Ir-Rivelazzjoni li Rċieva Ġwanni (L-Apokalissi)
9 Il-ħames anġlu daqq it-trumbetta tiegħu. U rajt stilla li kienet waqgħet mis-sema għal fuq l-art, u lilha* ngħatat iċ-ċavetta tad-daħla li tagħti għall-abbiss. 2 Din fetħet id-daħla li tagħti għall-abbiss, u minn hemm ħareġ duħħan bħal dak taʼ forn kbir, u minħabba fih, ix-xemx u l-arja ddallmu. 3 U mid-duħħan ħarġu ġurati għal fuq l-art, u lilhom ingħatatilhom l-istess awtorità li għandhom l-iskorpjuni fuq l-art. 4 Lilhom intqalilhom biex ma jagħmlux ħsara lill-ħaxix, lill-pjanti, jew lil xi siġra, imma biss lin-nies li m’għandhomx is-siġill t’Alla fuq moħħhom.
5 Lill-ġurati ma ngħatatilhomx l-awtorità biex joqtluhom, imma biex jaħqruhom għal ħames xhur, u l-moħqrija tagħhom kienet bħal tingiża taʼ skorpjun. 6 F’dak iż-żmien, in-nies se jipprovaw ifittxu mod kif imutu imma ma jkunux jistgħu jsibuh, se jixxennqu biex imutu imma ma jkunux jistgħu.
7 Il-ġurati kienu jixbhu liż-żwiemel lesti għall-battalja. Fuq rashom kellhom bħal kuruni tad-deheb, u wiċċhom kien bħal tal-irġiel, 8 imma xagħarhom bħal tan-nisa. Snienhom kienu qishom tal-iljuni, 9 u kellhom kurazzi tal-ħadid. Il-ħoss taʼ ġwinħajhom kien bħal dak tal-karrijiet li jitmexxew miż-żwiemel li jmorru għall-battalja. 10 Denbhom kien iniggeż bħal tal-iskorpjuni, u f’denbhom kellhom l-awtorità biex iweġġgħu lin-nies għal ħames xhur. 11 L-anġlu tal-abbiss kien re fuqhom. Bl-Ebrajk jismu Abaddon,* imma bil-Grieg Apolljon.*
12 L-ewwel gwaj għadda. Imma ġejjin tnejn oħra wara dan.
13 Is-sitt anġlu daqq it-trumbetta tiegħu. U smajt leħen mill-qrun tal-artal tad-deheb li hu quddiem Alla 14 jgħid lis-sitt anġlu li kellu t-trumbetta: “Ħoll l-erbaʼ anġli li huma marbutin ħdejn ix-xmara kbira Ewfrat.” 15 U l-erbaʼ anġli li kienu lesti għal dik is-siegħa, jum, xahar, u sena, inħallu biex joqtlu terz min-nies.
16 Jien smajt li l-armati tas-suldati biż-żwiemel kienu 20,000 għal 10,000.* 17 Fil-viżjoni, iż-żwiemel u dawk rekbin fuqhom rajthom hekk: Ir-rikkieba kienu lebsin kurazzi ħomor bħan-nar, blu bħall-ħaġra tal-ġjaċint, u sofor bħall-kubrit.* L-irjus taż-żwiemel kienu bħal tal-iljuni, u minn ħalqhom kien ħiereġ nar, duħħan, u kubrit. 18 Terz min-nies inqatlu b’dawn it-tliet kastigi, jiġifieri bin-nar, id-duħħan u l-kubrit li ħarġu minn ħalq iż-żwiemel. 19 Il-qawwa taż-żwiemel kienet f’ħalqhom u f’denbhom, għax denbhom kien bħal sriep li jigdmu* u bih bdew iweġġgħu lin-nies.
20 Imma l-bqija tan-nies li ma nqatlux bil-kastigi ma ddispjaċihomx minn dak li għamlu.* Huma baqgħu jqimu lid-demonji u l-idoli tad-deheb, tal-fidda, tar-ram, tal-ġebel, u tal-injam, li la jistgħu jaraw, la jisimgħu, u lanqas jimxu. 21 Huma ma ddispjaċihomx li qatlu, li għamlu l-ispiritiżmu, li għamlu l-immoralità sesswali,* u li serqu.