Atti—Dak li Għamlu l-Appostli
22 “Aħwa u missirijiet, isimgħuni hekk kif niddefendi lili nnifsi.” 2 Meta semgħuh ikellimhom bl-Ebrajk, huma iktar qagħdu kwieti. Hu qal: 3 “Jien Lhudi, imwieled Tarsu taċ-Ċiliċja, imma ġejt mgħallem b’mod personali minn Gamaljel f’din il-belt. Jien ġejt mgħallem biex nobdi l-Liġi taʼ Mosè sal-inqas dettall, u qdejt lil Alla b’żelu bħalkom ilkoll. 4 Jien irbatt irġiel u nisa li kienu f’din it-Triq,* tfajthom il-ħabs, ippersegwitajthom, u ġew maqtulin. 5 Dan jistgħu jagħtu xhieda tiegħu l-qassis il-kbir u l-ġemgħa tal-anzjani* kollha. Mingħandhom jien ġibt ittri għall-mexxejja Lhud f’Damasku, u kont fi triqti biex narresta lil dawk li kien hemm u nġibhom Ġerusalemm biex jiġu kkastigati.
6 “Imma hekk kif kont qed nivvjaġġa u kważi wasalt Damasku, f’daqqa waħda, għal xi nofsinhar, idda dawl qawwi madwari mis-sema. 7 Jien waqajt fl-art u smajt leħen jgħidli: ‘Sawl, Sawl, għala qed tippersegwitani?’ 8 Jien wiġibt: ‘Min int, Sinjur?’ U hu qalli: ‘Jien Ġesù n-Nazzarenu, li int qed tippersegwita.’ 9 L-irġiel li kienu miegħi rawh id-dawl, imma ma fehmux x’kien qed jgħidli l-leħen. 10 Għalhekk jien għedt: ‘X’għandi nagħmel, Sinjur?’ Hu qalli: ‘Qum, mur Damasku, u hemm se jintqallek dak li ġejt inkarigat tagħmel.’ 11 Imma peress li ma stajt nara xejn minħabba d-dawl qawwi, jien wasalt Damasku bl-għajnuna taʼ dawk li kienu miegħi.
12 “Imbagħad ġie għandi Ananija, raġel li kien jobdi l-Liġi lealment, u l-Lhud kollha li joqogħdu hemm kienu jitkellmu tajjeb dwaru. 13 Hu qagħad bilwieqfa ħdejja u qalli: ‘Ħija Sawl, erġaʼ ibda ara!’ U dak il-ħin stess jien ħarist ’il fuq u rajtu. 14 Hu qalli: ‘L-Alla taʼ missirijietna għażlek biex issir taf dak li jrid hu u biex tara lil Ġesù, il-wieħed ġust, u tismaʼ leħnu, 15 għax int se tkun xhud tiegħu għan-nies kollha billi tgħid dak li rajt u smajt. 16 U issa x’qed tistenna? Qum, tgħammed, u afda f’isem Ġesù* ħalli b’hekk Alla jaħfirlek id-dnubiet.’
17 “Imma meta mort lura Ġerusalemm u kont qed nitlob fit-tempju, kelli viżjoni 18 u rajt lill-Mulej jgħidli: ‘Oħroġ minn Ġerusalemm malajr, għax mhux se jaċċettaw ix-xhieda tiegħek dwari.’ 19 U jien għedtlu: ‘Mulej, huma jafu tajjeb li jien kont immur minn sinagoga għal oħra nitfaʼ l-ħabs lil dawk li jemmnu fik u nsawwathom. 20 Jien kont hemm meta kienu qed joqtlu lill-qaddej* tiegħek Stiefnu. Jien qbilt maʼ dak li kienu qed jagħmlu u ħadt ħsieb il-ħwejjeġ taʼ fuq tagħhom.’ 21 Minkejja dan hu qalli: ‘Mur, għax jien se nibagħtek għand il-popli ’l bogħod.’”
22 Huma baqgħu jisimgħuh s’issa, imbagħad bdew jgħajtu: “Oqtluh, għax ma ħaqqux jibqaʼ jgħix!” 23 Peress li kienu qed jgħajtu, jitfgħu l-ħwejjeġ taʼ fuq ’l hemm u ’l hawn, u jwaddbu t-trab, 24 il-kmandant tal-armata ta kmand biex Pawlu jittieħed fil-kwartieri tas-suldati u jiġi interrogat waqt li jiġi msawwat, ħalli b’hekk ikun jaf eżatt għala n-nies qed jgħajtu biex Pawlu jinqatel. 25 Imma meta rabtuh biex isawtuh bil-frosta, Pawlu qal lill-uffiċjal tal-armata li kien hemm ħdejh: “Hu skont il-liġi li ssawtu Ruman* li għadu m’għaddiex ġuri?”* 26 Malli l-uffiċjal tal-armata semaʼ dan, hu mar għand il-kmandant tal-armata u qallu: “X’biħsiebek tagħmel? Għax dan ir-raġel hu Ruman.” 27 Għalhekk, il-kmandant tal-armata mar ħdejh u staqsieh: “Int Ruman?” Hu wieġbu: “Iva.” 28 Il-kmandant tal-armata qallu: “Jien ħallast ħafna flus biex xtrajt dawn id-drittijiet taʼ ċittadin.” Pawlu qallu: “Imma jien twilidt Ruman.”
29 Għalhekk, is-suldati li kienu se jinterrogawh u jittorturawh telqu minn ħdejh mill-ewwel, u l-kmandant tal-armata beda jibżaʼ meta rrealizza li kien Ruman u li kien rabtu bil-ktajjen.
30 Peress li xtaq ikun jaf eżatt għala kien qed jiġi akkużat mil-Lhud, l-għada hu neħħielu l-ktajjen u ta kmand biex il-qassisin importanti u s-Sinedriju kollu jiltaqgħu. Imbagħad ħa lil Pawlu u qiegħdu f’nofshom.