LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 3/1 pp. 17-21
  • Rikreazzjoni Bnina li Terġaʼ Tagħtina s-Saħħa

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Rikreazzjoni Bnina li Terġaʼ Tagħtina s-Saħħa
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nagħżlu Rikreazzjoni Aċċettabbli
  • Nissodisfaw il-​Bżonn tar-​Rikreazzjoni b’Modi li Jibnuna
  • Xi Tfakkiriet u Twissijiet
  • Tiswielek taʼ Ġid ir-Rikreazzjoni Tiegħek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Divertimenti Soċjali—Gawdi l-Benefiċċji, Evita n-Nases
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • “Tħobbni int iktar minn dawn?”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Ipproteġi lill-​Familja Tiegħek Minn Influwenzi Distruttivi
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 3/1 pp. 17-21

Rikreazzjoni Bnina li Terġaʼ Tagħtina s-​Saħħa

“Jekk tieklu jew tixorbu jew tagħmlu xi ħaġa oħra, agħmlu kollox għall-​glorja t’Alla.”—1 KORINTIN 10:31.

1, 2. Għala nistgħu nqisu l-​attivitajiet pjaċevoli bħala li huma “don taʼ Alla,” imma l-​Bibbja liema twissija diretta tagħti?

HIJA xi ħaġa naturali li nkunu nixtiequ nieħdu sehem f’attivitajiet li huma pjaċevoli. L-​Alla l-​hieni tagħna Ġeħova jridna ngawdu l-​ħajja, u hu jagħtina ħafna provvedimenti biex jagħmel dan possibbli. (1 Timotju 1:11; 6:17) L-​għaref Sultan Salamun kiteb: “Hekk fhimt li għall-​bnedmin m’hemmx aħjar milli jkunu ferħana . . . Għax li wieħed jiekol u jixrob u jduq mill-​frott taʼ xogħlu, dan ukoll hu don taʼ Alla.”—Koħèlet 3:​12, 13.

2 Il-​ferħ li jiġi meta nieqfu u naħsbu dwar ix-​xogħol tajjeb li nkunu wettaqna jistaʼ tabilħaqq isaħħaħna, speċjalment meta nagħmlu dan flimkien mal-​familja u l-​ħbieb. Huwa xieraq li dan inqisuh bħala “don taʼ Alla.” M’għandniex xi ngħidu, il-​fatt li l-​Ħallieq jagħtina tant provvedimenti ma jagħtiniex il-​libertà li nieħdu sehem f’divertiment bla kontroll. Il-​Bibbja tikkundanna s-​sokor, il-​gula, u l-​immoralità, u twissi li dawk li jipprattikaw affarijiet bħal dawn ‘ma jirtux is-​saltna t’Alla.’—1 Korintin 6:​9, 10; Proverbji 23:​20, 21; 1 Pietru 4:​1-4.

3. X’se jgħinna nibqgħu spiritwalment imqajmin u nżommu f’moħħna l-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova?

3 Bħal qatt qabel, f’dawn l-​aħħar jiem kritiċi l-​Kristjani jiffaċċjaw l-​isfida taʼ li jgħixu bl-​għaqal f’dinja korrotta mingħajr ma jadottaw il-​prattiki tagħha. (Ġwanni 17:​15, 16) Bħalma ġie mbassar, in-​nies taʼ llum tant saru “jħobbu l-​pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla” li m’humiex ‘jagħtu kas’ taʼ l-​evidenza li t-​‘tribulazzjoni l-​kbira’ qiegħda fil-​viċin. (2 Timotju 3:​4, 5; Mattew 24:​21, 37-39) Ġesù wissa lis-​segwaċi tiegħu: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ikel u xorb żejjed u ansjetajiet tal-​ħajja, u f’daqqa waħda dak il-​jum jiġi fuqkom għal għarrieda bħal nassa.” (Luqa 21:​34, 35) Bħala l-​qaddejja t’Alla, aħna determinati li nisimgħu mit-​twissija li ta Ġesù. Kuntrarju għal dawk fid-​dinja taʼ madwarna li m’għandhomx il-​biżaʼ t’Alla, aħna nistinkaw biex nibqgħu mqajmin spiritwalment u nżommu f’moħħna l-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova.—Sofonija 3:8; Luqa 21:36.

