KAPITLU 13
“Agħmlu kollox għall-glorja t’Alla”
BĦALA qaddejja dedikati t’Alla, għandna l-obbligu li nirriflettu l-glorja taʼ Ġeħova f’kulma ngħidu u nagħmlu. L-appostlu Pawlu offra prinċipju taʼ gwida meta kiteb: “Jekk tieklu jew tixorbu jew tagħmlu xi ħaġa oħra, agħmlu kollox għall-glorja t’Alla.” (1 Kor. 10:31) Dan jinvolvi li nżommu mal-livelli ġusti taʼ Ġeħova, li jirriflettu l-personalità perfetta tiegħu. (Kol. 3:10) Għandna nsiru imitaturi t’Alla, bħala poplu qaddis.—Efes. 5:1, 2.
2 Biex ġibed l-attenzjoni tal-Kristjani lejn dan, l-appostlu Pietru kiteb: “Bħal tfal ubbidjenti, tibqgħux magħġunin skond ix-xewqat li kellkom qabel fl-injoranza tagħkom, imma, fi qbil mal-Qaddis li sejħilkom, kunu intom ukoll qaddisin fil-kondotta kollha tagħkom, għax hu miktub: ‘Kunu qaddisin, għax jien qaddis.’” (1 Pt. 1:14-16) Bħall-Iżrael tal-qedem, dawk kollha fil-kongregazzjoni Kristjana huma meħtieġa jżommu l-qdusija. Dan ifisser li jridu jibqgħu bla tebgħa, nodfa mill-għemejjel tad-dinja u t-tinġis tad-dnub. B’hekk, huma magħżulin għal servizz sagru.—Eżo. 20:5.
3 Il-qdusija tinżamm billi nżommu mal-liġijiet u l-prinċipji taʼ Ġeħova, li huma mniżżlin ċar fl-Iskrittura Mqaddsa. (2 Tim. 3:16) Permezz taʼ studju tal-Bibbja, ġejna mgħallmin dwar Ġeħova u l-modi tiegħu, u nġbidna lejh. L-istudju tagħna kkonvinċiena dwar il-bżonn li nfittxu l-ewwel is-Saltna t’Alla u li li nagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova tkun l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna. (Mt. 6:33; Rum. 12:2) Dan kien jirrikjedi li nilbsu l-personalità l-ġdida.—Efes. 4:22-24.
INDAFA MORALI U SPIRITWALI
4 Mhux dejjem faċli nżommu mal-livelli ġusti taʼ Ġeħova. L-avversarju tagħna, Satana x-Xitan, jipprova joħroġna mill-verità. L-influwenzi ħżiena mid-dinja taʼ madwarna u t-tendenzi midinba tagħna kultant jagħmlulna l-affarijiet diffiċli. Li ngħixu fi qbil mad-dedikazzjoni tagħna jirrikjedi ġlieda spiritwali min-naħa tagħna. L-Iskrittura tgħidilna biex ma nistagħġbux meta niltaqgħu maʼ oppożizzjoni jew provi. Se jkollna nbatu minħabba s-sewwa. (2 Tim. 3:12) Aħna nistgħu nkunu henjin meta nkunu għaddejjin minn provi, għax nafu li provi bħal dawn huma evidenza li nkunu qed nagħmlu r-rieda t’Alla.—1 Pt. 3:14-16; 4:12, 14-16.
5 Għalkemm kien perfett, Ġesù tgħallem l-ubbidjenza mill-affarijiet li sofra. Qatt ma ċeda għat-tentazzjonijiet taʼ Satana jew żviluppa ambizzjonijiet dinjin. (Mt. 4:1-11; Ġw. 6:15) Ġesù lanqas darba ma ħaseb biex jagħmel kompromess. Għalkemm il-lealtà tiegħu ġabet fuqu l-mibegħda tad-dinja, hu żamm mal-livelli ġusti taʼ Ġeħova. Ftit qabel miet, Ġesù wissa lid-dixxipli tiegħu li d-dinja kienet se tobgħod lilhom ukoll. Minn dak iż-żmien ’l hawn, is-segwaċi taʼ Ġesù esperjenzaw tribulazzjoni, imma ġew inkuraġġiti mill-fatt li jafu li l-Iben t’Alla rebaħ lid-dinja.—Ġw. 15:19; 16:33; 17:16.
