Rut*
1 Issa ġara li, fiż-żmien meta l-imħallfin+ kienu jamministraw il-ġustizzja, waqaʼ l-ġuħ+ fil-pajjiż, u raġel minn Betlehem+ f’Ġuda mar jgħix bħala barrani fit-territorju taʼ Mowab,+ flimkien maʼ martu u ż-żewġ uliedu. 2 Ir-raġel kien jismu Elimelek, martu Nagħomi, u ż-żewġ uliedu Maħlon u Kiljon, Efratin+ minn Betlehem f’Ġuda. U waslu fit-territorju taʼ Mowab u baqgħu hemmhekk.
3 Għadda ż-żmien u miet Elimelek, ir-raġel taʼ Nagħomi, u baqgħet hi maż-żewġ uliedha. 4 Maż-żmien, l-irġiel iżżewġu nisa Mowabin.+ Waħda kien jisimha Għorfa u l-oħra Rut.+ U baqgħu jgħixu hemmhekk madwar għaxar snin. 5 U ġara li Maħlon u Kiljon mietu wkoll, u b’hekk il-mara sfat mingħajr żewġha u ż-żewġ uliedha. 6 Imbagħad hi flimkien man-nisa taʼ wliedha telqet mit-territorju taʼ Mowab biex tmur lura, għax waqt li kienet f’Mowab semgħet li Ġeħova kien ħaseb fil-poplu+ tiegħu billi tahom il-ħobż.+
7 U telqet mill-post fejn kienet,+ u ż-żewġ nisa taʼ wliedha kienu magħha, u baqgħu mexjin fit-triq biex imorru lura lejn l-art taʼ Ġuda. 8 Fl-aħħar, Nagħomi qalet liż-żewġ nisa taʼ wliedha: “Morru, erġgħu lura, kull waħda lejn dar ommha. Jalla Ġeħova juri qalb tajba bl-imħabba magħkom,+ bħalma intom urejtuha miegħi+ u maʼ żwieġkom li issa huma mejtin. 9 Jalla Ġeħova jagħtikom għotja+ u ssibu post taʼ mistrieħ+ kull waħda f’dar żewġha.” Imbagħad bisithom,+ u bdew jibku u jolfqu. 10 Iżda baqgħu jgħidulha: “Le, aħna miegħek irridu niġu, għand niesek.”+ 11 Imma Nagħomi qaltilhom: “Morru lura, uliedi. Għala tridu tiġu miegħi? Għad għandi jien ulied f’ġufi, biex dawn jistgħu jsiru żwieġkom?+ 12 Morru lura, uliedi, morru, għax jien xjaħt wisq biex nerġaʼ niżżewweġ. Kieku ngħid li għad għandi tama li llejla stess se niżżewweġ u żgur se jkolli t-tfal,+ 13 lesti li tistennewhom sakemm jikbru? Lesti li ma tiżżewġu lil ħadd biex tibqgħu tistennew lilhom? Le, uliedi, għax minħabba fikom għandi mrar kbir peress li id Ġeħova daret kontrija.”+
14 Malli semgħu dan reġgħu bdew jibku u jolfqu, u mbagħad Għorfa bieset lill-kunjata, iżda Rut baqgħet imqabbda magħha.+ 15 Għalhekk, qaltilha: “Ara! L-armla taʼ ħu żewġek marret lura lejn niesha u allatha.+ Mur lura magħha.”+
16 Rut wiġbitha: “Toqgħodx titlobni biex nitilqek, biex immur lura u ma niġix miegħek; għax fejn tmur int, immur jien, u fejn tgħaddi l-lejl int, ngħaddih jien.+ Il-poplu tiegħek ikun il-poplu tiegħi,+ u Alla tiegħek, Alla tiegħi.+ 17 Fejn tmut int, immut jien,+ u hemmhekk nindifen. Jalla Ġeħova jagħmilli hekk u iktar+ minn hekk jekk ma tkunx il-mewt li tifridni minnek.”
