Kapitlu Tnejn
Jaqdi “fl-Aħħar Parti tal-Jiem”
1, 2. (a) Liema viżjoni kellu Ġeremija li pprovdiet it-tema għad-dikjarazzjonijiet profetiċi tiegħu? (b) Għala għandek tkun interessat fil-messaġġ taʼ Ġeremija?
“X’QED tara?” staqsa Alla lill-profeta li kien għadu kif ħatar. “Qed nara borma kbira li qed irewħulha,” wieġeb iż-żagħżugħ Ġeremija, “u wiċċha jħares lil hinn mit-tramuntana.” Din il-viżjoni wriet minn qabel it-tip taʼ dikjarazzjoni li Ġeremija kien se jagħmel. (Aqra Ġeremija 1:13-16.) Il-borma figurattiva kienu qed irewħulha, mhux biex iberrduha, imma biex ikomplu jqabbdu l-fjammi minn taħt. Iva, Ġeħova kien qed ibassar li l-inkwiet, bħal likwidu jismot, kien se jitferraʼ minn din il-borma għal fuq l-art taʼ Ġuda minħabba ż-żlealtà li kienet saret tant komuni. Għaliex taħseb li wiċċ il-borma kien imxaqleb lejn in-Nofsinhar? Għax dan fisser li l-inkwiet kien se jiġi mit-Tramuntana—Babilonja kienet se tinvadi minn dik id-direzzjoni. U hekk ġara. Matul is-snin li qeda bħala profeta, Ġeremija ra b’għajnejh stess tiswib wieħed wara l-ieħor minn din il-borma tagħli, li fl-aħħar wassal għall-qerda taʼ Ġerusalemm.
2 Babilonja m’għadhiex teżisti, imma xorta għandek għalfejn tkun interessat fil-messaġġi profetiċi taʼ Ġeremija. Għala? Għax int tgħix “fl-aħħar parti tal-jiem” meta ħafna jsostnu li huma Kristjani; iżda, kemm huma kif ukoll il-knejjes tagħhom m’għandhomx l-approvazzjoni t’Alla. (Ġer. 23:20) B’kuntrast, bħal Ġeremija, int u x-Xhieda sħabek qed tippritkaw messaġġ li mhux biss hu taʼ ġudizzju imma wkoll taʼ tama.
3. (a) Kif inhu rranġat il-materjal fil-ktieb Bibliku taʼ Ġeremija? (b) X’inhi l-mira taʼ Kapitlu 2 taʼ din il-pubblikazzjoni?
3 Ġeremija x’aktarx iddetta r-rakkont tiegħu lil segretarju lejn l-aħħar tal-karriera profetika tiegħu, minflok ma niżżel bil-miktub il-ġrajjiet meta seħħew. (Ġer. 25:1-3; 36:1, 4, 32) Dan il-ktieb mhuwiex miktub b’mod kronoloġiku għax Ġeremija rranġa ħafna minnu skont is-suġġett. Għalhekk, għandek issibha t’għajnuna li tikseb idea ġenerali tal-isfond storiku tal-kotba taʼ Ġeremija u l-Lamentazzjonijiet u tal-ordni kif seħħew il-ġrajjiet. Ara t-tabella f’paġna 19. Il-fatt li tkun taf min kien is-sultan f’Ġuda u f’liema żmien u, f’xi każi, x’kien qed jiġri f’Ġuda u fl-inħawi tal-madwar se jgħinek tifhem iktar dak li qal jew għamel Ġeremija. U se tkun imħejji aħjar biex tibbenefika mill-messaġġi li Alla kellu għall-poplu Tiegħu permezz taʼ Ġeremija.
L-ISFOND STORIKU TAʼ ŻMIEN ĠEREMIJA
4-6. X’kienet is-sitwazzjoni tal-poplu tal-qedem t’Alla fis-snin qabel ma Ġeremija beda jaqdi bħala profeta?
4 Ġeremija pprofetizza matul żmien taʼ taqlib u bidliet. Kien żmien taʼ rivalità bejn l-Assirja, Babilonja, u l-Eġittu. Xi 93 sena qabel ma Ġeremija beda jaqdi bħala profeta, l-Assirja għelbet lis-saltna tat-Tramuntana tal-għaxar tribujiet t’Iżrael u eżiljat ħafna mill-abitanti taʼ din is-saltna. F’dak iż-żmien Ġeħova salva lil Ġerusalemm u lis-sultan leali tagħha, Ħeżekija, mill-attakk Assirjan. Żgur tiftakar kif Alla permezz taʼ miraklu qatel 185,000 suldat tal-għadu. (2 Slat. 19:32-36) Wieħed mit-tfal taʼ Ħeżekija kien Manasse. Ġeremija probabbilment twieled matul il-ħakma taʼ Manasse li damet 55 sena, fi żmien meta l-art taʼ Ġuda kienet fil-kontroll politiku tal-Assirja.—2 Kron. 33:10, 11.
