Bijografija
Nagħraf dak li Hu Tajjeb u Nagħmlu
KIF RAKKONTATA MINN HADYN SANDERSON
Ġesù darba qal lill-appostli tiegħu: “Jekk tafu dan, henjin intom jekk tagħmluh.” (Ġwanni 13:17) Iva, nistgħu nkunu nafu x’inhu t-tajjeb, iżda xi drabi, l-isfida tkun li nagħmlu dan! Madankollu, issa li għandi iktar minn 80 sena, li 40 sena minnhom qattajthom fis-servizz missjunarju, jien konvint li l-kliem taʼ Ġesù huwa minnu. Meta tagħmel dak li jgħid Alla tassew iwassal għall-hena. Ħalli nispjega.
FL-1925, meta kelli tliet snin, il-ġenituri tiegħi attendew taħdita bbażata fuq il-Bibbja fi Newcastle, l-Awstralja, il-belt fejn konna noqogħdu. It-taħdita, “Millions Now Living Will Never Die” (Miljuni li Qegħdin Jgħixu Issa Ma Se Jmutu Qatt), ikkonvinċiet lil ommi li hi kienet sabet il-verità, u bdiet tattendi l-laqgħat Kristjani regolarment. Iżda l-interess taʼ missieri malajr naqas. Hu oġġezzjona għat-twemmin ġdid t’ommi u heddidha li jitlaq jekk hi ma titlaqx dan it-twemmin. Ommi kienet tħobbu lil missieri u riedet iżżomm il-familja magħquda. Madankollu, hi kienet taf li l-ubbidjenza lejn Alla kienet iżjed importanti, u kienet determinata li tagħmel dak li hu tajjeb f’għajnejh. (Mattew 10:34-39) Missieri telaqna, u minn dakinhar ’l hemm rajtu darba kultant biss.
Meta nħares lura, nammira l-lealtà t’ommi lejn Alla. Id-deċiżjoni tagħha wasslet għal ħajja mimlija barkiet spiritwali għalija u għal oħti l-kbira, Beulah. Għallmitna wkoll lezzjoni importanti—meta nafu x’inhu t-tajjeb, għandna nistinkaw biex nagħmluh.
Provi tal-Fidi
L-Istudenti tal-Bibbja, kif kienu jissejħu xXhieda taʼ Ġeħova, għamlu sforzi kbar biex jgħinu l-familja tagħna. In-nanna tiegħi ġiet toqgħod magħna u ħaddnet il-verità tal-Bibbja wkoll. Hi u ommi saru mseħbin inseparabbli fix-xogħol taʼ l-ippridkar, u kisbu r-rispett tan-nies permezz taʼ l-apparenza dinjituża u l-manjieri dħulin tagħhom.
Sadattant, aħwa Kristjani rġiel imdaħħlin fiż-żmien ħadu ħsiebi u tawni taħriġ imprezzabbli. Malajr tgħallimt kif nuża l-kard tat-testimonjanza biex nagħmel preżentazzjonijiet sempliċi lin-nies fid-djar tagħhom. Ukoll kont nuża fonografu li setaʼ jinġarr biex insemmaʼ lin-nies taħditiet Bibliċi rekordjati u ħadt sehem f’mixjiet bil-kartelluni tul it-toroq prinċipali tal-belt. Dan kien diffiċli minħabba li kont nissielet mal-biżaʼ mill-bniedem. Madankollu jien kont naf x’inhu t-tajjeb u kont determinat li nagħmlu.
Wara li spiċċajt l-iskola bdejt naħdem ġo bank u minħabba f’hekk kelli nivvjaġġa lejn għadd taʼ friegħi tal-bank fl-istat taʼ New South Wales. Għalkemm ix-Xhieda f’dawk l-inħawi kienu ftit, it-taħriġ tiegħi għenni nżomm il-fidi tiegħi ħajja. Ommi kienet tiktibli ittri inkuraġġanti li saħħewni spiritwalment.
Dawn l-ittri tawni l-għajnuna fil-ħin u fil-waqt. It-tieni gwerra dinjija kienet bdiet u jien inqbadt bil-lieva. Il-maniġer tal-bank kien reliġjuż ferventi u kien kmandant militari tal-lokal. Meta spjegajt dwar il-waqfa newtrali tiegħi bħala Kristjan, hu tani l-ultimatum—nitlaq ir-reliġjon tiegħi jew nitlaq mill-bank! L-affarijiet laħqu l-quċċata meta mort fiċ-ċentru lokali tar-reklutaġġ taʼ l-armata. Il-maniġer kien preżenti u ħares b’interess kbir malli rsaqt lejn il-mejda tar-reġistrazzjoni. Meta rrifjutajt li niffirma l-karti tar-reklutaġġ, l-uffiċjali ħaduha kontrija. Kien mument taʼ tensjoni, imma kont determinat li nagħmel dak li kien tajjeb. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova jien bqajt kalm u determinat. Meta wara sirt naf li xi bulijiet kienu qed ifittxuni, jien malajr ippakkjajt ħwejġi u tlaqt bil-ferrovija li kien imiss ’il barra mill-belt!