18 Meta rat li kienet determinata li tmur magħha,+ ma qaltilha xejn iktar. 19 U t-tnejn li huma baqgħu sejrin fi triqithom sakemm waslu Betlehem.+ U ġara li malli waslu Betlehem, qamet għagħa kbira fil-belt kollha minħabba fihom,+ u n-nisa bdew jgħidu: “Din Nagħomi?”+ 20 U hi kienet tgħidilhom: “Issejħulix Nagħomi.* Sejħuli Mâra,* għax Dak li Jistaʼ Kollox+ sqieni ħafna mrar.+ 21 Kelli minn kollox meta tlaqt,+ u b’idi vojta ġegħelni niġi lura+ Ġeħova. Għala ssejħuli Nagħomi, meta kien Ġeħova li umiljani+ u Dak li Jistaʼ Kollox li ġabli l-gwaj?”+
22 Hekk Nagħomi ġiet lura mit-territorju taʼ Mowab+ maʼ Rut il-Mowabija, mart binha, u waslu Betlehem+ meta beda l-ħsad tax-xgħir.+
2 Nagħomi kellha qarib+ min-naħa taʼ żewġha, raġel għani ħafna,+ mill-familja t’Elimelek, jismu Bogħaż.+
2 U Rut il-Mowabija qalet lil Nagħomi: “Jekk jogħġbok, ħallini mmur fir-rabaʼ llaqqat+ qalb is-sbul wara min juri ħniena miegħi.” Għalhekk, wiġbitha: “Mur, binti.” 3 Imbagħad telqet u daħlet fir-rabaʼ u bdiet tlaqqat wara l-ħassada.+ B’hekk, b’kumbinazzjoni sabet ruħha fil-medda rabaʼ taʼ Bogħaż,+ li kien mill-familja t’Elimelek.+ 4 U, ara, Bogħaż ġie minn Betlehem u beda jgħid lill-ħassada: “Ġeħova magħkom.”+ U huma kienu jwiġbuh: “Ġeħova jbierkek.”+
5 Wara dan, Bogħaż+ staqsa liż-żagħżugħ li kien fuq il-ħassada: “Taʼ min hi din iż-żagħżugħa?” 6 U hu wieġbu: “Hi Mowabija+ li ġiet lura maʼ Nagħomi mit-territorju taʼ Mowab.+ 7 U qaltli, ‘Jekk jogħġbok, ħallini llaqqat,+ u niġbor qalb is-sbul maqtugħ wara l-ħassada.’ Għalhekk, daħlet u baqgħet fuq saqajha minn x’ħin ġiet fil-għodu sakemm qagħdet naqra bil-qiegħda issa fl-għarix.”+
8 Iktar tard Bogħaż qal lil Rut: “Smajt, hux, binti? Tmurx tlaqqat f’għalqa oħra,+ u lanqas m’għandek tmur xi mkien ieħor, u b’hekk tkun tistaʼ tibqaʼ qrib il-ħassada nisa żgħażagħ+ tiegħi. 9 Żomm għajnejk fuq l-għalqa li jkunu se jaħsdu, u mur magħhom. Mhux jien stess ordnajt lill-irġiel żgħażagħ biex ma jmissukx?+ Meta jaqbdek l-għatx, mur ħdejn il-ġarar u ixrob milli jimlew l-irġiel żgħażagħ.”+
10 X’ħin semgħet dan, baxxiet rasha u niżlet maʼ l-art+ u qaltlu: “Kif sibt il-ħniena f’għajnejk biex qed tagħti kasi, meta jien barranija?”+ 11 Imbagħad Bogħaż wiġibha: “Kollox qaluli,+ b’kulma għamilt mal-kunjata tiegħek wara li miet żewġek,+ u kif tlaqt lil missierek u lil ommok u l-art taʼ qrabatek biex tmur għand poplu li ma kontx tafu qabel.+ 12 Jalla Ġeħova jippremjak taʼ dak li tagħmel,+ u jalla tirċievi ħlas perfett+ mingħand Ġeħova, l-Alla taʼ Israel, li taħt ġwinħajh ġejt tfittex il-kenn.”+ 13 Hi wieġbet: “Sidi, ħallini nsib il-ħniena f’għajnejk, għaliex int kont taʼ faraġ għalija u għax bi kliemek serraħt moħħ il-qaddejja tiegħek,+ għalkemm jien m’iniex bħal waħda mill-qaddejja tiegħek.”+
14 U f’ħin l-ikel Bogħaż qalilha: “Ersaq ’l hawn, u kul biċċa ħobż+ u bill il-ftiet fil-ħall.” Għalhekk, qagħdet bil-qiegħda ħdejn il-ħassada, u beda jnewlilha qmuħ inkaljati+ u bdiet tikolhom, u mhux talli xebgħet imma talli kien baqgħalha ż-żejjed. 15 Imbagħad qamet u marret tlaqqat.+ Bogħaż issa ordna lill-irġiel żgħażagħ u qalilhom: “Ħalluha tlaqqat qalb is-sbul maqtugħ, u tagħtuhiex fastidju.+ 16 U qisu li tieħdu ħsieb ukoll li taqilgħu xi sbul mill-qatet għaliha, u ħalluhomlha biex tkun tistaʼ tlaqqathom,+ u qisu li ma ċċanfruhiex.”
