Kapitlu Għaxra
Qiegħed Tistaqsi Kuljum, “Fejn Hu Ġeħova?”
1, 2. (a) X’kienet il-kundizzjoni spiritwali tal-Lhud fi żmien Ġeremija? (b) In-nies taʼ Ġuda kif messhom irreaġixxew għall-kundizzjoni tagħhom?
ĠEREMIJA kien qed jibki. Hu kien effettwat kemm mill-kundizzjoni preżenti taʼ niesu kif ukoll minn dak li Alla qabbdu jbassar dwar il-futur tagħhom. Hu xtaq li rasu kienet sors t’ilma u li għajnejh kienu funtana sabiex ikun jistaʼ jibki bla waqfien. Ġeremija kellu raġun jitnikket minħabba l-kundizzjoni tal-ġens. (Ġer. 9:1-3; aqra Ġeremija 8:20, 21.) Il-Lhud baqgħu jiċħdu l-liġi t’Alla u m’obdewx minn leħen Ġeħova, u b’hekk kien se jiġi fuqhom il-gwaj.—Ġer. 6:19; 9:13.
2 Madanakollu, in-nies taʼ Ġuda, li kienu jħobbu jisimgħu lill-mexxejja reliġjużi tagħhom jgħidu ‘kollox sew,’ ma kinux interessati ġenwinament f’dak li ħaseb Ġeħova dwar il-kondotta tagħhom. (Ġer. 5:31; 6:14) Kienu bħal pazjenti li riedu tabib li kien se jgħidilhom affarijiet li jserrħu l-moħħ imma li jinjora sintomi serji. Li kieku kont marid serjament, ma kontx tkun trid dijanjosi eżatta ħalli tkun tistaʼ tieħu l-kura qabel ma jkun tard wisq? F’sens spiritwali, il-Lhud fi żmien Ġeremija messhom fittxew għal eżami onest tal-kundizzjoni spiritwali tagħhom. Messhom staqsew: “Fejn hu Ġeħova?”—Ġer. 2:6, 8.
3. (a) Il-Lhud kif setgħu jwieġbu l-mistoqsija, “Fejn hu Ġeħova?” (b) X’kien mod wieħed kif il-Lhud setgħu jfittxu lil Ġeħova?
3 Biex il-Lhud jistaqsu, “Fejn hu Ġeħova?” kien ikun ifisser li kellhom ifittxu l-gwida divina meta jiffaċċjaw deċiżjonijiet, kemm kbar u kemm żgħar. Il-Lhud f’dak iż-żmien m’għamlux hekk. Imma wara l-qerda taʼ Ġerusalemm u r-ritorn tagħhom minn Babilonja, huma kellhom ‘ifittxu lil Ġeħova.’ Billi jagħmlu dan, setgħu jsibuh u jsiru jafu l-mogħdijiet tiegħu. (Aqra Ġeremija 29:13, 14.) Kif setgħu jagħmluh dan? Mod wieħed kien billi javviċinaw lil Alla permezz taʼ talb sinċier, u jitolbuh għall-gwida tiegħu. Din kienet l-attitudni tas-Sultan David. Hu talab lil Alla: “Għarrafni triqatek, O Ġeħova; għallimni mogħdijietek.” (Salm 25:4) Innota l-istedina li s-Semmiegħ tat-talb offra permezz taʼ Ġeremija fl-għaxar sena tal-ħakma tas-Sultan Sedekija. “Sejjaħli, u jien inwieġbek u minnufih ngħidlek affarijiet kbar li ma jistgħux jiġu mifhumin u li qatt ma kont taf bihom.” (Ġer. 33:3) Kieku s-sultan u l-ġens ribelluż sejħu lil Alla, Hu setaʼ jgħidilhom b’affarijiet “li ma jistgħux jiġu mifhumin,” il-qerda taʼ Ġerusalemm u r-restawr tagħha wara 70 sena.
4, 5. In-nies t’Alla b’liema modi oħrajn setgħu fittxew lil Ġeħova?