4. (a) Għala huwa diffiċli ssib rikreazzjoni aċċettabbli? (b) Liema parir misjub f’Efesin 5:​15, 16 irridu napplikaw?

4 M’huwiex faċli nevitaw il-​prattiki korrotti taʼ din id-​dinja ladarba x-​Xitan għamilhom jidhru tant attraenti u disponibbli. Dan jagħmilhielna diffiċli speċjalment meta nfittxu d-​divertiment jew ir-​rikreazzjoni. Ħafna minn dak li toffri d-​dinja huwa disinjat biex jappella għax-​“xewqat tal-​laħam.” (1 Pietru 2:11) Id-​divertiment perikoluż huwa disponibbli f’postijiet pubbliċi, imma jistaʼ jidħol ukoll fil-​privatezza taʼ darek permezz tal-​letteratura, it-​televixin, l-​Internet, u l-​vidjos. Għalhekk, il-​Kelma t’Alla b’mod għaqli twissi lill-​Kristjani: “Oqogħdu attenti bis-​sħiħ li ma timxux bħal nies bla għaqal imma bħal nies għorrief, u użaw il-​ħin bl-​aħjar mod, għax il-​jiem huma ħżiena.” (Efesin 5:​15, 16) Huwa biss jekk insegwu dan il-​parir mill-​qrib li nistgħu nkunu ċerti li d-​divertiment perikoluż m’huwiex se jħajjarna, jiħdilna l-​ħin, u saħansitra jkisser ir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova, li mbagħad iwassal għall-​qerda tagħna!—Ġakbu 1:​14, 15.

5. Liema hu l-​aqwa mod kif nerġgħu niksbu ssaħħa?

5 Ladarba l-​Kristjani għandhom ħafna x’jagħmlu, ovvjament huma se jħossu li kultant ikollhom bżonn igawdu attivitajiet rikreattivi. Fil-​fatt, Koħèlet 3:4 jgħid li hemm “żmien li tidħak” u “żmien li tiżfen.” Għalhekk, il-​Bibbja ma tqisx ir-​rikreazzjoni bħala ħela taʼ ħin. Imma r-​rikreazzjoni għandha terġaʼ tagħtina s-​saħħa, u mhux tpoġġi fil-​periklu l-​ispiritwalità tagħna jew ittellfilna l-​attivitajiet spiritwali tagħna. Il-​Kristjani maturi tgħallmu mill-​esperjenza li jsibu iktar ferħ meta jagħtu lil ħaddieħor. Huma jpoġġu r-​rieda t’Alla l-​ewwel f’ħajjithom u jesperjenzaw serħan ġenwin għal ruħhom meta jaċċettaw il-​madmad ħelu taʼ Ġesù.—Mattew 11:​29, 30; Atti 20:35.

Nagħżlu Rikreazzjoni Aċċettabbli

6, 7. X’jistaʼ jgħinek tiddeċiedi liema divertiment huwa aċċettabbli jew le?

6 Kif nistgħu nkunu żguri li ċerta rikreazzjoni hija aċċettabbli għal Kristjan? Il-​ġenituri jipprovdu gwida għal uliedhom, u l-​anzjani jgħinu skond il-​bżonn. Madankollu, m’għandux għalfejn ikun hemm bżonn li oħrajn jgħidulna li xi ktieb, film, logħba, żifna, jew diska m’hijiex xierqa. Pawlu qal li n-​“nies maturi . . . bl-​użu għandhom is-​sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.” (Ebrej 5:14; 1 Korintin 14:20) Il-​Bibbja tagħti prinċipji taʼ gwida. Il-​kuxjenza tiegħek, imħarrġa mill-​Kelma t’Alla, se tgħinek jekk int tismaʼ minnha.—1 Timotju 1:19.

