijiet oħra u kompla jxandrilhom l-aħbar tajba. 19 Imma peress li Ġwanni kien wissa lil Erodi, il-mexxej tad-distrett, dwar l-affarijiet ħżiena kollha li kien għamel u dwar Erodja, il-mara taʼ ħuh, 20 Erodi tefaʼ lil Ġwanni l-ħabs. B’hekk, hu kompla jżid mal-affarijiet ħżiena kollha li għamel.
21 Ġwanni għammed ħafna nies, anki lil Ġesù. Hekk kif Ġesù kien qed jitlob, infetħet is-sema 22 u niżel fuqu l-ispirtu qaddis forma taʼ ħamiema. U leħen mis-sema qal: “Int Ibni l-maħbub. Jien ferħan ħafna bik.”*
23 Ġesù kellu madwar 30 sena meta beda jgħallem. Hu kien magħruf bħala t-tifel taʼ Ġużeppi,
it-tifel t’Għeli,
24 it-tifel taʼ Mattat,
it-tifel taʼ Levi,
it-tifel taʼ Melki,
it-tifel taʼ Ġannaj,
it-tifel taʼ Ġużeppi,
25 it-tifel taʼ Mattatija,
it-tifel t’Għamos,
it-tifel taʼ Naħum,
it-tifel t’Għesli,
it-tifel taʼ Naggaj,
26 it-tifel taʼ Magħat,
it-tifel taʼ Mattatija,
it-tifel taʼ Semgħi,
it-tifel taʼ Ġożè,
it-tifel taʼ Ġoda,
27 it-tifel taʼ Joħanan,
it-tifel taʼ Resa,
it-tifel taʼ Żerubbabel,
it-tifel taʼ Saltijel,
it-tifel taʼ Neri,
28 it-tifel taʼ Melki,
it-tifel t’Addi,
it-tifel taʼ Kosam,
it-tifel taʼ Elmadam,
it-tifel t’Għer,
29 it-tifel taʼ Ġesù,
it-tifel t’Eligħeżer,
it-tifel taʼ Ġorim,
it-tifel taʼ Mattat,
it-tifel taʼ Levi,
30 it-tifel taʼ Simgħon,
it-tifel taʼ Ġuda,
it-tifel taʼ Ġużeppi,
it-tifel taʼ Ġonam,
it-tifel t’Eljakim,
31 it-tifel taʼ Melija,
it-tifel taʼ Menna,
it-tifel taʼ Mattata,
it-tifel taʼ Natan,
it-tifel taʼ David,
32 it-tifel taʼ Ġesse,
it-tifel t’Għobed,
it-tifel taʼ Bogħaż,
it-tifel taʼ Salmon,
it-tifel taʼ Naħson,
33 it-tifel t’Għamminadab,
it-tifel t’Arni,
it-tifel taʼ Ħesron,
it-tifel taʼ Pereż,
it-tifel taʼ Ġuda,
34 it-tifel taʼ Ġakobb,
it-tifel taʼ Iżakk,
it-tifel t’Abraham,
it-tifel taʼ Teraħ,
it-tifel taʼ Naħor,
35 it-tifel taʼ Serug,
it-tifel taʼ Regħu,
it-tifel taʼ Peleg,
it-tifel t’Għeber,
it-tifel taʼ Selaħ,
36 it-tifel taʼ Kajnan,
it-tifel t’Arfaksad,
it-tifel taʼ Sem,
it-tifel taʼ Noè,
it-tifel taʼ Lamek,
37 it-tifel taʼ Metuselaħ,
it-tifel t’Enok,
it-tifel taʼ Ġared,
it-tifel taʼ Maħalalgħel,
it-tifel taʼ Kajnan,
38 it-tifel t’Enos,
it-tifel taʼ Set,
it-tifel t’Adam,
it-tifel t’Alla.