4 Mod ieħor kif il-Lhud setgħu fittxew lil Ġeħova kien billi jħarsu lejn l-istorja u jikkunsidraw kif hu ttratta maʼ niesu. Għalhekk, setgħu ftakru x’kien dak li kiseb l-approvazzjoni t’Alla u x’kien dak li qanqal il-korla tiegħu. Huma kellhom il-kitbiet taʼ Mosè, għadd taʼ rekords storiċi mnebbħin, kif ukoll kitbiet tas-slaten t’Iżrael u Ġuda. Li kieku mmeditaw fuq dawn u taw widen lill-profeti veri t’Alla, il-Lhud fi żmien Ġeremija setgħu fehmu t-tweġiba tal-mistoqsija “Fejn hu Ġeħova?”
5 It-tielet mod kif il-Lhud setgħu fittxew lil Ġeħova kien billi jitgħallmu mill-esperjenzi persunali tagħhom u dawk t’oħrajn. Dan ma jfissirx li kellhom jitgħallmu kollox mill-iżbalji tagħhom stess, imma setgħu bbenefikaw minn konsiderazzjoni taʼ dak li huma nfushom kienu għamlu fil-passat u kif Ġeħova kien iqis l-aġir tagħhom. Kieku taw kas, huma kienu jifhmu kif Alla kien iħares lejn il-kondotta tagħhom.—Prov. 17:10.
6. X’inkuraġġiment tistaʼ ssib fl-eżempju taʼ Ġob?
6 Ejja napplikaw dan għal żmienna. Qiegħed int tistaqsi b’mod regulari, “Fejn hu Ġeħova?” meta tkun qed tieħu deċiżjonijiet u tagħżel kif se taġixxi? Xi wħud għandhom mnejn jaħsbu li meta ħadu deċiżjonijiet ma staqsewx dan lilhom infushom kemm suppost. Jekk f’ċertu sens dan hu minnu fil-każ tiegħek, taqtax qalbek. Anke l-patrijarka leali Ġob issielet f’dan ir-rigward. Meta kien taħt pressjoni, hu kien moħħu fih innifsu. Eliħu kellu jfakkru fit-tendenza komuni tal-bnedmin: “Ħadd ma jgħid, ‘Fejn hu Alla, il-Wieħed Grandjuż li għamilni?’” (Ġob 35:10) Eliħu ħeġġeġ lil Ġob: “Oqgħod attent għall-għemejjel meraviljużi t’Alla.” (Ġob 37:14) Ġob kellu bżonn josserva l-għemejjel grandjużi taʼ Ġeħova fil-ħolqien taʼ madwaru u fil-mod kif Alla ttratta mal-bnedmin. Permezz tal-esperjenza tiegħu stess, Ġob sar jifhem il-mogħdijiet taʼ Ġeħova. Wara li kien issaporta l-għawġ u kien ra kif Alla ħa ħsieb l-affarijiet, Ġob qal: “Jien tkellimt, imma ma kontx qed nifhem affarijiet taʼ l-għaġeb wisq għalija, li ma nafhomx. B’widnejja smajt dwarek, imma issa narak b’għajnejja.”—Ġob 42:3, 5.
7. Kif jidher f’paġna 116, issa x’se niddiskutu?
7 Inkwantu għal Ġeremija, il-profeta kompla jfittex lil Ġeħova u rnexxielu jsibu. Kuntrarju għan-nies taʼ pajjiżu, matul l-għaxriet taʼ snin taʼ servizz leali tiegħu, Ġeremija baqaʼ jistaqsi: “Fejn hu Ġeħova?” Fil-kumplament taʼ dan il-kapitlu, se naraw mill-eżempju taʼ Ġeremija kif aħna nistgħu nfittxu u nsibu lil Ġeħova permezz tat-talb, l-istudju, u l-esperjenzi persunali.—1 Kron. 28:9.
Xi jfisser li tistaqsi “Fejn hu Ġeħova?” Il-Lhud fi żmien Ġeremija b’liema modi setgħu jistaqsu dan?
ĠEREMIJA DAR LEJN ĠEĦOVA BIT-TALB
8. Ġeremija f’liema ċirkustanzi dar lejn Alla bit-talb?