6 Sabiex ma nkunu ebda parti mid-dinja, hemm bżonn inżommu mal-livelli ġusti taʼ Ġeħova, bħalma għamel Sidna. Minbarra li nevitaw li ninvolvu ruħna fi kwistjonijiet politiċi u soċjali tad-dinja, għandna nirreżistu l-kundizzjoni morali degradanti tagħha. Nieħdu bis-serjetà l-parir li jinsab f’Ġakbu 1:21: “Warrbu l-ħmieġ kollu u dik il-ħaġa żejda—il-ħażen—u aċċettaw bil-ħlewwa li fikom titħawwel il-kelma li tistaʼ ssalvalkom ruħkom.” Permezz taʼ studju u attendenza għal-laqgħat, nistgħu nesperjenzaw li ‘nħawlu l-kelma’ tal-verità f’moħħna u f’qalbna, u lanqas biss nibdew nixtiequ dak li toffri d-dinja. Id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Ma tafux li l-ħbiberija mad-dinja hi għadwa m’Alla? Għalhekk, kulmin irid ikun ħabib tad-dinja qed jagħmel lilu nnifsu għadu t’Alla.” (Ġak. 4:4) Għal din ir-raġuni, il-Bibbja fiha twissijiet sodi biex inżommu mal-livelli ġusti taʼ Ġeħova u nibqgħu separati mid-dinja.
7 Il-Kelma t’Alla twissina biex ma niħdux sehem f’kondotta immorali u taʼ mistħija. Tgħidilna: “Lanqas biss għandhom jissemmew fostkom iż-żína u n-nuqqas taʼ ndafa taʼ kull xorta jew ir-regħba, bħalma jixraq lill-qaddisin.” (Efes. 5:3) Għalhekk, għandna nirrifjutaw li nħallu moħħna jhewden fuq affarijiet oxxeni, taʼ mistħija, jew degradanti, u ċertament m’għandniex inħallu affarijiet bħal dawn jidħlu fil-konversazzjonijiet tagħna bla ma nindunaw. B’hekk, nagħtu prova li rridu nżommu mal-livelli morali ġusti u nodfa taʼ Ġeħova.
INDAFA FIŻIKA
8 Flimkien mal-indafa morali u spiritwali, il-Kristjani jirrikonoxxu l-importanza taʼ li jkunu nodfa fiżikament. Fl-Iżrael tal-qedem, l-Alla tal-qdusija kien jirrikjedi li l-kamp jinżamm nadif. Aħna wkoll għandna nkunu nodfa biex Ġeħova “ma jara xejn indeċenti” fina.—Dt. 23:14.
9 Il-qdusija u l-indafa fiżika għandhom x’jaqsmu ħafna maʼ xulxin fil-Bibbja. Pereżempju, Pawlu kiteb: “Maħbubin, . . . ħa nitnaddfu minn kull tinġis tal-laħam u taʼ l-ispirtu, u nipperfezzjonaw il-qdusija fil-biżaʼ t’Alla.” (2 Kor. 7:1) Għalhekk, irġiel u nisa Kristjani għandhom iħabirku biex iżommu ġisimhom nadif billi jinħaslu u jaħslu ħwejjiġhom regolarment. Għalkemm il-kundizzjonijiet ivarjaw minn pajjiż għall-ieħor, ġeneralment ikun hemm biżżejjed sapun u ilma biex inżommu ġisimna nadif u biex naraw li wliedna jinżammu nodfa.
