Kapitlu Wieħed
“Jien Poġġejtlek Kliemi f’Fommok”
1, 2. Għala tafda dak li taqra mill-Bibbja?
“HEMM ħabib li jintrabat miegħek iktar minn ħuk.” (Prov. 18:24) Esperjenzajt kemm hu minnu dan il-kliem ispirat? Int tistaʼ tafda dak li jgħidlek ħabib taʼ veru. Meta jgħidlek xi ħaġa tajba jew jispjega x’se jagħmel, int temmnu. Jekk jiġbed l-attenzjoni lejn xi ħaġa li teħtieġ xi aġġustament, x’aktarx li taċċetta dak li jgħid u taġixxi fi qbil miegħu. Maż-żmien hu ta prova li tassew irid jgħinek, anki meta joffrilek xi parir. Hu jridek tirnexxi, u int tixtieq l-istess għalih biex b’hekk il-ħbiberija tagħkom tkun waħda dejjiema.
2 B’ħafna modi, l-irġiel li Alla uża biex jikteb il-kotba tal-Bibbja jistgħu jkunu ħbieb bħal dawn għalik. Tistaʼ temmen dak li jgħidulek. Int ċert li dak li jgħidu hu għall-ġid tiegħek. L-Iżraelin tal-qedem hekk messhom ħassewhom dwar il-“bnedmin [li] tkellmu minn Alla skond kif tmexxew mill-ispirtu qaddis.” (2 Pt. 1:20, 21) Ir-raġel li Alla uża biex jikteb l-akbar ktieb profetiku kien Ġeremija, li wkoll kiteb il-Lamentazzjonijiet u żewġ kotba tal-Bibbja oħrajn.
3, 4. Xi nies kif iħarsu lejn il-kotba taʼ Ġeremija u l-Lamentazzjonijiet, imma din għala hi ħarsa żbaljata? Spjega.
3 Iżda, forsi indunajt li xi qarrejja tal-Bibbja għandhom it-tendenza li jgħidu li l-kitbiet taʼ Ġeremija ‘ma jgħoddux għalihom.’ Għandhom mnejn jimmaġinaw li l-kotba taʼ Ġeremija u l-Lamentazzjonijiet fihom biss twissijiet tal-biżaʼ u tbassir aħrax.a Imma hija din ħarsa realistika taʼ Ġeremija u l-Lamentazzjonijiet?
4 Veru li l-kitbiet taʼ Ġeremija kien fihom twissijiet u pariri diretti, però int taf li xi kultant ħabib ukoll jagħmel dan. Anki Ġesù qal dak li ħaseb meta l-ħbieb tiegħu, l-appostli, urew attitudnijiet żbaljati; hu kkoreġiehom bla tlaqliq. (Mk. 9:33-37) Minkejja dan, il-messaġġ ewlieni taʼ Ġesù kien wieħed pożittiv, billi wera kif setgħu jiksbu l-approvazzjoni t’Alla u l-ferħ fil-futur. (Mt. 5:3-10, 43-45) L-istess nistgħu ngħidu għall-kitbiet taʼ Ġeremija li huma parti mill-“Iskrittura kollha” li tiswa biex “tgħallem.” (2 Tim. 3:16) Huwa minnu li Ġeremija b’mod ċar stqarr x’inhi l-ħarsa t’Alla lejn dawk li qalu li qdew lil Ġeħova imma li kien ħaqqhom ibatu l-konsegwenzi tal-mogħdijiet ħżiena tagħhom. Xorta waħda, il-kotba taʼ Ġeremija u l-Lamentazzjonijiet fihom messaġġ taʼ tama u juru kif aħna nistgħu niġu mberkin fil-futur. Ġeremija inkluda profeziji dwar kif Alla kien se jaġixxi fi qbil mal-iskop tiegħu, u llum aħna involuti direttament fit-twettiq tagħhom. Barra minn hekk, f’dawn iż-żewġ kotba se ssib stqarrijiet li huma pożittivi u inkuraġġanti.—Aqra Ġeremija 31:13, 33; 33:10, 11; Lamentazzjonijiet 3:22, 23.
