Ġeremija
1 Dan hu l-kliem tiegħi, Ġeremija* t-tifel taʼ Ħilkija, wieħed mill-qassisin f’Għanatot fl-art taʼ Benjamin. 2 Ġeħova kellimni fit-13-il sena tat-tmexxija taʼ Ġosija, ir-re taʼ Ġuda u t-tifel t’Amon. 3 Kellimni wkoll minn żmien Ġeħojakim ir-re taʼ Ġuda u t-tifel taʼ Ġosija, sa tmiem il-11-il sena taʼ Sedekija r-re taʼ Ġuda u t-tifel taʼ Ġosija, u sakemm in-nies taʼ Ġerusalemm ittieħdu fl-eżilju fil-ħames xahar.
4 Ġeħova kellimni u qalli:
5 “Kont nafek* qabel għamiltek f’żaqq ommok.
U għażiltek* biex tagħmel xogħol qaddis qabel ma twilidt.
Jien għamiltek profeta għall-popli.”
7 Imbagħad Ġeħova qalli:
“Tgħidx li għadek żgħir.
Għax int għandek tmur għand dawk kollha li se nibagħtek għandhom,
U għandek tgħid dak kollu li nikkmandak.
8 Tibżax minnhom,
Għax jien, Ġeħova, se nkun miegħek biex insalvak.”
9 Imbagħad Ġeħova ħareġ idu u messli ħalqi. U Ġeħova qalli: “Jien għedtlek x’għandek tgħid. 10 Jien illum inkarigajtek biex twissi lill-popli u lis-saltniet, biex taqlaʼ u twaqqaʼ, biex teqred u ġġarraf, u biex tibni u tħawwel.”
11 U Ġeħova reġaʼ kellimni u qalli: “X’int tara, Ġeremija?” Jien għedt: “Qed nara fergħa taʼ siġra tal-lewż.”*
12 Ġeħova qalli: “Sewwa rajt, għax jien imqajjem sew* biex inwettaq dak li ngħid.”
13 Ġeħova reġaʼ kellimni u qalli: “X’int tara?” Jien għedtlu: “Borma qed tagħli u hi mmejla mit-Tramuntana lejn in-Nofsinhar.” 14 Imbagħad Ġeħova qalli:
“Mit-Tramuntana ġej id-diżastru
Kontra n-nies kollha tal-pajjiż.
15 Għax ‘jien qed insejjaħ il-familji kollha tas-saltniet tat-Tramuntana,’ jgħid Ġeħova,
‘U huma se jiġu; kull re se jagħmel it-tron tiegħu
Fid-daħla tal-bibien taʼ Ġerusalemm,
U se jattakkaw id-dawra kollha tas-swar
U l-bliet kollha taʼ Ġuda.
16 U jien se ngħid il-ġudizzji tiegħi kontra l-poplu tiegħi minħabba l-ħażen kollu tagħhom,
Għax telquni,
U qed jagħmlu d-duħħan tas-sagrifiċċji lil allat oħrajn
U jmilu quddiem xogħol idejhom stess.’
Tibżax minnhom,
Ħalli ma nġegħlekx tibżaʼ saħansitra iktar minnhom.
18 Għax illum jien għamiltek belt iffortifikata,
Kolonna tal-ħadid, u swar tar-ram kontra l-pajjiż kollu,
Kontra r-rejiet taʼ Ġuda u l-prinċpijiet tiegħu,
U l-qassisin tiegħu u n-nies tal-pajjiż.