8 Matul is-snin waqt li Ġeremija qeda bħala l-kelliemi t’Alla għall-ġens taʼ Ġuda, hu fittex lil Ġeħova permezz taʼ talb mill-qalb. Hu dar lejn Alla għall-appoġġ meta kellu jħabbar messaġġi mhux popolari, meta ħass li ma setax ikompli, u meta kellu mistoqsijiet dwar għala ċerti affarijiet seħħew. Alla wieġbu u tah direzzjoni dwar x’kellu jagħmel. Ikkunsidra xi eżempji.
9. (a) Ġeremija kif esprima ruħu f’Ġeremija 15:15, 16, u Ġeħova kif wieġeb? (b) Għaliex taħseb li hu importanti li tesprimi s-sentimenti tiegħek fit-talb?
9 Darba, meta Ġeremija ngħata messaġġ taʼ kundanna x’jipproklama, hu ħass li kulħadd kien qed jisħtu. Għalhekk, il-profeta talab lil Alla biex jiftakar fih. Ikkunsidra t-talba tiegħu mniżżla f’Ġeremija 15:15, 16, li fiha jitkellem dwar kif ħassu rigward it-tweġiba divina. (Aqra.) F’dik it-talba, Ġeremija esprima s-sentimenti tiegħu taʼ diqa. Però, meta sab kliem Alla u poġġieh f’ħalqu, biex ngħidu hekk, hu kiseb il-ferħ! Ġeħova għenu japprezza l-privileġġ taʼ li jġorr l-isem divin u jiddikjara messaġġ divin. Ġeremija setaʼ jara biċ-ċar x’kienet il-waqfa taʼ Ġeħova f’dan ir-rigward. X’lezzjoni hemm għalina f’dan?
10. Alla b’liema mod wieġeb meta l-profeta qal li ma kienx se jerġaʼ jitkellem f’isem Ġeħova?
10 F’okkażjoni oħra, wara li l-qassis Pasħur bin Immer sawtu, Ġeremija qal li ma kienx se jerġaʼ jitkellem f’isem Ġeħova. Alla b’liema mod wieġeb għal kif Ġeremija esprima ruħu fit-talb? (Aqra Ġeremija 20:8, 9.) Il-Bibbja ma tgħidilniex li Alla wieġeb billi kellem lil Ġeremija mis-sema. Imma l-kelma t’Alla saret bħal nar jaqbad magħluq f’għadmu, u ma setax iżomm lura milli jiddikjaraha. Tabilħaqq, billi esprima ruħu onestament quddiem Alla u billi ħalla lilu nnifsu jiġi mqanqal minn dak li kien jaf dwar ir-rieda Tiegħu, Ġeremija kien motivat biex jibqaʼ jagħmel dak li Alla riedu jagħmel.
11, 12. Ġeremija kif irċieva tweġiba għall-mistoqsija tiegħu dwar is-suċċess li jidher li jkollhom dawk mill-agħar?
11 Ġeremija kellu mistoqsija li kienet qed tinkwetah meta ra li l-ħżiena kienu qed jirnexxu. (Aqra Ġeremija 12:1, 3.) Għalkemm bl-ebda mod ma kien qed jiddubita s-sewwa taʼ Ġeħova, il-profeta fittex tweġiba għall-“ilment” tiegħu. Il-fatt li ma qagħadx idur mal-lewża jagħmilha ċara li kellu relazzjoni b’saħħitha m’Alla, simili ħafna għal dik li jkollu tifel maʼ missieru li tant iħobb. Sempliċement kien għaliex Ġeremija ma fehemx għala ħafna Lhud kienu qed jistagħnew minkejja l-fatt li kienu mill-agħar. Irċieva Ġeremija tweġiba sodisfaċenti? Ġeħova assigurah li Hu kien se jaqlaʼ l-ħżiena minn arthom. (Ġer. 12:14) Hekk kif Ġeremija ra kif żvolġew l-affarijiet li dwarhom kien talab lil Alla, il-fiduċja tiegħu fil-ġustizzja divina żgur li kibret. Minħabba dan, Ġeremija żgur li dar iktar u iktar lejn Alla bit-talb u esprima ruħu maʼ Missieru.