7 Ġesù qal li “s-​siġra mill-​frott tagħha tingħaraf.” (Mattew 12:33) Jekk xi tip taʼ rikreazzjoni jipproduċi frott ħażin bħal ġibda lejn il-​vjolenza, l-​immoralità, jew l-​ispiritiżmu, dan għandu jiġi mwarrab. Ukoll, dan ma jkunx aċċettabbli jekk jipperikola l-​ħajja jew is-​saħħa taʼ dak li jkun, jekk iġib diffikultajiet ekonomiċi jew skuraġġiment, jew jekk ifixkel lil oħrajn. L-​appostlu Pawlu wissiena li jekk infieru l-​kuxjenza taʼ ħuna nkunu qed nidinbu. Pawlu kiteb: “Meta tidinbu kontra ħutkom u tfieru l-​kuxjenza dgħajfa tagħhom, tkunu qed tidinbu kontra Kristu. Għalhekk, jekk l-​ikel ifixkel lil ħija, qatt iktar ma nerġaʼ niekol laħam, biex ma nfixkilx lil ħija.”—1 Korintin 8:​12, 13.

8. Liema perikli hemm meta tkun qed tilgħab logħob tal-​kompjuter?

8 Il-​ħwienet huma mimlijin b’logħob tal-​kompjuter u films. Ftit minnhom għandhom mnejn ikunu rilassanti u bla periklu, imma iktar ma jgħaddi ż-​żmien, divertiment bħal dan iktar qed ikun fih affarijiet li l-​Bibbja tikkundannahom. Żgur li logħba tal-​kompjuter li fiha trid timmanka u toqtol lil ħaddieħor jew tipprattika l-​immoralità ma tistax tissejjaħ divertiment innoċenti! Ġeħova jobgħod lil dawk li ‘jħobbu d-​dnewwa.’ (Salm 11:5; Proverbji 3:31; Kolossin 3:​5, 6) U jekk xi logħba li tkun qed tilgħab tqanqal fik sentimenti taʼ regħba jew rabja, tgħejjik emozzjonalment, jew taħlilek ħin prezzjuż, trid tirrealizza li din tkun qed tagħmel ħsara spiritwali, u għalhekk hemm bżonn li tagħmel aġġustamenti malajr.—Mattew 18:​8, 9.

Nissodisfaw il-​Bżonn tar-​Rikreazzjoni b’Modi li Jibnuna

9, 10. Uħud għaqlin x’jistgħu jagħmlu biex jissodisfaw il-​bżonn tagħhom għar-​rikreazzjoni?

9 Kultant, xi Kristjani jistaqsu: “Liema rikreazzjoni hija aċċettabbli? Ħafna minn dak li għandha x’toffri d-​dinja m’huwiex fi qbil mal-​livelli Bibliċi.” Ibqaʼ ċert li tistaʼ ssib rikreazzjoni li tieħu pjaċir biha, imma dan jirrikjedi sforz. Jeħtieġ ħsieb u ppjanar sew minn qabel, speċjalment min-​naħa tal-​ġenituri. Ħafna jsibu divertiment premjanti mal-​familja u l-​kongregazzjoni. Huwa pjaċevoli kif ukoll inkuraġġanti li waqt xi ikla rilassata tiddiskutu x’ġara matul il-​ġurnata jew xi suġġett Bibliku. Tistaʼ tippjana xi piknik, logħba xierqa, camping, jew xi mixja. Rikreazzjoni bnina bħal din tistaʼ tkun pjaċevoli u premjanti.

