STUDJU 52
Tħeġġiġ Effettiv
L-ANZJANI Kristjani jridu jkunu kapaċi ‘jħeġġu bit-tagħlim mimli saħħa.’ (Titu 1:9) Kultant dan irid isir meta jiffaċċjaw sitwazzjonijiet tassew diffiċli. Huwa importanti li jagħtu pariri fi qbil mal-gwida Skritturali. Għal din ir-raġuni, l-anzjani jridu jagħtu kas il-parir: ‘Komplu agħtu ruħkom għat-twiddib.’ (1 Tim. 4:13) Għalkemm id-diskussjoni tagħna issa hija diretta primarjament lejn l-anzjani jew dawk li qed jirsistu għal dan il-privileġġ, hemm drabi meta l-ġenituri jkunu jridu jħeġġu lil uliedhom jew dawk li jikkonduċu l-istudji tal-Bibbja jkunu jridu jħeġġu lill-istudenti tal-Bibbja tagħhom. F’każi bħal dawn tapplika gwida simili.
Sitwazzjonijiet li Jeħtieġu t-Tħeġġiġ. Biex tkun taf meta għandek tħeġġeġ lil dak li jkun, ikun taʼ għajnuna li teżamina sitwazzjonijiet imniżżlin bil-miktub fil-Bibbja fejn individwi ġew imħeġġin jaġixxu. L-appostlu Pietru ħeġġeġ lill-anzjani biex joqogħdu attenti għar-responsabbiltà tagħhom bħala rgħajja tal-merħla taʼ Alla. (1 Pt. 5:1, 2) Pawlu ta l-parir lil Titu biex iħeġġeġ lil irġiel żgħażagħ ħalli jkunu “moħħhom f’loku.” (Titu 2:6) Pawlu ħeġġeġ lil Kristjani sħabu biex ‘jitkellmu fi qbil’ u jevitaw lil dawk li kienu jipprovaw joħolqu firdiet fost l-aħwa. (1 Kor. 1:10; Rum. 16:17; Flp. 4:2) Għalkemm Pawlu faħħar lill-membri tal-kongregazzjoni f’Tessalonika għall-affarijiet tajbin li kienu qed jagħmlu, hu ħeġġiġhom biex japplikaw iktar bis-sħiħ l-istruzzjoni li rċivew. (1 Tess. 4:1, 10) Pietru talab bil-ħrara lill-Kristjani sħabu biex ‘jibqgħu jitbiegħdu mix-xewqat tal-laħam.’ (1 Pt. 2:11) Ġuda ħeġġeġ lil ħutu biex ‘jiġġieldu bl-aħrax għall-fidi’ minħabba l-influwenza taʼ wħud mhux devoti li kienu jieħdu sehem bla rażan f’kondotta laxka. (Ġuda 3, 4) Il-Kristjani inġenerali ġew inkuraġġiti biex iħeġġu lil xulxin ħalli ħadd minnhom ma jitwebbes minħabba l-qawwa qarrieqa tad-dnub. (Ebr. 3:13) Pietru ħeġġeġ lil-Lhud li kienu għadhom ma poġġewx fidi fi Kristu: “Salvaw minn din il-ġenerazzjoni mgħawġa.”—Atti 2:40.
Liema kwalitajiet huma meħtiġin biex oħrajn jiġu mqanqlin b’qawwa ħalli jaġixxu f’sitwazzjonijiet bħal dawn? Kif jistaʼ l-wieħed li jkun qed iħeġġeġ jagħmel it-talba tiegħu urġenti mingħajr ma jdejjaq lil dak li jkun jew ikun aħrax?
“F’Ġieħ l-Imħabba.” Jekk it-tħeġġiġ tagħna ma jingħatax “f’ġieħ l-imħabba,” dan jistaʼ jinstemaʼ aħrax. (Flm. 9) Veru, meta tkun meħtieġa azzjoni immedjata, il-mod kif il-kelliemi jagħti t-taħdita għandu jirrifletti l-urġenza tas-sitwazzjoni. Jekk jitkellem bil-ħlewwa jistaʼ jinstemaʼ dispjaċut. Fl-istess ħin, l-inkuraġġiment għandu jsir bil-ħeġġa u b’sentiment profond. Meta tinkuraġġixxi bi mħabba x’aktarx li iktar se tqanqal lill-udjenza. Meta kien qed jitkellem għalih innifsu u għan-nom taʼ sħabu, Pawlu qal lil dawk f’Tessalonika: “Intom tafu tajjeb li, bħalma jagħmel missier maʼ wliedu, aħna bqajna nwiddbu lil kull wieħed minnkom.” (1 Tess. 2:11) Dawk l-indokraturi Kristjani ħeġġew lil ħuthom bl-imħabba. Ħalli dak li tgħid ikun imqanqal minn interess ġenwin fis-semmiegħa tiegħek.