12 Lejn l-aħħar tal-ħakma taʼ Sedekija, meta l-Babiloniżi kienu qed jassedjaw lil Ġerusalemm, Ġeremija rrefera għal Ġeħova bħala xi ħadd ‘li għajnejh miftuħin fuq it-triqat kollha taʼ wlied il-bnedmin, sabiex jagħti lil kulħadd skond triqatu u skond frott l-għemejjel tiegħu.’ (Ġer. 32:19) Ġeremija setaʼ jara x’kienet il-waqfa taʼ Ġeħova fejn tidħol il-ġustizzja, li Alla tassew qiegħed attent għal dak li kulħadd qed jagħmel u jismaʼ t-talb ħerqan tal-qaddejja tiegħu. U, fi qbil maʼ dan, huma kienu se jaraw iktar u iktar biċ-ċar li Hu jagħti “lil kulħadd skond triqatu u skond frott l-għemejjel tiegħu.”
13. Għala int fiduċjuż li se titwettaq ir-rieda t’Alla?
13 Aħna għandna mnejn ma nħossuniex li għandna xi dubju dwar il-ġustizzja u l-għerf t’Alla dwar kif iwettaq u għad irid iwettaq ir-rieda tiegħu. Minkejja dan, nistgħu nibbenefikaw jekk nirriflettu fuq dak li Ġeremija għadda minnu u nsemmu fit-talb tagħna kif inħossuna f’qalbna. Jekk nesprimu ruħna b’dan il-mod se nsaħħu l-fiduċja tagħna f’Ġeħova, li r-rieda tiegħu żgur se titwettaq. Anke jekk ma nifhmux bis-sħiħ bħalissa għala l-affarijiet qed jiżvolġu bil-mod li qegħdin, jew għala r-rieda t’Alla qed titwettaq bir-rata li qiegħda, nistgħu nesprimu l-fiduċja tagħna fit-talb li hu għandu l-kontroll sħiħ. Ir-rieda tiegħu se sseħħ bil-mod u bir-rata li hu jaf li huma l-aħjar. Dan hu garantit; m’għandna l-ebda raġuni biex niddubitawh. Aħna se nkomplu nistaqsu, “Fejn hu Ġeħova?” fis-sens li bit-talb infittxu li nifhmu r-rieda tiegħu u naraw evidenza tat-twettiq tagħha.—Ġob 36:5-7, 26.
X’assiguranza tirċievi mill-esperjenzi taʼ Ġeremija f’li jfittex lil Ġeħova bit-talb?
ĠEREMIJA MELA QALBU BL-GĦARFIEN
14. Kif nafu li Ġeremija għamel riċerka dwar l-istorja tan-nies t’Alla?
14 Rigward il-mistoqsija “Fejn hu Ġeħova?” Ġeremija kien tassew konxju tal-bżonn tal-‘għarfien dwar Ġeħova.’ (Ġer. 9:24) Żgur li kien studja l-istorja tan-nies t’Alla hekk kif ġabar l-informazzjoni għall-kotba li issa huma magħrufin bħala l-1 u t-2 Slaten. Hu semma speċifikament “ktieb il-ġrajjiet taʼ Salamun,” “ktieb il-ġrajjiet taʼ żmien is-slaten taʼ Israel,” u “ktieb il-ġrajjiet taʼ żmien is-slaten taʼ Ġuda.” (1 Slat. 11:41; 14:19; 15:7) Minħabba dan, hu sar jifhem kif Ġeħova ttratta maʼ diversi sitwazzjonijiet. Ġeremija setaʼ jara dak li għoġob lil Ġeħova u kif Hu ħares lejn id-deċiżjonijiet tan-nies. Ukoll, setaʼ jikkonsulta l-kitbiet imnebbħin li kienu disponibbli f’dak iż-żmien, bħal dawk taʼ Mosè, Ġożwè, Samwel, David, u Salamun. Bla dubju, hu kien jaf dwar il-profeti taʼ qablu kif ukoll dawk li pprofetizzaw fi żmienu. L-istudju persunali taʼ Ġeremija kif kien taʼ benefiċċju għalih?
