Ester
5 Fit-tielet jum, Ester libset il-ħwejjeġ irjali u qagħdet fil-bitħa taʼ ġewwa tal-palazz, faċċata tal-kamra tar-re. Ir-re kien bilqiegħda fis-sala tat-tron faċċata tad-daħla. 2 Malli r-re ra lir-Reġina Ester wieqfa fil-bitħa, hu ħa pjaċir biha, u għamel sinjal bix-xettru tad-deheb li kellu f’idu. Imbagħad Ester resqet u messet il-parti taʼ fuq tax-xettru.
3 Ir-re staqsieha: “X’ġara, Reġina Ester? X’tixtieq? Anki jekk titlobni nofs is-saltna, nagħtihielek!” 4 Ester wieġbet: “Jekk inhu tajjeb għalik, ejja llum flimkien maʼ Ħaman għall-ikla kbira li jien ippreparajt għalik.” 5 Għalhekk ir-re qal lill-qaddejja tiegħu: “Għidu lil Ħaman biex jiġi malajr bħalma tixtieq Ester.” Imbagħad ir-re u Ħaman marru għall-ikla kbira li kienet ippreparat Ester.
6 Wara, waqt li kienu qed jixorbu l-inbid, ir-re staqsa lil Ester: “X’tixtieq? Għidli u nagħtihulek. Xi trid? Anki jekk titlob nofs is-saltna, nagħtihielek!” 7 Ester wieġbet: “Jien nixtieq dan, 8 Jekk għandek pjaċir bija u taqbel maʼ dak li se nitlob u tkun lest li taġixxi fuqu, jekk jogħġbok erġaʼ ejja għada maʼ Ħaman għall-ikla kbira li se nagħmel għalikom, u għada ngħidlek x’nixtieq.”
9 Dakinhar, Ħaman ħareġ kuntent u b’burdata tajba, imma meta ra lil Mordekaj fil-bieb tal-palazz tar-re u nnota li dan ma qamx u ma beżax minnu, Ħaman tgħidx kemm ħassu rrabjat għal Mordekaj. 10 Madankollu, Ħaman ikkontrolla lilu nnifsu u mar id-dar tiegħu. Imbagħad bagħat għall-ħbieb tiegħu u għal martu Żeres. 11 Ħaman beda jiftaħar bil-ġid kbir li kellu, bil-ħafna tfal tiegħu, u bl-unur li kien tah ir-re flimkien mal-pożizzjoni iktar għolja minn tal-mexxejja u l-qaddejja.
12 Ħaman kompla jgħid: “U iktar minn hekk, ir-Reġina Ester stiednet lili biss biex immur mar-re għall-ikla kbira li ppreparat, u għada rġajt mistieden niekol magħha u mar-re. 13 Imma minkejja dan kollu, xorta waħda mhux se nkun kuntent jekk nibqaʼ nara lil Mordekaj il-Lhudi bilqiegħda fil-bieb tal-palazz tar-re.” 14 Għalhekk, martu Żeres u l-ħbieb kollha tiegħu qalulu: “Lesti zokk għoli 50 kubitu.* U filgħodu għid lir-re biex idendel lil Mordekaj miegħu. Imbagħad mur l-ikla mar-re u ħu pjaċir.” Din l-idea għoġbitu lil Ħaman, u ħa ħsieb li jitlesta z-zokk.