5 Ġeremija kiteb il-kotba tal-1 u t-2 Slaten, li fihom naqraw li Manasse reġaʼ bena l-postijiet għall-qima li missieru kien qered. Manasse bena artali lil Bagħal u lill-armati tas-smewwiet, anki fit-tempju taʼ Ġeħova. U Manasse xerred ħafna demm innoċenti, pereżempju, għadda lil ibnu stess min-nar bħala sagrifiċċju lil alla falz. F’kelma waħda, “għamel kemm felaħ dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova.” Minħabba dan il-ħażen kollu, Alla qal li kien se jiġi gwaj fuq Ġerusalemm u Ġuda, kif diġà kien ġie fuq is-Samarija u l-Iżrael. (2 Slat. 21:1-6, 12-16) Wara l-mewt taʼ Manasse, ibnu Amon kompla bil-prattiki idolatrużi li kien għamel missieru, imma malajr kienet se tinqaleb il-folja. Wara sentejn, Amon ġie maqtul, u ibnu taʼ tmien snin, Ġosija, sar is-sultan fis-sena 659 Q.E.K.
6 Matul il-ħakma taʼ Ġosija li damet 31 sena, Babilonja bil-mod il-mod bdiet tikseb iktar poter mill-Assirja. Ġosija ra f’din is-sitwazzjoni opportunità biex Ġuda terġaʼ tikseb l-indipendenza tagħha mill-ħakma barranija. Kuntrarju għal missieru u nannuh, Ġosija qeda lil Ġeħova b’fedeltà u daħħal riformi reliġjużi importanti. (2 Slat. 21:19–22:2) Fit-12-il sena tiegħu bħala sultan, Ġosija qered il-postijiet għall-qima, l-arbli sagri, u x-xbihat reliġjużi foloz li kien hemm fis-saltna tiegħu, u wara dan ordna li jissewwa t-tempju taʼ Ġeħova. (Aqra t-2 Kronaki 34:1-8.) Huwa interessanti li kien fit-13-il sena tal-ħakma taʼ Ġosija (647 Q.E.K.) li Ġeremija ġie inkarigat bħala l-profeta t’Alla.
Kif stajt ħassejtek kieku kont profeta fi żmien Ġeremija?
7, 8. (a) Il-ħakma tas-Sultan Ġosija kif kienet differenti minn dik taʼ Manasse u Amon? (b) X’tip taʼ persuna kien Ġosija? (Ara l-kaxxa f’paġna 20.)
7 Waqt li t-tempju kien qed jiġi restawrat, fit-18-il sena tal-ħakma tas-sultan tajjeb Ġosija, il-qassis il-kbir sab “il-ktieb tal-liġi.” Is-sultan qabbad lis-segretarju tiegħu jaqrahulu. Ġosija għaraf l-iżbalji tal-poplu tiegħu, fittex il-gwida taʼ Ġeħova permezz tal-profetessa Ħulda, u ħeġġeġ lis-sudditi tiegħu biex iżommu l-kmandamenti t’Alla. Ħulda informat lil Ġosija li Ġeħova kien se jġib “gwaj” fuq in-nies taʼ Ġuda minħabba ż-żlealtà tagħhom. Però, minħabba l-attitudni tajba taʼ Ġosija lejn il-qima pura, dak il-gwaj ma kienx se jiġi fi żmienu.—2 Slat. 22:8, 14-20.
8 Is-Sultan Ġosija ġedded l-isforzi tiegħu biex jelimina dak kollu li kellu x’jaqsam mal-idolatrija. Tant kien determinat li saħansitra daħal f’territorju li darba kien tas-saltna t’Iżrael fit-Tramuntana biex iwaqqaʼ l-post għall-qima u l-artal f’Betel. Ukoll, hu ħejja ċelebrazzjoni liema bħalha tal-Qbiż. (2 Slat. 23:4-25) Aħseb kemm dan żgur ferraħ lil Ġeremija! Imma kien diffiċli biex in-nies jiġu mqanqlin ibiddlu triqathom. Manasse u Amon kienu daħħlu fil-pajjiż il-qima degradanti tal-idoli, għalhekk l-ispiritwalità tan-nies kienet majnat ħafna. Minkejja r-riformi li għamel Ġosija, Alla qanqal lil Ġeremija jgħid li f’Ġuda kellhom allat daqskemm kellhom bliet. In-nies taʼ pajjiż il-profeta kienu bħal mara żleali—kienu telqu lil Ġeħova u żnew mal-allat barranin. Ġeremija ddikjara: “Daqskemm hawn toroq f’Ġerusalemm waqqaftu artali għal dik il-ħaġa taʼ mistħija, artali biex toffru lil Bagħal id-duħħan tas-sagrifiċċji.”—Aqra Ġeremija 11:1-3, 13.
