L-Ewwel Ittra lill-Korintin
9 Ma nistax jien nagħmel dak li rrid? M’iniex jien appostlu? Ma rajtux jien lil Ġesù, il-Mulej tagħna? U intom m’intomx ir-riżultat tax-xogħol tiegħi fil-Mulej? 2 Anki jekk oħrajn ma jqisunix bħala appostlu, intom żgur li iva. Intom il-prova* li jien appostlu tal-Mulej.
3 B’dan li ġej se niddefendi ruħi kontra dawk li jikkritikawni.* 4 M’għandniex aħna d-dritt* li nieklu u nixorbu dak li joffrulna oħrajn? 5 M’għandniex aħna d-dritt li niżżewġu mara li temmen* u niħduha magħna bħalma jagħmlu l-bqija tal-appostli, ħut il-Mulej, u Kefa?* 6 Jien u Barnaba biss għandna naħdmu biex immantnu lilna nfusna? 7 Liema suldat għandu jħallas għall-ispejjeż tiegħu? Min iħawwel għalqa bid-dwieli u ma jikolx mill-frott tagħha? Liema ragħaj ma jixrobx xi ftit mill-ħalib tal-merħla?
8 Mhux qed ngħid dawn l-affarijiet mill-ħarsa tal-bniedem. Il-liġi wkoll tgħid dawn l-affarijiet. 9 Fil-Liġi taʼ Mosè hemm miktub: “Tagħmilx sarima maʼ ħalq il-barri meta jkun qed jidres* iċ-ċereali.”* Mill-barrin biss jimpurtah Alla? 10 Jew qal dan għalina? Infatti dan inkiteb għall-benefiċċju tagħna. Kemm ir-raġel li jaħrat l-għalqa u kemm ir-raġel li jissepara ċ-ċereali għandhom jistennew li jieħdu sehem mill-ħsad.
11 La qsamna* affarijiet spiritwali magħkom, ikun ħażin li nirċievu* xi affarijiet mingħandkom għall-bżonnijiet tagħna? 12 Jekk oħrajn għandhom id-dritt li jistennew dan mingħandkom, m’għandniex aħna iktar dritt minnhom? Għalkemm għandna dan id-dritt,* ma tlabniekom xejn. Minflok, aħna qed nissaportu kull tip taʼ diffikultà ħalli ma nfixklu lil ħadd milli jemmen l-aħbar tajba dwar il-Kristu. 13 Żgur li tafu li dawk li jaħdmu fit-tempju jieklu mill-affarijiet li jġibu n-nies fit-tempju, u dawk li jaqdu ħdejn l-artal ikollhom sehem minn dak li jiġi offrut fuq l-artal. 14 Bl-istess mod, il-Mulej ikkmanda li dawk li jgħidu l-aħbar tajba lill-oħrajn għandhom jgħixu permezz tal-aħbar tajba.
15 Jien qatt ma ħadt vantaġġ minn dawn id-drittijiet. Mhux qed niktbilkom dawn l-affarijiet għax irrid xi ħaġa mingħandkom. Nippreferi mmut milli nħalli lil xi ħadd jiħodli d-dritt li niftaħar b’dan. 16 Jekk qed nipprietka l-aħbar tajba, m’għandix għal xiex niftaħar, għax jien obbligat li nagħmel dan. Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-aħbar tajba. 17 Jekk nagħmel dan mill-qalb, jien għandi premju. Imma anki jekk nagħmel dan għax jien obbligat, jien xorta ġejt fdat b’responsabbiltà serja.* 18 Allura x’inhu l-premju tiegħi? Hu li nxandar l-aħbar tajba minn jeddi u bla ħlas. B’dan il-mod, jien ma nkunx qed nieħu vantaġġ mill-privileġġ* li nxandar l-aħbar tajba.
19 Għalkemm jien bniedem ħieles, għamilt lili nnifsi lsir tan-nies kollha. Nagħmel dan biex nirbaħ* lil kemm jistaʼ jkun nies. 20 Għal-Lhud sirt qisni Lhudi biex nirbaħ il-Lhud. Għal dawk li jgħixu skont il-liġi sirt qisni ngħix skont il-liġi biex nirbaħ lil dawk li jgħixu skont il-liġi, għalkemm jien ma ngħixx skont il-liġi. 21 Sirt qisni persuna bla liġi biex nirbaħ lil dawk li m’għandhomx liġi, għalkemm fil-fatt jien nobdi l-liġi t’Alla u nħalli l-liġi taʼ Kristu tiggwidani. 22 Għad-dgħajfin sirt dgħajjef biex nirbaħ lid-dgħajfin. Sirt kollox għal kull tip taʼ nies ħalli b’kull mod inkun nistaʼ nsalva lil xi wħud. 23 Nagħmel kollox għall-aħbar tajba u biex nippritkaha lil oħrajn.
24 Intom tafu li dawk kollha li jieħdu sehem f’tellieqa jiġru, imma wieħed biss jirċievi l-premju. Għalhekk, iġru bl-iskop li tirbħu. 25 Kull min jieħu sehem f’kompetizzjoni, juri kontroll f’kollox. Huma jagħmlu dan biex jirċievu kuruna li tispiċċa, imma aħna nagħmlu dan biex nirċievu kuruna li ma tispiċċa qatt. 26 M’iniex niġri bla skop. Jien qed nimmira d-daqqiet tiegħi ħalli ma nagħtix fl-arja. 27 Jien niddixxiplina sew* lil ġismi u nagħmlu lsir tiegħi li ma mmurx ma nibqax approvat* minn Alla wara li nkun ippritkajt lil oħrajn.