15. X’benefiċċji setaʼ kiseb Ġeremija mir-riċerka tiegħu tal-profezija t’Elija?
15 Ġeremija niżżel bil-miktub ir-rakkont dwar Ġeżabel, il-mara mill-agħar tas-Sultan Aħab tas-Samarija. Ir-rakkont tiegħu inkluda d-dikjarazzjoni t’Elija li l-klieb kienu se jieklu lil Ġeżabel fil-biċċa art f’Ġeżragħel. (1 Slat. 21:23) Fi qbil maʼ dak li niżżel bil-miktub Ġeremija, int taf li xi 14-il sena wara, Ġeżabel twaddbet minn tieqa, tgħaffġet miż-żiemel taʼ Ġeħu, u ttieklet mill-klieb. (2 Slat. 9:31-37) Ir-riċerka fil-profezija t’Elija u t-twettiq tagħha, anke bid-dettalji tagħha, żgur li saħħet il-fidi taʼ Ġeremija fil-kelma t’Alla. Tabilħaqq, wara l-perseveranza tiegħu bħala profeta kien hemm fidi li kienet inbniet bl-istudju tiegħu tal-attivitajiet taʼ Ġeħova tal-passat.
16, 17. Għala taħseb li Ġeremija setaʼ jippersevera f’li jwissi lis-slaten mill-agħar taʼ żmienu?
16 Ejja nieħdu eżempju ieħor. X’taħseb li għamilha possibbli għal Ġeremija biex jibqaʼ jwissi lil slaten ħżiena bħal Ġeħojakim u Sedekija minkejja l-fatt li kien persegwitat? Raġuni ewlenija kienet li Ġeħova għamel lil Ġeremija “belt fortifikata u pilastru tal-ħadid u sur tar-ram aħmar” kontra s-slaten taʼ Ġuda. (Ġer. 1:18, 19) Imma ejja ma ninsewx il-fatt li Ġeremija kien għamel riċerka estensiva dwar il-ħakmiet tas-slaten taʼ qabel taʼ Ġuda u Iżrael. Hu kien kiteb dwar il-fatt li Manasse kien bena “artali għall-armata kollha tas-smewwiet f’żewġ btieħi tad-dar taʼ Ġeħova,” kien għadda lil ibnu stess min-nar bħala sagrifiċċju, u kien xerred kwantità tassew kbira taʼ demm innoċenti. (2 Slat. 21:1-7, 16; aqra Ġeremija 15:4.) Madanakollu, Ġeremija żgur li kien jaf li meta Manasse umilja ruħu u baqaʼ jitlob lil Ġeħova, “Hu ħallieh jitolbu bil-ħrara,” u Ġeħova reġġaʼ lura lis-sultan f’postu.—Aqra t-2 Kronaki 33:12, 13.
17 Fil-kitbiet tiegħu, Ġeremija ma semmiex il-ħniena taʼ Ġeħova lejn Manasse. Imma Manasse miet bejn wieħed u ieħor 15-il sena biss qabel ma Ġeremija beda l-karriera profetika tiegħu. Għaldaqstant, il-profeta bilfors li semaʼ dwar dak li ġara meta s-sultan nidem mill-ħażen li kien għamel. Il-fatt li għamel riċerka dwar il-kondotta terribbli taʼ Manasse u x’kien ir-riżultat aħħari, żgur li għen lil Ġeremija jara l-valur taʼ li jħeġġeġ lis-slaten, bħal Sedekija, biex ifittex il-ħniena u l-qalb tajba bl-imħabba taʼ Ġeħova. Anke sultan li kien magħruf għall-idolatrija u t-tixrid taʼ demm setaʼ jindem u jiġi maħfur. Li kieku kont fis-sitwazzjoni taʼ Ġeremija, il-ġrajjiet li involvew lil Manasse kienu jinkuraġġuk u jagħtuk raġuni biex ma taqtax qalbek matul il-ħakmiet taʼ slaten ħżiena oħrajn?
L-ESPERJENZA TGĦALLEM
18. Ġeremija x’setaʼ tgħallem mill-eżempju taʼ Urija, u għala twieġeb hekk?