9. Liema ġrajjiet internazzjonali kkaratterizzaw l-aħħar snin tal-ħakma taʼ Ġosija?
9 Il-fatt li Ġeremija wassal messaġġi bħal dawn, la biddel lil-Lhud u lanqas ma biddel il-fatt li l-ġnus taʼ madwarhom kienu qed jiġġieldu għall-poter. Fis-sena 632 Q.E.K., l-armati magħqudin tal-Babiloniżi u l-Medi għelbu lil Ninwe, il-kapitali Assirjana. Tliet snin wara, il-Fargħun Neko tal-Eġittu mexxa l-armata tiegħu lejn it-Tramuntana biex jgħin lill-Assirjani li kienu assedjati. Għal raġunijiet mhux imsemmijin fil-Bibbja, Ġosija pprova jġiegħel lill-armata Eġizzjana ddur lura f’Megiddo, imma ġie midrub għall-mewt. (2 Kron. 35:20-24) Din il-ġrajja taʼ niket liema bidliet politiċi u reliġjużi kienet se ġġib magħha għal Ġuda? U liema sfidi ġodda kien se jiffaċċja Ġeremija?
BIDLA FIS-SITWAZZJONI RELIĠJUŻA
10. (a) F’liema sens kienu ż-żminijiet wara l-mewt taʼ Ġosija simili għal żmienna? (b) Kif tistaʼ tibbenefika jekk teżamina l-kondotta taʼ Ġeremija?
10 Immaġina kif żgur ħassu Ġeremija meta semaʼ bil-mewt taʼ Ġosija! Imqanqal minn swied taʼ qalb hu kanta għanjiet taʼ niket lis-sultan. (2 Kron. 35:25) Dan diġà kien żmien t’inkwiet, u instabilità internazzjonali kompliet għarrqet lil Ġuda. Il-qawwiet rivali—l-Eġittu, l-Assirja, u Babilonja—kienu qed jissieltu għall-kontroll tar-reġjun. U s-sitwazzjoni reliġjuża f’Ġuda kienet inbidlet mal-mewt taʼ Ġosija. Dan kien it-tmiem taʼ ħakma li fil-biċċa l-kbira kienet favorevoli lejn l-attività taʼ Ġeremija, u kien il-bidu taʼ ħakma ostili. Ħafna minn ħutna fi żminijiet moderni esperjenzaw bidla simili—filli kellhom ċerta libertà tal-qima u filli ffaċċjaw persekuzzjonijiet u projbizzjonijiet. Min jaf kemm minna dalwaqt se nesperjenzaw bidliet simili? Dan kif jistaʼ jeffettwana? X’għandu mnejn ikollna nagħmlu biex inżommu l-integrità tagħna? B’dawn il-mistoqsijiet f’moħħna, ikun inkuraġġanti li neżaminaw l-isfidi li Ġeremija rnexxielu jegħleb.
11. X’ġara f’Ġuda wara l-mewt taʼ Ġosija?
11 L-abitanti taʼ Ġuda poġġew lit-tifel taʼ Ġosija, Ġeħogħaħaż fuq it-tron f’Ġerusalemm. Ġeħogħaħaż, li wkoll kien magħruf bħala Sallum, ħakem għal tliet xhur biss. Meta l-Fargħun Neko reġaʼ niżel lejn in-Nofsinhar wara li ġġieled kontra l-Babiloniżi, hu neħħa lis-sultan ġdid u ħadu l-Eġittu, u Ġeremija ddikjara li Ġeħogħaħaż “ma jerġax lura hawnhekk.” (Ġer. 22:10-12; 2 Kron. 36:1-4) Minfloku, Neko poġġa lil Ġeħojakim, iben ieħor taʼ Ġosija, fuq it-tron. Ġeħojakim ma imitax l-eżempju tajjeb taʼ missieru. Mhux talli ma kompliex ir-riformi li beda missieru imma talli pprattika l-idolatrija.—Aqra t-2 Slaten 23:36, 37.