17 Hi kompliet tlaqqat fl-għalqa sa fil-għaxija,+ u wara dirset+ dak li kienet laqqtet; b’kollox kellha madwar efa+ xgħir. 18 Wara li ġabritu daħlet il-belt, u l-kunjata tagħha rat x’kienet laqqtet. Imbagħad ħarġet l-ikel li refgħet+ wara li kienet xebgħet u tathulha.
19 Għalhekk, il-kunjata qaltilha: “Fejn laqqatt illum, u fejn ħdimt? Ikun imbierek min ta kasek.”+ B’hekk, hi qalet lill-kunjata maʼ min kienet ħadmet; u ssoktat tgħidilha: “Ir-raġel li ħdimt miegħu llum jismu Bogħaż.” 20 Għal dan il-kliem, Nagħomi qalet lil mart binha: “Ħa jkun imbierek minn Ġeħova,+ li ma warrabx il-qalb tajba bl-imħabba+ tiegħu mill-ħajjin u mill-mejtin.”+ U Nagħomi ssoktat tgħidilha: “Dan ir-raġel jiġi minna.+ Hu wieħed minn dawk li għandhom id-dritt jifduna.”+ 21 Imbagħad Rut il-Mowabija qalet: “Qalli wkoll, ‘Għandek tibqaʼ qrib iż-żgħażagħ tiegħi sakemm ilestu l-ħsad kollu li għandi.’”+ 22 Għalhekk, Nagħomi+ qalet lil Rut, il-mara taʼ binha:+ “Binti, aħjar tmur man-nisa żgħażagħ tiegħu, li ma tmurx f’għalqa oħra u joqogħdu jdejquk.”+
23 U Rut baqgħet tlaqqat qrib in-nisa żgħażagħ taʼ Bogħaż sakemm spiċċaw il-ħsad tax-xgħir+ u l-ħsad tal-qamħ. U baqgħet toqgħod mal-kunjata.+
3 Nagħomi, il-kunjata tagħha, issa qaltilha: “Binti, m’għandix jien infittixlek post taʼ mistrieħ+ għall-ġid tiegħek stess? 2 U issa, m’huwiex Bogħaż qaribna,+ dak li int qgħadt man-nisa żgħażagħ tiegħu? Ara! Illejla se jkun qed iderri*+ x-xgħir fil-qiegħa tad-dris. 3 Għalhekk, inħasel, indilek biż-żejt,+ itfaʼ l-mantell fuqek,+ u inżel lejn il-qiegħa. Tħallihx ikun jaf min int sakemm ikun kiel u xorob. 4 U x’ħin jimtedd, oqgħod attenta biex tara fejn jimtedd; u ersaq lejh u ikxiflu saqajh u mtedd hemmhekk; imbagħad hu jgħidlek x’għandek tagħmel.”
