L-Ewwel Ittra lill-Korintin
3 Ħuti, ma stajtx inkellimkom bħala nies iggwidati mill-ispirtu.* Jien kelli nkellimkom bħala nies iggwidati minn kif jaħsbuha l-bnedmin,* bħal tfal żgħar fejn tidħol il-fidi Kristjana. 2 Dak li għallimtkom* kien bħall-ħalib, u mhux ikel solidu. Intom ma kontux lesti għall-ikel solidu,* u lanqas issa m’intom lesti, 3 għax għadkom qed taħsbuha bħall-bnedmin.* Peress li għadkom qed tgħiru u tiġġieldu bejnietkom, qed turu li intom bħan-nies tad-dinja.* 4 Meta xi ħadd jgħid: “Jien taʼ Pawlu,” u xi ħadd ieħor jgħid: “Jien t’Apollo,” tkunu qed taġixxu bħan-nies tad-dinja.
5 Wara kollox, min hu Apollo? U min hu Pawlu? Aħna sempliċi qaddejja* li għenniekom issiru dixxipli. Aħna sempliċement għamilna dak li qabbadna l-Mulej. 6 Jien żrajt, u Apollo saqqa, imma Alla hu l-wieħed li kabbar. 7 Min jiżraʼ u jsaqqi mhuwiex importanti. Alla hu li jkabbar. 8 Dak li jiżraʼ u dak li jsaqqi jaħdmu flimkien,* u kull wieħed se jiġi ppremjat għax-xogħol li jagħmel. 9 Aħna naħdmu m’Alla. Intom bħal għalqa li Alla qed jieħu ħsieb, bħal binja li Alla qed jibni.
10 Peress li Alla wrieni qalb tajba kbira, jien poġġejt pedament bħala bennej tas-sengħa.* Issa xi ħadd ieħor qed jibni fuqu. Imma kull wieħed għandu joqgħod attent kif jibni fuqu. 11 Alla qiegħed lil Ġesù Kristu bħala pedament. Għalhekk, ħadd ma jistaʼ jqiegħed pedament ieħor. 12 Xi ħadd jistaʼ jibni fuq il-pedament billi juża d-deheb, il-fidda, il-ħaġar prezzjuż, l-injam, jew it-tiben. 13 Imma fl-aħħar, ix-xogħol taʼ kull persuna se jidher fil-ġurnata meta jiġi eżaminat. In-nar se juri jekk ix-xogħol taʼ kull wieħed hux tajjeb jew le. 14 Jekk dak li bniet persuna fuq il-pedament jibqaʼ sod, se tingħata premju. 15 Jekk ix-xogħol taʼ xi ħadd jinħaraq, dan se jbati.* Għalkemm hu stess isalva, se jkun bħallikieku ħarab min-nar.
16 Ma tafux li intom it-tempju t’Alla u li l-ispirtu t’Alla qiegħed fikom? 17 Jekk xi ħadd jeqred it-tempju t’Alla, Alla jeqirdu. It-tempju t’Alla hu qaddis, u intom dan it-tempju.
18 Tqarrqux bikom infuskom: Kull min jaħseb li hu għaref f’din id-dinja,* għandu jsir iblah, ħalli b’hekk ikun jistaʼ jsir għaref. 19 Għax l-għerf taʼ din id-dinja hu bluha għal Alla. Bħalma tgħid l-Iskrittura: “Hu jwaqqaʼ lill-għorrief fin-nases tagħhom stess.” 20 U xi mkien ieħor tgħid: “Ġeħova* jaf li dak li jaħsbu l-għorrief ma jiswa għal xejn.” 21 Għalhekk ħadd minnkom m’għandu jiftaħar b’dak li jistgħu jagħmlu n-nies, għax kollox hu tagħkom: 22 Jien, Apollo, Kefa,* id-dinja, il-ħajja, il-mewt, l-affarijiet t’issa, u l-affarijiet li ġejjin; kollox hu tagħkom. 23 Mill-banda l-oħra, intom taʼ Kristu, u Kristu t’Alla.