LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • bi12 Imħallfin 1:1-21:25
  • Imħallfin

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Imħallfin
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Imħallfin

Imħallfin

1 U wara l-​mewt+ taʼ Ġożwè, ulied Israel stħarrġu+ x’jgħid Ġeħova u qalu: “Min minna se jitlaʼ l-​ewwel għall-​Kangħanin biex jiġġieled kontrihom?” 2 Għal dan, Ġeħova qal: “Jitlaʼ Ġuda.+ Ara! Jien se nagħtih l-​art f’idejh.” 3 Imbagħad Ġuda qal lil ħuh Simegħon: “Itlaʼ miegħi fit-​territorju taʼ sehmi+ u niġġieldu kontra l-​Kangħanin, u jien mill-​banda l-​oħra niġi miegħek fit-​territorju taʼ sehmek.”+ Għaldaqstant, Simegħon mar miegħu.+

4 Għal dan, ulied Ġuda telgħu u Ġeħova tahom f’idejhom+ lill-​Kangħanin u lill-​Pereżin, u b’hekk għelbuhom f’Beżek, għaxart elef raġel. 5 Meta sabu lil Adoni-beżek f’Beżek, iġġildulu u għelbu lill-​Kangħanin+ u lill-​Pereżin.+ 6 Meta Adoni-beżek ħarab, huma marru jiġru warajh u qabduh u qatgħulu s-​swabaʼ l-​kbar taʼ idejh u taʼ saqajh. 7 Għal dan, Adoni-beżek qal: “Kien hemm sebgħin sultan bis-​swabaʼ l-​kbar taʼ idejhom u taʼ saqajhom maqtugħin jiġbru l-​ikel taħt il-​mejda tiegħi. Kif għamilt jien, hekk Alla ħallasni lura.”+ Wara dan, ġabuh Ġerusalemm+ u miet hemmhekk.

8 Iktar minn hekk, ulied Ġuda ggwerraw kontra Ġerusalemm+ u rebħuha, u ħabtu għaliha b’xifer is-​sejf, u l-​belt tawha n-​nar. 9 U wara dan, ulied Ġuda niżlu jiġġieldu kontra l-​Kangħanin li kienu joqogħdu fir-​reġjun muntanjuż u fin-​Negeb+ u fis-​Sefela.+ 10 Għalhekk, ulied Ġuda marru għall-​Kangħanin li kienu jgħammru f’Ħebron+ (li qabel kien jisimha Kirjat-arba),+ u qatlu lil Sesaj u lil Aħiman u lil Talmaj.+

11 U marru minn hemmhekk għall-​abitanti taʼ Debir+ (li qabel kien jisimha Kirjat-sefer).+ 12 Imbagħad Kaleb+ qal: “Min jaħbat għal Kirjat-sefer u jirbaħha, ara, jien nagħtih lil binti Għaksa+ b’martu.”+ 13 U rebaħha Għotnijel+ bin Kenaż,+ ħu Kaleb, iżgħar minnu.+ Għalhekk, hu tah lil bintu Għaksa b’martu.+ 14 U ġara li waqt li kienet sejra d-​dar, hi baqgħet tipprova ġġiegħlu jitlob għalqa mingħand missierha. Imbagħad waqt li kienet fuq il-​ħmar ċapċpet idejha.*+ Għal dan, Kaleb qalilha: “Xi trid?” 15 Għalhekk, hi qaltlu: “Agħtini barka,+ għax tajtni biċċa art fin-​nofsinhar, imma trid tagħtini lil Gullot-majm.” Għaldaqstant, Kaleb taha Gullot taʼ Fuq+ u Gullot t’Isfel.

16 U wlied il-​Keni,+ il-​kunjatu taʼ Mosè,+ telgħu mill-​belt tas-​siġar tal-​palm+ maʼ wlied Ġuda lejn ix-​xagħri taʼ Ġuda, li qiegħed lejn in-​nofsinhar t’Għarad.+ Imbagħad telqu u bdew jgħammru man-​nies.+ 17 Imma wlied Ġuda komplew sejrin maʼ wlied Simegħon ħuthom, u darbu lill-​Kangħanin li kienu joqogħdu f’Sefat u ddedikawha għall-​qerda.*+ B’hekk, il-​belt semmewha Ħorma.*+ 18 Wara dan, Ġuda ħataf lil Gaża+ u t-​territorju tagħha u lil Askelon+ u t-​territorju tagħha u lil Għekron+ u t-​territorju tagħha. 19 U Ġeħova baqaʼ maʼ Ġuda, u b’hekk dan ħa f’idejh ir-​reġjun muntanjuż, imma ma rnexxilux jieħu l-​proprjetà taʼ l-​abitanti tal-​pjanura l-​baxxa, għax kellhom karrijiet tal-​gwerra+ armati bi xfafar tal-​ħadid.+ 20 Meta lil Kaleb tawh Ħebron, sewwasew bħalma kien wiegħed Mosè,+ hu keċċa lit-​tliet ulied t’Għanak minn hemmhekk.+

21 U wlied Benjamin ma keċċewx lill-​Ġebusin li kienu joqogħdu Ġerusalemm;+ imma l-​Ġebusin għadhom jgħammru maʼ wlied Benjamin f’Ġerusalemm sa llum.+

22 Sadanittant, dar Ġużeppi+ wkoll telgħet kontra Betel,+ u Ġeħova kien magħhom.+ 23 U dar Ġużeppi marret titkixxef+ lil Betel (li qabel kien jisimha Luż),+ 24 u l-​ispiji raw raġel ħiereġ mill-​belt. Għalhekk, qalulu: “Urina, jekk jogħġbok, minfejn nidħlu fil-​belt, u aħna żgur nuruk qalb tajba.”+ 25 Għaldaqstant, ir-​raġel uriehom minfejn jidħlu fil-​belt; u huma ħabtu għall-​belt b’xifer is-​sejf,+ imma lir-​raġel u lill-​familja kollha tiegħu ħallewhom jitilqu.+ 26 Wara dan, ir-​raġel mar lejn l-​art tal-​Ħittin+ u bena belt u semmieha Luż. Hekk għadu jisimha sa llum.

27 U Manasse+ ma ħax f’idejh lil Bet-segħan+ u l-​bliet li jiddependu minnha u lil Tagħnak+ u l-​bliet li jiddependu minnha u lill-​abitanti taʼ Dor+ u l-​bliet li jiddependu minnha u lill-​abitanti taʼ Iblegħam+ u l-​bliet li jiddependu minnha u lill-​abitanti taʼ Megiddo+ u l-​bliet li jiddependu minnha, imma l-​Kangħanin riedu bilfors jibqgħu jgħammru f’din l-​art.+ 28 U ġara li Israel sar b’saħħtu+ u għabba lill-​Kangħanin b’xogħol forzat,+ iżda ma keċċihomx ’il barra għalkollox.+

29 Lanqas Efrajm ma keċċa lill-​Kangħanin li kienu jgħammru f’Geżer, imma l-​Kangħanin baqgħu jgħammru fosthom f’Geżer.+

30 Żebulun+ ma keċċiex lill-​abitanti taʼ Kitron u lill-​abitanti taʼ Naħalol,+ imma l-​Kangħanin baqgħu jgħammru fosthom+ u ġew imġegħlin jagħmlu xogħol forzat.+

31 Aser+ ma keċċiex lill-​abitanti t’Għakko* u lill-​abitanti taʼ Sidon+ u Aħlab u Akżib+ u Ħelba u Afik+ u Reħob.+ 32 U l-​Aserin baqgħu jgħammru fost il-​Kangħanin li kienu joqogħdu f’din l-​art, għax ma keċċewhomx ’il barra.+

33 Naftali+ ma keċċiex lill-​abitanti taʼ Bet-xemex u lill-​abitanti taʼ Bet-għanat,+ imma baqgħu jgħammru fost il-​Kangħanin li kienu joqogħdu f’din l-​art;+ u l-​abitanti taʼ Bet-xemex u taʼ Bet-għanat saru tagħhom biex jagħmlu xogħol forzat.+

34 U l-​Amurrin baqgħu jrossu lil ulied Dan+ għal ġor-​reġjun muntanjuż, għax ma ħallewhomx jinżlu fil-​pjanura l-​baxxa.+ 35 Għalhekk, l-​Amurrin riedu bilfors jibqgħu jgħammru fuq il-​Muntanja Heres u f’Ajjalon+ u Sagħlbim.+ Imma id id-​dar taʼ Ġużeppi tant tqalet li ġew sforzati jagħmlu xogħol iebes.+ 36 U t-​territorju taʼ l-​Amurrin kien mit-​telgħa t’Għakrabbim,+ minn Sela ’l fuq.

2 Imbagħad l-​anġlu taʼ Ġeħova+ telaʼ minn Gilgal+ lejn Bokim+ u qal: “Jien ħriġtkom mill-​Eġittu u daħħaltkom fl-​art li dwarha ħlift lil missirijietkom.+ Iktar minn hekk, jien għedt, ‘Qatt ma se nikser il-​patt tiegħi magħkom.+ 2 U min-​naħa tagħkom, tagħmlux patt maʼ l-​abitanti taʼ din l-​art.+ L-​artali tagħhom għandkom iġġarrfuhom.’+ Imma intom ma smajtux minn leħni.+ Għala għamiltuh dan?+ 3 Għalhekk jien, min-​naħa tiegħi, għedt, ‘M’iniex se nkeċċihom minn quddiemkom, u huma jridu jsiru nases għalikom,+ u l-​allat tagħhom se jservu taʼ lixka għalikom.’”+

4 U ġara li malli l-​anġlu taʼ Ġeħova qal dan il-​kliem lil ulied Israel kollha, in-​nies bdew jgħollu leħinhom u jibku.+ 5 Għalhekk, semmew dak il-​post Bokim.* U hemmhekk offrew sagrifiċċji lil Ġeħova.

6 Meta Ġożwè bagħat lill-​poplu, ulied Israel marru fi triqithom, kulħadd lejn wirtu, biex jieħdu l-​art f’idejhom.+ 7 U l-​poplu kompla jaqdi lil Ġeħova l-​jiem kollha taʼ Ġożwè u l-​jiem kollha tax-​xjuħ li baqgħu ħajjin wara Ġożwè u li kienu raw l-​għemejjel kbar kollha li Ġeħova għamel għal Israel.+ 8 Imbagħad Ġożwè bin Nun, il-​qaddej taʼ Ġeħova, miet fl-​età taʼ mija u għaxar snin.+ 9 Għalhekk, difnuh fit-​territorju taʼ wirtu f’Timnat-ħeres*+ fir-​reġjun muntanjuż t’Efrajm, fit-​tramuntana tal-​Muntanja Gagħas.+ 10 U dik il-​ġenerazzjoni kollha wkoll inġabret maʼ missirijietha,+ u warajha bdiet tielgħa ġenerazzjoni oħra li ma kinitx taf lil Ġeħova jew dak li kien għamel għal Israel.+

11 U wlied Israel intefgħu jagħmlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova+ u jaqdu lill-​Bagħalim.+ 12 Għalhekk, huma abbandunaw lil Ġeħova l-​Alla taʼ missirijiethom li kien ħariġhom mill-​art taʼ l-​Eġittu+ u mxew wara allat oħrajn minn fost l-​allat tal-​popli li kienu madwarhom+ u bdew imilu quddiemhom, biex b’hekk offendew lil Ġeħova.+ 13 B’dan, huma abbandunaw lil Ġeħova u bdew jaqdu lil Bagħal u lix-​xbihat t’Għastoret.+ 14 Għaldaqstant, ir-​rabja taʼ Ġeħova xegħlet kontra Israel,+ u b’hekk tahom f’idejn dawk li jaħtfuhom, u huma ħatfuhom;+ u hu biegħhom lill-​għedewwa tagħhom taʼ madwarhom,+ u ma kellhomx iktar il-​ħila jieqfu quddiem l-​għedewwa tagħhom.+ 15 Kulfejn ħarġu, id Ġeħova kienet kontrihom għall-​gwaj,+ bħalma Ġeħova kien qal u bħalma Ġeħova kien ħalfilhom;+ u ġew f’sitwazzjoni mwiegħra ferm.+ 16 Għalhekk, Ġeħova kien iqajjem imħallfin,+ u huma kienu jsalvawhom minn id dawk li jaħtfuhom.+

17 U lanqas mill-​imħallfin tagħhom ma semgħu, imma kellhom relazzjonijiet immorali+ m’allat oħrajn+ u mielu quddiemhom. Huma malajr żvijaw mit-​triq li kienu mxew fiha missirijiethom. Dawn kienu obdew il-​kmandamenti taʼ Ġeħova+ imma huma m’għamlux hekk. 18 U meta Ġeħova qajmilhom l-​imħallfin,+ Ġeħova kien maʼ l-​imħallef, u salvahom minn id l-​għedewwa tagħhom il-​jiem kollha taʼ l-​imħallef; għax Ġeħova kien jiddispjaċih+ għat-​tnehid tagħhom minħabba dawk li kienu qed jaħqruhom+ u dawk li kienu qed jitfgħuhom ’l hemm u ’l hawn.

19 U ġara li meta l-​imħallef kien imut huma kienu jduru lura u jaġixxu b’mod mill-​agħar iktar minn missirijiethom billi jimxu wara allat oħrajn biex jaqduhom u jmilu quddiemhom.+ Ma waqfux mill-​għemejjel tagħhom u mill-​imġiba stinata tagħhom.+ 20 Fl-aħħarnett, ir-​rabja taʼ Ġeħova xegħlet+ kontra Israel u qal: “Talli dan il-​ġens kiser il-​patt tiegħi+ li jien ikkmandajt lil missirijiethom u ma semgħux minn leħni,+ 21 jien ukoll, min-​naħa tiegħi, ma nerġaʼ nkeċċi minn quddiemhom lill-​ebda wieħed mill-​ġnus li Ġożwè ħalla warajh meta miet,+ 22 sabiex bihom ngħaddi minn prova+ lil Israel, jekk humiex se jħarsu t-​triq taʼ Ġeħova billi jimxu fiha bħalma ħarsuha missirijiethom, jew le.” 23 Għaldaqstant, Ġeħova ħalla lil dawn il-​ġnus jibqgħu billi ma keċċihomx mill-​ewwel,+ u ma tahomx f’idejn Ġożwè.