Wara li mort lura lejn Newcastle, tressaqt quddiem il-qorti biex niġi interrogat flimkien maʼ sebaʼ aħwa rġiel oħra li rrifjutaw is-servizz militari. L-imħallef tana sentenza taʼ tliet xhur il-ħabs, u kellna nagħmlu xogħol iebes. Għalkemm il-ħabs kien esperjenza kerha, li nagħmel dak li hu tajjeb ġabli l-barkiet. Wara li ġejna meħlusin, wieħed minn sħabi taċ-ċella, li kien sieħbi fit-twemmin, jismu Hilton Wilkinson, stidinni biex naħdem miegħu fl-istudjo tar-ritratti tiegħu. Hemmhekk iltqajt maʼ dik li kellha tkun marti fil-futur, Melody, li kienet taħdem fl-istudjo bħala receptionist. Ftit wara li nħlist, tgħammidt b’simbolu tad-dedikazzjoni tiegħi lil Ġeħova.
Nagħmlu l-Mira biex Nidħlu fis-Servizz Full-Time
Wara li żżewwiġna, jien u Melody ftaħna l-istudjo tagħna tar-ritratti fi Newcastle. Ftit biss wara, tant kellna xogħol x’nagħmlu li dan effettwalna ħażin is-saħħa u l-ispiritwalità tagħna. Sadattant, Ted Jaracz, li dak iż-żmien kien jaqdi fl-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova taʼ l-Awstralja u li issa huwa membru tal-Ġemgħa li Tiggverna, kellimna dwar il-miri spiritwali tagħna. Wara dik id-diskussjoni ddeċidejna li nbigħu n-negozju tagħna u nissimplifikaw ħajjitna. Fl-1954 xtrajna karavan u morna noqogħdu fil-belt taʼ Ballarat fl-istat taʼ Victoria u bdejna naqdu bħala pijunieri, jew evanġelizzaturi full-time.
Matul il-ħidma tagħna fil-kongregazzjoni żgħira f’Ballarat, Ġeħova bierek l-isforzi tagħna. Fi żmien sena u nofs l-għadd taʼ nies li jattendu l-laqgħat telaʼ minn 17 għal 70. Imbagħad irċivejna stedina biex nibdew il-ministeru taʼ l-ivvjaġġar fl-istat taʼ South Australia. Għat-tliet snin li kien imiss, aħna kellna l-inkarigu pjaċevoli li nżuru l-kongregazzjonijiet fil-belt t’Adelaide u fir-reġjuni tul ix-Xmara Murray, fejn jipproduċu l-inbid u l-frott taċ-ċitru. Kemm kienet inbidlet ħajjitna! Konna ferħanin naqdu flimkien maʼ ħutna rġiel u nisa kollhom imħabba. Xi ħlas kellna talli għamilna dak li hu tajjeb!
Inkarigu Missjunarju
Fl-1958 avżajna l-uffiċċju tal-fergħa taʼ lAwstralja bl-intenzjoni tagħna li nattendu l-Assemblea Internazzjonali “Divine Will” (Rieda Divina) fil-Belt taʼ New York iktar tard dik is-sena. Huma wiġbuna billi bagħtulna formoli taʼ l-applikazzjoni għall-iskola missjunarja taʼ Gilgħad fl-Istati Uniti. Peress li kellna ’l fuq minn tletin sena aħna ħsibna li konna kbar iżżejjed biex nattendu l-iskola taʼ Gilgħad. Madankollu, aħna bagħatna l-applikazzjonijiet u ġejna mistidnin nattendu t-32 klassi. F’nofs il-kors irċivejna l-inkarigu missjunarju tagħna—l-Indja! Minkejja li fil-bidu konna xi ftit beżgħana, aħna ridna nagħmlu dak li hu tajjeb, u bil-ferħ aċċettajna l-inkarigu tagħna.