Uża t-tattika. Ittellax ħajt bejnek u bejn dawk li qed tipprova tqanqalhom jaġixxu. Fl-istess ħin, iżżommx lura milli tgħid lill-udjenza tiegħek “l-iskop kollu t’Alla.” (Atti 20:27) Min japprezza mhux se jieħu għalih jew iħobbok inqas minħabba li b’qalb tajba tkun ħeġġiġtu jagħmel dak li hu sew.—Salm 141:5.
Spiss ikun taʼ benefiċċju li qabel tħeġġeġ lil xi ħadd, tagħti tifħir speċifiku u sinċier. Aħseb dwar l-affarijiet tajbin li qed jagħmlu ħutek—affarijiet li Ġeħova żgur qed jieħu gost bihom: il-fidi li juru permezz taʼ xogħolhom, l-imħabba li tqanqalhom iħabirku, u s-sabar tagħhom meta jiffaċċjaw sitwazzjonijiet taʼ prova. (1 Tess. 1:2-8; 2 Tess. 1:3-5) Dan se jgħin lil ħutek iħossuhom apprezzati u mifhumin, u se jqanqalhom ikunu lesti li jwieġbu għall-inkuraġġiment li jkun ġej.
“Bil-Paċenzja Kollha.” Meta tħeġġeġ lil xi ħadd għandek tagħmel dan “bil-paċenzja kollha.” (2 Tim. 4:2) Dan x’jinvolvi? Il-paċenzja tinkludi li tissaporti l-ħażen u l-provokazzjoni bis-sabar. Min ikollu l-paċenzja jittama li s-semmiegħa tiegħu se japplikaw dak li jgħid. Meta tħeġġeġ b’din l-attitudni ma tħallix lis-semmiegħa tiegħek jaħsbu li int taħseb ħażin fihom. Il-fiduċja tiegħek fil-fatt li ħutek iridu jaqdu lil Ġeħova bl-aħjar mod li jistgħu se tqanqal ix-xewqa tagħhom li jagħmlu dak li hu sewwa.—Ebr. 6:9.
“Bit-Tagħlim Mimli Saħħa.” Kif jistaʼ anzjan “iħeġġeġ bit-tagħlim mimli saħħa”? Billi “fil-mod kif jgħallem iżomm sod mal-kelma li tistaʼ tafdaha.” (Titu 1:9) Minflok ma tesprimi l-opinjoni persunali tiegħek, ħalli l-Kelma taʼ Alla tkun il-qawwa wara dak li qed tħeġġiġhom jagħmlu. Ħalli l-Bibbja tifforma l-ħarsa tiegħek dwar dak li hemm bżonn jintqal. Agħmel lista tal-benefiċċji li hemm meta jiġi applikat dak li tgħid il-Bibbja dwar il-kwistjoni li tkun qed tiddiskuti. Żomm sew f’moħħok il-konsegwenzi—kemm preżenti u kemm futuri—li jkun hemm jekk l-individwu ma jimxix skont il-Kelma taʼ Alla, u użahom biex tikkonvinċi lill-udjenza tiegħek dwar il-ħtieġa li jaġixxu kif suppost.
Kun ċert li tispjega b’mod ċar lil dawk fl-udjenza tiegħek x’għandhom jagħmlu u kif għandhom jagħmluh. Agħmilha ċara li l-irraġunar tiegħek għandu għeruq fondi fl-Iskrittura. Jekk l-Iskrittura tagħti wisaʼ għall-flessibiltà fi kwalunkwe deċiżjoni li trid issir, semmi sa fejn tasal dik il-flessibiltà. Imbagħad, fil-konklużjoni tiegħek, erġaʼ ħeġġiġhom għall-aħħar darba biex issaħħaħ id-determinazzjoni tas-semmiegħa tiegħek ħalli jaġixxu.
Bil-‘Libertà tal-Kelma.’ Biex individwu jkun effettiv f’li jħeġġeġ lil oħrajn, hu jrid ikollu ‘libertà tal-kelma fil-fidi.’ (1 Tim. 3:13) X’jippermetti li individwu jitkellem bil-libertà? Il-fatt li ‘l-eżempju tiegħu t’għemejjel tajbin’ ikun fi qbil maʼ dak li qed iħeġġeġ lil ħutu biex jagħmlu. (Titu 2:6, 7; 1 Pt. 5:3) Meta dan ikun il-każ, dawk li jkunu qed jiġu mqanqlin jaġixxu se jirrealizzaw li min qed iħeġġiġhom ma jistennihomx jagħmlu affarijiet li hu stess ma jagħmilhomx. Se jaraw li jistgħu jimitaw il-fidi tiegħu saħansitra bħalma hu jistinka biex jimita lil Kristu.—1 Kor. 11:1; Flp. 3:17.
It-tħeġġiġ li jkun ibbażat fuq il-Kelma taʼ Alla u li jingħata bi spirtu taʼ mħabba jistaʼ jagħmel ħafna ġid. Dawk li għandhom l-inkarigu li jagħtu tħeġġiġ bħal dan għandhom iħabirku biex jagħtuh sew.—Rum. 12:8.