5 Hi wiġbitha: “Nagħmel kulma tgħidli.” 6 U niżlet lejn il-qiegħa u għamlet kulma ordnatilha l-kunjata. 7 Sadanittant, Bogħaż kiel u xorob, u ħassu kuntent f’qalbu,+ u mar jimtedd f’tarf il-munzell tal-qmuħ. Imbagħad hi resqet inkiss inkiss, kixfitlu saqajh, u mteddet. 8 Ġara li f’nofs il-lejl hu beda jirtogħod. Għalhekk, qam bil-qiegħda, u, ara, kien hemm mara mimduda ħdejn saqajh! 9 Imbagħad staqsiha: “Min int?” Qaltlu: “Jien Rut l-ilsira tiegħek, ifrex tarf ilbiesek fuq l-ilsira tiegħek, għax int għandek id-dritt tal-fidwa.”+ 10 Għalhekk, qalilha: “Jalla tkun imbierka minn Ġeħova,+ binti. Il-qalb tajba bl-imħabba+ li wrejt issa hi aħjar minn dik li wrejt qabel,+ għax ma mortx wara l-irġiel żgħażagħ, la foqra u lanqas għonja. 11 U issa, binti, tibżax. Kulma tgħidli nagħmillek,+ għax f’bieb il-belt taʼ niesi kulħadd jaf li int mara mill-aħjar.+ 12 Huwa minnu li jien għandi d-dritt tal-fidwa,+ imma hemm ukoll xi ħadd ieħor, li jiġi minnek iktar mill-qrib, li għandu dan id-dritt.+ 13 Għaddi l-lejl hawnhekk, u jekk għada fil-għodu jkun irid jifdik,+ tajjeb! Ħa jifdik. Imma jekk ma jogħġbux jifdik, nifdik jien stess, daqskemm hu żgur li Ġeħova hu ħaj.+ Ibqaʼ mimduda sa fil-għodu.”
14 U baqgħet mimduda ħdejn saqajh sa fil-għodu u mbagħad qamet qabel ma setaʼ jagħrafha xi ħadd. Issa qalilha: “Qis li ħadd ma jkun jaf li kien hawn mara fil-qiegħa.”+ 15 U qalilha wkoll: “Ġib il-mantar taʼ fuqek, u żommu miftuħ.” Hi żammitu miftuħ u kejlilha sitt kejliet* xgħir u tahomlha, u mbagħad daħal il-belt.
16 Hi telqet għal għand il-kunjata, u din staqsietha: “Din int, binti?” U hi rrakkontatilha kulma kien għamlilha Bogħaż. 17 U kompliet tgħidilha: “Tani dawn is-sitt seat xgħir, għax qalli, ‘Tmurx b’idek vojta għand il-kunjata.’”+ 18 U din qaltilha: “Stenna, binti, sakemm tkun taf kif se tintemm il-kwistjoni, għax dan ir-raġel mhux se jistrieħ qabel ma jirranġa kollox illum.”+
4 U Bogħaż telaʼ ħdejn bieb+ il-belt u qagħad bil-qiegħda hemmhekk. U, ara, kien għaddej il-qarib li kellu d-dritt tal-fidwa u li kien semma Bogħaż.+ U Bogħaż qallu: “Ersaq ’l hawn, ħabib, poġġi ftit bil-qiegħda.” Għalhekk, dak resaq u poġġa bil-qiegħda. 2 U Bogħaż sejjaħ għaxart irġiel mix-xjuħ+ tal-belt u qalilhom: “Poġġu hawn.” U dawk qagħdu bil-qiegħda.
3 Imbagħad qal lill-qarib:+ “Dik il-medda rabaʼ li kienet taʼ ħuna Elimelek,+ Nagħomi, li issa ġiet lura mit-territorju taʼ Mowab,+ trid tbigħha. 4 U jien ħsibt li għandi ngħarrfek u ngħidlek, ‘Ixtriha+ quddiem l-abitanti tal-belt u x-xjuħ taʼ niesi.+ Jekk trid tifdiha, ifdiha; imma jekk mhux se tifdiha, għidli, biex inkun naf, għax m’hemm ħadd ħliefek li jistaʼ jifdiha,+ u jien niġi warajk.’” U dan qallu: “Jien irrid nifdiha.”+ 5 Imbagħad Bogħaż qallu: “Dakinhar li tixtri l-għalqa minn id Nagħomi, trid tixtriha wkoll mingħand Rut il-Mowabija, mart il-mejjet, biex tqajjem isem il-mejjet fuq wirtu.”+ 6 X’ħin semaʼ dan, il-qarib wieġbu: “Ma nistax nifdiha għalija, għax nibżaʼ li nagħmel ħsara lil wirti. Ifdiha għalik bid-dritt tiegħi, għax jien ma nistax nifdiha.”
