L-Ewwel Ittra lil Timotju
3 Dan li se ngħid hu taʼ min jafdah: Jekk raġel qed jirsisti biex isir anzjan,* hu jkun jixtieq xogħol tajjeb. 2 Għalhekk, anzjan għandu jkun raġel li ma ssib xejn x’tgħid fih, ikun miżżewweġ mara waħda, moderat f’kollox, juża l-għaqal,* jimxi bl-ordni, ikun ospitabbli, ikkwalifikat biex jgħallem, 3 ma jiskirx, ma jkunx vjolenti,* imma jkun raġonevoli, ma jiġġilidx, ma jħobbx il-flus, 4 ikun jaf imexxi* tajjeb lill-familja tiegħu, ikollu tfal li jobdu u jġibu ruħhom sew, 5 (għax jekk raġel ma jafx imexxi* lill-familja tiegħu stess, kif jistaʼ jieħu ħsieb il-kongregazzjoni t’Alla?) 6 u mhux wieħed li għadu kif sar Kristjan, li ma jmurx jitkabbar u jirċievi l-istess ġudizzju li rċieva x-Xitan. 7 Iktar minn hekk, għandu jkollu reputazzjoni* tajba maʼ dawk taʼ barra, ħalli ma jiġix iddiżonorat u jaqaʼ fin-nassa tax-Xitan.
8 Bl-istess mod, il-qaddejja ministerjali għandhom ikunu serji, ma jqarrqux b’dak li jgħidu,* ikunu moderati kemm jieħdu nbid, ma jkunux rgħiba biex jakkwistaw affarijiet b’mod diżonest, 9 u jżommu mas-sigriet qaddis tal-fidi* b’kuxjenza nadifa.
10 Ukoll, l-ewwel għandhom jagħtu prova jekk jistħoqqilhomx* dan il-privileġġ, u jekk m’hemm xejn fuq xiex jiġu akkużati, huma jistgħu jaqdu bħala qaddejja ministerjali.
11 Bl-istess mod, in-nisa għandhom ikunu serji, ma jimmalafamawx, moderati f’kollox, u juru fidi f’kulma jagħmlu.
12 Il-qaddejja ministerjali għandhom ikunu miżżewġin mara waħda u jmexxu tajjeb lill-familja tagħhom, speċjalment lit-tfal. 13 L-irġiel li jaqdu bl-aħjar mod jiksbu reputazzjoni tajba u jkunu jistgħu jitkellmu b’libertà kbira dwar il-fidi tagħhom fi Kristu Ġesù.
14 Għalkemm qed nittama li ma ndumx ma niġi narak, qed niktiblek dawn l-affarijiet 15 ħalli f’każ li ndum, tkun taf kif għandek iġġib ruħek fid-dar t’Alla, jiġifieri l-kongregazzjoni tal-Alla l-ħaj, li tappoġġa u tiddefendi l-verità. 16 Infatti, is-sigriet qaddis tal-lealtà lejn Alla hu t’importanza kbira: ‘Ġesù sar bniedem, ġie ddikjarat ġust minn Alla meta reġaʼ għamlu spirtu, deher lill-anġli, xandru dwaru fost il-popli, xi nies emmnu fih, u ntlaqaʼ fis-sema u ġie gglorifikat.’