Kmieni darba fil-għodu fl-1959 wara li vvjaġġajna bil-vapur, wasalna Bombay (issa Mumbai). Mijiet taʼ ħaddiema reqdin kienu mimdudin tul ix-xatt. Fl-arja kien hemm irwejjaħ li ma kinux familjari. Meta telgħet ix-xemx ħadna idea taʼ x’kien qed jistenniena. Qatt ma konna esperjenzajna sħana bħal din! Koppja missjunarja, Lynton u Jenny Dower, li kienu qdew bħala pijunieri flimkien magħna f’Ballarat, tawna merħba. Huma ħaduna l-uffiċċju tal-fergħa taʼ l-Indja u d-Dar taʼ Betel li kienu jikkonsistu f’appartament żgħir li jinsab viċin iċ-ċentru tal-belt. Kien hemm sitt ħaddiema volontieri joqogħdu f’Betel. Ħuna Edwin Skinner, li kien qeda bħala missjunarju fl-Indja sa mill-1926, issuġġerielna li nixtru żewġ bagalji taʼ l-ivvjaġġar tal-kanvas qabel ma mmorru għall-inkarigu tagħna. Il-bagalji kienu adattati peress li dawk li kienu jivvjaġġaw kienu jġorru kull xorta t’oġġetti fihom. Kont tarahom spiss fuq il-ferroviji Indjani u kienu utli ħafna matul l-ivvjaġġar tagħna li konna se nagħmlu.
Wara jumejn nivvjaġġaw bil-ferrovija wasalna għall-inkarigu tagħna f’Tiruchchirappalli, belt fl-istat tan-nofsinhar taʼ Madras (issa Tamil Nadu). Hemmhekk ngħaqadna maʼ tliet pijunieri speċjali Indjani li kienu qed jagħtu xiehda lil popolazzjoni taʼ 250,000 ruħ. Il-kundizzjonijiet taʼ l-għajxien kienu bażiċi. Darba minnhom kellna inqas minn erbaʼ dollari fil-but. Iżda meta dawk il-flus spiċċaw, Ġeħova ma nsiniex. Persuna li kienet tistudja l-Bibbja silfitna l-flus ħalli nikru dar adattata biex nagħmlu l-laqgħat fiha. Darba minnhom meta konna neqsin mill-ikel, wieħed ġâr ġabilna ftit ikel bil-curry. Lili għoġobni, imma tant kien jaħraq bil-ħwawar li qabadni s-sulluzzu!
Fil-Ministeru taʼ l-Għalqa
Għalkemm xi ftit nies f’Tiruchchirappalli kienu jitkellmu bl-Ingliż, il-maġġuranza kienu jitkellmu bit-Tamil. Għalhekk, aħna ħdimna iebes biex nitgħallmu preżentazzjoni sempliċi għall-ministeru taʼ l-għalqa f’dik il-lingwa. B’hekk ksibna r-rispett taʼ ħafna nies tal-lokal.
Konna nieħdu pjaċir ferm fil-ministeru minn dar għal dar. L-Indjani huma nies ospitabbli u ħafna kienu jistidnuna ġewwa għal xi xarba kiesħa. Peress li t-temperatura spiss kienet tilħaq l-40 grad Celsius, konna napprezzaw ferm l-ospitalità tagħhom. Għan-nies kien normali li qabel ma nippreżentaw il-messaġġ jitkellmu magħna dwar affarijiet persunali. L-inkwilini spiss kienu jistaqsu lili u lil marti: “Minfejn intom? Għandkom tfal? Għaliex le?” Malli ngħidulhom li m’għandniex tfal, normalment kienu jirreferuna għal tabib tajjeb! Minkejja dan, dawn il-konversazzjonijiet ippermettewlna li nintroduċu lilna nfusna u nispjegaw l-importanza tax-xogħol tagħna li ngħallmu lin-nies dwar il-Bibbja.
Ħafna nies li konna nagħtuhom xiehda kienu jappartjenu lir-reliġjon tal-Ħindu—sistema taʼ twemmin differenti ħafna mill-Kristjanità. Minflok ma niddibattu fuq komplessitajiet tal-filosofija tal-Ħindu, aħna sempliċement ippridkajna dwar l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla—u b’riżultati tajbin. Fi żmien sitt xhur kważi 20 persuna bdew jattendu l-laqgħat fid-dar missjunarja tagħna. Wieħed minn dawn l-individwi kien inġinier ċivili jismu Nallathambi. Hu u ibnu Vijayalayan iktar tard għenu lil madwar 50 persuna jsiru qaddejja taʼ Ġeħova. Vijayalayan ukoll qeda għal xi żmien fil-fergħa taʼ l-Indja.