3 Issa dawn huma l-​ġnus+ li Ġeħova ħalliehom jibqgħu sabiex bihom jgħaddi mill-​prova+ lil Israel, jiġifieri, lil dawk kollha li ma kinux esperjenzaw xi waħda mill-​gwerer taʼ Kangħan+ 2 (ħalliehom biss biex il-​ġenerazzjonijiet taʼ wlied Israel, dawk li qabel ma kinux għaddew minn affarijiet bħal dawn, ikollhom l-​esperjenza u jitgħallmu jiggwerraw): 3 Il-ħames sidien alleati+ tal-​Filistin,+ u l-​Kangħanin kollha,+ kif ukoll is-​Sidonin+ u l-​Ħiwwin+ li joqogħdu fuq il-​Muntanja Libanu,+ mill-​Muntanja Bagħal-ħermon+ sad-​daħla taʼ Ħamat.+ 4 U baqgħu jintużaw biex ulied Israel jiġu mgħoddijin mill-​prova+ ħalli jkun magħruf jekk hux se jobdu l-​kmandamenti li Ġeħova kien ordna lil missirijiethom permezz taʼ Mosè.+ 5 U wlied Israel għammru fost il-​Kangħanin,+ il-​Ħittin u l-​Amurrin u l-​Pereżin u l-​Ħiwwin u l-​Ġebusin.+ 6 U ħadu lill-​bniet tagħhom b’marthom,+ u taw lill-​bniet tagħhom lil uliedhom subien,+ u bdew jaqdu lil allathom.+

7 Għalhekk, ulied Israel għamlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, u bdew jinsew lil Ġeħova Alla tagħhom+ u marru jaqdu lill-​Bagħalim+ u l-​arbli sagri.+ 8 Għal dan, ir-​rabja taʼ Ġeħova xegħlet kontra Israel,+ u hu biegħhom+ f’idejn Kusan-risgħatajm is-​sultan tal-​Mesopotamja;+ u wlied Israel baqgħu jaqdu lil Kusan-risgħatajm għal tmien snin. 9 U wlied Israel bdew isejħu lil Ġeħova għall-​għajnuna.+ Imbagħad Ġeħova qajjem salvatur+ għal ulied Israel biex ikun jistaʼ jsalvahom, lil Għotnijel+ bin Kenaż,+ ħu Kaleb, iżgħar minnu.+ 10 Issa l-​ispirtu+ taʼ Ġeħova ġie fuqu, u hu sar l-​imħallef taʼ Israel. Meta ħareġ għall-​battalja, Ġeħova tah f’idu lil Kusan-risgħatajm is-​sultan tas-​Sirja, u b’hekk idu għelbet+ lil Kusan-risgħatajm. 11 Wara dan, l-​art ma kellha ebda tfixkil għal erbgħin sena. Maż-​żmien, Għotnijel bin Kenaż miet.

12 U għal darb’oħra wlied Israel għamlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova.+ Għal dan, Ġeħova ħalla lil Għeglon is-​sultan taʼ Mowab+ jissaħħaħ kontra wlied Israel,+ għax għamlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova.+ 13 Iktar minn hekk, hu ġabar kontrihom lil ulied Għammon+ u Għamalek.+ Dawn marru u ħabtu għal Israel u ħadu f’idejhom il-​belt tas-​siġar tal-​palm.+ 14 U wlied Israel baqgħu jaqdu lil Għeglon is-​sultan taʼ Mowab għal tmintax-il sena.+ 15 U wlied Israel bdew isejħu lil Ġeħova għall-​għajnuna.+ Għalhekk, Ġeħova qajmilhom salvatur, lil Eħud+ bin Gera, Benjamini,+ raġel xellugi.+ Maż-​żmien, ulied Israel bagħtu permezz tiegħu l-​għotja li ried Għeglon is-​sultan taʼ Mowab. 16 Sadanittant, Eħud għamel sejf b’żewġt ixfar+ li kien twil kubitu. Imbagħad ħażżmu taħt ħwejġu fuq koxxtu l-​leminija.+ 17 U ppreżenta l-​għotja lil Għeglon is-​sultan taʼ Mowab.+ Issa Għeglon kien raġel oħxon ħafna.

18 U meta spiċċa jippreżenta l-​għotja,+ minnufih hu bagħat lin-​nies li kienu ġarrew l-​għotja. 19 U meta waslu ħdejn il-​barrieri li kienu f’Gilgal,+ hu reġaʼ lura u qal: “Għandi kelma sigrieta għalik, O sultan.” Għalhekk, hu qal: “Silenzju!” Għal dan, dawk kollha li kienu weqfin ħdejh ħarġu minn quddiemu.+ 20 U Eħud ġie għandu hekk kif kien bil-​qiegħda fl-​għorfa friska tiegħu li kienet għalih biss. U Eħud qal: “Għandi kelma mingħand Alla għalik.” Għal dan, hu qam minn fuq it-​tron tiegħu. 21 Imbagħad Eħud daħħal idu x-​xellugija b’ħeffa u ħa s-​sejf minn fuq koxxtu l-​leminija u deffishulu f’żaqqu. 22 U l-​manku baqaʼ dieħel ukoll wara x-​xafra, u x-​xaħam ngħalaq fuq ix-​xafra, għax hu ma ġibidx lura s-​sejf minn ġo żaqqu, u beda ħiereġ ħmieġu. 23 U Eħud ħareġ mill-​fetħa għall-​arja, wara li għalaq il-​bieb taʼ l-​għorfa warajh u sakkru. 24 U ħareġ.+

U l-​qaddejja tiegħu ġew u bdew ifittxu, u l-​bieb taʼ l-​għorfa kien imsakkar. Għalhekk, qalu: “Qed jaqdi bżonnijietu+ fil-​kamra friska taʼ ġewwa.” 25 U huma baqgħu jistennew sakemm bdew jistħu għax ħadd ma fetaħ il-​bieb taʼ l-​għorfa. Għal dan, ħadu l-​muftieħ u fetħuh, u, ara, sidhom kien mixħut fl-​art mejjet!

26 Min-naħa tiegħu, Eħud ħarab waqt li huma kienu qed jitnikkru, u għadda minn ħdejn il-​barrieri+ u ħarab lejn Segħira. 27 U meta wasal hemmhekk beda jdoqq il-​qarn+ fir-​reġjun muntanjuż t’Efrajm;+ u wlied Israel niżlu miegħu mir-​reġjun muntanjuż, u hu kien quddiemhom. 28 Imbagħad qalilhom: “Imxu warajja,+ għax Ġeħova ta lill-​għedewwa tagħkom, il-​Mowabin, f’idejkom.”+ U marru warajh u ħadu f’idejhom l-​ilmijiet baxxi+ tal-​Ġordan biex ikollhom vantaġġ fuq il-​Mowabin, u ma ħallew ’il ħadd jaqsam. 29 U f’dak iż-​żmien ħabtu għal Mowab, madwar għaxart elef raġel,+ kull raġel b’saħħtu+ u kull raġel qalbieni; u lanqas wieħed ma ħarab.+ 30 U dakinhar Mowab ġie mrażżan taħt idejn Israel; u l-​art ma kellhiex iktar tfixkil għal tmenin sena.+

31 U warajh kien hemm Samgar+ bin Għanat, u hu qatel sitt mitt raġel mill-​Filistin,+ b’niggieża tal-​baqar; u hu wkoll salva lil Israel.+

4 Imbagħad ulied Israel reġgħu bdew jagħmlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova issa li Eħud kien miet.+ 2 Għalhekk, Ġeħova biegħhom+ f’id Ġabin is-​sultan taʼ Kangħan, li kien isaltan f’Ħasor;+ u l-​kap taʼ l-​armata tiegħu kien Sisera,+ u kien jgħammar f’Ħaroset+ tal-​ġnus. 3 U wlied Israel bdew jgħajtu lil Ġeħova,+ għax hu kellu disaʼ mitt karru tal-​gwerra armati bi xfafar tal-​ħadid,+ u hu ħaqar lil ulied Israel+ bi ħruxija għal għoxrin sena.

4 Issa Debora, profetessa,+ il-​mara taʼ Lappidot, kienet tiġġudika lil Israel f’dak iż-​żmien partikulari. 5 U kienet tgħammar taħt is-​siġra tal-​palm taʼ Debora bejn Rama+ u Betel+ fir-​reġjun muntanjuż t’Efrajm; u wlied Israel kienu jitilgħu għandha biex tgħarrafhom il-​ġudizzji t’Alla. 6 U bagħtet issejjaħ lil Barak+ bin Abinogħam minn Kedes-naftali+ u qaltlu: “Ġeħova l-​Alla taʼ Israel tak il-​kmand: ‘Mur u nfirex mal-​Muntanja Tabor,+ u trid tieħu miegħek għaxart elef raġel minn ulied Naftali+ u minn ulied Żebulun.+ 7 U jien niġbed lejk+ fil-​wied* taʼ Kison+ lil Sisera+ l-​kap taʼ l-​armata taʼ Ġabin+ u l-​karrijiet tal-​gwerra tiegħu u l-​folla tiegħu, u jien tabilħaqq nagħtih f’idejk.’”+

8 Għal dan, Barak qalilha: “Jekk tiġi miegħi, jien immur ukoll; imma jekk ma tiġix miegħi, ma mmurx.” 9 U hi qalet: “Żgur niġi miegħek. Madankollu, mhux se jkollok unur fit-​triq li sejjer fiha, għax Ġeħova se jerħi* lil Sisera f’idejn mara.”+ B’dan, Debora qamet u marret maʼ Barak lejn Kedes.+ 10 U Barak beda jsejjaħ lil Żebulun+ u lil Naftali flimkien lejn Kedes, u telgħu warajh għaxart elef raġel;+ u Debora telgħet miegħu.

11 Issa Ħeber+ il-​Keni kien infired mill-​Kenin,+ ulied Ħobab, il-​kunjatu taʼ Mosè,+ u kellu t-​tinda tiegħu mwaqqfa ħdejn is-​siġra l-​kbira f’Sagħnannim, li qiegħda f’Kedes.

12 Imbagħad irrapportaw lil Sisera li Barak bin Abinogħam+ kien telaʼ lejn il-​Muntanja Tabor.+ 13 Minnufih Sisera sejjaħ flimkien il-​karrijiet kollha tal-​gwerra tiegħu, id-​disaʼ mitt karru tal-​gwerra armati bi xfafar tal-​ħadid,+ u lin-​nies kollha li kienu miegħu, minn Ħaroset tal-​ġnus sal-​wied taʼ Kison.+ 14 Debora issa qalet lil Barak: “Qum, għax dan hu l-​jum li fih Ġeħova se jagħti lil Sisera f’idek. M’huwiex Ġeħova li ħareġ quddiemek?”+ U Barak niżel minn fuq il-​Muntanja Tabor b’għaxart elef raġel warajh. 15 U Ġeħova tefaʼ f’konfużjoni+ lil Sisera u l-​karrijiet kollha tal-​gwerra tiegħu u lill-​kamp tiegħu quddiem is-​sejf taʼ Barak u qeridhom. Fl-​aħħar, Sisera niżel minn fuq il-​karru u ħarab bil-​mixi. 16 U Barak telaq jiġri wara+ l-​karrijiet tal-​gwerra+ u l-​kamp sa Ħaroset tal-​ġnus, u b’hekk il-​kamp kollu taʼ Sisera waqaʼ b’xifer is-​sejf. Lanqas wieħed ma tħalla.+

17 Inkwantu għal Sisera,+ hu ħarab bil-​mixi lejn it-​tinda taʼ Ġagħel+ mart Ħeber il-​Keni,+ għax kien hemm il-​paċi bejn Ġabin is-​sultan taʼ Ħasor+ u n-​nies taʼ dar Ħeber il-​Keni. 18 Imbagħad Ġagħel ħarġet tiltaqaʼ maʼ Sisera u qaltlu: “Għaddi s’hawn, sidi, għaddi s’għandi. Tibżax.” Għalhekk, hu dar għal għandha fit-​tinda. Iktar tard hi għattietu b’kutra. 19 Imbagħad qalilha: “Jekk jogħġbok, agħtini nixrob naqra ilma, għax għandi l-​għatx.” Għaldaqstant, hi fetħet flixkun tal-​ġild+ bil-​ħalib u tatu jixrob,+ u wara dan għattietu. 20 U hu qalilha: “Oqgħod fid-​daħla tat-​tinda, u jekk jiġi xi ħadd u jistaqsik, ‘Hawn xi raġel?’ int għidlu, ‘Le!’”

21 U Ġagħel mart Ħeber ħadet musmar tat-​tinda u martell f’idha. Imbagħad resqet lejh inkiss inkiss u daħħlitlu l-​musmar ġo ngħasu+ u sammritu maʼ l-​art, waqt li kien rieqed fil-​fond u għajjien. U hekk miet.+

22 U Barak kien qed jiġri wara Sisera. Ġagħel issa ħarġet tiltaqaʼ miegħu u qaltlu: “Ejja ħa nurik ir-​raġel li qed tfittex.” Għalhekk, daħal għandha, u, ara, kien hemm Sisera mixħut mejjet, bil-​musmar f’ngħasu.

23 B’hekk, dakinhar Alla rażżan+ lil Ġabin is-​sultan taʼ Kangħan quddiem ulied Israel. 24 U id ulied Israel saret iktar u iktar iebsa kontra Ġabin is-​sultan taʼ Kangħan,+ sakemm kienu qerdu lil Ġabin is-​sultan+ taʼ Kangħan.

5 U dakinhar Debora,+ flimkien maʼ Barak+ bin Abinogħam,+ bdiet tkanta din l-​għanja+ li tgħid:

 2 “Talli f’Israel ħallew xagħarhom imniżżel b’wegħda għall-​gwerra,

Talli n-​nies offrew ruħhom bħala volontieri,+

Bierku lil Ġeħova.+

 3 Isimgħu, slaten;+ agħtu widen, uffiċjali għoljin:

Lil Ġeħova jien, iva, jien, se nkanta.

Se ngħanni+ lil Ġeħova, l-​Alla taʼ Israel.+

 4 Ġeħova, mal-​ħruġ tiegħek mis-​Segħir,+

Mal-​mixi tiegħek ’il barra mit-​territorju t’Edom,+

L-​art triegħdet,+ u s-​smewwiet qattru,+

Is-​sħab ukoll qattar l-​ilma.