18 Matul il-karriera tiegħu bħala profeta, Ġeremija żgur li tgħallem meta ra kif profeti oħrajn fi żmienu aġixxew f’ċerti sitwazzjonijiet. Wieħed minn dawn kien il-profeta Urija, li pprofetizza kontra Ġerusalemm u Ġuda matul il-ħakma taʼ Ġeħojakim. Però, minħabba li beżaʼ mis-Sultan Ġeħojakim, Urija ħarab lejn l-Eġittu. Wara dan, is-sultan bagħat xi rġiel biex iġibu lil Urija lura mill-Eġittu, u mbagħad qatlu. (Ġer. 26:20-23) Taħseb li Ġeremija tgħallem lezzjoni mill-esperjenza taʼ Urija? Il-fatt li Ġeremija baqaʼ jwissi lil-Lhud bil-qerda li kienet ġejja fuqhom u saħansitra għamel dan fit-tempju juri li żgur tgħallem lezzjoni. Ġeremija baqaʼ kuraġġuż, u Ġeħova m’abbandunahx. Alla bilfors li qanqal lil Aħikam, bin Safan, biex jipproteġi l-ħajja taʼ Ġeremija, li kien kuraġġuż.—Ġer. 26:24.
19. Ġeremija x’setaʼ jara mill-fatt li Ġeħova darba wara l-oħra bagħat lill-profeti għand il-poplu Tiegħu?
19 Ġeremija tgħallem ukoll mill-esperjenza tiegħu stess taʼ li jkun użat minn Ġeħova biex iwissi lill-poplu Tiegħu. Fir-rabaʼ sena tal-ħakma tas-Sultan Ġeħojakim, Ġeħova qal lil Ġeremija biex jikteb il-kliem kollu li Hu kien lissen minn żmien Ġosija sa dakinhar. X’kienet ir-raġuni wara din il-gwida divina? Kienet biex tinkuraġġixxi lin-nies biex jerġgħu lura milli jagħmlu l-ħażen u jirċievu l-maħfra. (Aqra Ġeremija 36:1-3.) Ġeremija, li kien ibakkar biex jagħti twissijiet mingħand Alla, saħansitra talab lin-nies bil-ħrara biex jieqfu mill-prattiki mistkerrhin. (Ġer. 44:4) Ma jidhirx ċar li Ġeremija bilfors li rrealizza mill-esperjenza tiegħu stess li Alla bagħat lill-profeti sforz il-mogħdrija li kellu lejn il-poplu Tiegħu? U ma taqbilx li dan kien se jnissel mogħdrija f’Ġeremija nnifsu? (2 Kron. 36:15) Tistaʼ tifhem mela, li meta Ġeremija salva mill-qerda taʼ Ġerusalemm, hu setaʼ jgħid: “Hu minħabba l-atti taʼ qalb tajba bl-imħabba taʼ Ġeħova li ma ntemmejniex, għax il-ħniniet tiegħu ma jispiċċawx. Jiġġeddu kull fil-għodu.”—Lam. 3:22, 23.
Ġeremija kif bilfors li ġie effettwat mir-riċerka li għamel dwar kif Alla kien ittratta man-nies qabel u mill-meditazzjoni fuq dak li għadda minnu hu u oħrajn? X’nistgħu nitgħallmu minn dan?
TISTAQSI INT KULJUM, “FEJN HU ĠEĦOVA?”
20. Kif tistaʼ timita lil Ġeremija f’li tfittex lil Ġeħova?
20 Fid-deċiżjonijiet li tiffaċċja kuljum, tagħmel ċert li tfittex x’inhi r-rieda t’Alla, li tistaqsi, “Fejn hu Ġeħova?” (Ġer. 2:6-8) Kuntrarju għal-Lhud taʼ żmienu, Ġeremija dejjem dar lejn Dak li Jistaʼ Kollox għall-għajnuna dwar x’kellu jagħmel. Mingħajr ebda dubju, li nimitaw lil Ġeremija f’li kuljum infittxu x’inhi l-ħarsa taʼ Ġeħova huwa l-iktar triq għaqlija għal kull wieħed u waħda minna meta nieħdu xi deċiżjoni.