12, 13. (a) Fil-bidu tal-ħakma taʼ Ġeħojakim liema sitwazzjoni reliġjuża kien hemm? (b) Il-mexxejja reliġjużi Lhud kif ittrattaw lil Ġeremija?
12 Fil-bidu tal-ħakma taʼ Ġeħojakim, Ġeħova qal lil Ġeremija biex imur fit-tempju u bla tlaqliq jikkundanna lin-nies taʼ Ġuda għall-ħażen tagħhom. Huma ħasbu li la kellhom it-tempju taʼ Ġeħova kienu se jkunu protetti. Madankollu, jekk ma kinux se jieqfu ‘jisirqu, joqtlu, jagħmlu adulterju, jaħilfu falz, joffru lil Bagħal id-duħħan tas-sagrifiċċji, u jimxu wara allat oħrajn,’ Ġeħova kien se jabbanduna t-tempju tiegħu. U kien se jagħmel l-istess lill-ipokriti li qiemu fih, eżatt kif kien abbanduna t-tabernaklu f’Silo fi żmien il-Qassis il-Kbir Eli. L-art taʼ Ġuda kienet se ssir “xejn għajr ħerba.” (Ġer. 7:1-15, 34; 26:1-6)a Aħseb dwar il-kuraġġ li kellu bżonn Ġeremija biex ixandar dak il-messaġġ! X’aktarx li għamel dan fil-pubbliku quddiem nies prominenti u influwenti. Xi aħwa llum b’mod simili ħassew li kellhom bżonn il-kuraġġ biex jieħdu sehem fl-għoti taʼ xhieda fit-toroq jew biex ikellmu lil nies sinjuri jew importanti. Iżda, nistgħu nkunu ċerti minn dan: l-appoġġ t’Alla għalina hu fiċ-ċert, l-istess kif kien għal Ġeremija.—Ebr. 10:39; 13:6.
13 Meta tqis is-sitwazzjoni reliġjuża u politika li kien hemm f’Ġuda, il-mexxejja reliġjużi kif kienu se jirreaġixxu għad-diskors taʼ Ġeremija? Skont ir-rakkont tal-profeta stess, ‘il-qassisin u l-profeti u l-poplu kollu qabduni u qaluli: “Int żgur għall-mewt.”’ Kienu rrabjati għall-aħħar u qalu: “Dan ir-raġel ħaqqu l-mewt.” (Aqra Ġeremija 26:8-11.) Imma l-opponenti taʼ Ġeremija ma rnexxilhomx joqtluh. Ġeħova kien mal-profeta tiegħu biex jeħilsu. Inkwantu għal Ġeremija, hu ma ħalliex l-attitudni taʼ theddid tal-opponenti jew l-għadd tagħhom ibeżżgħuh. U lanqas m’għandek int.
Liema kuntrast kien hemm bejn il-ħakma taʼ Manasse, Amon, u Ġosija? X’lezzjoni tistaʼ tislet minn kif Ġeremija ffaċċja l-inkarigu taʼ sfida tiegħu?
“IKTEB . . . IL-KLIEM KOLLU”
14, 15. (a) Liema xogħol bdew Ġeremija u s-segretarju tiegħu, Baruk, fir-rabaʼ sena tal-ħakma taʼ Ġeħojakim? (b) X’tip taʼ persuna kien Ġeħojakim? (Ara l-kaxxa f’paġna 25.)
14 Fir-rabaʼ sena tal-ħakma taʼ Ġeħojakim, Ġeħova qal lil Ġeremija biex jikteb il-kliem kollu li Ġeħova kien qallu minn żmien Ġosija. B’hekk, Ġeremija ddetta lis-segretarju tiegħu, Baruk, dak kollu li Alla kien qal fit-23 sena taʼ qabel. Il-messaġġi taʼ ġudizzju tiegħu kienu jinvolvi xi 20 sultan u saltna. Ġeremija kkmanda lil Baruk biex jaqra r-romblu b’leħen għoli fid-dar taʼ Ġeħova. Għal liema skop? “Forsi dawk taʼ dar Ġuda jisimgħu bil-gwaj kollu li bi ħsiebni nġib fuqhom,” qal Ġeħova, “u jerġgħu lura, kull wieħed minn triqtu l-ħażina, u jien naħfrilhom l-iżball tagħhom u dnubhom.”—Ġer. 25:1-3; 36:1-3.