 5 Il-muntanji gelglu lil hinn minn quddiem wiċċ Ġeħova,+

Din is-​Sinaj+ lil hinn minn quddiem wiċċ Ġeħova,+ l-​Alla taʼ Israel.+

 6 F’jiem Samgar+ bin Għanat,

F’jiem Ġagħel,+ ma kien hemm ħadd għaddej mill-​mogħdijiet,

U dawk li kienu jivvjaġġaw mit-​toroq kienu jivvjaġġaw minn mogħdijiet bid-​dawra.+

 7 Dawk li kienu jgħammru fil-​kampanja taʼ Israel għabu,+

Sakemm jien, Debora,+ qomt,

Sakemm qomt bħala omm f’Israel.+

 8 Huma għażlu allat ġodda.+

Imbagħad kien hemm il-​gwerra f’bibien il-​belt.+

Ma dehritx tarka, lanqas lanza,

Fost erbgħin elf ruħ f’Israel.+

 9 Qalbi hi mal-​kmandanti taʼ Israel,+

Li kienu volontieri fost il-​poplu.+

Bierku lil Ġeħova.+

10 Intom li rekbin fuq ħmir nisa taʼ lewn ċar,+

Intom li toqogħdu bil-​qiegħda fuq tapiti lussużi,

U intom li timxu fit-​triq,

Ikkunsidraw dan:+

11 Instemgħu l-​ilħna taʼ dawk li jqassmu l-​ilma fil-​postijiet minfejn jittellaʼ l-​ilma,+

Hemmhekk bdew jirrakkontaw l-​atti ġusti taʼ Ġeħova,+

L-​atti ġusti tan-​nies tiegħu li jgħammru fil-​kampanja taʼ Israel.

Kien f’dan iż-​żmien li l-​poplu taʼ Ġeħova niżel lejn il-​bibien.

12 Stenbaħ, stenbaħ, O Debora;+

Stenbaħ, stenbaħ, lissen għanja!+

Qum, Barak,+ u mexxi lill-​ilsiera tiegħek lil hinn, bin Abinogħam!+

13 Kien dak iż-​żmien li dawk li baqgħu ħajjin niżlu ħdejn il-​kbarat;

Il-​poplu taʼ Ġeħova niżel ħdejja kontra s-​setgħanin.

14 Dawk li ġew minn Efrajm qegħdin fil-​pjanura l-​baxxa,+

Miegħek, O Benjamin, fost il-​popli tiegħek.

Minn Makir+ niżlu l-​kmandanti,

U minn Żebulun dawk li jużaw it-​tagħmir taʼ skriba.+

15 U l-​prinċpijiet f’Issakar+ kienu maʼ Debora,

U bħal Issakar, hekk kien Barak.+

Intbagħat bil-​mixi lejn il-​pjanura l-​baxxa.+

Fost it-​taqsimiet taʼ Ruben il-​qalb ġiet eżaminata bil-​kbir.+

16 Għala qgħadt bil-​qiegħda bejn iż-​żewġ xkejjer taʼ mas-​sarġ,

Biex tismaʼ d-​daqq tal-​fifra għall-​imrieħel?+

Għat-​taqsimiet taʼ Ruben kien hemm eżaminar kbir tal-​qalb.+

17 Gilegħad baqaʼ fir-​residenza tiegħu fuq in-​naħa l-​oħra tal-​Ġordan;+

U Dan, għala baqaʼ jgħammar fil-​bastimenti?+

Aser qagħad bil-​qiegħda jitlajja f’xatt il-​baħar,

U baqaʼ jgħammar ħdejn il-​portijiet tiegħu.+

18 Żebulun kien poplu li ssogra ruħu sal-​mewt;+

Naftali+ wkoll, fuq l-​għoljiet tal-​kampanja.+

19 Is-slaten ġew, u huma ġġieldu;

Imbagħad is-​slaten taʼ Kangħan iġġieldu+

F’Tagħnak+ biswit l-​ilmijiet taʼ Megiddo.+

Ebda qligħ taʼ fidda ma ħadu.+

20 Mis-sema ġġieldu l-​kwiekeb,+

Mill-​orbiti tagħhom iġġieldu kontra Sisera.

21 Il-wied taʼ Kison kaxkarhom,+

Il-​wied antik, il-​wied taʼ Kison.+

Int irfist is-​saħħa,+ O ruħi.

22 Imbagħad id-​dwiefer taż-​żwiemel ħabbtu maʼ l-​art+

Għax iż-​żwiemel tiegħu lebbtu fuq li lebbtu.

23 ‘Isħtu+ lil Meroż,’ qal l-​anġlu taʼ Ġeħova,+

‘Isħtu lill-​abitanti tiegħu bla waqfien,

Għax ma ġewx jgħinu lil Ġeħova,

Jgħinu lil Ġeħova mas-​setgħanin.’

24 Ġagħel+ mart Ħeber il-​Keni+ se tkun l-​iktar imbierka fost in-​nisa,

Fost in-​nisa fit-​tined hi se tkun l-​iktar imbierka.+

25 Talab l-​ilma, u tatu l-​ħalib;

Fl-​iskutella l-​kbira tal-​kbarat ippreżentat ħalib bil-​baqta.+

26 Imbagħad meddet idha lejn il-​musmar tat-​tinda,

U lemintha lejn il-​martell taʼ dawk li jaħdmu iebes.+

U sammret lil Sisera, nifditlu rasu,+

Fetħitlu ngħasu beraħ u qasmithulu.

27 Ħdejn saqajha niżel, waqaʼ, imtedd;

Ħdejn saqajha niżel, waqaʼ;

Fejn niżel, hemmhekk waqaʼ megħlub.+

28 Waħda mara ħarset barra mit-​tieqa u baqgħet għassa għalih,

Omm Sisera mit-​tieqa bil-​grada,*+

‘Il-​karru tiegħu tal-​gwerra għala qed idum ma jiġi?+

Il-​ħsejjes taʼ saqajn iż-​żwiemel tal-​karrijiet tiegħu għala qed jittardjaw daqshekk?’+

29 L-għorrief fost in-​nisa nobbli tagħha+ wiġbuha,

Iva, hi wieġbet lilha nfisha bi kliemha stess,

30 ‘Ma jridux isibu, ma jridux iqassmu l-​priża,+

Ġuf—żewġt iġwief* għal kull raġel b’saħħtu,+

Priża taʼ materjal kulurit għal Sisera, priża taʼ materjal kulurit,

Libsa rrakkmata, materjal kulurit, żewġ ilbiesi rrakkmati

Għall-​għenuq taʼ l-​irġiel li jieħdu l-​priża?’

31 B’hekk, ħa jgħibu l-​għedewwa kollha tiegħek,+ O Ġeħova,

U ħa jkunu dawk li jħobbuk+ bħal meta x-​xemx toħroġ fl-​aqwa tagħha.”+

U l-​art ma kellhiex iktar tfixkil għal erbgħin sena.+

6 Imbagħad ulied Israel bdew jagħmlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova.+ Għalhekk, Ġeħova tahom f’id Midjan+ għal sebaʼ snin. 2 U id Midjan bdiet tiddomina lil Israel.+ Minħabba Midjan ulied Israel inqdew bl-​imħażen taħt l-​art li kienu fil-​muntanji, u bl-​għerien u bil-​postijiet diffiċli biex jintlaħqu.+ 3 U ġara li, jekk ulied Israel kienu jiżirgħu,+ Midjan u Għamalek+ u n-​nies tal-​lvant+ kienu jitilgħu, iva, kienu jitilgħu kontrihom. 4 U kienu jikkampjaw kontrihom u jeqirdu l-​uċuħ tar-​rabaʼ tul it-​triq kollha sa Gaża, u ma kienu jħallu ebda ikel jew nagħġa jew barri jew ħmar f’Israel.+ 5 Għax huma kienu jiġu bil-​bhejjem u bit-​tined tagħhom. Kienu jiġu kotrana daqs il-​ġurati,+ u huma u l-​iġmla tagħhom kienu bla għadd;+ u kienu jiġu fl-​art biex jeqirduha.+ 6 U Israel sar batut ħafna minħabba Midjan; u wlied Israel bdew isejħu lil Ġeħova għall-​għajnuna.+

7 U ġara li peress li wlied Israel sejħu lil Ġeħova għall-​għajnuna minħabba Midjan,+ 8 Ġeħova bagħat raġel, profeta,+ għand ulied Israel u qalilhom: “Hekk qal Ġeħova l-​Alla taʼ Israel, ‘Kont jien li tellajtkom mill-​Eġittu,+ u b’hekk ħriġtkom mid-​dar taʼ l-​ilsiera.+ 9 Għalhekk, ħlistkom minn id l-​Eġittu u minn id dawk kollha li ħaqrukom u keċċejthom minn quddiemkom u tajtkom arthom.+ 10 Iktar minn hekk, għedtilkom: “Jien Ġeħova Alla tagħkom.+ Tibżgħux mill-​allat taʼ l-​Amurrin+ li qed tgħammru f’arthom.”+ U intom ma smajtux minn leħni.’”+

11 Iktar tard ġie l-​anġlu taʼ Ġeħova+ u qagħad bil-​qiegħda taħt is-​siġra l-​kbira f’Għofra, li kienet taʼ Ġowas l-​Abi-għeżri,+ waqt li ibnu Gidegħon+ kien qed jidres il-​qamħ fil-​magħsar taʼ l-​inbid sabiex ineħħih malajr minn quddiem għajnejn Midjan. 12 U l-​anġlu taʼ Ġeħova deherlu u qallu: “Ġeħova hu miegħek,+ O qalbieni u setgħan.” 13 Għal dan, Gidegħon qallu: “Skużani, sidi, imma jekk Ġeħova hu magħna, allura għala ġie dan kollu fuqna,+ u fejn huma l-​atti taʼ l-​għaġeb kollha tiegħu+ li rrakkontawlna missirijietna,+ meta qalulna, ‘Ġeħova ma tellagħniex mill-​Eġittu?’+ U issa Ġeħova abbandunana,+ u qed jagħtina f’id Midjan.” 14 Għal dan, Ġeħova ħares lejh u qal: “Mur b’din il-​qawwa tiegħek,+ u int se ssalva lil Israel minn id Midjan.+ Mhux jien qed nibagħtek?”+ 15 Imma hu qallu: “Skużani, Ġeħova. Biex se nsalva lil Israel?+ Ara! Il-​familja tiegħi* hi l-​inqas waħda f’Manasse, u jien l-​iżgħar wieħed f’dar missieri.”+ 16 Madankollu, Ġeħova qallu: “Għax se nkun miegħek,+ u int toqtol lil Midjan+ bħallikieku raġel wieħed.”

17 Għal dan, hu qallu: “Issa jekk jien approvat f’għajnejk,+ wettaqli wkoll sinjal li juri li huwa int li qed titkellem miegħi.+ 18 Jekk jogħġbok, tiċċaqlaqx minn hawnhekk sakemm niġi ħdejk+ u nkun ġibt l-​għotja tiegħi u qegħedtha quddiemek.”+ Għaldaqstant, dak qallu: “Jien, min-​naħa tiegħi, se nibqaʼ bil-​qiegħda hawnhekk sakemm tiġi lura.” 19 U Gidegħon daħal u ħejja gidi+ u efa dqiq bħala ħobż bla ħmira.+ Il-​laħam poġġieh fil-​qoffa, u l-​brodu poġġieh fil-​borma, u mbagħad ħadhomlu taħt is-​siġra l-​kbira u servieh.

20 L-anġlu taʼ l-​Alla l-​veru issa qallu: “Ħu l-​laħam u l-​ħobż bla ħmira u qegħedhom fuq il-​blata l-​kbira hemmhekk,+ u ferraʼ l-​brodu.” U hu hekk għamel. 21 Imbagħad l-​anġlu taʼ Ġeħova medd it-​tarf tal-​bastun li kellu f’idu u mess il-​laħam u l-​ħobż bla ħmira, u beda tielaʼ n-​nar mill-​blata u belaʼ l-​laħam u l-​ħobż bla ħmira.+ U l-​anġlu taʼ Ġeħova għab minn quddiemu. 22 Għaldaqstant, Gidegħon irrealizza li dan kien l-​anġlu taʼ Ġeħova.+

Minnufih Gidegħon qal: “Jaħasra, Sovran Mulej Ġeħova, għax jien rajt l-​anġlu taʼ Ġeħova wiċċ imbwiċċ!”+ 23 Imma Ġeħova qallu: “Ħa jkollok is-​sliem.+ Tibżax.+ M’intix se tmut.”+ 24 Għalhekk, Gidegħon bena artal+ hemmhekk lil Ġeħova, u dan għadu jissejjaħ+ Ġeħova-sliem sa llum. Dan għadu f’Għofra+ taʼ l-​Abi-għeżrin.

25 U ġara dak il-​lejl li Ġeħova qallu: “Ħu l-​barri ż-​żgħir, il-​barri taʼ missierek, jiġifieri, it-​tieni barri żgħir taʼ sebaʼ snin, u ġarraf l-​artal taʼ Bagħal+ li għandu missierek, u qaċċat l-​arblu sagru li hemm ħdejh.+ 26 U ibni artal lil Ġeħova Alla tiegħek fil-​quċċata taʼ dan il-​post taʼ sigurtà, bir-​ringiela tal-​ġebel, u ħu t-​tieni barri żgħir u offrih bħala offerta tal-​ħruq fuq il-​biċċiet taʼ l-​injam taʼ l-​arblu sagru li se tqaċċat.” 27 Għaldaqstant, Gidegħon ħa għaxart irġiel mill-​qaddejja tiegħu u għamel sewwasew bħalma qallu Ġeħova;+ imma ġara li, billi beżaʼ wisq min-​nies taʼ dar missieru u mill-​irġiel tal-​belt biex jagħmel dan bi nhar, hu għamel dan bil-​lejl.+

28 Meta l-​irġiel tal-​belt qamu kmieni fil-​għodu bħas-​soltu, iva, ara, l-​artal taʼ Bagħal kien imġarraf u l-​arblu sagru+ li kien ħdejh kien imqaċċat, u t-​tieni barri żgħir kien ġie offrut fuq l-​artal li kien inbena. 29 U bdew jgħidu lil xulxin: “Min għamel dan?” U marru jistħarrġu u jfittxu. Fl-​aħħar qalu: “Gidegħon bin Ġowas għamel dan.” 30 Għalhekk, l-​irġiel tal-​belt qalu lil Ġowas: “Oħroġ lil ibnek biex imut,+ għax ġarraf l-​artal taʼ Bagħal u qaċċat l-​arblu sagru li kien ħdejh.” 31 Għal dan, Ġowas+ qal lil dawk kollha li kienu qed jiħduha kontrih:+ “Se tiddefendu lil Bagħal biex taraw jekk intom stess tistgħux issalvawh? Min jiddefendih imissu jingħata l-​mewt dal-għodu stess.+ Jekk inhu Alla,+ ħa jiddefendi ruħu waħdu,+ għax xi ħadd ġarraf l-​artal tiegħu.” 32 U dakinhar beda jsejjaħlu Ġerubbagħal,*+ għax qal: “Ħa jiddefendi ruħu għan-​nom tiegħu stess Bagħal, għax xi ħadd ġarraf l-​artal tiegħu.”+

33 U Midjan kollu+ u Għamalek+ u n-​nies tal-​lvant+ inġabru flimkien ħaġa waħda+ u qasmu għan-​naħa l-​oħra u kkampjaw fil-​pjanura l-​baxxa taʼ Ġeżragħel.+ 34 U l-​ispirtu taʼ Ġeħova+ ġie fuq Gidegħon u hu daqq il-​qarn,+ u l-​Abi-għeżrin+ issejħu flimkien għal warajh. 35 U bagħat messaġġiera+ f’Manasse kollu, u huma wkoll issejħu flimkien għal warajh. Bagħat ukoll messaġġiera f’Aser u Żebulun u Naftali, u huma telgħu jiltaqgħu miegħu.