10 Anzjan u martu li rabbew tlett itfal qalu: “Minn mindu kienu żgħar, aħna konna ninvolvu lit-​tfal tagħna kulmeta konna nippjanaw biex immorru xi vaganza. Kultant, konna nħallu lil kull wieħed mit-​tfal tagħna biex iġib ħabib tal-​qalb miegħu, u dan il-​fatt kien jagħmel il-​vaganza iktar pjaċevoli. Meta ġrat xi ħaġa importanti fil-​ħajjiet tat-​tfal tagħna konna niċċelebrawha. Kultant żmien stidinna lil xi qraba u xi ħbieb mill-​kongregazzjoni biex jiġu d-​dar tagħna. Konna nagħmlu xi barbikju u nilagħbu xi logħob. Ġieli konna mmorru dawra bil-​karozza jew mixja fil-​muntanji, u konna nużaw okkażjonijiet bħal dawn biex nitgħallmu dwar il-​ħolqien taʼ Ġeħova.”

11, 12. (a) X’tistaʼ tagħmel biex tinkludi lil oħrajn meta tippjana xi rikreazzjoni? (b) Liema tip taʼ laqgħat soċjali kienu okkażjonijiet li xi wħud m’huma se jinsew qatt?

11 Tistgħu personalment jew bħala familja twessgħu qalbkom biex tinkludu oħrajn meta tippjanaw xi rikreazzjoni? Xi wħud bħal xi armla, persuna mhux miżżewġa, jew xi familja b’ġenitur wieħed għandhom mnejn ikollhom bżonn l-​inkuraġġiment. (Luqa 14:​12-14) Tistaʼ tinkludi wkoll lil xi wħud li għadhom ġodda, filwaqt li, m’għandniex xi ngħidu, toqgħod attent li ma jinfluwenzawx ħażin lil ħaddieħor. (2 Timotju 2:​20, 21) Jekk xi wħud ma jkunux f’saħħithom u jkunu qed isibuha diffiċli biex joħorġu mid-​dar, forsi tistaʼ tirranġa li tieħu xi ikel u taqsmu magħhom fid-​dar tagħhom.—Ebrej 13:​1, 2.

12 Ħafna qatt m’huma se jinsew laqgħat soċjali li fihom gawdew xi ikla tajba, semgħu kif xi wħud saru Kristjani, u tgħallmu x’għenhom jibqgħu leali lejn Alla. Jistgħu jitqajmu suġġetti Bibliċi għal diskussjoni, u dawk kollha preżenti, inkluż it-​tfal, jistgħu jieħdu sehem fihom. Diskussjonijiet bħal dawn jistgħu jkunu sors taʼ inkuraġġiment li kulħadd jistaʼ jibbenefika minnhom mingħajr ma ħadd ikollu għalfejn jistħi jew iħossu skomdu.

13. Ġesù u Pawlu kif taw eżempju f’li juru u jaċċettaw l-​ospitalità?

13 Ġesù ta eżempju tajjeb billi wera u aċċetta l-​ospitalità. Hu kien juża okkażjonijiet bħal dawn biex jaqsam barkiet spiritwali. (Luqa 5:​27-39; 10:42; 19:​1-10; 24:​28-32) Id-​dixxipli tal-​bidu imitaw l-​eżempju tiegħu. (Atti 2:​46, 47) L-​appostlu Pawlu kiteb: “Għandi xewqa kbira li narakom, biex nagħtikom xi għotja spiritwali sabiex tissodaw; jew, pjuttost, biex ninkuraġġixxu lil xulxin bil-​fidi tagħna, intom lili u jien lilkom.” (Rumani 1:​11, 12) B’mod simili, il-​laqgħat soċjali tagħna għandhom jipprovdu atmosfera fejn kulħadd jistaʼ jħossu inkuraġġit.—Rumani 12:13; 15:​1, 2.

Xi Tfakkiriet u Twissijiet

14. Laqgħat soċjali kbar għala m’humiex taʼ min jinkuraġġihom?

14 Laqgħat soċjali kbar m’humiex taʼ min jinkuraġġihom, minħabba li ħafna drabi huwa diffiċli li jkun hemm superviżjoni tajba. Xi familji jistgħu jiddeċiedu li jorganizzaw piknik flimkien jew jilagħbu xi logħba li ma tinkuraġġixxix il-​kompetizzjoni fi ġranet li ma jtellfux l-​attivitajiet spiritwali. Meta xi anzjani, qaddejja ministerjali, jew oħrajn maturi jkunu preżenti f’laqgħat soċjali bħal dawn, huma jistgħu jkunu taʼ influwenza tajba u l-​okkażjoni se tkun saħansitra iktar bnina.