5. Kif nistgħu nibbenefikaw mill-kitbiet taʼ Ġeremija?
5 Kemm il-ferħ li għandna bħalissa fost il-poplu t’Alla kif ukoll il-prospetti tagħna għall-futur huma konnessi m’affarijiet li kiteb Ġeremija. Il-fratellanza magħquda tagħna hija eżempju taʼ dan. Il-kitbiet tiegħu se jgħinuna nsaħħu din il-fratellanza u napplikaw il-parir tal-appostlu Pawlu: “Ħuti, komplu thennew, aġġustaw ruħkom, tfarrġu, kunu ħsieb wieħed, għixu fil-paċi; u l-Alla taʼ l-imħabba u tal-paċi jkun magħkom.” (2 Kor. 13:11) Il-kitbiet taʼ Ġeremija għandhom x’jaqsmu direttament ukoll mal-messaġġ li nippritkaw. Waqt li ngħidu lil oħrajn dwar l-aħħar jiem u nwissu dwar it-tmiem taʼ din is-sistema li riesaq, il-messaġġ tagħna xorta hu pożittiv, billi joffri bażi għal tama. Iktar minn hekk, dak li kiteb Ġeremija hu tassew utli b’modi prattiċi. Is-sitwazzjoni tagħna fiha ħafna xebh mal-ħajja u l-messaġġ tiegħu. Sabiex tifhem dan, ikkunsidra l-isfond u l-inkarigu taʼ dan il-profeta eżemplari li lilu Alla qal: “Jien poġġejtlek kliemi f’fommok.”—Ġer. 1:9.
6, 7. Għala nistgħu nkunu ċerti li Alla kien interessat f’Ġeremija, u x’kien qed jiġri f’Ġuda meta twieled?
6 Raġel u mara miżżewġin li jkunu qed jistennew it-twelid taʼ tarbija spiss jaħsbu dwar it-tifla jew it-tifel futur tagħhom. Kif se jkun, u x’se jagħmel f’ħajtu? X’se jkunu l-interessi u l-karriera tiegħu, u x’se jwettaq? Wisq probabbli l-ġenituri tiegħek ħasbu dwar dawn l-affarijiet. Żgur li l-ġenituri taʼ Ġeremija għamlu l-istess. Madankollu, il-każ tiegħu kien speċjali. Għala? Il-Ħallieq tal-univers kien interessat b’mod partikulari fil-ħajja u fl-attivitajiet taʼ Ġeremija.—Aqra Ġeremija 1:5.
7 Iva, qabel twieled Ġeremija, Alla ra li hu kien se jkun adattat biex jaqdi bħala profeta. Hu wera interess speċjali f’tifel li kien se jitwieled f’familja taʼ qassisin li għexet fit-Tramuntana taʼ Ġerusalemm. Dan ġara f’nofs is-sebaʼ seklu Q.E.K., fi żmien mhux daqshekk sabiħ f’Ġuda minħabba l-ħakma ħażina tas-Sultan Manasse. (Ara paġna 19.) Matul il-maġġuranza tal-ħakma tiegħu li damet 55 sena, Manasse għamel dak li kien ħażin f’għajnejn Ġeħova. Warajh, ibnu Amon għamel l-istess. (2 Slat. 21:1-9, 19-26) Bidla drammatika seħħet hekk kif beda jsaltan is-sultan li kien imiss taʼ Ġuda. Iva, is-Sultan Ġosija fittex lil Ġeħova. Sat-18-il sena tal-ħakma tiegħu, Ġosija kien naddaf l-art mill-idolatrija. Dan żgur li għoġob lill-ġenituri taʼ Ġeremija. Kien matul il-ħakma taʼ Ġosija li Alla inkariga lil binhom.—2 Kron. 34:3-8.
X’raġuni għandek biex tkun interessat fil-kotba taʼ Ġeremija u l-Lamentazzjonijiet?
ALLA JAGĦŻEL KELLIEMI
8. X’inkarigu ngħata Ġeremija, u kif irreaġixxa?
8 Ma nafux kemm kellu żmien Ġeremija meta Alla qallu: “Profeta għall-ġnus għamiltek.” Jistaʼ jkun li kellu madwar 25 sena, l-età meta qassis setaʼ jidħol fl-ewwel fażi tas-servizz tiegħu. (Num. 8:24) Kellu kemm kellu żmien, Ġeremija wieġeb: “Jaħasra, O Mulej Sovran Ġeħova! Jien ma nafx nitkellem, għax m’iniex ħlief naqra taʼ tifel.” (Ġer. 1:6) Hu żamm lura, forsi għax ħaseb li kien għadu żgħir wisq jew li ma kienx kwalifikat biex iġorr din ir-responsabbiltà serja u biex jitkellem fil-pubbliku kif kien mistenni minn profeta.
9, 10. Ġeremija f’liema ċirkustanzi beda jaqdi bħala profeta, imma maż-żmien l-inkarigu tiegħu għala sar taʼ sfida?