36 Imbagħad Gidegħon qal lill-​Alla l-​veru: “Jekk int se ssalva lil Israel permezz tiegħi, bħalma wegħedt,+ 37 ara, jien inżomm ġeżża suf mikxufa fuq il-​qiegħa tad-​dris. Jekk in-​nida taqaʼ biss fuq il-​ġeżża imma l-​art kollha tkun niexfa, imbagħad inkun naf li int se ssalva lil Israel permezz tiegħi, bħalma wegħedt.” 38 U hekk ġara. Meta qam kmieni l-​għada u għasar il-​ġeżża, hu ħareġ biżżejjed nida mill-​ġeżża biex jimla skutella kbira bl-​ilma. 39 Madankollu, Gidegħon qal lill-​Alla l-​veru: “Tħallix ir-​rabja tiegħek tixgħel kontrija, imma ħa nitkellem biss darb’oħra. Jekk jogħġbok, ħa nagħmel prova darb’oħra biss bil-​ġeżża. Ħa tibqaʼ niexfa l-​ġeżża biss, jekk jogħġbok, u fuq l-​art kollha taqaʼ n-​nida.” 40 Għaldaqstant, hekk għamel Alla dak il-​lejl; u l-​ġeżża biss baqgħet niexfa, u fuq l-​art kollha waqgħet in-​nida.

7 Imbagħad Ġerubbagħal,+ jiġifieri, Gidegħon,+ u n-​nies kollha li kienu miegħu, qamu kmieni u waqqfu l-​kamp ħdejn il-​bir taʼ Ħarod; u l-​kamp taʼ Midjan kien lejn it-​tramuntana tiegħu, ħdejn l-​għolja taʼ More, fil-​pjanura l-​baxxa. 2 Ġeħova issa qal lil Gidegħon: “In-​nies li hemm miegħek huma wisq għalija biex nagħti lil Midjan f’idejhom.+ Għandu mnejn Israel jiftaħar+ bih innifsu kontrija, billi jgħid, ‘Idi salvatni.’+ 3 U issa għajjat, jekk jogħġbok, biex jisimgħuk in-​nies, u għid, ‘Min qed jibżaʼ u jitriegħed? Ħa jirtira.’”+ U b’hekk, Gidegħon ipprovahom. Għaldaqstant, tnejn u għoxrin elf min-​nies irtiraw, u baqgħu għaxart elef.

4 Xorta waħda, Ġeħova qal lil Gidegħon: “Għad baqaʼ wisq nies.+ Niżżilhom ħdejn l-​ilma biex inkun nistaʼ nipprovahom hemmhekk. U jrid iseħħ li dwar kulmin ngħidlek, ‘Dan jiġi miegħek,’ jiġi miegħek, imma kull wieħed li dwaru ngħidlek, ‘Dan ma jiġix miegħek,’ ma jiġix.” 5 Għalhekk, niżżel lin-​nies ħdejn l-​ilma.+

Imbagħad Ġeħova qal lil Gidegħon: “Kulmin jilgħaq ftit mill-​ilma bi lsienu bħalma jagħmel kelb, qiegħdu fuq naħa, imma kulmin jinżel jixrob għarkopptejh qiegħdu naħa oħra.” + 6 U l-​għadd taʼ dawk li lagħqu l-​ilma b’idhom maʼ ħalqhom kien taʼ tliet mitt raġel. Il-​bqija tan-​nies kollha niżlu jixorbu l-​ilma għarkopptejhom.

7 Ġeħova issa qal lil Gidegħon: “Permezz tat-​tliet mitt raġel li lagħqu l-​ilma minn idhom se neħliskom, u jien se nagħti lil Midjan f’idek.+ Inkwantu għan-​nies l-​oħrajn kollha, ħallihom imorru kull wieħed lejn daru.” 8 Għalhekk, ħadu l-​provvisti tan-​nies l-​oħrajn, u l-​qarn tagħhom,+ u lill-​irġiel kollha taʼ Israel bagħathom kull wieħed lejn daru; u żamm lit-​tliet mitt raġel. U l-​kamp taʼ Midjan kien taħtu fil-​pjanura l-​baxxa.+

9 U ġara dak il-​lejl+ li Ġeħova qallu: “Qum, inżel għall-​kamp, għax jien tajtu f’idejk.+ 10 Imma jekk qed tibżaʼ tinżel, inżel lejn il-​kamp maʼ Pura l-​qaddej tiegħek.+ 11 U ismaʼ xi jkunu qed jgħidu,+ u wara dan idejk se jissaħħu,+ u żgur tinżel għall-​kamp.” Għal dan, hu u Pura l-​qaddej tiegħu niżlu sat-​tarf taʼ dawk imqassmin għall-​battalja li kienu fil-​kamp.

12 Issa Midjan u Għamalek u n-​nies kollha tal-​lvant+ kienu mixħutin fil-​pjanura l-​baxxa kotrana daqs il-​ġurati;+ u l-​iġmla tagħhom+ kienu bla għadd, kotrana bħar-​ramel li hemm f’xatt il-​baħar. 13 Imbagħad Gidegħon wasal, u, ara, kien hemm raġel jirrakkonta ħolma lil sieħbu, u qallu: “Ħlomt ħolma.+ U, ara! Kien hemm ftira tax-​xgħir li daħlet titgerbeb għal ġol-​kamp taʼ Midjan. Imbagħad ġiet ħdejn tinda, laqtitha, waqqgħetha,+ u qalbitha taʼ taħt fuq, u t-​tinda waqgħet ċatta.” 14 Għal dan, sieħbu wieġeb+ u qal: “Dan m’hu xejn ħlief is-​sejf taʼ Gidegħon+ bin Ġowas, raġel minn Israel. L-​Alla l-​veru+ ta lil Midjan u lill-​kamp kollu f’idejh.”+

15 U ġara li malli Gidegħon semaʼ l-​ħolma tiġi rakkontata u spjegata,+ hu beda jagħti qima.+ Imbagħad reġaʼ lura lejn il-​kamp taʼ Israel u qal: “Qumu,+ għax Ġeħova reħa f’idejkom il-​kamp taʼ Midjan.” 16 Imbagħad hu qassam lit-​tliet mitt raġel fi tliet qtajjaʼ u tahom ilkoll qarn+ f’idejhom u ġarar kbar vojta u torċi ġewwa l-​ġarar kbar. 17 U qalilhom: “Tgħallmu minn dak li tarawni nagħmel, u agħmlu hekk intom ukoll. U meta nasal f’tarf il-​kamp, irid iseħħ ukoll li bħalma nagħmel jien, hekk tagħmlu intom. 18 Meta nkun daqqejt il-​qarn, jien u kulmin ikun miegħi, intom ukoll tridu ddoqqu l-​qarn madwar il-​kamp kollu,+ u tridu tgħidu, ‘Taʼ Ġeħova+ u taʼ Gidegħon!’”

19 Imbagħad Gidegħon wasal mal-​mitt raġel li kienu miegħu f’tarf il-​kamp malli bdiet l-​għassa tan-​nofs taʼ matul il-​lejl.*+ Kienu għadhom kif inbidlu s-​suldati taʼ l-​għassa. U huma daqqew il-​qarn,+ u farrku l-​ġarar kbar taʼ l-​ilma li kellhom f’idejhom.+ 20 Għal dan, it-​tliet qtajjaʼ daqqew il-​qarn+ u kissru l-​ġarar kbar u qabdu mill-​ġdid it-​torċi b’idhom ix-​xellugija u b’idhom il-​leminija l-​qarn biex idoqquh, u bdew jgħajtu: “Is-​sejf taʼ Ġeħova+ u taʼ Gidegħon!” 21 Sadanittant, huma baqgħu weqfin kull wieħed f’postu madwar il-​kamp kollu, u dawk kollha fil-​kamp telqu jiġru u qabdu jgħajtu u ħarbu.+ 22 U t-​tliet mija+ komplew idoqqu l-​qarn,+ u Ġeħova dawwar is-​sejf taʼ kull wieħed kontra l-​ieħor fil-​kamp kollu;+ u dawk fil-​kamp baqgħu jaħarbu sa Bet-sitta, lejn Serera, sa tarf Abel-meħola+ ħdejn Tabbat.

23 Sadanittant, l-​irġiel taʼ Israel kienu ssejħu flimkien minn Naftali+ u Aser+ u Manasse kollu,+ u marru jiġru+ wara Midjan. 24 U Gidegħon bagħat messaġġiera fir-​reġjun muntanjuż kollu t’Efrajm,+ jgħidu: “Inżlu biex tiltaqgħu maʼ Midjan u tieħdu f’idejkom l-​ilmijiet sa Bet-bara u l-​Ġordan qabilhom.” Għalhekk, l-​irġiel kollha t’Efrajm issejħu flimkien, u huma marru jieħdu f’idejhom l-​ilmijiet+ sa Bet-bara u l-​Ġordan. 25 Huma wkoll ħadu taħt idejhom liż-​żewġ prinċpijiet taʼ Midjan, jiġifieri, Għoreb u Żeb;+ u huma qatlu lil Għoreb fuq il-​blata t’Għoreb,+ u qatlu lil Żeb ħdejn il-​magħsar taʼ l-​inbid taʼ Żeb. U baqgħu jiġru wara Midjan,+ u ġabu ras Għoreb u dik taʼ Żeb għand Gidegħon fir-​reġjun tal-​Ġordan.+

8 Imbagħad l-​irġiel t’Efrajm qalulu: “X’inhu dan li għamiltilna, li ma sejjaħtilniex meta mort tiġġieled kontra Midjan?”+ U riedu bilfors jaqbdu tilwima miegħu.+ 2 Fl-aħħar qalilhom: “Issa x’għamilt jien ħdejkom?+ M’huwiex it-​tilqit taʼ l-​għeneb li ġabar Efrajm+ aħjar mill-​ġbir taʼ l-​għeneb t’Abi-għeżer?+ 3 Mhux f’idkom tahom Alla lill-​prinċpijiet Għoreb u Żeb+ taʼ Midjan, u xi rnexxieli nagħmel jien ħdejkom?” Kien meta qalilhom din il-​kelma li l-​ispirtu tagħhom ikkalma.+

4 Fl-aħħar, Gidegħon wasal ħdejn il-​Ġordan, u qasam, hu u t-​tliet mitt raġel li kienu miegħu, li għalkemm kienu għajjenin baqgħu jiġru wara l-​għadu. 5 Iktar tard hu qal lill-​irġiel taʼ Sukkot:+ “Jekk jogħġobkom, agħtu l-​ftajjar lin-​nies li mexjin warajja,+ għax huma għajjenin u jien qed niġri wara Żebaħ+ u Salmunna,+ is-​slaten taʼ Midjan.” 6 Imma l-​prinċpijiet taʼ Sukkot qalu: “Huma idejn Żebaħ u Salmunna diġà f’idejk sabiex jingħata l-​ħobż lill-​armata tiegħek?”+ 7 Għal dan, Gidegħon qal: “Huwa għalhekk li meta Ġeħova jagħti lil Żebaħ u Salmunna f’idejja, jien inċarrat laħamkom bix-​xewk tax-​xagħri u bl-​għollieq.”+ 8 U hu kompla tielaʼ fi triqtu minn hemmhekk għal Penwel+ u kellimhom bl-​istess mod, imma l-​irġiel taʼ Penwel wiġbuh bħalma kienu wieġbu l-​irġiel taʼ Sukkot. 9 Għaldaqstant qal ukoll lill-​irġiel taʼ Penwel: “Meta niġi lura fis-​sliem, inġarraf dan it-​torri.”+

10 Issa Żebaħ u Salmunna+ kienu f’Karkor, u l-​kampijiet tagħhom magħhom, u mill-​kamp kollu tan-​nies tal-​lvant+ kien baqaʼ madwar ħmistax-il elf; u diġà kienu waqgħu mija u għoxrin elf raġel li jisiltu s-​sejf.+ 11 U Gidegħon kompla tielaʼ mit-​triq taʼ dawk li jgħammru fit-​tined lejn il-​lvant taʼ Noba u Ġogbegħa+ u beda jidrob lill-​kamp waqt li l-​kamp ma kienx għassa.+ 12 Meta Żebaħ u Salmunna ħarbu, hu minnufih telaq jiġri warajhom u rnexxielu jaqbad liż-​żewġ slaten taʼ Midjan, Żebaħ u Salmunna;+ u riegħed lill-​kamp kollu bil-​biżaʼ.

13 U Gidegħon bin Ġowas reġaʼ lura mill-​gwerra mill-​mogħdija li titlaʼ għal Ħeres. 14 Hu u sejjer ħataf lil żagħżugħ mill-​irġiel taʼ Sukkot+ u għamillu xi mistoqsijiet.+ Għalhekk, dan kitiblu l-​ismijiet tal-​prinċpijiet+ taʼ Sukkot u x-​xjuħ tagħha, sebgħa u sebgħin raġel. 15 Għaldaqstant, hu mar għand l-​irġiel taʼ Sukkot u qal: “Hawn huma Żebaħ u Salmunna li intom għajjartuni bihom, billi għedtu, ‘Huma idejn Żebaħ u Salmunna diġà f’idejk sabiex jingħata l-​ħobż lill-​irġiel għajjenin tiegħek?’”+ 16 Imbagħad ħa lix-​xjuħ tal-​belt u xi xewk tax-​xagħri u għollieq, u ta lezzjoni bihom lill-​irġiel taʼ Sukkot.+ 17 U ġarraf+ it-​torri taʼ Penwel,+ u qatel lill-​irġiel tal-​belt.