15. Min jorganizza xi laqgħa soċjali għala għandu r-​responsabbiltà li jara li jkun hemm superviżjoni tajba?

15 Dawk li jorganizzaw xi laqgħa soċjali m’għandhomx jinjoraw il-​bżonn taʼ li jkun hemm superviżjoni tajba. Għalkemm tieħu pjaċir turi ospitalità, ma tiddejjaqx int kieku ssir taf li minħabba traskuraġni min-​naħa tiegħek xi ħadd mill-​mistidnin ikun ġie mfixkel minn xi ħaġa li tkun saret f’darek? Ikkunsidra l-​prinċipju li huwa diskuss f’Dewteronomju 22:8. Iżraeli li kien għadu kif bena dar ġdida kellu jagħmel ċint madwar il-​bejt, li ħafna drabi dan kien jintuża biex jilqaʼ l-​mistidnin. Għala? Biex ‘ma jiġbidx il-​ħtija tad-​demm fuq daru, jekk jaqaʼ xi ħadd minn hemm.’ B’mod simili, dak li tagħmel biex tipproteġi lill-​mistidnin tiegħek fil-​laqgħat soċjali għandu jsir bl-​interessi fiżiċi u spiritwali tagħhom f’moħħok, mingħajr ma tagħmel restrizzjonijiet żejda.

16. Kif għandna nuru l-​għaqal jekk inkunu se nservu l-​alkoħol f’laqgħa soċjali?

16 Jekk f’laqgħa soċjali jkun se jiġi servut xi alkoħol, dan għandu jsir b’għaqal kbir. Ħafna Kristjani li jorganizzaw dawn il-​laqgħat jiddeċiedu li jservu l-​alkoħol dment li huma personalment se jaraw kemm jiġu servuti jew kemm qegħdin jixorbu l-​mistidnin. M’għandu jkun hemm xejn li jistaʼ jfixkel lil oħrajn jew li jistaʼ jkun taʼ tentazzjoni għal xi ħadd biex jixrob iżżejjed. (Efesin 5:​18, 19) Minħabba diversi raġunijiet, xi mistidnin għandhom mnejn jiddeċiedu li ma jiħdux alkoħol. F’ħafna postijiet hemm liġi li ma tħallix lil uħud taʼ ċertu età jieħdu xorb alkoħoliku, u l-​Kristjani għandhom jobdu l-​liġijiet taʼ Ċesari anki jekk dawn ir-​regolamenti jidhru li huma restrittivi żżejjed.—Rumani 13:5.

17. (a) Jekk se tindaqq il-​mużika f’laqgħa soċjali, għala huwa importanti li min jistieden ikun selettiv? (b) Jekk hemm xi żfin waqt il-​laqgħa, kif għandha tintwera l-​modestja?

17 Min jistieden għandu jkun ċert li kwalunkwe mużika, żfin, jew divertiment ieħor jaqbel mal-​prinċipji Kristjani. Kulħadd għandu gosti differenti fejn tidħol il-​mużika, u hawn ħafna tipi taʼ mużika disponibbli. Madankollu, ħafna mill-​mużika taʼ llum tippromwovi spirtu taʼ ribelljoni, immoralità, u vjolenza. Hemm bżonn li nkunu selettivi. M’hemmx għalfejn tindaqq mużika kalma biex din tkun deċenti, imma m’għandhiex tkun senswali jew vulgari, b’enfasi fuq l-​istorbju jew beat qawwi. Oqgħod attent li ma tħallix l-​għażla tal-​mużika f’idejn xi ħadd li għadu ma fehemx sew il-​bżonn li jinżamm volum moderat. Żfin li jinvolvi mġiba immodesta, b’enfasi fuq movimenti erotiċi tal-​ġenbejn u s-​sider, żgur li ma jkunx xieraq għall-​Kristjani.—1 Timotju 2:​8-10.