21. X’tip taʼ talb jistaʼ jgħinek fejn jidħol il-ministeru tiegħek, bħal pereżempju, meta xi ħadd iwieġeb bi ħruxija?
21 Id-deċiżjoni m’hemmx għalfejn tkun dwar xi kwistjoni serja jew bidla drammatika f’ħajtek. Pereżempju, xi ngħidu għad-deċiżjoni li toħroġ fil-ministeru tal-għalqa fil-ġurnata li ppjanajt? Forsi tqum u tara li l-ajru msaħħab u dan ma tantx iħajrek toħroġ fis-servizz tal-għalqa. Forsi kemm-il darba nħadem it-territorju fejn se tingħata xhieda minn dar għal dar dakinhar. Għandek mnejn tiftakar li xi nies għamlu tabirruħhom li kienu edukati u qalulek titlaq waqt li oħrajn għamlu dan b’maledukazzjoni għall-aħħar. F’dak il-ħin, kmieni fil-ġurnata, tistaʼ int tistaqsi fit-talb, “Fejn hu Ġeħova?” Li tagħmel dan jistaʼ jgħinek taħseb dwar is-sbuħija tal-messaġġ li se ġġorr u tħoss iktar profondament li hija r-rieda t’Alla li tiddikjara dak il-messaġġ. Imbagħad, taf tħoss il-kelma taʼ Ġeħova ssir sors taʼ ferħ u hena għalik, kif kienet għal Ġeremija. (Ġer. 15:16, 20) Jekk iktar tard matul il-ministeru tiltaqaʼ maʼ min ikun tassew aħrax miegħek jew saħansitra jheddek, inti tistaʼ terġaʼ tesprimi s-sentimenti tiegħek f’talb lil Alla. Hekk se tagħmel int? Tinsiex li hu jistaʼ jipprovdilek l-ispirtu qaddis sabiex tkun tistaʼ tirreaġixxi b’mod xieraq, u x-xewqa tiegħek li titkellem dwar il-messaġġ t’Alla se tegħleb is-sentimenti negattivi.—Lq. 12:11, 12.
22. Xi talb għala għandu mnejn jiġi miżmum?
22 Tajjeb li tkun konxju li xi talb jistaʼ jkun imfixkel jew miżmum. (Aqra Lamentazzjonijiet 3:44.) Ġeħova ma semax it-talb tal-Lhud ribellużi għax kienu qed ‘idawru widnithom minnu’ u jippersistu f’li jiksru l-liġi. (Prov. 28:9) Il-lezzjoni żgur li kienet ċara għal Ġeremija, l-istess kif għandha tkun għalina: Jekk xi ħadd jonqos milli jaġixxi fi qbil mat-talb tiegħu, dan se jiddiżappunta lil Alla u jistaʼ jwassal biex Hu ma jibqax jismaʼ t-talb tiegħu. Żgur li din hi xi ħaġa li għandna nevitaw akkost taʼ kollox.
23, 24. (a) X’inhu essenzjali jekk irridu nsiru nafu r-rieda taʼ Ġeħova? (b) Kif tistaʼ tikseb iktar benefiċċju mill-istudju persunali tiegħek?
23 Minbarra t-talb sinċier għad-direzzjoni taʼ Ġeħova, aħna neħtieġu nippersistu fl-istudju persunali tagħna, mezz importanti kif insiru nafu x’inhi r-rieda taʼ Ġeħova. F’dan ir-rigward għandna vantaġġ fuq Ġeremija. Aħna għandna l-Bibbja sħiħa. Bħal Ġeremija, li għamel riċerka fil-fond biex jiġbor flimkien ir-rakkont storiku u mnebbaħ tiegħu, int tistaʼ tfittex fil-Kelma t’Alla għal gwida divina waqt li tistaqsi, “Fejn hu Ġeħova?” Billi tħabrek biex titgħallem ir-rieda tiegħu, int tpoġġi l-fiduċja fih u ssir “bħal siġra mħawla ħdejn l-ilmijiet, li tifrex għeruqha safejn ikun għaddej l-ilma.”—Aqra Ġeremija 17:5-8.
24 Int u taqra u timmedita fuq l-Iskrittura Qaddisa, ipprova agħraf dak li Ġeħova jridek tagħmel f’diversi sitwazzjonijiet. Tistaʼ tfittex għal prinċipji li trid tiftakar u tapplika f’ħajtek. Waqt li taqra rakkonti storiċi, kmandi divini, prinċipji t’Alla, u espressjonijiet għaqlin fil-Kelma t’Alla, aħseb fuq kif dawk is-siltiet għandhom jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tiegħek taʼ kuljum. Bħala tweġiba għal meta tistaqsi, “Fejn hu Ġeħova?” hu jistaʼ jurik permezz tal-Kelma miktuba tiegħu kif tkampa mas-sitwazzjonijiet li taf tiffaċċja, anke dawk serji. Fil-Bibbja għandek mnejn tara minn angolu ieħor ‘l-affarijiet li ma jistgħux jiġu mifhumin u li qatt ma kont taf bihom’ jew indunajt bihom.—Ġer. 33:3.