9 Ġeremija ġie inkarigat bħala profeta fiż-żmien meta s-Sultan Ġosija kien qed jelimina l-qima falza mistkerrha u kien qed jippromwovi l-qima vera. Kellhom kemm kellhom komunikazzjoni jew kuntatt bejniethom Ġeremija u Ġosija, jidher ċar li kien żmien favorevoli għal profeta veru. Sofonija u Naħum ukoll qdew f’Ġuda fil-bidu tal-ħakma taʼ Ġosija.b Il-profetessa Ħulda wkoll qdiet f’dan iż-żmien, imma bassret li kien ġej żmien ikrah. U Ġeremija esperjenzah dak iż-żmien ikrah. (2 Slat. 22:14) Infatti, kien hemm drabi meta ħbieb bħal Għebed-melek u Baruk kellhom isalvaw lil Ġeremija minn mewta ċerta jew jipproteġuh minn għedewwa vendikattivi.
10 Kif kont tħossok kieku Alla qal li int ġejt inkarigat b’mod speċjali bħala profeta biex twassal messaġġ qawwi? (Aqra Ġeremija 1:10.) Ikkunsidra eżempju wieħed biss taʼ dak li kellu jiddikjara Ġeremija. Fis-sena 609 Q.E.K., l-armati Babiloniżi kienu qed joqorbu lejn Ġerusalemm. Is-Sultan Sedekija stenna messaġġ favorevoli mingħand Alla permezz taʼ Ġeremija. Imma Alla ma kellux messaġġ bħal dan għas-sultan.—Aqra Ġeremija 21:4-7, 10.
KIEN BNIEDEM BĦALNA
11. Ġeremija għala setaʼ sabha diffiċli imma rassiguranti li jwettaq l-inkarigu tiegħu?
11 Immaġina li kellna nwasslu kundanni u ġudizzji ħorox kontra slaten mill-agħar, qassisin korrotti, u profeti foloz. Ġeremija hekk kellu jagħmel. Imma aħna għandna l-appoġġ t’Alla l-istess bħalma kellu Ġeremija. (Ġer. 1:7-9) Alla wera li kellu l-fiduċja fiż-żagħżugħ Ġeremija, u ħeġġu bil-kliem: “Jien, illum għamiltek belt fortifikata u pilastru tal-ħadid u sur tar-ram aħmar kontra l-pajjiż kollu, is-slaten taʼ Ġuda, il-prinċpijiet tiegħu, il-qassisin tiegħu u n-nies tal-pajjiż. U dawn jiġġieldu kontrik imma ma jegħlbukx, għax ‘jien miegħek,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘biex neħilsek.’”—Ġer. 1:18, 19.
12. X’inhuma xi raġunijiet għala nistgħu nissimpatizzaw mas-sentimenti taʼ Ġeremija?
12 Ħadd m’għandu għalfejn jaħseb li Ġeremija kien xi bniedem tassew eċċezzjonali. Hu kien bniedem bħalna. Iktar minn hekk, taʼ min jinnota li għalkemm Ġeremija kien jgħix fi żmien ieħor, hu ffaċċja sitwazzjonijiet simili għal tagħna. Aħna nikkomunikaw jew ikollna kuntatt maʼ tipi differenti taʼ nies fil-ħajja tagħna taʼ kuljum u fl-attivitajiet tal-kongregazzjoni, l-istess kif għamel Ġeremija maʼ dawk taʼ madwaru. Dan kollu għandu x’jaqsam maʼ dak li nistgħu nitgħallmu minn Ġeremija, li bħall-profeta Elija, kien “raġel b’sentimenti bħal tagħna.” (Ġak. 5:17) Ikkunsidra xi eżempji taʼ dak li nistgħu nitgħallmu minn Ġeremija.
13, 14. Xi Kristjani għala jistgħu jifhmu l-esperjenza li Ġeremija kellu maʼ Pasħur, bħalma turi l-istampa f’paġna 10?
13 Matul is-snin, ħajtek żgur li ma kinitx kollha ward u żahar. L-istess kienet fil-każ taʼ Ġeremija. Darba minnhom, Pasħur, qassis prominenti, ħabat għal Ġeremija u qiegħdu fil-qjud. Għal sigħat sħaħ, kien magħluq ġo frejm tal-injam li setaʼ żamm lil saqajh, idejh, u għonqu b’tali mod li ġiegħlu joqgħod f’pożizzjoni mgħawġa. Minbarra l-uġigħ li ħass, żgur li kellu jissaporti ħafna twaqqigħ għaċ-ċajt li qalaʼ mingħand l-opponenti. Taħseb li int kieku tiflaħ tissaporti twaqqigħ għaċ-ċajt malizzjuż, saħansitra trattament ħażin fiżiku?—Ġer. 20:1-4.