15 Meta uffiċjal tas-sultan qara r-romblu lil Ġeħojakim, is-sultan qattgħu u ħarqu. Imbagħad, ordna li Ġeremija u Baruk jinġiebu quddiemu. “Imma Ġeħova żammhom moħbijin.” (Aqra Ġeremija 36:21-26.) Minħabba l-attitudni tassew mill-agħar taʼ Ġeħojakim, Ġeħova, permezz tal-profeta tiegħu, iddikjara li s-sultan kien se jkollu “difna bħal taʼ ħmar.” Hu kien se jiġi “mkaxkar u mormi, ’il barra mill-bibien taʼ Ġerusalemm.” (Ġer. 22:13-19) Taħseb li din il-profezija dettaljata hi sempliċement esaġerazzjoni min-naħa taʼ Ġeremija?
16. Liema messaġġ pożittiv ħabbar Ġeremija?
16 Minkejja l-fatt li kellu jwassal messaġġi taʼ ġudizzju bħal dawn, Ġeremija ma kienx xi profeta tal-kundanni. Hu ħabbar ukoll messaġġ taʼ tama. Ġeħova kien se jeħles lil fdal t’Iżrael mill-għedewwa tagħhom u jiħodhom lura f’pajjiżhom stess, fejn kienu se jgħammru fis-sigurtà. Alla kien se jistabbilixxi “patt ġdid,” wieħed “li jibqaʼ għal żmien indefinit,” mal-poplu tiegħu u kien se jikteb il-liġi tiegħu f’qalbhom. Hu kien se jaħfrilhom in-nuqqasijiet tagħhom u ma jiftakarx iktar fi dnubiethom. Iktar minn hekk, dixxendent taʼ David kien se “jagħmel il-ġustizzja u s-sewwa fl-art.” (Ġer. 31:7-9; 32:37-41; 33:15) Dawn il-profeziji kienu se jitwettqu fl-għaxriet taʼ snin u s-sekli li kienu ġejjin, bi twettiq li saħansitra jeffettwa lil ħajjitna u li jistaʼ jagħtina t-tama taʼ ħajja taʼ dejjem. Imma lura fi żmien Ġeremija, l-għedewwa taʼ Ġuda baqgħu jissieltu għall-poter.—Aqra Ġeremija 31:31, 33, 34; Ebrej 8:7-9; 10:14-18.
BABILONJA TIKSEB IL-POTER
17, 18. L-aħħar snin tal-ħakma taʼ Ġeħojakim u Sedekija kienu mimlijin b’liema ġrajjiet internazzjonali?
17 Fis-sena 625 Q.E.K., il-Babiloniżi u l-Eġizzjani ġġieldu f’battalja deċiżiva f’Karkemis, ħdejn ix-Xmara Ewfrat li hi xi 600 kilometru lejn it-Tramuntana taʼ Ġerusalemm. Is-Sultan Nebukadnessar għeleb l-armata tal-Fargħun Neko, u b’hekk ġab fi tmiem il-qawwa Eġizzjana f’dak ir-reġjun. (Ġer. 46:2) Nebukadnessar issa ddomina lil Ġuda, u Ġeħojakim ġie sforzat ikun il-qaddej tiegħu. Madanakollu, wara li kien ilu sudditu taʼ Nebukadnessar għal tliet snin, Ġeħojakim irribella. (2 Slat. 24:1, 2) B’riżultat taʼ dan, Nebukadnessar u l-armata tiegħu mmarċjaw f’Ġuda fis-sena 618 Q.E.K. u dawru lil Ġerusalemm. Ipprova ġib quddiem għajnejk kemm dan kien żmien taʼ taqlib, anki għall-profeta t’Alla, Ġeremija. Milli jidher, Ġeħojakim miet matul l-assedju.b Ibnu Ġeħojakin ċeda għall-Babiloniżi wara li saltan f’Ġuda għal tliet xhur biss. Nebukadnessar neżżaʼ lil Ġerusalemm mir-rikkezzi tagħha, u ħa fl-eżilju lil Ġeħojakin, il-familji tas-sultan u tan-nobbli taʼ Ġuda, l-irġiel setgħanin, u n-nies tas-sengħa tal-pajjiż. Fost dawk eżiljati kien hemm Danjel, Ħananija, Misael, u Għażarija.—2 Slat. 24:10-16; Dan. 1:1-7.
18 Nebukadnessar issa għamel lil Sedekija, iben ieħor taʼ Ġosija, sultan taʼ Ġuda. Hu kien se jkun l-aħħar sultan fuq l-art mil-linja taʼ David. Il-ħakma tiegħu spiċċat meta Ġerusalemm u t-tempju tagħha nqerdu fis-sena 607 Q.E.K. (2 Slat. 24:17) Iżda, il-11-il sena tal-ħakma taʼ Sedekija kienu mimlijin b’tensjonijiet kbar soċjali u politiċi f’Ġuda. Jidher ċar li Ġeremija kellu jafda għalkollox f’Dak li kien inkarigah bħala profeta.
19. In-nies fi żmien Ġeremija kif irreaġixxew għall-messaġġ tiegħu, u dan għala għandu jinteressak?
19 Poġġi lilek innifsek fiż-żarbun taʼ Ġeremija. Minn żmien Ġosija ’l quddiem, Ġeremija kien ra taqlib politiku u tmermir spiritwali fost in-nies t’Alla. Però, kien jaf li l-affarijiet kienu se jiggravaw. In-nies mill-belt tiegħu qalulu: “Tipprofetizzax f’isem Ġeħova, għax tmut taħt idejna.” (Ġer. 11:21) Anke meta l-profeziji taʼ Ġeremija twettqu, il-Lhud qalu: “Dwar il-kelma li għedtilna f’isem Ġeħova, ma rridux nisimgħu minnek.” (Ġer. 44:16) Madanakollu, il-ħajjiet tan-nies kienu fin-nofs, l-istess kif inhuma llum. Il-messaġġ li xxandar ġej minn Ġeħova, bħalma kien taʼ Ġeremija. Għalhekk, tistaʼ ssaħħaħ iż-żelu tiegħek għall-ministeru billi teżamina kif Ġeħova pproteġa lill-profeta tiegħu matul il-perijodu li wassal għall-waqgħa taʼ Ġerusalemm.
X’nistgħu nitgħallmu mill-attitudni taʼ Ġeremija matul il-ħakma taʼ Ġeħojakim? Ġeremija ħabbar liema profezija li tispikka u li teffettwana llum?
L-AĦĦAR JIEM TAʼ DINASTIJA
20. Il-ħakma taʼ Sedekija għala kienet żmien partikolarment diffiċli għal Ġeremija? (Ara l-kaxxa f’paġna 29.)
20 Forsi l-iktar snin diffiċli fil-karriera profetika taʼ Ġeremija kienu matul il-ħakma taʼ Sedekija. Bħal ħafna minn dawk taʼ qablu, Sedekija “kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova.” (Ġer. 52:1, 2) Hu kien sudditu tal-Babiloniżi, u Nebukadnessar ġiegħlu jaħlef f’isem Ġeħova li hu kien se jissottometti ruħu għas-sultan taʼ Babilonja. Minkejja dan, Sedekija fl-aħħar irribella. Sadattant l-għedewwa taʼ Ġeremija għamlulu ħafna pressjoni biex jappoġġa r-ribelljoni.—2 Kron. 36:13; Eżek. 17:12, 13.
21-23. (a) Liema opinjonijiet opposti kien hemm f’Ġuda matul il-ħakma taʼ Sedekija? (b) Ġeremija kif ġie trattat minħabba l-waqfa tiegħu, u dan għala għandu jinteressak?
21 Jidher li kmieni matul il-ħakma taʼ Sedekija, ġew messaġġiera f’Ġerusalemm mingħand is-slaten t’Edom, Mowab, Għammon, Tir, u Sidon. Għandu mnejn li l-għan tagħhom kien li jġiegħlu lil Sedekija jingħaqad magħhom f’alleanza kontra Nebukadnessar. Imma Ġeremija ħeġġeġ lil Sedekija biex jissottometti ruħu għal Babilonja. Fi qbil maʼ dan, Ġeremija ta lill-messaġġiera staneg tal-madmad biex jagħtu stampa tal-fatt li l-ġnus tagħhom ukoll kellhom jaqdu lill-Babiloniżi. (Ġer. 27:1-3, 14)c Din il-waqfa ma kinitx popolari, u Ħananija għamel l-irwol taʼ Ġeremija bħala kelliemi b’messaġġ mhux popolari iktar diffiċli. Dan kien profeta falz li saħaq pubblikament f’isem Alla li l-madmad Babiloniż kien se jitkisser. Madanakollu, il-kelma taʼ Ġeħova permezz taʼ Ġeremija kienet li fi żmien sena l-impustur Ħananija kien se jmut. U hekk ġara.—Ġer. 28:1-3, 16, 17.
