Eżodu
4 Madankollu, Mosè wieġeb: “Imma ejja ngħidu li ma jemmnunix u ma jisimgħux minni, għax jgħidu, ‘Ġeħova ma deherlekx.’ Imbagħad x’nagħmel?” 2 U Ġeħova qallu: “X’għandek f’idek?” Hu wieġbu: “Bastun.” 3 Imbagħad qallu: “Itfgħu fl-art.” Għalhekk, tefgħu fl-art u sar serp, u Mosè ħarab minnu. 4 Ġeħova issa qal lil Mosè: “Aqbdu minn denbu.” Għalhekk qabdu u sar bastun. 5 Alla mbagħad qallu: “B’dan huma jemmnu li dhertlek jien, Ġeħova, l-Alla taʼ missirijiethom, l-Alla t’Abraham, l-Alla taʼ Iżakk, u l-Alla taʼ Ġakobb.”
6 Imbagħad Ġeħova qallu: “Jekk jogħġbok, daħħal idek fil-libsa tiegħek.” Għalhekk, daħħal idu fil-libsa u meta ħariġha kienet bajda silġ bil-ġdiem! 7 Imbagħad qallu: “Erġaʼ daħħal idek fil-libsa.” Għalhekk, reġaʼ daħħal idu fil-libsa u meta ħariġha reġgħet saret normali bħall-bqija taʼ ġismu! 8 Alla qal: “Jekk ma jemmnukx jew ma jagħtux kas l-ewwel sinjal, żgur li jagħtu kas it-tieni sinjal. 9 Jekk ma jemmnux lanqas dawn iż-żewġ sinjali u ma jkunux iridu jisimgħu minnek, int trid tieħu ftit ilma mix-Xmara Nil u tferrgħu fuq art niexfa, u dan l-ilma jsir demm fuq l-art niexfa.”
10 Mosè issa qal lil Ġeħova: “Skużani, Ġeħova, imma jien qatt ma kont kelliemi tajjeb, la fil-passat u lanqas minn meta bdejt tkellimni int, għax jien ma ninqalax biex nitkellem.” 11 Ġeħova wieġbu: “Min għamel ħalq il-bniedem? Jew min jagħmel lil xi ħadd ma jitkellimx, ma jismax, u jara jew ma jarax? Mhux jien, Ġeħova? 12 Mela issa mur, u jien inkun miegħek meta titkellem, u ngħallmek x’għandek tgħid.” 13 Imma Mosè qallu: “Skużani, Ġeħova, jekk jogħġbok ibgħat lil xi ħadd ieħor minfloki.” 14 Imbagħad Ġeħova rrabja ħafna maʼ Mosè u qallu: “Ħuk Aron, il-Levita, jaf jitkellem sew. Hu issa qiegħed fi triqtu biex jiltaqaʼ miegħek. Meta jarak, żgur li qalbu timtela bil-ferħ. 15 Għalhekk, int għidlu x’għandu jgħid, u jien inkun magħkom hekk kif titkellmu, u ngħallimkom x’għandkom tagħmlu. 16 Hu jrid ikellem lin-nies għalik, u jkun il-kelliemi tiegħek u int tkun bħal Alla għalih.* 17 U trid tieħu dan il-bastun f’idek u bih tagħmel is-sinjali.”
18 Għalhekk, Mosè mar lura għand il-kunjatu tiegħu Ġetro u qallu: “Jekk jogħġbok, ħa nerġaʼ lura għand ħuti li qegħdin l-Eġittu sabiex nara jekk għadhomx ħajjin.” Ġetro qal lil Mosè: “Mur fil-paċi.” 19 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè f’Midjan: “Mur, erġaʼ lura lejn l-Eġittu, għax l-irġiel kollha li kienu qed jipprovaw joqtluk mietu.”
20 Imbagħad Mosè ħa lil martu u lit-tfal tiegħu u rikkibhom fuq ħmar, u beda l-vjaġġ lejn l-art tal-Eġittu. Iktar minn hekk, Mosè ħa f’idu l-bastun tal-Alla l-veru. 21 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Wara li tasal l-Eġittu, qis li tagħmel il-mirakli kollha li tajtek il-qawwa biex tagħmel quddiem il-Fargħun. Imma jien se nħallih iwebbes rasu,* u hu mhux se jibgħat lin-nies. 22 U għandek tgħid lill-Fargħun, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Iżrael hu ibni, l-ewwel imwieled tiegħi. 23 Jien ngħidlek, Ibgħat lil ibni sabiex jaqdini. Imma jekk tirrifjuta li tibagħtu, jien se noqtollok lil ibnek, l-ewwel imwieled tiegħek.”’”
24 Issa matul il-vjaġġ, fil-post fejn waqfu biex jorqdu, Ġeħova ltaqaʼ miegħu u fittex mod kif joqtlu.* 25 Fl-aħħar, Sefora ħadet biċċa ġebla li taqtaʼ* u għamlet iċ-ċirkonċiżjoni lil binha u dak li qatgħet messitu maʼ saqajh* u qalet: “Int sirt żewġi permezz taʼ dan id-demm.” 26 Għalhekk Alla ħallieh imur. Minħabba ċ-ċirkonċiżjoni, hi qalet, “Sirt żewġi permezz tad-demm.”
27 Imbagħad Ġeħova qal lil Aron: “Mur fid-deżert biex tiltaqaʼ maʼ Mosè.” Għalhekk, hu mar u ltaqaʼ miegħu fuq il-muntanja tal-Alla l-veru u biesu. 28 U Mosè qal lil Aron il-kliem kollu taʼ Ġeħova u qallu wkoll dwar is-sinjali kollha li kien ikkmandah jagħmel. 29 Imbagħad Mosè u Aron telqu u ġabru lill-anzjani* kollha tal-Iżraelin. 30 Aron qalilhom il-kliem kollu li Ġeħova kien qal lil Mosè, u għamel is-sinjali quddiem għajnejn in-nies. 31 In-nies emmnu, u meta semgħu li Ġeħova kien se jgħin lill-Iżraelin u li hu kien ra t-tbatija tagħhom, mielu u nxteħtu fl-art quddiemu.