10 Minħabba l-attività taʼ xhieda tagħna, ġeneralment inkunu magħrufin sew fil-komunità fejn noqogħdu. Meta nżommu d-dar nadifa u fl-ordni, barra u ġewwa, fiha nfisha hi xhieda għall-ġirien. Din hi ħaġa li fiha l-familja kollha jistaʼ jkollha sehem. Aħwa rġiel għandhom jieħdu interess partikulari fid-dar u l-madwar, għax ġnien nadif u dar miżmuma tajjeb iħallu impressjoni favorevoli fuq oħrajn. Dan, flimkien maʼ li jieħdu t-tmexxija f’affarijiet spiritwali, hu indikazzjoni li l-kapijiet tal-familja qed jippresiedu tajjeb fuq dawk taʼ darhom. (1 Tim. 3:4, 12) L-aħwa nisa wkoll għandhom responsabbiltà biex jieħdu ħsieb l-affarijiet, speċjalment fid-dar. (Titu 2:4, 5) Tfal imħarrġin tajjeb jagħtu sehemhom biex iżommu lilhom infushom kif ukoll kamrithom nodfa u kif jixraq. B’hekk, il-familja taħdem flimkien biex tiżviluppa drawwiet taʼ ndafa li jixirqu lid-dinja l-ġdida taħt is-Saltna t’Alla.
11 Ħafna min-nies taʼ Ġeħova llum jużaw il-karozzi biex jivvjaġġaw lejn il-laqgħat. F’xi nħawi, tistaʼ tgħid li ma tistax tgħaddi mingħajr il-karozza fil-ministeru. Il-karozza għandha tinżamm nadifa u f’kundizzjoni tajba. Id-djar u l-karozzi tagħna għandhom jagħtu xhieda li aħna parti mill-poplu qaddis u nadif taʼ Ġeħova. L-istess prinċipju japplika għall-basket tas-servizz tal-għalqa u l-Bibbja tagħna.
12 L-ilbies u l-maxta tagħna jridu jkunu fi qbil mal-prinċipji t’Alla. Lanqas biss tgħaddilna minn moħħna li nidhru quddiem xi ħadd prominenti jekk inkunu mlibbsin żmattat jew każwali żżejjed. Kemm għandna nkunu iktar konċernati meta nirrappreżentaw lil Ġeħova fil-ministeru tal-għalqa jew fuq il-platform! Il-maxta u l-istil tal-ħwejjeġ tagħna jistgħu jinfluwenzaw kif ħaddieħor iqis il-qima taʼ Ġeħova. Żgur li ma jkunx xieraq li nkunu immodesti jew li ma nurux konsiderazzjoni lejn ħaddieħor. (Mik. 6:8; 1 Kor. 10:31-33; 1 Tim. 2:9, 10) Għalhekk, meta nkunu qed illestu biex noħorġu fis-servizz jew immorru l-laqgħat tal-kongregazzjoni, assembleat, jew konvenzjonijiet, għandna nżommu f’moħħna dak li tgħid l-Iskrittura dwar l-indafa fiżika u l-apparenza modesta. Dejjem irridu nonoraw u nigglorifikaw lil Ġeħova.
Bħala qaddejja dedikati t’Alla, għandna l-obbligu li nirriflettu l-glorja taʼ Ġeħova f’kulma ngħidu u nagħmlu
13 L-istess japplika għal meta nżuru l-kwartieri ġenerali jew uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Ftakar, l-isem Betel ifisser “Dar Alla.” Għalhekk, għandna nilbsu u nġibu ruħna l-istess bħal meta nattendu l-laqgħat fis-Sala tas-Saltna.
14 Anki meta nieħdu sehem f’attivitajiet fil-ħin liberu, għandna nagħtu kas l-ilbies u l-maxta tagħna. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Kieku nistħi nagħti xhieda informali minħabba kif jien liebes?’
RIKREAZZJONI U DIVERTIMENT EDIFIKANTI
15 Il-mistrieħ u s-serħan huma neċessarji biex nibqgħu bilanċjati u f’saħħitna. Darba, Ġesù stieden lid-dixxipli jakkumpanjawh f’post imwarrab biex ‘jistrieħu ftit.’ (Mk. 6:31) Il-mistrieħ kif ukoll ir-rikreazzjoni jew divertiment edifikanti jistgħu jipprovdu passatemp pjaċevoli. Jistgħu jirrifreskawna ħalli nkunu nistgħu nibqgħu għaddejjin bix-xogħol normali tagħna.