18 Hu issa qal lil Żebaħ u Salmunna:+ “X’tip taʼ rġiel kienu dawk li qtiltu f’Tabor?”+ Għal dan, qalulu: “Bħalek kienu huma, kull wieħed minnhom, bħall-​ulied taʼ sultan f’surithom.” 19 Għal dan, hu qal: “Kienu ħuti, ulied ommi. Daqskemm hu ħaj Ġeħova, kieku ħallejtuhom ħajjin, ma kienx ikolli għalfejn noqtolkom.”+ 20 Imbagħad qal lil Ġeter, l-​ewwel imwieled tiegħu: “Qum, oqtolhom.” U ż-​żagħżugħ ma silitx sejfu, għax beda jibżaʼ, peress li kien għadu żgħir.+ 21 Għalhekk, Żebaħ u Salmunna qalulu: “Qum int u attakkana, għax is-​setgħa taʼ raġel turi x’raġel hu.”+ Għaldaqstant, Gidegħon qam u qatel+ lil Żebaħ u Salmunna u ħa l-​ornamenti għamla taʼ qamar li kienu m’għonq l-​iġmla tagħhom.

22 Iktar tard, l-​irġiel taʼ Israel qalu lil Gidegħon: “Aħkem fuqna,+ int u ibnek u bin ibnek ukoll, għax int salvajtna minn id Midjan.”+ 23 Imma Gidegħon qalilhom: “La jien ma se naħkem fuqkom, u lanqas ibni ma jaħkem fuqkom.+ Ġeħova se jaħkem fuqkom.”+ 24 U Gidegħon kompla jgħidilhom: “Ħa nitlobkom xi ħaġa: Agħtuni, kull wieħed minnkom, il-​ħolqa taʼ l-​imnieħer li ħadtu bħala priża.” (Għax dawk mirbuħin kellhom ħoloq taʼ l-​imnieħer tad-​deheb,+ peress li kienu Ismagħelin.)+ 25 Imbagħad qalu: “Dażgur li nagħtuhomlok.” Għal dan, huma firxu mantell u kull wieħed minnhom tefaʼ fih il-​ħolqa taʼ l-​imnieħer li kien ħa bħala priża. 26 U b’kollox il-​ħoloq taʼ l-​imnieħer tad-​deheb li talabhom kienu jiżnu elf u sebaʼ mitt xekel deheb, minbarra l-​ornamenti għamla taʼ qamar+ u l-​imsielet u l-​ilbiesi tas-​suf miżbugħ vjola ħamrani+ li kellhom fuqhom is-​slaten taʼ Midjan u minbarra l-​ġiżirani li kienu m’għonq l-​iġmla.+

27 U Gidegħon għamel dan f’efod+ u esponieh f’beltu Għofra;+ u hemmhekk Israel kollu beda jkollu relazzjonijiet immorali maʼ l-​efod,+ u b’hekk serva bħala nassa għal Gidegħon u għan-​nies taʼ daru.+

28 B’hekk, Midjan+ ġie mrażżan quddiem ulied Israel, u ma refax rasu iktar; u l-​art ma kellhiex iktar tfixkil għal erbgħin sena fi żmien Gidegħon.+

29 U Ġerubbagħal*+ bin Ġowas mar għal triqtu u baqaʼ jgħammar f’daru.

30 U Gidegħon kellu sebgħin tifel+ li tnisslu minnu,* għax kien iżżewweġ ħafna nisa. 31 U l-​konkubina tiegħu li kienet f’Sikem ukoll wilditlu iben. U semmieh Abimelek.+ 32 Maż-żmien, Gidegħon bin Ġowas miet meta kien xjaħ sew u ndifen fejn kien indifen missieru Ġowas f’Għofra taʼ l-​Abi-għeżrin.+

33 U ġara li malli miet Gidegħon, ulied Israel reġaʼ beda jkollhom relazzjonijiet immorali mal-​Bagħalim,+ u b’hekk ħatru lil Bagħal-berit bħala l-​alla tagħhom.+ 34 U wlied Israel ma ftakrux f’Ġeħova Alla tagħhom,+ li kien ħelishom minn id l-​għedewwa kollha tagħhom taʼ madwarhom;+ 35 u ma wrewx qalb tajba bl-​imħabba+ lejn in-​nies taʼ dar Ġerubbagħal, Gidegħon, bi tpattija għat-​tjubija kollha li hu kien wera maʼ Israel.+

9 Maż-żmien, Abimelek+ bin Ġerubbagħal mar Sikem+ għand ħut ommu u beda jkellem lilhom u lill-​familja kollha taʼ dar missier ommu, u qal: 2 “Għidu, jekk jogħġobkom, biex jisimgħukom is-​sidien kollha taʼ l-​art taʼ Sikem, ‘X’inhu l-​aħjar għalikom, li jaħkmu fuqkom sebgħin raġel,+ l-​ulied kollha taʼ Ġerubbagħal, jew li jaħkem fuqkom raġel wieħed? U tridu tiftakru li jien għadamkom u laħamkom.’”+

3 Għalhekk, ħut ommu bdew jgħidu dan il-​kliem kollu biex jisimgħuhom is-​sidien kollha taʼ l-​art taʼ Sikem, u b’hekk qalbhom inġibdet lejn Abimelek,+ għax qalu: “Ħuna hu.”+ 4 Imbagħad tawh sebgħin biċċa tal-​fidda mit-​tempju taʼ Bagħal-berit,+ u bihom Abimelek kera rġiel għażżenin u insolenti,+ biex imorru miegħu. 5 Wara dan, hu mar lejn dar missieru f’Għofra+ u qatel lil ħutu,+ ulied Ġerubbagħal, sebgħin raġel, fuq ġebla waħda, imma Ġotam l-​iżgħar wieħed minn ulied Ġerubbagħal baqaʼ ħaj, għax staħba.

6 Imbagħad is-​sidien kollha taʼ l-​art taʼ Sikem u d-​dar kollha taʼ Millo+ nġabru flimkien u marru jagħmlu lil Abimelek sultan,+ qrib is-​siġra l-​kbira,+ il-​pilastru li kien f’Sikem.+

7 Meta rrapportaw dan lil Ġotam hu minnufih mar u waqaf fuq il-​quċċata tal-​Muntanja Geriżim+ u għolla leħnu u għajjat u qalilhom: “Isimgħuni, sidien taʼ l-​art taʼ Sikem, u mbagħad jismagħkom Alla:

8 “Darba waħda s-​siġar marru jidilku sultan għal fuqhom. Għalhekk, qalu liż-​żebbuġa,+ ‘Saltan fuqna.’+ 9 Imma ż-​żebbuġa qaltilhom, ‘Sejra jien inċedi ż-​żejt rikk tiegħi li bih jigglorifikaw+ lil Alla u lill-​bnedmin, u nixxejjer fuq is-​siġar l-​oħrajn?’+ 10 Imbagħad is-​siġar qalu lit-​tina,+ ‘Ejja int, u saltan fuqna.’ 11 Imma t-​tina qaltilhom, ‘Sejra jien inċedi l-​ħlewwa tiegħi u l-​prodott tajjeb tiegħi, u nixxejjer fuq is-​siġar l-​oħrajn?’+ 12 Wara dan, is-​siġar qalu lid-​dielja, ‘Ejja int, u saltan fuqna.’ 13 Min-naħa tagħha, id-​dielja qaltilhom, ‘Sejra jien inċedi l-​inbid ġdid tiegħi li jferraħ lil Alla u lill-​bnedmin,+ u nixxejjer fuq is-​siġar?’ 14 Fl-aħħarnett, is-​siġar l-​oħrajn kollha qalu lill-​għollieqa,+ ‘Ejja int, u saltan fuqna.’ 15 Għal dan, l-​għollieqa qalet lis-​siġar, ‘Jekk verament qed tidilkuni biex insaltan fuqkom, ejjew, fittxu l-​kenn taħt delli.+ Imma jekk le, ħa joħroġ in-​nar+ mill-​għollieqa u jaħraq iċ-​ċedri+ tal-​Libanu.’+

16 “U issa jekk aġixxejtu bis-​sinċerità* u mingħajr nuqqas meta għamiltu lil Abimelek sultan,+ u jekk urejtu tjubija maʼ Ġerubbagħal u n-​nies taʼ daru, u jekk għamiltu miegħu skond kif kien jistħoqqlu għal dak li għamel, 17 meta missieri ġġieled+ għalikom u ssogra ruħu+ biex jeħliskom minn id Midjan;+ 18 u intom, min-​naħa tagħkom, qomtu kontra n-​nies taʼ dar missieri llum u qtiltu lil uliedu,+ sebgħin raġel,+ fuq ġebla waħda, biex tkunu tistgħu tagħmlu lil Abimelek, bin l-​ilsira tiegħu,+ sultan+ fuq is-​sidien taʼ l-​art taʼ Sikem sempliċement għax hu ħukom; 19 iva, jekk illum aġixxejtu bis-​sinċerità u mingħajr nuqqas maʼ Ġerubbagħal u n-​nies taʼ daru, ifirħu b’Abimelek u ħa jifraħ hu wkoll bikom.+ 20 Imma jekk le, ħa joħroġ nar+ minn Abimelek u jaħraq lis-​sidien taʼ l-​art taʼ Sikem u lid-​dar taʼ Millo,+ u ħa joħroġ nar+ mis-​sidien taʼ l-​art taʼ Sikem u mid-​dar taʼ Millo u jaħraq lil Abimelek.”+

21 Imbagħad Ġotam+ ħarab u telaq jiġri u mar lejn Bir, u beda jgħammar hemmhekk minħabba ħuh Abimelek.

22 U Abimelek baqaʼ jilgħabha taʼ prinċep fuq Israel għal tliet snin.+ 23 Imbagħad Alla ħalla spirtu ħażin+ jiżviluppa bejn Abimelek u s-​sidien taʼ l-​art taʼ Sikem, u s-​sidien taʼ l-​art taʼ Sikem aġixxew bi tradiment+ m’Abimelek, 24 biex il-​vjolenza li saret fuq is-​sebgħin tifel taʼ Ġerubbagħal tiġi lura fuqhom+ u hu jqiegħed demmhom fuq Abimelek ħuhom għax qatilhom,+ u fuq is-​sidien taʼ l-​art taʼ Sikem għax inkuraġġewh+ joqtol lil ħutu. 25 Għalhekk, is-​sidien taʼ l-​art taʼ Sikem qegħdulu xi rġiel mistoħbijin fuq il-​qċaċet tal-​muntanji, u kienu jisirqu lil kulmin kien jgħaddi minn ħdejhom fit-​triq. Maż-​żmien, dan ġie rapportat lil Abimelek.

26 Imbagħad ġew Gagħal+ bin Għebed u ħutu subien u qasmu f’Sikem,+ u s-​sidien taʼ l-​art taʼ Sikem bdew jafdaw fih.+ 27 U ħarġu fl-​għalqa bħas-​soltu u ġabru l-​għeneb taʼ l-​għelieqi tad-​dwieli tagħhom u għaffġuh u għamlu festa taʼ ferħ,+ u wara dan daħlu fid-​dar taʼ l-​alla tagħhom+ u kielu+ u seħtu+ lil Abimelek. 28 U Gagħal bin Għebed qal: “Min hu Abimelek,+ u min hu Sikem biex naqduh? Mhux bin Ġerubbagħal,+ u m’huwiex Żebul+ uffiċjal tiegħu? Intom aqdu lill-​irġiel taʼ Ħamor,+ missier Sikem, imma aħna għala għandna naqdu lilu? 29 Mhux li kien f’idi dan il-​poplu!+ Kieku lil Abimelek kont inneħħih.” U qal lil Abimelek: “Kabbar l-​armata tiegħek u oħroġ magħha.”+

30 U Żebul il-​prinċep tal-​belt semaʼ kliem Gagħal bin Għebed.+ U xegħel bir-​rabja. 31 Għalhekk, biex iqarraq bih bagħat messaġġiera għand Abimelek, li qalu: “Ara! Gagħal bin Għebed u ħutu subien ġew Sikem,+ u qed jiġimgħu n-​nies tal-​belt kontrik. 32 U issa qum bil-​lejl,+ int u n-​nies li huma miegħek, u oqgħod għal-​lest+ fir-​rabaʼ. 33 U fil-​għodu, malli tibda tiddi x-​xemx, qum kmieni, u itlaq iġri għal kontra l-​belt; u meta hu u n-​nies li huma miegħu jkunu ħerġin kontrik, int ukoll agħmillu kulma jiġi għal idejk.”

34 Fi qbil maʼ dan, Abimelek u n-​nies kollha li kienu miegħu qamu bil-​lejl, u qagħdu għal-​lest kontra Sikem f’erbaʼ qtajjaʼ. 35 Iktar tard, Gagħal+ bin Għebed ħareġ u qagħad fid-​daħla taʼ bieb il-​belt. U Abimelek u n-​nies li kienu miegħu qamu mill-​post fejn kienu mistoħbijin. 36 Meta Gagħal lemaħ lin-​nies, minnufih qal lil Żebul: “Ara! Hemm in-​nies neżlin minn fuq il-​qċaċet tal-​muntanji.” Imma Żebul qallu: “Int qed tara d-​dellijiet tal-​muntanji u qed taħsibhom nies.”+

37 Imbagħad Gagħal reġaʼ tkellem u qal: “Ara! Hemm in-​nies neżlin minn nofs l-​art, u qatgħa minnhom ġejja min-​naħa tas-​siġra l-​kbira taʼ Meonenim.”* 38 Għal dan, Żebul qallu: “Fejn hu issa l-​kliem li għedt,+ ‘Min hu Abimelek biex naqduh?’+ M’humiex dawn in-​nies li rrifjutajt?+ Oħroġ issa, jekk jogħġbok, u ġġieled kontrihom.”

39 Għalhekk, Gagħal ħareġ bis-​sidien taʼ l-​art taʼ Sikem warajh u beda jiġġieled kontra Abimelek. 40 U Abimelek telaq għal warajh, u dak ħarab quddiemu; u kien hemm ħafna li komplew jinqatlu sad-​daħla tal-​bieb.

41 U Abimelek kompla jgħammar f’Aruma, u Żebul+ keċċa lil Gagħal+ u lil ħutu biex ma jgħammrux f’Sikem.+ 42 U ġara li l-​għada n-​nies bdew ħerġin fir-​rabaʼ. U dan intqal lil Abimelek.+ 43 Għalhekk, hu ħa lin-​nies u qassamhom fi tliet qtajjaʼ+ u qagħad għal-​lest fir-​rabaʼ. Imbagħad hu ħares, u n-​nies kienu ħerġin mill-​belt. U qam għalihom u qatilhom. 44 U Abimelek u l-​qtajjaʼ li kienu miegħu telqu jiġru biex jieqfu fid-​daħla taʼ bieb il-​belt, waqt li żewġ qtajjaʼ telqu jiġru kontra dawk kollha li kienu fir-​rabaʼ, u qatluhom.+ 45 U Abimelek iġġieled kontra l-​belt matul dak il-​jum kollu u rebaħha; u qatel lin-​nies li kienu fiha,+ u wara dan ġarraf il-​belt+ u xerred il-​melħ fiha.+

46 Meta ċ-​ċittadini kollha tat-​torri taʼ Sikem semgħu b’dan, dawn minnufih marru fil-​kantina tat-​tempju t’El-berit.+ 47 Imbagħad ġie rapportat lil Abimelek li ċ-​ċittadini kollha tat-​torri taʼ Sikem kienu nġabru flimkien. 48 Għal dan, Abimelek telaʼ fuq il-​Muntanja Żalmon,+ hu u n-​nies kollha li kienu miegħu. U Abimelek ħa mannara f’idu u qataʼ fergħa mis-​siġar, refagħha, poġġieha fuq spalltu, u qal lin-​nies li kienu miegħu: “Dak li rajtuni nagħmel—ħaffu, agħmlu bħali!”+ 49 Għalhekk, in-​nies kollha wkoll qatgħu fergħa kull wieħed u marru wara Abimelek. Imbagħad qegħduhom mal-​kantina, u taw in-​nar lill-​kantina bihom b’kollox, u b’hekk in-​nies kollha tat-​torri taʼ Sikem mietu wkoll, madwar elf raġel u mara.+

50 U Abimelek mar Tebes+ u kkampja kontra Tebes u rebaħha. 51 Peress li kien hemm torri b’saħħtu f’nofs il-​belt, l-​irġiel u n-​nisa kollha u s-​sidien kollha taʼ l-​art tal-​belt kienu ħarbu hemmhekk, u mbagħad għalquh warajhom u telgħu fuq il-​bejt tat-​torri. 52 U Abimelek telaq lejn it-​torri u beda jiġġieled kontrih, u telaʼ qrib id-​daħla tat-​torri biex jaħarqu bin-​nar.+ 53 Imbagħad waħda mara xeħtet ġebla taʼ fuq taʼ mitħna għal fuq ras Abimelek u qasmitlu rasu.+ 54 Għalhekk, hu sejjaħ malajr lill-​qaddej li kien iġorrlu l-​armi u qallu: “Islet sejfek u oqtolni,+ għax nibżaʼ li jgħidu dwari, ‘Kienet mara li qatlitu.’” Minnufih il-​qaddej tiegħu nifdu, u miet.+

55 Meta l-​irġiel taʼ Israel raw li Abimelek kien miet, telqu kull wieħed lejn daru. 56 B’hekk, Alla ġab lura fuq Abimelek il-​ħażen li kien għamel lil missieru billi qatel lil ħutu, sebgħin raġel.+ 57 U l-​ħażen kollu taʼ l-​irġiel taʼ Sikem Alla ġabu lura fuq rashom stess, biex tiġi fuqhom+ is-​saħta+ taʼ Ġotam+ bin Ġerubbagħal.+

10 Issa wara Abimelek qam Tola bin Puwa, bin Dodo, raġel minn Issakar, biex isalva+ lil Israel, u kien jgħammar f’Samir fir-​reġjun muntanjuż t’Efrajm.+ 2 U dam jiġġudika lil Israel tlieta u għoxrin sena, u wara dan miet u ndifen f’Samir.

3 Imbagħad warajh qam Ġajir il-​Gilegħadi,+ u hu dam jiġġudika lil Israel tnejn u għoxrin sena. 4 U kellu tletin tifel, u kienu jirkbu fuq tletin ħmar+ u kellhom tletin belt li għadhom isejħulhom Ħawwot-ġajir*+ sa llum, u qegħdin fl-​art taʼ Gilegħad. 5 Wara dan, Ġajir miet u ndifen f’Kamon.

6 U wlied Israel reġgħu għamlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova,+ u bdew jaqdu lill-​Bagħalim+ u x-​xbihat t’Għastoret+ u l-​allat tas-​Sirja+ u l-​allat taʼ Sidon+ u l-​allat taʼ Mowab+ u l-​allat taʼ wlied Għammon+ u l-​allat tal-​Filistin.+ Għalhekk, telqu lil Ġeħova u ma qdewx lilu.+ 7 Għal dan, ir-​rabja taʼ Ġeħova xegħlet kontra Israel,+ u biegħhom+ f’idejn il-​Filistin+ u f’idejn ulied Għammon.+ 8 Għalhekk, dawn kissru u ħaqru bil-​kbir lil ulied Israel f’dik is-​sena—għal tmintax-il sena għamlu dan lil ulied Israel kollha li kienu fuq in-​naħa tal-​Ġordan fl-​art taʼ l-​Amurrin li kienet f’Gilegħad. 9 U wlied Għammon kienu jaqsmu għan-​naħa l-​oħra tal-​Ġordan biex jiġġieldu kontra Ġuda u Benjamin u dar Efrajm; u Israel kien imnikket ħafna.+ 10 U wlied Israel bdew isejħu lil Ġeħova għall-​għajnuna,+ billi jgħidu: “Dnibna+ kontrik, għax tlaqna lil Alla tagħna u qed naqdu lill-​Bagħalim.”+

11 Imbagħad Ġeħova qal lil ulied Israel: “Ma kienx mill-​Eġittu+ u mill-​Amurrin+ u minn ulied Għammon+ u mill-​Filistin+ 12 u mis-​Sidonin+ u minn Għamalek+ u minn Midjan,+ minn idejhom li salvajtkom, meta ħaqrukom+ u intom sejjaħtuli? 13 Intom abbandunajtuni+ u bdejtu taqdu allat oħrajn.+ Huwa għalhekk li m’iniex se nerġaʼ nsalvakom.+ 14 Morru u sejħu għall-​għajnuna lill-​allat+ li għażiltu.+ Ħa jsalvawkom huma fi żmien in-​niket tagħkom.” 15 Imma wlied Israel qalu lil Ġeħova: “Aħna dnibna.+ Agħmlilna skond ma jidhirlek li hu tajjeb f’għajnejk.+ Biss eħlisna, jekk jogħġbok, illum.”+ 16 U bdew ineħħu l-​allat barranin minn ġo nofshom+ u jaqdu lil Ġeħova,+ u minħabba f’hekk ruħu+ ma felħitx iktar tara n-​niket taʼ Israel.+

17 Maż-żmien, ulied Għammon+ issejħu flimkien u waqqfu kamp f’Gilegħad.+ U wlied Israel inġabru flimkien u waqqfu kamp f’Mispa.+ 18 U n-​nies u l-​prinċpijiet taʼ Gilegħad bdew jgħidu lil xulxin: “Min se jieħu t-​tmexxija biex jiġġieled kontra wlied Għammon?+ Ħa jsir hu l-​kap taʼ l-​abitanti kollha taʼ Gilegħad.”+

11 Issa Ġefta+ l-​Gilegħadi+ kien sar raġel setgħan u qalbieni,+ u kien bin prostituta,+ u Gilegħad kien missier Ġefta. 2 U mart Gilegħad baqgħet tilidlu wlied subien. Meta wlied il-​mara kibru, keċċew lil Ġefta u qalulu: “Ma jrid ikollok ebda wirt f’dar missierna,+ għax int bin mara oħra.” 3 Għalhekk, Ġefta ħarab minħabba ħutu u beda jgħammar fl-​art taʼ Tob.+ U xi rġiel li kienu bla xogħol bdew jingħaqdu maʼ Ġefta, u kienu joħorġu miegħu kontra l-​għadu.+

4 U ġara wara ftit li wlied Għammon bdew jiġġieldu kontra Israel.+ 5 U meta wlied Għammon iġġieldu kontra Israel,+ ix-​xjuħ taʼ Gilegħad minnufih marru jġibu lil Ġefta mill-​art taʼ Tob.+ 6 Imbagħad qalu lil Ġefta: “Ejja u aqdi bħala l-​kmandant tagħna, ħa niġġieldu kontra wlied Għammon.” 7 Imma Ġefta qal lix-​xjuħ+ taʼ Gilegħad: “Mhux intom kontu li bgħadtuni u keċċejtuni minn dar missieri?+ U issa għalfejn ġejtu għandi għax qegħdin fl-​inkwiet?”+ 8 Għal dan, ix-​xjuħ qalu lil Ġefta: “Aħna għalhekk ġejna lura+ għandek, u int trid tiġi magħna u tiġġieled kontra wlied Għammon, u trid issir għalina l-​kap tan-​nies kollha taʼ Gilegħad.”+ 9 Għalhekk, Ġefta qal lix-​xjuħ taʼ Gilegħad: “Jekk se tiħduni lura biex niġġieled kontra wlied Għammon, u Ġeħova jerħihom+ f’idejja, jien, min-​naħa tiegħi, insir il-​kap tagħkom!” 10 Min-naħa tagħhom, ix-​xjuħ taʼ Gilegħad qalu lil Ġefta: “Ħa jkun Ġeħova xhud bejnietna+ jekk ma nagħmlux skond kelmtek.”+ 11 Għaldaqstant, Ġefta mar max-​xjuħ taʼ Gilegħad u n-​nies qegħduh fuqhom bħala kap u kmandant.+ U Ġefta rripeta kliemu kollu quddiem Ġeħova+ f’Mispa.+

12 Imbagħad Ġefta bagħat messaġġiera għand is-​sultan taʼ wlied Għammon,+ jgħidu: “X’għandi x’naqsam miegħek,+ biex ġejt tiġġieled kontrija f’arti?” 13 Għalhekk, is-​sultan taʼ wlied Għammon qal lill-​messaġġiera taʼ Ġefta: “Għax meta ħareġ mill-​Eġittu Israel ħadli l-​art,+ mill-​Arnon+ sal-​Ġabbok u sal-​Ġordan.+ U issa agħtiha lura bis-​sliem.” 14 Imma Ġefta bagħat għal darb’oħra messaġġiera għand is-​sultan taʼ wlied Għammon 15 u qallu:

“Hekk qal Ġefta, ‘Israel ma ħax l-​art taʼ Mowab+ u l-​art taʼ wlied Għammon.+ 16 Għax meta ħareġ mill-​Eġittu Israel mexa fix-​xagħri sal-​Baħar l-​Aħmar+ u wasal Kades.+ 17 Imbagħad Israel bagħat messaġġiera għand is-​sultan t’Edom,+ jgħid: “Ħallini ngħaddi, jekk jogħġbok, minn artek,” u s-​sultan t’Edom ma semax. U wkoll bagħat jgħid lis-​sultan taʼ Mowab,+ u hu ma qabilx. U Israel baqaʼ jgħammar f’Kades.+ 18 Meta kompla miexi fix-​xagħri, baqaʼ għaddej minn madwar l-​art t’Edom+ u l-​art taʼ Mowab, u b’hekk għadda mil-​lvant* taʼ l-​art taʼ Mowab,+ u kkampja fir-​reġjun taʼ l-​Arnon; u ma daħalx ’il ġewwa mill-​fruntiera taʼ Mowab,+ għax l-​Arnon kien il-​fruntiera taʼ Mowab.+

19 “‘Wara dan, Israel bagħat messaġġiera għand Siħon is-​sultan taʼ l-​Amurrin, is-​sultan taʼ Ħesbon,+ u Israel qallu: “Ħallina ngħaddu, jekk jogħġbok, minn artek biex immur lejn il-​post tiegħi.”+ 20 U Siħon ma fadax lil Israel jaqsam mit-​territorju tiegħu, u Siħon ġabar lin-​nies kollha tiegħu flimkien u kkampja f’Ġaħas+ u ġġieled kontra Israel.+ 21 Għal dan, Ġeħova l-​Alla taʼ Israel ta lil Siħon u lin-​nies kollha tiegħu f’idejn Israel, u b’hekk ħabat għalihom u Israel ħa f’idejh l-​art kollha taʼ l-​Amurrin li kienu joqogħdu f’dik l-​art.+ 22 Għaldaqstant, huma ħadu f’idejhom it-​territorju kollu taʼ l-​Amurrin mill-​Arnon sal-​Ġabbok u mix-​xagħri sal-​Ġordan.+

23 “‘U kien Ġeħova l-​Alla taʼ Israel li ħa l-​proprjetà taʼ l-​Amurrin quddiem il-​poplu tiegħu Israel,+ u issa int, min-​naħa tiegħek, trid il-​proprjetà taʼ dan il-​poplu. 24 Jaqaw il-​proprjetà li Kemos+ l-​alla tiegħek iġiegħlek tieħu mingħand ħaddieħor mhux int tiritha? U aħna se nirtu l-​proprjetà taʼ kulmin Ġeħova Alla tagħna jiħodhielu quddiemna.+ 25 U jaqaw int aħjar minn Balak bin Siffur, is-​sultan taʼ Mowab?+ Qatt tqabad hu maʼ Israel, jew qatt iġġieled kontrih? 26 Allura, waqt li Israel kien jgħammar f’Ħesbon u l-​bliet+ li jiddependu minnha u f’Għarogħer+ u l-​bliet li jiddependu minnha u fil-​bliet kollha ħdejn ix-​xtut taʼ l-​Arnon għal tliet mitt sena, għalfejn qatt ma ħtafthomlu f’dak iż-​żmien?+ 27 Min-naħa tiegħi, jien ma dnibtx kontrik, imma int qed tittrattani ħażin billi tiġġieled kontrija. Ħa jiġġudika llum Ġeħova l-​Imħallef+ bejn ulied Israel u wlied Għammon.’”

28 U s-​sultan taʼ wlied Għammon ma tax widen għall-​kliem li kien bagħat jgħidlu Ġefta.+

29 L-ispirtu taʼ Ġeħova issa ġie fuq Ġefta,+ u hu għadda minn Gilegħad u Manasse u minn Mispe taʼ Gilegħad,+ u minn Mispe taʼ Gilegħad baqaʼ għaddej lejn ulied Għammon.