25, 26. L-esperjenzi għala jistgħu jkunu taʼ benefiċċju għalina?
25 Minbarra dan, inti tistaʼ tikkunsidra esperjenzi, kemm dawk tiegħek u kemm t’oħrajn. Pereżempju, forsi tara lil xi wħud li ma jibqgħux jistrieħu fuq Ġeħova, bħal fil-każ taʼ Urija. (2 Tim. 4:10) Tistaʼ titgħallem mill-mod kif aġixxew huma u tevita l-istess riżultat diżastruż. Ftakar spiss fil-qalb tajba bl-imħabba li Ġeħova wera meta ttratta miegħek, billi tiftakar li Ġeremija wkoll apprezza l-ħniniet u l-mogħdrija t’Alla. Tkun kemm tkun iddisprata s-sitwazzjoni tiegħek, taħsibx li l-Iktar Għoli ma jimpurtahx minnek. Hu tassew jimpurtah, l-istess kif impurtah minn Ġeremija.
26 Hekk kif timmedita dwar kif Ġeħova jittratta maʼ individwi llum, int se tirrealizza li hu qed jipprovdi gwida kuljum b’diversi modi. Aki, oħt żagħżugħa fil-Ġappun, ħasset li ma kinitx denja li tkun Kristjana. Ġurnata minnhom meta kienet fis-servizz tal-għalqa mal-mara tal-indokratur tas-circuit, Aki esprimiet ruħha: “Inħoss li Ġeħova dalwaqt jobżoqni minn ħalqu, imma jien qed niggranfa maʼ xofftejh u nitolbu jagħtini ftit iktar ċans.” Il-mara tal-indokratur tas-circuit ħarset dritt f’għajnejha u qalet: “Jien qatt ma ħassejt li int Kristjana fietla!” Iktar tard, Aki ħasbet fil-fond dwar dak il-kumment rassiguranti. Veru, ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li Ġeħova kien qatt ħares lejha bħala fietla. Wara dan, Aki talbet lil Ġeħova: “Ibgħatni fejn trid. Jien se nagħmel dak li tridni nagħmel.” Fl-istess żmien, hi żaret art barranija fejn kien hemm grupp żgħir tal-Ġappuniż li kellu bżonn xi ħadd li jitkellem il-lingwa u li setaʼ jibqaʼ hemm u jaqdi flimkien miegħu. Inzerta li Aki kienet twieldet f’dak il-pajjiż, b’hekk kien faċli għaliha li tmur tgħix hemm u tgħin. Imma fejn kienet se toqgħod? Oħt li bintha kienet għadha kif marret tgħix xi mkien ieħor offritilha kamra. “Kien bħallikieku kollox kien qed jaqaʼ f’postu; Ġeħova kien qed jiftaħ it-triq għalija,” ikkonkludiet Aki.
27. Il-mistoqsija “Fejn hu Ġeħova?” għala għandha timmotivak?
27 Ħafna aħwa jistgħu jirrakkontaw drabi meta huma personalment ħassew il-gwida t’Alla, forsi huma u jaqraw il-Bibbja jew jagħmlu l-istudju persunali. Int ukoll għandek mnejn kellek esperjenzi simili. Dawn għandhom isaħħu r-rabta tiegħek maʼ Ġeħova u jqanqluk tavviċinah bit-talb iktar spiss u b’iktar ħeġġa. Kun fiduċjuż li hekk kif kuljum nibqgħu nistaqsu, “Fejn hu Ġeħova?” hu se jurina triqtu.—Is. 30:21.
Kif tistaʼ ssib it-tweġiba għall-mistoqsija, “Fejn hu Ġeħova?” B’liema modi tistaʼ tfittex għall-gwida tiegħu?