22 F’Ġuda issa kien hemm nies b’żewġ opinjonijiet opposti—dawk li kienu favur li jissottomettu lilhom infushom għal Babilonja u dawk li ħeġġew ir-ribelljoni. Fis-sena 609 Q.E.K., Sedekija rribella billi fittex l-għajnuna militari tal-Eġittu. Ġeremija mbagħad kellu jħabbatha mal-isteriżmu nazzjonalistiku taʼ dawk li kienu favur ir-ribelljoni. (Ġer. 52:3; Eżek. 17:15) Nebukadnessar u l-armati tiegħu rritornaw Ġuda biex irażżnu l-irvell filwaqt li għelbu l-bliet kollha taʼ Ġuda u reġgħu assedjaw lil Ġerusalemm. Il-messaġġ taʼ Ġeremija għal Sedekija u s-sudditi tiegħu f’dan il-perijodu kritiku kien li Ġerusalemm kienet se taqaʼ f’idejn il-Babiloniżi. Għal dawk li baqgħu fil-belt, il-mewt kien hemm lesta għalihom. Dawk li ċedew għall-Kaldin kienu se jsalvaw.—Aqra Ġeremija 21:8-10; 52:4.
23 Il-prinċpijiet taʼ Ġuda sostnew li Ġeremija kien traditur li appoġġa lill-Babiloniżi. Meta qal il-verità, il-prinċpijiet Lhud sawtuh u tefgħuh f’dar l-irbit. (Ġer. 37:13-15) Ġeremija xorta ma kienx se jrattab il-messaġġ taʼ Ġeħova. Għalhekk, il-prinċpijiet ikkonvinċew lil Sedekija biex joqtol lil Ġeremija. Huma tefgħu lill-profeta f’ġiebja vojta fejn setaʼ miet fil-ħama fond. Iżda Għebed-melek, Etjopjan li kien jaqdi f’dar is-sultan, salva lil Ġeremija. (Ġer. 38:4-13) Min jaf kemm-il darba l-poplu taʼ Ġeħova fi żminijiet moderni ffaċċjaw perikli minħabba li, għal raġunijiet taʼ kuxjenza, irrifjutaw li jinvolvu ruħhom f’kontroversji politiċi! Jidher ċar li l-esperjenza taʼ Ġeremija tistaʼ ssaħħek biex tiffaċċja l-provi u tegħlibhom.
24. Iddeskrivi dak li ġara fis-sena 607 Q.E.K.
24 Fis-sena 607 Q.E.K., il-Babiloniżi fl-aħħar niffdu s-swar taʼ Ġerusalemm, u l-belt waqgħet. L-armati taʼ Nebukadnessar ħarqu t-tempju taʼ Ġeħova, ġarrfu s-swar tal-belt, u qatlu n-nobbli taʼ Ġuda. Sedekija pprova jaħrab, imma nqabad u nġieb quddiem dak li kien għelbu. Ulied Sedekija nqatlu quddiem għajnejh, u mbagħad Nebukadnessar għamieh, rabtu, u ħadu Babilonja. (Ġer. 39:1-7) Iva, il-kliem taʼ Ġeremija dwar Ġuda u Ġerusalemm kien seħħ. Iżda minflok ma feraħ, il-profeta t’Alla tnikket minħabba l-gwaj li ġie fuq niesu. Nistgħu naqraw kif ħassu fil-ktieb Bibliku tal-Lamentazzjonijiet. Għandna nitqanqlu profondament aħna u naqraw dan il-ktieb.
ATTIVITÀ FOST FDAL TAʼ ĠUDA
25, 26. (a) X’ġara wara l-waqgħa taʼ Ġerusalemm? (b) In-nies fi żmien Ġeremija kif irreaġixxew għall-messaġġ tiegħu wara li waqgħet Ġerusalemm?
25 X’kien qed jiġri lil Ġeremija hekk kif żvolġew dawn il-ġrajjiet drammatiċi? Il-prinċpijiet taʼ Ġerusalemm kienu tefgħuh il-ħabs, imma l-Babiloniżi rebbieħa ttrattawh b’qalb tajba billi ħelsuh. Iktar tard, Ġeremija tħallat maʼ xi Lhud li kienu qed jittieħdu fil-jasar, imma nħeles. Kien għad baqagħlu x’jagħmel fis-servizz t’Alla; kien għad baqagħlu x-xogħol fost dawk li salvaw. Nebukadnessar ħatar lil Gedalija bħala gvernatur fuq l-art mirbuħa, u wiegħed il-paċi lil-Lhud li kien fadal sakemm dawn baqgħu jaqdu lilu, is-sultan taʼ Babilonja. Però, xi Lhud li ma kinux kuntenti qatlu lil Gedalija. (Ġer. 39:13, 14; 40:1-7; 41:2) Ġeremija ħeġġeġ lil fdal Lhudi biex jibqaʼ jgħix fil-pajjiż u biex ma jibżax mis-sultan taʼ Babilonja. Madanakollu, il-mexxejja tagħhom qalu li Ġeremija kien giddieb u ħarbu lejn l-Eġittu, filwaqt li sforzaw lil Ġeremija u Baruk biex imorru magħhom. Iżda, Ġeremija pprofetizza li Nebukadnessar kien se jinvadi u jrażżan anke lil dak il-pajjiż u kien se jġib gwaj fuq ir-refuġjati Lhud.—Ġer. 42:9-11; 43:1-11; 44:11-13.