7 Issa din kienet id-drawwa fl-antik f’Israel rigward id-dritt tal-fidwa u rigward it-tpartit, biex kollox ikun stabbilit: Raġel kellu jinżaʼ s-sandlija+ u jagħtiha lill-ieħor, u din kienet il-konferma f’Israel. 8 Għalhekk, meta l-qarib qal lil Bogħaż: “Ixtriha għalik,” hu qabad u neżaʼ s-sandlija.+ 9 Imbagħad Bogħaż qal lix-xjuħ u lin-nies kollha: “Intom xhieda+ llum li qed nixtri minn id Nagħomi kulma kellu Elimelek u kulma kellhom Kiljon u Maħlon. 10 U qed nixtri wkoll għalija bħala marti lil Rut il-Mowabija, mart Maħlon, biex inqajjem isem il-mejjet+ fuq wirtu u biex ismu ma jinqatax minn fost ħutu u minn bieb beltu.* Illum intom xhieda.”+
11 U n-nies kollha li kien hemm f’bieb il-belt u x-xjuħ qalu: “Xhieda aħna! Jalla Ġeħova jagħmel li l-mara li ġejja f’darek tkun bħal Rakele+ u bħal Lea,+ li t-tnejn li huma bnew dar Israel;+ u int uri x’tiswa f’Efrata+ u agħmel isem tajjeb għalik f’Betlehem.+ 12 U jalla darek issir bħal dik taʼ Pereż, li Tamar wildet lil Ġuda,+ mill-ulied li Ġeħova se jagħtik minn din il-mara żagħżugħa.”+
13 B’hekk, Bogħaż ħa lil Rut u hi saret martu u kellu x’jaqsam magħha. U Ġeħova taha li titqal+ u wildet iben. 14 U n-nisa bdew jgħidu+ lil Nagħomi: “Ikun imbierek Ġeħova,+ li llum ma ħalliekx mingħajr qarib; biex ismu jixxandar f’Israel. 15 U hu reġaʼ ġiegħlek tieħu l-ħajja* u wieżnek fi xjuħitek,+ għaliex mart ibnek, li tant tħobbok+ u li għalik hi aħjar minn sebaʼ subien,+ wildet lil dan l-iben.” 16 U Nagħomi ħadet it-tifel u qegħditu fi ħdanha, u bdiet tieħu ħsiebu. 17 U n-nisa ġirien+ tawh isem u qalu: “Lil Nagħomi twildilha iben.” U semmewh Għobed.*+ Dan jiġi missier Ġesse,+ missier David.
18 Issa dawn huma l-ġenerazzjonijiet taʼ Pereż:+ Pereż nissel lil Ħesron;+ 19 u Ħesron nissel lil Ram; u Ram+ nissel lil Għamminadab; 20 u Għamminadab+ nissel lil Naħson;+ u Naħson nissel lil Salmon; 21 u Salmon+ nissel lil Bogħaż; u Bogħaż+ nissel lil Għobed; 22 u Għobed nissel lil Ġesse;+ u Ġesse nissel lil David.+
Ifisser “Alla Hu Sultan.”
Ifisser “Il-Gost Tiegħi.”
Ifisser “Morra.”
Proċess li fih il-karfa titneħħa minn mal-qmuħ.
Skond sorsi rabbiniċi dawn kienu sitt seat jew 44 litru. Dan x’aktarx li kien kulma setgħet iġġorr fuq rasha.
Letteralment, “minn bieb postu.”
Jew, “ir-ruħ.”
Ifisser “Qaddej; Wieħed li Jaqdi.”