16 Bil-varjetà kbira taʼ rikreazzjoni li hi disponibbli llum, il-Kristjani għandhom ikunu selettivi u jeżerċitaw għerf divin f’dak li jagħmlu. Filwaqt li r-rikreazzjoni għandha postha, mhijiex l-iktar ħaġa importanti fil-ħajja. Aħna mwissijin li “fl-aħħar jiem,” in-nies ikunu “jħobbu l-pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla.” (2 Tim. 3:1, 4) Ħafna minn dak li jissejjaħ rikreazzjoni u divertiment hu oġġezzjonabbli għal dawk li jixtiequ jżommu mal-livelli ġusti taʼ Ġeħova.
17 Il-Kristjani tal-bidu kellhom jirreżistu l-ambjent degradanti fid-dinja taʼ madwarhom għatxana għall-pjaċiri. Fiċ-ċirklu Ruman, l-ispettaturi kienu jieħdu gost jaraw is-sofferenzi taʼ ħaddieħor. Kienu jsiru atti taʼ vjolenza, tixrid taʼ demm, u immoralità sesswali għar-rikreazzjoni tan-nies, imma l-Kristjani tal-bidu żammew ’il bogħod minn affarijiet bħal dawn. Illum, ħafna mid-divertiment tad-dinja fih elementi simili u jissodisfa x-xewqat baxxi tal-bniedem. Għandna ‘noqogħdu attenti bis-sħiħ’ kif nimxu, billi naħarbu minn divertiment li jħassar il-morali. (Efes. 5:15, 16; Salm 11:5) U anki jekk id-divertiment fih innifsu jkun aċċettabbli, l-atmosfera ġenerali tistaʼ ma tkunx.—1 Pt. 4:1-4.
18 Hemm forom taʼ rikreazzjoni u divertiment li l-Kristjani jistgħu jgawdu. Ħafna bbenefikaw billi segwew pariri Skritturali u suġġerimenti bilanċjati li jistgħu jinstabu fil-pubblikazzjonijiet tagħna.
19 Kultant, diversi familji jistgħu jiġu mistiedna f’dar għal sħubija Kristjana. Jew l-aħwa jistgħu jiġu mistiedna jattendu riċeviment taʼ tieġ jew okkażjoni soċjali simili. (Ġw. 2:2) Min jistieden għandu jħossu responsabbli personalment għal dak li jsir. Ovvjament, hemm bżonn l-attenzjoni meta jiltaqgħu flimkien gruppi kbar. L-atmosfera rilassata f’laqgħat bħal dawn wasslet lil xi wħud biex jaqbżu l-limiti tal-imġiba Kristjana xierqa, u involvew ruħhom f’ikel u xorb żejjed u saħansitra għemil ħażin serju ieħor. B’dan f’moħħhom, Kristjani li għandhom id-dehen raw li hu għaqli li jillimitaw id-daqs u t-tul taʼ ħin taʼ okkażjonijiet bħal dawn. Jekk jiġi servut xorb alkoħoliku, għandu jintuża bil-moderazzjoni. (Flp. 4:5) Jekk isir kull sforz biex jiġi aċċertat li l-laqgħat soċjali jkunu edifikanti u rifreskanti spiritwalment, l-ikel u x-xorb mhux se jkunu l-iktar ħaġa importanti.
20 Hi ħaġa sabiħa li tkun ospitabbli. (1 Pt. 4:9) Meta nistiednu lil Kristjani oħra f’darna għal xi ikla, kikkra te, rilassament, u sħubija, ikun tajjeb li nżommu f’moħħna lil dawk li jistgħu jkunu żvantaġġati. (Lq. 14:12-14) Jekk inkunu mistidnin għal okkażjonijiet bħal dawn, l-imġiba tagħna għandha taqbel mal-parir li jinsab f’Marku 12:31. Ikun dejjem tajjeb li turi apprezzament għall-qalb tajba taʼ oħrajn.