26 Għal darba oħra, in-nies taʼ pajjiż Ġeremija għażlu li ma jisimgħux mill-profeta veru t’Alla. Għala? Huma rraġunaw: “Minn dakinhar li waqafna noffru d-duħħan tas-sagrifiċċji lis-‘sultana tas-smewwiet’ u nferrgħulha l-offerti tax-xorb naqasna kollox, u ntemmejna bis-sejf u bil-ġuħ.” (Ġer. 44:16, 18) Jaħasra, kemm waqgħu fi stat spiritwali tal-biki n-nies fi żmien Ġeremija! Min-naħa l-oħra, kemm għandu jinkuraġġina l-fatt li nkunu nafu li bniedem imperfett jistaʼ jibqaʼ leali lejn Ġeħova minkejja li jkun imdawwar b’nies bla fidi!
27. X’nafu dwar l-aħħar snin tal-karriera profetika taʼ Ġeremija?
27 L-aħħar ġrajja li kiteb dwarha Ġeremija—il-ħelsien mill-ħabs taʼ Ġeħojakin minn Evil-merodak, dak li saltan wara Nebukadnessar—tniżżlet fis-sena 580 Q.E.K. (Ġer. 52:31-34) Sa dan iż-żmien, Ġeremija wisq probabbli kellu xi 90 sena. M’għandna l-ebda informazzjoni taʼ min joqgħod fuqha dwar l-aħħar snin taʼ ħajtu. X’aktarx għex il-kumplament taʼ ħajtu fl-Eġittu, u miet leali hemmhekk wara xi 67 sena f’servizz speċjali lil Ġeħova. Hu qeda matul żmien meta l-qima vera kienet imħeġġa kif ukoll matul il-ħafna snin meta kien imdawwar b’qima apostata. Hu sab min jagħtih widen fost uħud li kellhom il-biżaʼ t’Alla. Imma, il-maġġuranza rrifjutaw il-messaġġi tiegħu, u anke wrew ostilità diretta. Fisser dan li Ġeremija falla? ’Il bogħod minn hekk! Mill-bidu nett Ġeħova kien qallu: “Dawn jiġġieldu kontrik imma ma jegħlbukx, għax ‘jien miegħek.’” (Ġer. 1:19) Illum, l-inkarigu tagħna bħala Xhieda taʼ Ġeħova hu bħal dak taʼ Ġeremija. Allura nistgħu nistennew li n-nies jilqgħuna bl-istess mod. (Aqra Mattew 10:16-22.) Għalhekk, liema lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu minn Ġeremija, u kif għandna nħarsu lejn il-ministeru tagħna? Ejja nikkunsidraw dawn il-mistoqsijiet.
X’ġara lil Sedekija u lis-sudditi tiegħu li ċaħdu l-messaġġ taʼ Ġeremija? X’inhi l-ħarsa tiegħek lejn Ġeremija?
a Is-similarità bejn Ġeremija 7:1-15 u 26:1-6 wasslet lil xi wħud għall-konklużjoni li ż-żewġ siltiet jirreferu għall-istess ġrajja.
b Danjel 1:1, 2 jgħid li Ġeħojakim ġie mogħti f’idejn Nebukadnessar fit-tielet sena tal-ħakma taʼ Ġeħojakim, milli jidher minn meta kien sudditu taʼ Nebukadnessar. Dan jistaʼ jfisser li s-sultan miet matul l-assedju, li fl-aħħar temm l-irvell u qered lil Ġerusalemm. M’hemm l-ebda konferma Biblika tar-rapport minn Ġużeppi Flavju li Nebukadnessar qatel lil Ġeħojakim u tefaʼ lil ġismu barra mis-swar taʼ Ġerusalemm mingħajr difna.—Ġer. 22:18, 19; 36:30.