It-Tieni Ittra lil Timotju
4 Jien nikkmandak dan quddiem Alla u Kristu Ġesù, li se jiġġudika l-ħajjin u l-mejtin meta jidher u jmexxi bħala r-Re tas-Saltna tiegħu: 2 Ipprietka l-kelma t’Alla; agħmel dan b’urġenza fi żminijiet tajbin u fi żminijiet diffiċli; ikkoreġi, widdeb, u agħti l-pariri. Agħmel dawn l-affarijiet b’ħafna paċenzja u billi tgħallem sew.* 3 Għax se jkun hemm żmien fejn in-nies ma jkunux iridu jisimgħu t-tagħlim li hu taʼ benefiċċju.* Fi qbil max-xewqat tagħhom stess, huma jfittxu għalliema li jgħidulhom dak li jkunu jixtiequ jisimgħu.* 4 Huma ma jkunux iridu jibqgħu jisimgħu l-verità, imma minflok ikunu jridu jisimgħu stejjer foloz. 5 Imma int ibqaʼ f’sensik f’kollox, issaporti t-tbatija, kompli pprietka l-aħbar tajba,* u aqdi lil Alla sew.
6 Għax jien qisni offerta tax-xorb li qed tiġi mferrgħa, u dalwaqt wasal iż-żmien biex immut. 7 Jien iġġilidt il-ġlieda t-tajba, ġrejt it-tellieqa sal-aħħar, u żammejt il-fidi soda. 8 Minn issa ’l quddiem hemm lest għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li l-Mulej, l-imħallef ġust, se jagħtihieli bħala premju f’jum il-ġudizzju. Din mhux se jagħtiha lili biss, imma se jagħtiha wkoll lil dawk kollha li jixxennqu għaż-żmien meta hu juri lilu nnifsu.
9 Agħmel l-aħjar li tistaʼ biex tiġi ħdejja malajr. 10 Għax Dema telaqni peress li ħabb din id-dinja,* u hu mar Tessalonika, Kreske mar il-Galazja, u Titu mar id-Dalmazja. 11 Luqa biss qiegħed miegħi. Ġib miegħek lil Marku, għax hu se jgħinni ħafna biex nagħmel ix-xogħol qaddis. 12 Lil Tikiku bgħattu Efesu. 13 Meta tiġi, ġibli miegħek il-mantar li ħallejt Troas għand Karpu, u l-iskrolli, speċjalment il-parċmini.*
14 Alessandru li jaħdem ir-ram għamilli ħafna ħsara. Ġeħova* se jagħtih dak li ħaqqu. 15 Anki int oqgħod attent minnu, għax hu jiħodha kontra l-messaġġ tagħna b’mod estrem.
16 L-ewwel darba li ddefendejt ruħi quddiem l-awtoritajiet, ħadd ma ġie ħdejja biex jappoġġani, imma kollha telquni. Jalla Alla ma jitlobhomx kont taʼ dan. 17 Imma l-Mulej ma telaqnix, anzi tani l-qawwa biex nipprietka l-aħbar tajba sew, ħalli b’hekk inkun nistaʼ nilħaq lin-nies tal-popli kollha. Hu salvani minn ħalq l-iljun. 18 Il-Mulej se jeħlisni minn kull ħażen u se jsalvani billi jdaħħalni fis-Saltna tiegħu tas-sema. Jalla jingħata l-glorja għal dejjem taʼ dejjem. Ammen.
19 Sellili għal Priska u għal Akwila u għal dawk tad-dar t’Onesiforu.
20 Erastu baqaʼ Korintu, imma Trofimu, peress li marad, ħallejtu Miletu. 21 Agħmel l-aħjar li tistaʼ biex tasal qabel ix-xitwa.
Ewbolu jselli għalik, u anki Pudens, Linu, Klawdja, u l-aħwa kollha.
22 Jalla l-Mulej ibierek l-attitudni* tiegħek. Jalla jurikom qalb tajba kbira.