21 Il-Kristjani jithennew bl-għotjiet abbundanti t’Alla u b’li jafu li jistgħu ‘jixorbu u jgawdu affarijiet tajbin għax-xogħol iebes kollu tagħhom.’ (Ekk. 3:12, 13) Meta ‘nagħmlu kollox għall-glorja t’Alla,’ min jistieden kif ukoll il-mistidnin jistgħu jħarsu lura lejn laqgħat soċjali bis-sodisfazzjon li ġew rifreskati spiritwalment.
ATTIVITAJIET TAL-ISKOLA
22 It-tfal tax-Xhieda taʼ Ġeħova jibbenefikaw milli jirċievu edukazzjoni sekulari bażika. Meta jmorru l-iskola, ikunu interessati f’li jitgħallmu jaqraw u jiktbu sew. Suġġetti oħrajn mgħallma l-iskola jistgħu jkunu taʼ valur għat-tfal u għaż-żgħażagħ hekk kif jirsistu għal miri spiritwali. Matul is-snin li jkunu l-iskola, għandhom jagħmlu sforz diliġenti biex ‘jiftakru fil-Ħallieq Grandjuż tagħhom’ billi jpoġġu l-affarijiet spiritwali l-ewwel.—Ekk. 12:1.
23 Jekk int żagħżugħ Kristjan u qed tmur l-iskola, oqgħod attent li ma tassoċjax maʼ żgħażagħ tad-dinja bla bżonn. (2 Tim. 3:1, 2) Peress li Ġeħova pprovda l-protezzjoni meħtieġa, hemm ħafna li tistaʼ tagħmel biex tiskansa l-influwenzi tad-dinja. (Salm 23:4; 91:1, 2) Għalhekk, biex tkun protett, ħu vantaġġ mill-provvedimenti taʼ Ġeħova.—Salm 23:5.
24 Sabiex iżommu separati mid-dinja waqt li jkunu l-iskola, il-biċċa l-kbira tax-Xhieda tfal u żgħażagħ jagħżlu li ma jiħdux sehem f’attivitajiet li ma jkunux fil-kurrikulu. Dan jistaʼ jkun diffiċli biex jifhmuh sħabek tal-klassi u l-għalliema. Madankollu, dak li jgħodd hu li nogħġbu lil Alla. Dan ifisser li int tuża l-kuxjenza tiegħek imħarrġa fuq il-Bibbja u li tkun deċiż li ma tinvolvix ruħek f’kompetizzjoni tad-dinja jew prattiki nazzjonalistiċi. (Gal. 5:19, 26) Billi tisimgħu mill-pariri Skritturali tal-ġenituri Kristjani tagħkom u tibbenefikaw minn sħubija tajba, intom it-tfal u ż-żgħażagħ se tkunu tistgħu żżommu mal-livelli ġusti taʼ Ġeħova.
IX-XOGĦOL U SĦABNA TAX-XOGĦOL
25 Il-kapijiet tal-familja għandhom obbligu Skritturali biex jipprovdu għal taʼ darhom. (1 Tim. 5:8) Minkejja dan, bħala ministri huma jirrikonoxxu li x-xogħol sekulari tagħhom jiġi wara l-interessi tas-Saltna. (Mt. 6:33; Rum. 11:13) Billi jipprattikaw id-devozzjoni lejn Alla u jkunu kuntenti bl-ikel u l-ilbies, huma jevitaw l-ansjetajiet u n-nases taʼ stil taʼ ħajja materjalistika.—1 Tim. 6:6-10.