Iktar Ivvjaġġar
Konna ilna inqas minn sitt xhur l-Indja meta ġejt mistieden naqdi bħala l-ewwel indokratur tad-distrett taʼ dak il-pajjiż b’mod permanenti. Dan kien jinvolvi vvjaġġar madwar l-Indja, organizzar t’assembleat u ħidma flimkien maʼ gruppi b’disaʼ lingwi differenti. Dan kien xogħol iebes. Ippakkjajna xi ħwejjeġ u tagħmir għal sitt xhur fi tliet bagolli tal-landa u fil-bagalji tal-kanvas tajbin li kellna u tlaqna minn Madras (issa Chennai) bil-ferrovija. Peress li t-territorju tad-distrett kellu dawra taʼ madwar 6,500 kilometru, aħna konna nivvjaġġaw minn post għall-ieħor il-ħin kollu. F’okkażjoni minnhom temmejna assemblea l-Ħadd fil-belt taʼ Bangalore, lejn in-naħa tan-nofsinhar. Imbagħad ivvjaġġajna lejn it-tramuntana għal Darjeeling, taħt il-muntanji tal-Himalayas, biex naqdu f’assemblea oħra l-ġimgħa taʼ wara. Il-vjaġġ lejn Darjeeling kien taʼ madwar 2,700 kilometru u aħna u sejrin bdilna l-ferrovija ħames darbiet.
Matul il-vjaġġi bikrin tagħna konna nieħdu pjaċir nuru l-film The New World Society in Action (Is-Soċjetà tad-Dinja l-Ġdida fl-Azzjoni). Permezz taʼ dan il-film, in-nies saru familjari maʼ l-iskop u l-attività taʼ l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova fuq l-art. Spiss, mijiet taʼ nies kienu jattendu dawn it-turijiet. F’okkażjoni waħda ppreżentajna l-film lil grupp li nġabar f’ġenb taʼ triq. Waqt li kien għaddej il-film, sħab iswed beda jinġemaʼ u jersaq fuqna b’ħeffa kbira. Peress li darba minnhom kien hemm folla taʼ nies li rvellat minħabba li l-film ġie interrott, jien iddeċidejt li nkompli nurih iżda b’ritmu mgħaġġel. Fortunatament, il-film spiċċa mingħajr ebda interruzzjoni maʼ l-ewwel qtar tax-xita.
Fis-snin taʼ wara, jien u Melody ivvjaġġajna lejn ħafna mill-partijiet taʼ l-Indja. Peress li kull reġjun għandu l-ikel, l-ilbies, il-lingwa, u x-xenarji uniċi tiegħu, kien bħallikieku qed nivvjaġġaw minn pajjiż għall-ieħor. X’varjetà meraviljuża nsibu fil-ħolqien taʼ Ġeħova! Dan huwa minnu wkoll fejn jidħlu l-annimali salvaġġi taʼ l-Indja. Darba, waqt li konna qed nikkampjaw fil-ġungla Nepaliża, stajna naraw sew tigra enormi. Kien annimal mill-isbaħ. Il-fatt li rajnieha saħħilna x-xewqa tagħna li nkunu fil-Ġenna taʼ l-art, fejn, finalment se jkun hemm il-paċi bejn in-nies u l-annimali.
Titjib fl-Organizzazzjoni
F’dawk iż-żminijiet bikrin, l-aħwa kellhom bżonn li jsegwu iktar l-arranġamenti organizzazzjonali taʼ Ġeħova. F’xi kongregazzjonijiet, l-aħwa rġiel kienu jpoġġu fuq naħa waħda tal-kamra fejn kien ikun hemm il-laqgħa, waqt li n-nisa kienu jpoġġu fuq in-naħa l-oħra. Il-laqgħat rari kienu jibdew fil-ħin. F’post minnhom, il-pubblikaturi tas-Saltna kienu jinġabru għal-laqgħat mad-daqq qawwi taʼ qanpiena. F’postijiet oħra, xi pubblikaturi kienu jidħlu għal-laqgħa meta x-xemx tkun laħqet ċerta pożizzjoni fis-sema. L-assembleat u ż-żjajjar taʼ l-indokraturi li jivvjaġġaw ma kinux regulari. L-aħwa kienu lesti li jagħmlu dak li hu tajjeb, iżda kellhom bżonn it-taħriġ.
