Lill-Efesin
2 Iktar minn hekk, minħabba n-nuqqasijiet u d-dnubiet tagħkom kontu bħallikieku mejtin, imma Alla takom il-ħajja. 2 Xi darba intom kontu tagħmlu bħan-nies tad-dinja* u kontu tobdu l-mexxej li għandu awtorità fuq l-arja, jiġifieri fuq l-ispirtu taʼ din id-dinja li qed jikkontrolla n-nies diżubbidjenti. 3 Iva, aħna xi darba konna ngħixu bħal dawk in-nies, billi konna naġixxu skont ix-xewqat ħżiena tagħna u l-ħsibijiet tagħna. Bħal kulħadd, mindu twelidna, kien ħaqqna li Alla jirrabja magħna. 4 Imma Alla jħenn ħafna, u peress li jħobbna ħafna 5 hu tana l-ħajja flimkien mal-Kristu, anki meta konna bħallikieku mejtin minħabba d-dnubiet tagħna. Intom ġejtu salvati minħabba l-qalb tajba kbira t’Alla. 6 Iktar minn hekk, hu tana l-ħajja* u poġġiena bilqiegħda flimkien fis-sema bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù, 7 ħalli fid-dinja l-ġdida* li għandha tiġi, Alla juri l-qalb tajba kbira tiegħu meta jagħmel affarijiet tajbin għalina bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù.
8 Intom li għandkom il-fidi, ġejtu salvati permezz tal-qalb tajba kbira t’Alla. Dan ma sarx bis-saħħa tagħkom, imma hu rigal mingħand Alla. 9 Le, mhux minħabba dak li tagħmlu, ħalli ħadd ma jkollu għal xiex jiftaħar. 10 Aħna xogħol idejn Alla, u minħabba li aħna dixxipli taʼ Kristu Ġesù, ġejna maħluqin biex nagħmlu affarijiet tajbin li Alla kien iddeċieda għalina minn qabel.
11 Allura ftakru li intom m’intomx Lhud, u dawk li huma ċirkonċiżi mill-bniedem jirreferu għalikom bħala nies li m’intomx ċirkonċiżi. 12 F’dak iż-żmien, ma kontux tafu lil Kristu, ma kellkomx x’taqsmu man-nies* t’Iżrael, u ma kontux parti mill-pattijiet tal-wegħda. Intom kontu mingħajr tama u mingħajr Alla fid-dinja. 13 Imma issa intom dixxipli taʼ Kristu Ġesù. Intom li xi darba kontu ’l bogħod minn Alla, ersaqtu qrib tiegħu permezz tad-demm tal-Kristu. 14 Kristu ġabilna l-paċi. Hu l-wieħed li għaqqad iż-żewġ gruppi u li qered il-ħajt li kien jisseparahom. 15 Peress li offra lil ġismu bħala sagrifiċċju, hu neħħa l-liġi u l-kmandamenti li kien hemm fil-Liġi taʼ Mosè. Din kienet qed iġġib mibegħda bejn iż-żewġ gruppi. Imbagħad minn dawn iż-żewġ gruppi hu għamel grupp ġdid. Fil-fatt, peress li għamilhom fi grupp wieħed bħala d-dixxipli tiegħu, hu ġab il-paċi bejniethom. 16 Ukoll, permezz tal-mewt tiegħu fuq iz-zokk tat-tortura,* hu għamilhom ħbieb m’Alla biex jagħmel iż-żewġ gruppi poplu wieħed,* għax neħħa l-mibegħda permezz tiegħu stess. 17 Hu ġie u xandar l-aħbar tajba tal-paċi, kemm lil dawk li kienu ’l bogħod minn Alla u kemm lil dawk li huma qrib tiegħu, 18 għax permezz tiegħu, aħna, iż-żewġ gruppi, nistgħu nitolbu lill-Missier, għax ilkoll nirċievu l-istess spirtu qaddis.
19 Allura m’għadkomx stranġieri u barranin, imma għandkom l-istess ċittadinanza bħall-qaddisin l-oħra u intom parti mill-familja t’Alla. 20 Intom bħal ġebel li Alla bena fuq il-pedament tal-appostli u l-profeti,* waqt li Kristu Ġesù stess hu l-iktar ġebla importanti* tal-pedament. 21 Flimkien miegħu, il-bini kollu qed isir tempju qaddis għal Ġeħova,* b’kull parti tal-bini magħquda sew flimkien. 22 Flimkien miegħu, intom u oħrajn qed tinbnew biex issiru post fejn joqgħod Alla, għax hemm l-ispirtu tiegħu.