26 Il-Kristjani ddedikati kollha li jaħdmu sekularment għandu jkollhom prinċipji Skritturali f’moħħhom. Li bl-onestà nipprovdu għalina nfusna jfisser li nirrifjutaw li nieħdu sehem f’attivitajiet li jmorru kontra l-liġi t’Alla jew kontra l-liġi tal-pajjiż. (Rum. 13:1, 2; 1 Kor. 6:9, 10) Aħna konxji tal-perikli li jiġu minn sħubija ħażina. Bħala suldati taʼ Kristu, inżommu lura milli nieħdu sehem f’attivitajiet kummerċjali li jmorru kontra l-livelli t’Alla, li nagħmlu kompromess min-newtralità Kristjana tagħna, jew li nipperikolaw l-ispiritwalità tagħna. (Is. 2:4; 2 Tim. 2:4) U aħna m’għandniex x’naqsmu mal-għadu reliġjuż t’Alla, “Babilonja l-Kbira.”—Riv. 18:2, 4; 2 Kor. 6:14-17.
27 Li nżommu mal-livelli ġusti t’Alla se jżommna lura milli nużaw is-sħubija teokratika tagħna biex nippromwovu attività taʼ negozju jew interessi persunali oħra. L-iskop tas-sħubija tagħna m’oħrajn fil-laqgħat Kristjani tal-kongregazzjoni, assembleat, u konvenzjonijiet huwa esklużivament biex inqimu lil Ġeħova. Inkunu qed nieklu mill-mejda spiritwali tiegħu u ngawdu l-inkuraġġiment mingħand xulxin. (Rum. 1:11, 12; Ebr. 10:24, 25) Sħubija bħal din għandha tinżamm fuq livell spiritwali.
NGĦIXU F’UNITÀ KRISTJANA
28 Il-livelli ġusti taʼ Ġeħova jirrikjedu wkoll li n-nies tiegħu ‘jħarsu l-unità taʼ l-ispirtu fir-rabta li tgħaqqad tal-paċi.’ (Efes. 4:1-3) Minflok ma jipprova jogħġob lilu nnifsu, kull wieħed jipprova jqis l-interessi taʼ ħaddieħor. (1 Tess. 5:15) Bla dubju, dan hu l-ispirtu li sibt int fil-kongregazzjoni tiegħek. Hu x’inhu l-isfond razzjali, nazzjonali, soċjali, ekonomiku, jew edukattiv tagħna, aħna lkoll immexxijin mill-istess livelli ġusti. Anki nies li mhumiex Xhieda raw din il-karatteristika li tispikka fin-nies taʼ Ġeħova.—1 Pt. 2:12.
29 Biex ikompli jenfasizza l-bażi għall-unità, l-appostlu Pawlu jikteb: “Hemm ġisem wieħed u spirtu wieħed, saħansitra bħalma hemm tama waħda li għaliha kontu msejħin; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda; Alla wieħed u Missier kulħadd, li hu fuq kulħadd u b’kulħadd u f’kulħadd.” (Efes. 4:4-6) Dan jirrikjedi l-unità f’li nifhmu t-tagħlim bażiku Bibliku kif ukoll tagħlim iktar avanzat tal-Bibbja b’rikonoxximent tas-sovranità taʼ Ġeħova. Verament, Ġeħova ta lill-poplu tiegħu l-lingwa pura taʼ verità li tgħinhom jaqdu spalla maʼ spalla.—Sof. 3:9.
30 L-unità u l-paċi tal-kongregazzjoni Kristjana huma sors taʼ serħan għal kull min jaqdi lil Ġeħova. Aħna esperjenzajna t-twettiq tal-wegħda taʼ Ġeħova: “Inqegħedhom flimkien, bħal merħla fil-maqjel.” (Mik. 2:12) Irridu nżommu din l-unità paċifika billi nżommu mal-livelli ġusti taʼ Ġeħova.
31 Henjin huma dawk li ġew aċċettati fil-kongregazzjoni nadifa taʼ Ġeħova! Li nissejħu b’isem Ġeħova jiswa kull sagrifiċċju li jistaʼ jkollna nagħmlu. Waqt li nieħdu ħsieb ir-relazzjoni prezzjuża tagħna maʼ Ġeħova, se nħabirku biex inżommu mal-livelli ġusti tiegħu u nirrikkmandawhom lil oħrajn.—2 Kor. 3:18.