14 Meta nqisu s-sitwazzjoni taʼ Ġeremija, ma niskantawx li ħassu mqanqal jgħid: “Misħut jum twelidi! . . . Għalfejn ħriġt mill-ġuf biex nara xogħol iebes u għali u biex jiemi jintemmu fl-għajb?” (Ġer. 20:14-18) Jidher ċar li kien jaf x’jiġifieri li tkun iddisprat. Ġieli ħassejtek tant qalbek maqtugħa li taħseb li ma tiswa għalxejn, jew li tiddubita dak li qed twettaq, jew saħansitra tiddubita jekk jagħmilx sens li tkompli taqdi lil Ġeħova? Kull min qatt ħassu hekk jistaʼ jibbenefika minn fehma aħjar tal-esperjenzi taʼ Ġeremija u kif l-affarijiet żvolġew għalih.
X’jimpressjonak mill-fatt li Ġeħova inkariga lil Ġeremija? Għala tistaʼ tissimpatizza mas-sentimenti taʼ Ġeremija?
15. Għala nistgħu nibbenefikaw jekk ninnotaw il-bidliet fil-burdata li esperjenza Ġeremija?
15 L-espressjonijiet taʼ disprament li naqraw f’Ġeremija 20:14-18 jiġu eżatt wara li l-profeta tkellem dwar li jkanta u jfaħħar lil Ġeħova. (Aqra Ġeremija 20:12, 13.) Fil-każ tiegħek, ġieli nnotajt li l-emozzjonijiet tiegħek jinbidlu pjuttost malajr? Filli tkun tassew ferħan, u filli tinbidel il-burdata u tħossok skuraġġit. X’aktarx li lkoll kemm aħna nistgħu nibbenefikaw jekk nanalizzaw l-esperjenzi taʼ Ġeremija. Jidher ċar li kellu sentimenti umani normali bħalna. Għalhekk, probabbilment nistgħu nibbenefikaw bil-kbir billi neżaminaw dak li għamel u kif irreaġixxa dan ir-raġel li l-Ħallieq setaʼ juża ħafna bħala kelliemi.—2 Kron. 36:12, 21, 22; Esd. 1:1.
16. L-istat taʼ Ġeremija jistaʼ jkollu tifsir għal min?
16 Raġuni oħra għala xi wħud jifhmu lil Ġeremija hi minħabba l-istat tiegħu. Alla ta lil Ġeremija kmand mhux tas-soltu u li forsi kien taʼ sfida: Tiżżewwiġx. (Aqra Ġeremija 16:2.) Ġeħova għala qallu hekk lil Ġeremija, u dan kif effettwah? X’hemm f’dan ir-rakkont li jistaʼ jolqot lill-aħwa rġiel u nisa li mhumiex miżżewġin, kemm jekk għax għażlu huma u kemm jekk minħabba ċ-ċirkustanzi? Fil-fatt, hemm xi ħaġa fl-istqarrija li Alla għamel lil Ġeremija li għandhom jaħsbu dwarha Xhieda li issa huma miżżewġin? U xi ngħidu għall-koppji miżżewġin li m’għandhomx “tfal subien u bniet”? Ir-rakkont taʼ Ġeremija kif jistaʼ jgħinek?
17. Il-kliem tal-profeta misjub f’Ġeremija 38:20, fuqiex jistaʼ jqanqalna naħsbu?
17 Huwa interessanti li darba minnhom Ġeremija ħeġġeġ lis-sultan taʼ Ġuda li kien qed jaħkem: “Obdi, jekk jogħġbok, minn leħen Ġeħova kif qed ngħidlek, u jaħbatlek tajjeb, u int tibqaʼ tgħix.” (Ġer. 38:20) Dan ir-rakkont joffri gwida eċċellenti taʼ kif għandna nġibu ruħna m’oħrajn. Dan jinkludi l-mod kif nittrattaw maʼ nies li għadhom mhumiex qed jaqdu lil Ġeħova imma li forsi nistgħu ngħinuhom. Ukoll, l-attitudni taʼ Ġeremija lejn dawk li kienu qed jobdu lil Alla u l-mod kif ittrattahom huma eżempji prattiċi għalina llum. Iva, nistgħu nitgħallmu ħafna minn Ġeremija.
X’TISTAʼ TISTENNA MINN DAN IL-KTIEB?
18, 19. X’inhuma xi modi kif il-kotba taʼ Ġeremija u l-Lamentazzjonijiet jistgħu jiġu kunsidrati?