Fl-1959, l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova stabbiliet l-Iskola tal-Ministeru tas-Saltna. Dan il-programm taʼ taħriġ li jsir mad-dinja kollha għen lill-indokraturi tas-circuit, pijunieri speċjali, missjunarji, u l-anzjani tal-kongregazzjoni biex iwettqu r-responsabbiltajiet Skritturali b’mod iktar effettiv. Meta bdiet l-iskola fl-Indja, f’Diċembru taʼ l-1961, jien qdejt bħala għalliem tal-klassi. Bil-mod il-mod, ir-riżultati taʼ dan it-taħriġ daħlu fil-kongregazzjonijiet tal-pajjiż, u bdew mexjin ’il quddiem malajr. Ladarba l-aħwa kienu jafu x’inhu t-tajjeb, l-ispirtu t’Alla kien jimmotivahom biex jagħmluh.
Konvenzjonijiet kbar ukoll inkuraġġew u għaqqdu lill-aħwa. Waħda li tispikka kienet l-Assemblea Internazzjonali “Everlasting Good News” (L-Aħbar Tajba taʼ Dejjem) li saret fi New Delhi fl-1963. Xi Xhieda minn madwar l-Indja vvjaġġaw eluf taʼ kilometri biex jattendu din l-assemblea, u ħafna nefqu kulma kellhom biex jagħmlu dan. Peress li 583 delegat minn 27 pajjiż ieħor kienu preżenti wkoll, kienet l-ewwel darba li x-Xhieda fl-Indja setgħu jiltaqgħu u jassoċjaw m’għadd kbir t’aħwa li kienu qegħdin iżuruhom.
Fl-1961, jien u Melody ġejna mistidnin biex ningħaqdu mal-familja taʼ Betel f’Bombay, fejn iktar tard qdejt bħala membru tal-Kumitat tal-Fergħa. Wara dan kelli iktar inkarigi. Għal ħafna snin qdejt bħala indokratur taż-żona f’partijiet mill-Asja u l-Lvant Nofsani. Minħabba li x-xogħol taʼ l-ippridkar kien projbit f’ħafna minn dawn il-pajjiżi, il-pubblikaturi taʼ dawn il-pajjiżi kellhom bżonn ikunu “għaqlin bħas-sriep iżda innoċenti bħall-ħamiem.”—Mattew 10:16.
Tkabbir u Bidliet
Fl-1959, meta ġejna l-Indja, kien hemm 1,514-il pubblikatur attiv fil-pajjiż. Illum dan in-numru żdied għal iktar minn 24,000. Biex nieħdu ħsieb dan it-tkabbir, iċċaqlaqna darbtejn f’bini ġdid taʼ Betel ġewwa jew qrib taʼ Bombay. Imbagħad f’Marzu taʼ l-2002, il-familja taʼ Betel reġgħet iċċaqalqet—din id-darba f’kumpless ġdid mibni viċin Bangalore fin-nofsinhar taʼ l-Indja. Din il-faċilità moderna bħalissa tilqaʼ 240 membru taʼ Betel u wħud minn dawn il-membri bħalissa jittraduċu letteratura f’20 lingwa differenti.
Għalkemm jien u Melody konna qegħdin inħarsu ’l quddiem bil-ħerqa biex immorru f’Bangalore, is-saħħa fiżika dgħajfa ġagħlitna nirritornaw lejn l-Awstralja fl-1999. Issa qed naqdu bħala membri tal-familja taʼ Betel f’Sydney. Minkejja li tlaqna mill-Indja, l-imħabba li għandna lejn il-ħbieb għeżież tagħna u lejn dawk li għenna biex jitgħallmu dwar il-verità f’dik l-art, tibqaʼ qawwija. Kemm nieħdu gost meta nirċievu xi ittra mingħandhom!
Meta nħarsu lura lejn dawn il-50 sena u iktar taʼ servizz full-time, jien u Melody inħossuna mberkin bil-kbir. Xi darba konna naħdmu biex nippreservaw ir-ritratti tan-nies permezz tal-fotografija, iżda l-ħidma biex nippreservaw lin-nies ħajjin fil-memorja t’Alla kienet deċiżjoni ferm aħjar. X’esperjenzi prezzjużi rriżultaw mid-deċiżjoni tagħna li npoġġu ’l Alla l-ewwel f’ħajjitna! Iva, li nagħmlu dak li Alla jgħid li hu tajjeb verament iwassal għall-hena!
[Mappep f’paġna 15]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
L-INDJA
New Delhi
Darjeeling
Bombay (Mumbai)
Bangalore
Madras (Chennai)
Tiruchchirappalli
[Stampi f’paġna 13]
Hadyn u Melody fl-1942
[Stampa f’paġna 16]
Il-familja taʼ Betel fl-Indja, 1975