30 Imbagħad Ġefta għamel wegħda+ lil Ġeħova u qal: “Jekk int tassew tagħti lil ulied Għammon f’idejja, 31 irid iseħħ ukoll li min joħroġ, min joħroġ mill-​bieb taʼ dari biex jiltaqaʼ miegħi meta nerġaʼ lura minn ulied Għammon fis-​sliem,+ irid ukoll isir taʼ Ġeħova,+ u jien irrid noffri lil min ikun bħala offerta tal-​ħruq.”+

32 Għalhekk, Ġefta baqaʼ għaddej lejn ulied Għammon biex jiġġieled kontrihom, u Ġeħova tahomlu f’idejh. 33 U ħabat għalihom minn Għarogħer sa Minnit+—għoxrin belt—u s’Abel-keramim u l-​qatla kienet kbira ferm. B’hekk, ulied Għammon ġew imrażżnin quddiem ulied Israel.

34 Fl-aħħar, Ġefta ġie Mispa+ lejn daru, u, ara, bintu kienet ħierġa tiltaqaʼ miegħu bit-​tanburlin iddoqq u tiżfen!+ Issa hi kienet assolutament l-​unika tifla. Ma kellux iben jew bint ħliefha. 35 U ġara li meta lemaħha, ċarrat ilbiesu+ u qal: “Jaħasra, binti! Int tassew ġegħeltni mmil, u jien ġegħeltek tkun imwarrba. U jien—jien ftaħt fommi lil Ġeħova, u ma nistax nerġaʼ lura.”+

36 Imma hi qaltlu: “Missieri, jekk ftaħt fommok lil Ġeħova, agħmel miegħi skond kif ħareġ minn fommok,+ ladarba Ġeħova wettaq atti taʼ vendetta għalik fuq l-​għedewwa tiegħek, ulied Għammon.” 37 U kompliet tgħid lil missierha: “Ħa ssirli din il-​ħaġa: Ħallini waħdi għal xahrejn, ħa mmur u ninżel fil-​muntanji, sabiex nibki l-​verġinità tiegħi,+ jien u sħabi bniet.”

38 Għal dan, qalilha: “Mur!” Għalhekk, bagħatha għal xahrejn; u hi marret, flimkien maʼ sħabha bniet, u bkiet il-​verġinità tagħha fuq il-​muntanji. 39 U wara xahrejn hi reġgħet lura għand missierha, u hu wettaq il-​wegħda tiegħu li kien għamel dwarha.+ Inkwantu għaliha, hi qatt ma kellha x’taqsam maʼ raġel. U dan sar regola f’Israel: 40 Minn sena għal sena l-​bniet taʼ Israel kienu jmorru jfaħħru lil bint Ġefta l-​Gilegħadi, erbat ijiem fis-​sena.+

12 Imbagħad l-​irġiel t’Efrajm issejħu flimkien u qasmu lejn it-​tramuntana u qalu lil Ġefta: “Għalfejn qsamt tiġġieled kontra wlied Għammon, u lilna ma sejjaħtilniex biex niġu miegħek?+ Darek se naħarquha fuqek bin-​nar.”+ 2 Imma Ġefta qalilhom: “Jien kelli ġlieda kbira, jien u n-​nies tiegħi, maʼ wlied Għammon.+ U sejjaħtilkom għall-​għajnuna, u ma salvajtunix minn idejhom. 3 Meta rajt li ma ġejtux issalvawni, iddeċidejt li nissogra ħajti*+ u mmur kontra wlied Għammon.+ Għal dan, Ġeħova tahomli f’idi. Għalhekk, għala tlajtu kontrija llum biex tiġġilduli?”

4 Minnufih Ġefta ġabar l-​irġiel kollha taʼ Gilegħad flimkien+ u ġġieled maʼ l-​Efrajmin; u l-​irġiel taʼ Gilegħad qatlu lill-​Efrajmin, għax kienu qalu: “Intom irġiel maħrubin minn Efrajm, O Gilegħad, f’nofs Efrajm, f’nofs Manasse.” 5 U l-​Gilegħadin irnexxielhom jieħdu f’idejhom l-​ilmijiet baxxi tal-​Ġordan+ quddiem l-​Efrajmin; u ġara li meta dawk li kienu jaħarbu minn Efrajm kienu jgħidu: “Ħallini naqsam,” l-​irġiel taʼ Gilegħad kienu jgħidu lil kull wieħed minnhom: “Int Efrajmi?” Meta kien jgħid: “Le!” 6 kienu jgħidulu: “Jekk jogħġbok, għid Xibbolet.”+ U kien jgħid: “Sibbolet,”* għax ma kienx ikun jistaʼ jgħid il-​kelma tajjeb. U kienu jaqbduh u joqtluh ħdejn l-​ilmijiet baxxi tal-​Ġordan. Għalhekk, f’dak iż-​żmien inqatlu tnejn u erbgħin elf minn Efrajm.+

7 U Ġefta dam jiġġudika lil Israel sitt snin, u mbagħad Ġefta l-​Gilegħadi miet u ndifen f’beltu f’Gilegħad.

8 U Ibsan minn Betlehem+ beda jiġġudika lil Israel warajh.+ 9 U kellu tletin tifel u tletin tifla. Hu bagħat għal tletin tfajla* u ġabhom għal uliedu subien minn barra l-​familja tiegħu. U dam jiġġudika lil Israel sebaʼ snin. 10 U Ibsan miet u ndifen f’Betlehem.

11 U warajh beda jiġġudika lil Israel Elon iż-​Żebuluni.+ U dam jiġġudika lil Israel għaxar snin. 12 U Elon iż-​Żebuluni miet u ndifen f’Ajjalon fl-​art taʼ Żebulun.

13 U warajh beda jiġġudika lil Israel Għabdon bin Ħillel il-​Piratoni.+ 14 U kellu erbgħin tifel u tletin ulied uliedu. Dawn kienu jirkbu fuq sebgħin ħmar.+ U hu dam jiġġudika lil Israel tmien snin. 15 Imbagħad Għabdon bin Ħillel il-​Piratoni miet u ndifen f’Piraton fl-​art t’Efrajm fil-​muntanja taʼ l-​Għamaleki.+

13 U wlied Israel reġgħu bdew jagħmlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova,+ u b’hekk Ġeħova tahom f’idejn il-​Filistin+ għal erbgħin sena.

2 Sadanittant, kien hemm wieħed raġel minn Sorgħa+ mill-​familja tad-​Danin,+ li kien jismu Manogħa.+ U martu kienet ħawlija u ma kinitx wildet tfal.+ 3 Maż-żmien, l-​anġlu taʼ Ġeħova deher lill-​mara+ u qalilha: “Ara, issa, int ħawlija u ma wlidtx tfal. U se toħroġ tqila u tiled iben.+ 4 U issa oqgħod attenta, jekk jogħġbok, u tixrobx inbid jew xorb li jsakkar,+ u tiekol xejn mhux nadif.+ 5 Għax, ara, se toħroġ tqila u tiled iben, u ebda mus m’għandu jgħaddi minn fuq rasu,+ għax malli joħroġ miż-​żaqq+ it-​tifel isir Nażirit+ t’Alla; u hu se jieħu t-​tmexxija f’li jsalva lil Israel minn id il-​Filistin.”+

6 Imbagħad il-​mara marret tgħid lil żewġha: “Ġie ħdejja raġel taʼ l-​Alla l-​veru, u d-​dehra tiegħu kienet tqanqal ħafna biżaʼ+ bħad-​dehra taʼ l-​anġlu taʼ l-​Alla l-​veru.+ U ma staqsejtux minfejn kien, u hu ma qallix x’jismu.+ 7 Imma qalli, ‘Ara! Int se toħroġ tqila u tiled iben.+ U issa tixrobx inbid jew xorb li jsakkar, u tiekol xejn mhux nadif, għax malli joħroġ miż-​żaqq it-​tifel isir Nażirit t’Alla sa jum mewtu.’”+

8 U Manogħa beda jitlob bil-​ħrara lil Ġeħova u jgħid: “Skużani, Ġeħova.+ Jekk jogħġbok, ħalli lir-​raġel taʼ l-​Alla l-​veru li għadek kif bgħatt jerġaʼ jiġi għandna u jagħtina istruzzjonijiet+ dwar x’għandna nagħmlu bit-​tifel li se jitwieled.”+ 9 U l-​Alla l-​veru semaʼ minn leħen Manogħa,+ u l-​anġlu taʼ l-​Alla l-​veru reġaʼ ġie ħdejn il-​mara waqt li kienet bil-​qiegħda fl-​għalqa, u żewġha Manogħa ma kienx magħha. 10 Minnufih il-​mara ħaffet u ġriet u rrakkontat lil żewġha+ u qaltlu: “Ara! Deherli r-​raġel li ġie ħdejja dakinhar.”+

11 Għal dan, Manogħa qam u mar wara martu u wasal ħdejn ir-​raġel u qallu: “Int ir-​raġel li kellem lil marti?”+ u dak qal: “Jien hu.” 12 Imbagħad Manogħa qal: “Ħa jseħħ kliemek. Kif għandu jitrabba t-​tifel, u x’se jkun xogħlu?”+ 13 Għalhekk, l-​anġlu taʼ Ġeħova qal lil Manogħa: “Il-​mara għandha toqgħod lura minn kull ħaġa li semmejtilha.+ 14 M’għandha tiekol assolutament xejn minn dak li joħroġ mid-​dielja taʼ l-​inbid, u ħa ma tixrob ebda nbid jew xorb li jsakkar+ u lanqas tiekol xi ħaġa mhix nadifa taʼ kwalunkwe tip.+ Ħa tħares kulma kkmandajtha.”+

15 Manogħa issa qal lill-​anġlu taʼ Ġeħova: “Jekk jogħġbok, ħa nżommuk u nsajrulek gidi.”+ 16 Imma l-​anġlu taʼ Ġeħova qal lil Manogħa: “Jekk iżżommni, ma nikolx ħobżok; imma jekk trid tagħti offerta tal-​ħruq lil Ġeħova,+ tistaʼ toffriha.” Għax Manogħa ma kienx jaf li dan kien l-​anġlu taʼ Ġeħova. 17 Imbagħad Manogħa qal lill-​anġlu taʼ Ġeħova: “X’jismek,+ sabiex meta sseħħ kelmtek aħna nagħtuk unur?” 18 Madankollu, l-​anġlu taʼ Ġeħova qallu: “Għalfejn għandek tistaqsi għal ismi, meta dan huwa wieħed taʼ l-​għaġeb?”

19 U Manogħa ħa l-​gidi u l-​offerta tal-​qmuħ u offrieha fuq il-​blata lil Ġeħova.+ U Hu kien qed jagħmel xi ħaġa taʼ l-​għaġeb waqt li Manogħa u martu kienu qed iħarsu. 20 U ġara li hekk kif il-​fjamma telgħet mill-​artal lejn is-​sema, l-​anġlu taʼ Ġeħova telaʼ fil-​fjamma taʼ l-​artal waqt li Manogħa u martu kienu qed iħarsu.+ Fil-​pront inxteħtu wiċċhom fl-​art.+ 21 U l-​anġlu taʼ Ġeħova ma reġax deher lil Manogħa u lil martu. Kien imbagħad li Manogħa għaraf li dan kien l-​anġlu taʼ Ġeħova.+ 22 Għaldaqstant, Manogħa qal lil martu: “Aħna żgur se mmutu,+ għax rajna lil Alla.”+ 23 Imma martu qaltlu: “Kieku Ġeħova għoġbu biss li jagħtina l-​mewt, ma kienx jaċċetta offerta tal-​ħruq u offerta tal-​qmuħ minn idejna,+ u ma kienx jurina dawn l-​affarijiet kollha, u ma kienx iħallina nisimgħu xi ħaġa bħal din li smajna issa.”+

24 Iktar ’il quddiem, il-​mara wildet iben u semmietu Sansun;+ u t-​tifel baqaʼ jikber, u Ġeħova baqaʼ jbierku.+ 25 Maż-żmien, l-​ispirtu taʼ Ġeħova+ beda jqanqlu f’Maħane-dan+ bejn Sorgħa+ u Estagħol.+

14 U Sansun niżel Timna+ u ra mara f’Timna mill-​ulied bniet tal-​Filistin. 2 Għalhekk, telaʼ u qal b’dan lil missieru u lil ommu u qalilhom: “Rajt mara f’Timna mill-​ulied bniet tal-​Filistin, u issa ħuduhieli b’marti.”+ 3 Imma missieru u ommu qalulu: “M’hemmx mara fost l-​ulied bniet taʼ ħutek u fost il-​poplu kollu tiegħi,+ biex se tieħu mara mill-​Filistin li m’humiex ċirkonċiżi?”+ Xorta waħda Sansun qal lil missieru: “Lilha ħudli, għax f’għajnejja hi l-​waħda adattata għalija.” 4 Min-naħa tagħhom, missieru u ommu ma kinux jafu li dan kien minn Ġeħova,+ li kien qed ifittex opportunità kontra l-​Filistin, billi f’dak iż-​żmien partikulari l-​Filistin kienu jaħkmu fuq Israel.+

5 Fi qbil maʼ dan, Sansun niżel Timna+ maʼ missieru u ommu. Meta wasal ħdejn l-​għelieqi tad-​dwieli taʼ Timna, ara, kien hemm iljun b’saħħtu li malli ltaqaʼ miegħu beda jgħajjat. 6 Imbagħad l-​ispirtu taʼ Ġeħova beda jaħdem fuqu,+ u b’hekk hu ċarrtu fi tnejn, qisu meta xi ħadd iċarrat gidi fi tnejn, u ma kellu xejn f’idu. U lil missieru u lil ommu ma qalilhomx x’kien għamel. 7 U hu kompla nieżel u kellem lill-​mara; u f’għajnejn Sansun hi kienet għadha l-​mara adattata għalih.+

8 Issa wara ftit taż-​żmien mar lura biex jiħodha d-​dar.+ U lewa biex jara l-​iljun mejjet, u fil-​ġisem mejjet taʼ l-​iljun kien hemm qatgħa kbira naħal u għasel.+ 9 Għalhekk, laqqtu fil-​pali taʼ idejh u kompla miexi, jimxi u jiekol.+ Meta reġaʼ ngħaqad maʼ missieru u ommu, minnufih tahom ftit, u bdew jieklu. U ma qalilhomx li kien laqqat l-​għasel mill-​ġisem mejjet taʼ l-​iljun.