18. Il-​ġenituri kif jistgħu jipproteġu lil uliedhom meta joqogħdu attenti għall-​attivitajiet soċjali tagħhom?

18 Il-​ġenituri Kristjani għandhom isiru jafu minn qabel xi jkun qed jiġi organizzat għal-​laqgħat soċjali li wliedhom ikunu mistidnin jattendu, u jkun tajjeb jekk fil-​maġġorparti minnhom imorru magħhom. B’dispjaċir, xi ġenituri ħallew lil uliedhom jattendu parties li ma kellhomx superviżjoni u li fihom xi wħud minn dawk li attendew ġew imħajrin għall-​immoralità jew għall-​kondotta oħra mhix xierqa. (Efesin 6:​1-4) Anki jekk iż-​żgħażagħ huma fl-​aħħar snin taʼ l-​adoloxxenza tagħhom u wrew li huma responsabbli, xorta hemm bżonn li jiġu megħjunin ‘jaħarbu mix-​xewqat li jistaʼ jkollhom fiż-​żgħożija.’—2 Timotju 2:22.

19. Liema realtà tistaʼ tgħinna nibqgħu ffokati fuq dak li għandna ‘nfittxu l-​ewwel’?

19 Ftit rikreazzjoni u divertiment li jibnu u li jsaħħuna jagħmlu l-​ħajja iktar pjaċevoli. Ġeħova ma jċaħħadniex minn dan il-​gost, imma nafu li fir-​realtà dawn l-​attivitajiet fihom infushom ma jgħinuniex naħżnu teżori spiritwali fis-​sema. (Mattew 6:​19-21) Ġesù għen lid-​dixxipli tiegħu jifhmu li l-​iktar ħaġa importanti fil-​ħajja hi li ‘nfittxu l-​ewwel is-​saltna u s-​sewwa’ t’Alla, u mhux dak li nieklu jew nixorbu jew nilbsu, “affarijiet li l-​ġnus qed ifittxu bil-​ħerqa.”—Mattew 6:​31-34.

20. Il-​qaddejja leali taʼ Ġeħova jistgħu jħarsu ’l quddiem għal liema affarijiet tajbin mingħand il-​Wieħed li jipprovdilna bil-​kbir?

20 Iva, kemm jekk qegħdin ‘nieklu jew nixorbu jew nagħmlu xi ħaġa oħra,’ nistgħu nagħmlu “kollox għall-​glorja t’Alla,” filwaqt li nirringrazzjaw lill-​Wieħed li jipprovdilna bil-​kbir l-​affarijiet kollha li nistgħu ngawdu b’moderazzjoni. (1 Korintin 10:31) Fl-​art magħmula ġenna li qiegħda fil-​viċin, se jkun hemm okkażjonijiet bla għadd fejn nistgħu ngawdu bis-​sħiħ il-​ġenerożità taʼ Ġeħova, flimkien mas-​sħubija bnina taʼ dawk kollha li jilħqu l-​ħtiġijiet sewwa tiegħu.—Salm 145:16; Isaija 25:6; 2 Korintin 7:1.

X’Tiftakar?

• Għala huwa diffiċli għall-​Kristjani llum biex isibu rikreazzjoni bnina?

• Liema tipi taʼ rikreazzjoni taw prova li kienu taʼ sodisfazzjon għall-​familji Kristjani?

• Biex ingawdu rikreazzjoni bnina, liema tfakkiriet u twissijiet għandna nżommu f’moħħna?

[Stampa f’paġna 18]

Agħżel rikreazzjoni li tipproduċi frott tajjeb

[Stampi f’paġna 19]

Liema tip taʼ rikreazzjoni jirrifjutaw il-​Kristjani?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja