Isaija
36 Fl-14-il sena tat-tmexxija tar-Re Ħeżekija, Sennakerib ir-re tal-Assirja telaʼ kontra l-bliet iffortifikati kollha taʼ Ġuda u ħadhom f’idejh. 2 Ir-re tal-Assirja bagħat lir-Rabsake* b’armata kbira minn Lakis għal għand ir-Re Ħeżekija f’Ġerusalemm. Huma qagħdu ħdejn il-kanal tal-għadira taʼ fuq, li qiegħed fit-triq prinċipali li tagħti għall-għalqa tal-ħassiel. 3 Imbagħad ħarġu jiltaqgħu miegħu Eljakim bin Ħilkija, li kien jieħu ħsieb il-palazz, Sebna s-segretarju, u Ġowaħ bin Asaf ir-reġistratur.
4 Għalhekk ir-Rabsake qalilhom: “Jekk jogħġobkom għidu lil Ħeżekija, ‘Hekk jgħid ir-re l-kbir, ir-re tal-Assirja: “Għala int daqshekk fiduċjuż? 5 Int qed tgħid, ‘Għandi l-istrateġija u l-qawwa biex niggwerra,’ imma dan hu kliem bla sens. F’min fdajt biex tażżarda tirribella kontrija? 6 Int tafda fl-appoġġ taʼ qasba mkissra, l-Eġittu, li jekk xi ħadd iserraħ magħha tidħol fil-pala t’idu u ttaqqabhielu. Hekk hu l-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, għal kull min jafdah. 7 Jew forsi tgħiduli, ‘Aħna nafdaw f’Ġeħova l-Alla tagħna.’ Mhux tiegħu kienu l-postijiet għall-qima u l-artali li neħħa Ħeżekija, filwaqt li qal lil Ġuda u Ġerusalemm biex imilu quddiem dan l-artal?”’ 8 Mela issa jekk jogħġbok, agħmel imħatra maʼ sidi r-re tal-Assirja: Jien nagħtik 2,000 żiemel jekk int kapaċi ssib biżżejjed rikkieba għal fuqhom. 9 Int li tafda fl-Eġittu għall-karrijiet u r-rikkieba taż-żwiemel, tistaʼ tegħleb gvernatur wieħed li hu l-iċken mill-qaddejja taʼ sidi? 10 Taħseb li jien tlajt kontra dan il-pajjiż biex neqirdu mingħajr il-permess taʼ Ġeħova? Ġeħova nnifsu qalli, ‘Itlaʼ kontra dan il-pajjiż u eqirdu.’”
11 Għal dan, Eljakim, Sebna, u Ġowaħ qalu lir-Rabsake: “Jekk jogħġbok, tkellem magħna bil-lingwa Aramajka,* għax aħna nifhmuha; tkellimniex bil-lingwa tal-Lhud għax in-nies taʼ fuq is-sur qed jisimgħu.” 12 Imma r-Rabsake qalilhom: “Jaqaw sidi bagħatni ngħid dan il-kliem lil sidkom u lilkom biss? Mhux anki lill-irġiel taʼ fuq is-sur, dawk li se jieklu ħmieġhom stess u jixorbu l-pipì tagħhom stess magħkom?”
13 Imbagħad ir-Rabsake għajjat b’leħen għoli bil-lingwa tal-Lhud: “Isimgħu l-kelma tar-re l-kbir, ir-re tal-Assirja. 14 Hekk jgħid ir-re, ‘Tħallux lil Ħeżekija jqarraq bikom, għax hu ma jistax jeħliskom. 15 U tħallux lil Ħeżekija jikkonvinċikom tafdaw f’Ġeħova billi jgħidilkom: “Żgur li Ġeħova se jeħlisna, u din il-belt ma tingħatax f’idejn ir-re tal-Assirja.” 16 Tisimgħux minn Ħeżekija, għax hekk jgħid ir-re tal-Assirja: “Agħmlu paċi miegħi u ċedu,* u kull wieħed minnkom jiekol mid-dielja u mit-tina tiegħu u jixrob l-ilma tal-ġiebja tiegħu, 17 sakemm niġi u niħodkom f’art bħal tagħkom. Art li tipproduċi ħafna ċereali* u għeneb biex tagħmlu l-ħobż u l-inbid. 18 Tħallux lil Ħeżekija jqarraq bikom billi jgħidilkom, ‘Ġeħova se jeħlisna.’ Jaqaw kien hemm xi wieħed mill-allat tal-popli li ħeles lil artu minn taħt idejn ir-re tal-Assirja? 19 Fejn huma l-allat taʼ Ħamat u Arfad? Fejn huma l-allat taʼ Sefarwajim? Ħelsuha lis-Samarija minn taħt idejja? 20 Min fost l-allat kollha ħeles lil artu minn taħt idejja, biex Ġeħova jeħles lil Ġerusalemm minn taħt idejja?”’”
21 Imma huma baqgħu siekta u ma wiġbuh xejn, għax il-kmand tar-re kien: “Twiġbuhx.” 22 U Eljakim bin Ħilkija, li kien jieħu ħsieb il-palazz, Sebna s-segretarju, u Ġowaħ bin Asaf ir-reġistratur marru għand Ħeżekija bi ħwejjiġhom imċarrtin u qalulu x’qal ir-Rabsake.