18 Din il-pubblikazzjoni se tgħinek teżamina l-kotba Bibliċi taʼ Ġeremija u l-Lamentazzjonijiet u titgħallem minnhom. Kif? L-appostlu Pawlu kien imnebbaħ biex jikteb: “L-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla u tiswa biex tgħallem, twiddeb, tikkoreġi, tiddixxiplina fis-sewwa.” (2 Tim. 3:16) Dan jinkludi ż-żewġ kotba li għadhom kif issemmew.
19 Ovvjament, il-kotba taʼ Ġeremija u l-Lamentazzjonijiet jistgħu jiġu diskussi għall-ġid tagħna b’diversi modi. Pereżempju, tistaʼ tistudja dawn iż-żewġ kotba vers b’vers, billi tipprova tifhem l-isfond jew l-importanza taʼ kull vers. Jew tistaʼ tiffoka fuq paraguni validi billi tqabbel individwi u ġrajjiet deskritti f’Ġeremija u fil-Lamentazzjonijiet m’ekwivalenti jew żviluppi moderni. (Qabbel Ġeremija 24:6, 7; l-1 Korintin 3:6.) Mod ieħor hu billi tistudja l-kotba biex titgħallem l-isfond storiku tal-ġrajjiet li seħħew fi żmien Ġeremija. (Ġer. 39:1-9) Infatti, sa ċertu punt, xi ftit minn din l-informazzjoni hija meħtieġa jekk trid tibbenefika mill-konsiderazzjoni tiegħek taʼ Ġeremija u l-Lamentazzjonijiet. Għalhekk, Kapitlu 2, “Jaqdi ‘fl-Aħħar Parti tal-Jiem,’” se jgħinna niksbu ħarsa fuq fuq dwar kif kien il-perijodu storiku li fih għex Ġeremija u dwar kif Alla ggwida l-affarijiet.
20. Kif se nikkunsidraw il-kotba taʼ Ġeremija u l-Lamentazzjonijiet f’din il-pubblikazzjoni?
20 Imma l-iskop ewlieni taʼ din il-pubblikazzjoni hu differenti. Aħna se nikkunsidraw il-kotba taʼ Ġeremija u l-Lamentazzjonijiet bħala għotjiet mingħand Alla biex jgħinna ngħixu bħala Kristjani llum. (Titu 2:12) Aħna se nirrealizzaw iktar minn qatt qabel li dawn iż-żewġ kotba fihom abbundanza t’informazzjoni li “tiswa biex tgħallem.” Huma joffru pariri u eżempji prattiċi li jistgħu jgħinuna nkunu kapaċi u armati hekk kif niffaċċjaw l-isfidi tal-ħajja. Dan hu minnu kemm jekk aħna mhux miżżewġin, miżżewġin, anzjani, pijunieri, uħud li naqilgħu l-għajxien għall-ħajja, nisa tad-dar, jew studenti tal-iskola. F’dawn iż-żewġ kotba mnebbħin, kull wieħed u waħda minna se jiskopri l-għajnuna divina biex ikun ‘armat għal kull għemil tajjeb.’—2 Tim. 3:17.
21. Għala qed tħares ’il quddiem għall-programm taʼ studju li ġej?
21 Hekk kif tikkunsidra kull kapitlu f’din il-pubblikazzjoni, fittex għal punti li tistaʼ tuża. M’hemm l-ebda dubju li l-kotba taʼ Ġeremija u l-Lamentazzjonijiet se jenfasizzaw dak li kiteb Pawlu: “Kulma nkiteb minn qabel inkiteb għall-istruzzjoni tagħna, biex permezz tas-sabar tagħna u permezz tal-faraġ mill-Iskrittura jkollna t-tama.”—Rum. 15:4.
Rigward il-ħajja tiegħek taʼ kuljum, x’tistaʼ titgħallem jekk tistudja l-kotba taʼ Ġeremija u l-Lamentazzjonijiet?
a Għadd taʼ lingwi jużaw il-kelma “ġeremijadi,” li tfisser għajdut “t’inkwiet u għawġ b’ħafna lmenti, krib u qrid.” Il-gazzetta The Washington Post iddeskriviet film dwar bidla fl-ekoloġija u fil-klima bħala “ġeremijadi inkonvenjenti.”
b Iktar tard fil-karriera profetika taʼ Ġeremija, kien hemm profeti oħrajn li qdew fl-istess żmien: Ħabakkuk, Għobadija, Danjel, u Eżekjel. Ġeremija kien qeda għal xi 40 sena meta l-gwaj ġie fuq Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K., u għex għal iktar minn 20 sena wara dan.