10 U missieru kompla nieżel għal għand il-​mara, u Sansun għamel ikla kbira hemmhekk;+ għax hekk kienu jagħmlu ż-​żgħażagħ. 11 U ġara li, malli rawh, tawh tletin raġel biex jissieħbu miegħu bħala l-​għarus u jibqgħu miegħu. 12 Imbagħad Sansun qalilhom: “Jekk jogħġobkom, ħa nippreżentalkom ħaġa moħġaġa.+ Jekk tassew tkunu kapaċi tgħiduhieli matul is-​sebat ijiem+ taʼ l-​ikla u ssolvuha, f’dak il-​każ jien ikolli nagħtikom tletin libsa li jintlibsu minn taħt u tletin tibdila ħwejjeġ.+ 13 Imma jekk ma tkunux kapaċi tgħiduhieli, intom tridu tagħtuni tletin libsa li jintlibsu minn taħt u tletin tibdila ħwejjeġ.” Għal dan, qalulu: “Ippreżenta l-​ħaġa moħġaġa tiegħek ħa nisimgħuha.” 14 Għalhekk, qalilhom:

“Mill-​wikkiel+ ħarġet xi ħaġa li tittiekel,

U mill-​wieħed b’saħħtu ħarġet xi ħaġa ħelwa.”+

U ma rnexxilhomx jgħidu x’inhi l-​ħaġa moħġaġa għal tlett ijiem. 15 U ġara fir-​rabaʼ jum li bdew jgħidu lil mart Sansun: “Qarraq b’żewġek ħa jgħidilna l-​ħaġa moħġaġa.+ Inkella naħarqu lilek u lil dar missierek bin-​nar.+ Jaqaw biex tiħdulna ġidna+ stidintuna hawnhekk?” 16 Għaldaqstant, mart Sansun bdiet tibkilu+ u tgħid: “Int tobgħodni, iva, u ma tħobbnix.+ Ippreżentajt ħaġa moħġaġa lil ulied il-​poplu tiegħi,+ imma lili m’għedtlix x’inhi.” Għal dan, qalilha: “Iva, lanqas ’il missieri u ’l ommi stess m’għedt x’inhi,+ u sejjer ngħidha lilek?” 17 Imma hi baqgħet tibkilu tul is-​sebat ijiem li damet l-​ikla kbira tagħhom, u ġara fis-​sebaʼ jum li fl-​aħħar qalilha x’kienet, għax kienet għamlitlu pressjoni.+ Imbagħad hi qalet il-​ħaġa moħġaġa lil ulied il-​poplu tagħha.+ 18 Għalhekk, l-​irġiel tal-​belt qalulu fis-​sebaʼ jum qabel laħaq daħal fil-​kamra taʼ ġewwa:+

“X’inhu iktar ħelu mill-​għasel,

U x’inhu iktar b’saħħtu minn iljun?”+

U hu qalilhom:

“Kieku ma ħrattux bil-​baqra żgħira tiegħi,+

Ma kontux issolvu l-​ħaġa moħġaġa tiegħi.”+

19 U l-​ispirtu taʼ Ġeħova beda jaħdem fuqu,+ u b’hekk hu niżel Askelon+ u qatel tletin raġel minn hemmhekk u ħa dak li neżżgħalhom u ta t-​tibdiliet tal-​ħwejjeġ lil dawk li qalu x’kienet il-​ħaġa moħġaġa.+ U r-​rabja tiegħu kompliet tisħon, u telaʼ lejn dar missieru.

20 U mart+ Sansun saret taʼ wieħed minn dawk li kienu ssieħbu miegħu bħala l-​għarus.+

15 U ġara wara ftit taż-​żmien, fi żmien il-​ħsad tal-​qamħ, li Sansun mar iżur lil martu b’gidi.+ U qal: “Se nidħol għand marti fil-​kamra taʼ ġewwa.”+ U missierha ma ħalliehx jidħol. 2 Imma missierha qallu: “Jien tabilħaqq għedt f’qalbi, ‘Int bilfors li tobgħodha.’+ Għalhekk, tajtha lil wieħed minn dawk li kienu ssieħbu miegħek bħala l-​għarus.+ Oħtha ż-​żgħira mhix aħjar minnha? Jekk jogħġbok, ħa ssir tiegħek hi minflok l-​oħra.” 3 Madankollu, Sansun qalilhom: “Did-darba nkun ħieles mill-​ħtija kontra l-​Filistin jekk nagħmlilhom il-​ħsara.”+

4 U Sansun mar u qabad tliet mitt volpi+ u dawwarhom denb maʼ denb u qabad xi torċi u qiegħed torċa bejn żewġt idnieb, eżatt fin-​nofs. 5 Imbagħad hu ta n-​nar lit-​torċi u bagħat lill-​volpijiet fl-​għelieqi tal-​Filistin fejn kien hemm iż-​żaraʼ wieqaf. B’hekk, qabbad kollox bin-​nar, mill-​qatta saż-​żaraʼ wieqaf u l-​għelieqi tad-​dwieli u l-​imsaġar taż-​żebbuġ.+

6 U l-​Filistin bdew jgħidu: “Min għamel dan?” Imbagħad qalu: “Sansun, ir-​raġel taʼ bint it-​Timni, għax ħadlu lil martu u taha lil wieħed minn dawk li kienu ssieħbu miegħu bħala l-​għarus.”+ Għal dan, il-​Filistin telgħu u ħarqu lilha u lil missierha bin-​nar.+ 7 Mill-banda l-​oħra, Sansun qalilhom: “Jekk qed tagħmlu hekk, m’hemm xejn x’nagħmel ħlief li nivvendika ruħi minnkom,+ u mbagħad nieqaf.” 8 U ħabat għalihom wieħed wara l-​ieħor u l-​qatla kienet kbira, u mbagħad niżel u beda jgħammar f’għar tal-​blata t’Għetam.+

9 Iktar tard il-​Filistin+ telgħu u kkampjaw f’Ġuda+ u qagħdu jiġġerrew ’l hemm u ’l hawn f’Leħi biex jisirqu.+ 10 Imbagħad l-​irġiel taʼ Ġuda qalu: “Għala tlajtu kontrina?” u dawk qalulhom: “Tlajna norbtu lil Sansun, biex nagħmlulu kif għamlilna.” 11 Għalhekk, niżlu tlett elef raġel taʼ Ġuda lejn l-​għar tal-​blata t’Għetam+ u qalu lil Sansun: “Ma tafx li l-​Filistin qed jaħkmu fuqna?+ Allura, xi jfisser dan li għamiltilna?” Imbagħad hu qalilhom: “Kif għamluli għamiltilhom.”+ 12 Imma qalulu: “Inżilna biex norbtuk, ħalli nagħtuk f’idejn il-​Filistin.” Għal dan, Sansun qalilhom: “Aħilfuli li m’intomx se tmiddu idejkom fuqi.” 13 U huma qalulu: “Le, imma aħna sempliċement se norbtuk, u nerħuk f’idejhom; żgur m’aħniex se nagħtuk il-​mewt.”

Fi qbil maʼ dan, rabtuh b’żewġ ħbula ġodda+ u tellgħuh mill-​blata. 14 Hu wasal Leħi, u l-​Filistin, min-​naħa tagħhom, għajtu bil-​ferħ malli rawh.+ U l-​ispirtu taʼ Ġeħova+ beda jaħdem fuqu, u l-​ħbula li kienu maʼ dirgħajh saru bħal ħjut taʼ l-​għażel maħruqin bin-​nar,+ u b’hekk l-​irbit tiegħu dab minn maʼ idejh. 15 Imbagħad sab għadma tarija taʼ xedaq taʼ ħmar u medd idu u ħadha u biha qatel elf raġel.+ 16 Imbagħad Sansun qal:

“Bl-​għadma tax-​xedaq taʼ ħmar—gozz, żewġt igzuz!

Bl-għadma tax-​xedaq taʼ ħmar qtilt elf raġel.”+

17 U ġara li meta spiċċa jitkellem, hu minnufih rema l-​għadma tax-​xedaq minn idu u sejjaħ dak il-​post Ramat-leħi.*+ 18 U qabdu għatx kbir, u beda jsejjaħ lil Ġeħova u jgħid: “Kont int li tajt din is-​salvazzjoni kbira f’id il-​qaddej tiegħek;+ u issa sejjer jien immut bl-​għatx u naqaʼ f’idejn dawk li m’humiex ċirkonċiżi?”+ 19 Għaldaqstant, Alla fetaħ il-​ħofra forma taʼ mehrież li kien hemm f’Leħi, u beda ħiereġ l-​ilma+ minnha, u hu xorob, u reġaʼ ħa r-​ruħ+ u stejqer.+ Huwa għalhekk li semmieha Għajn-ħakkore,* li għadha f’Leħi sa llum.

20 U dam jiġġudika lil Israel fi żmien il-​Filistin għoxrin sena.+

16 Darba Sansun mar Gaża+ u hemmhekk ra prostituta u daħal għandha.+ 2 U lill-​Gażin ngħatatilhom l-​aħbar: “Sansun daħal hawnhekk.” Għalhekk, dawruh+ u qagħdu jistennewh il-​lejl kollu f’bieb il-​belt.+ U qagħdu kwieti l-​lejl kollu, u qalu: “Malli jisbaħ fil-​għodu, noqtluh.”+

3 Madankollu, Sansun imtedd sa nofs il-​lejl u mbagħad qam f’nofs il-​lejl u qabad il-​bibien taʼ bieb il-​belt+ u ż-​żewġ pilastri tal-​ġenb u qalagħhom flimkien maʼ l-​istanga u għabbiehom fuq spallejh u ġarrhom+ ’il fuq lejn il-​quċċata tal-​muntanja quddiem Ħebron.+

4 U ġara wara dan, li sar iħobb mara mill-​wied* taʼ Sorek, u kien jisimha Dalila.+ 5 U s-​sidien alleati+ tal-​Filistin telgħu għandha u qalulha: “Qarraq+ bih u ara fiex qiegħda s-​saħħa kbira tiegħu u kif nistgħu negħlbuh u biex nistgħu nkunu ċerti li norbtuh ħalli rrażżnuh; u kull wieħed minna jagħtik elf u mitt biċċa tal-​fidda.”+

6 Iktar tard Dalila qalet lil Sansun: “Għidli, jekk jogħġbok, Fiex qiegħda s-​saħħa kbira tiegħek u biex jistaʼ jorbtok xi ħadd ħalli jrażżnek?”+ 7 Imbagħad Sansun qalilha: “Jekk jorbtuni b’sebaʼ ħbula tan-​nerv+ friski u mhux imnixxfin, jien niddgħajjef u nsir bħal bniedem komuni.” 8 Għalhekk, is-​sidien alleati+ tal-​Filistin ġabulha sebaʼ ħbula tan-​nerv friski u mhux imnixxfin. U iktar tard rabtitu bihom. 9 Issa n-​nies kienu mistoħbijin fil-​kamra taʼ ġewwa tagħha,+ u hi qaltlu: “Il-​Filistin+ huma fuqek, Sansun!” Għal dan, qataʼ l-​ħbula fi tnejn, bħalma ħajta mibruma tal-​qanneb tinqataʼ fi tnejn malli xxomm in-​nar.+ U ma skoprewx minfejn kienet ġejja s-​saħħa tiegħu.+

10 U Dalila+ qalet lil Sansun: “Ara! Int għaddejtni biż-​żmien u gdibtli.+ Issa għidli, jekk jogħġbok, biex tistaʼ tintrabat.” 11 Għalhekk, qalilha: “Jekk jorbtuni sew bi ħbula ġodda li ma sar ebda xogħol bihom, jien niddgħajjef u nsir bħal bniedem komuni.” 12 Allura Dalila ħadet ħbula ġodda u rabtitu bihom u qaltlu: “Il-​Filistin huma fuqek, Sansun!” Sadanittant, in-​nies kienu staħbew fil-​kamra taʼ ġewwa.+ Għal dan, hu qataʼ l-​ħbula fi tnejn minn maʼ dirgħajh bħal ħajta.+

13 Imbagħad Dalila qalet lil Sansun: “S’issa għaddejtni biż-​żmien u gdibtli.+ Għidli biex tistaʼ tintrabat.”+ U qalilha: “Billi tinseġ is-​sebaʼ malji taʼ rasi mal-​ħjut mimdudin tan-​newl.”+ 14 Għaldaqstant issikkathom bil-​musmar, u qaltlu: “Il-​Filistin huma fuqek, Sansun!”+ Għalhekk, qam mill-​irqad u qalaʼ l-​musmar tan-​newl u l-​ħjut mimdudin.

15 Issa qaltlu: “Kif tażżarda tgħid, ‘Inħobbok,’+ meta qalbek m’hijiex miegħi? Dawn it-​tliet darbiet għaddejtni biż-​żmien u m’għedtlix fiex qiegħda s-​saħħa kbira tiegħek.”+ 16 U ġara li minħabba li l-​ħin kollu bdiet tagħmillu pressjoni+ bi kliemha u baqgħet tinsistilu, ruħu tilfet il-​paċenzja għall-​mewt.+ 17 Fl-aħħar, fetaħ qalbu magħha+ għalkollox u qalilha: “Il-​mus+ qatt m’għadda minn fuq rasi, għax jien ilni Nażirit t’Alla minn żaqq ommi.+ Kieku kelli nitqarweż, is-​saħħa tiegħi titlaqni, u niddgħajjef u nsir bħall-​bnedmin l-​oħrajn kollha.”+

18 Meta Dalila rat li kien fetaħ qalbu magħha għalkollox, minnufih bagħtet issejjaħ lis-​sidien alleati+ tal-​Filistin, u qaltilhom: “Itilgħu din id-​darba, għax hu fetaħ qalbu miegħi għalkollox.”+ U s-​sidien alleati tal-​Filistin telgħu għandha u ġabu l-​flus magħhom.+ 19 U hi raqqditu fuq irkopptejha. Imbagħad sejħet raġel u ġegħlitu jqarwiżlu s-​sebaʼ malji taʼ rasu, u mbagħad bdiet turi li kienet rażżnitu, u s-​saħħa tiegħu bdiet titilqu. 20 Issa qalet: “Il-​Filistin huma fuqek, Sansun!” Għal dan, qam mill-​irqad u qal: “Se noħroġ bħal drabi oħrajn+ u ninħeles.” U hu ma kienx jaf li Ġeħova kien telqu.+ 21 Għalhekk, il-​Filistin qabduh u qalgħulu għajnejh+ u niżżluh Gaża+ u rabtuh b’żewġ ktajjen tar-​ram aħmar;+ u qabbduh jitħan+ fil-​ħabs.+ 22 Sadanittant, wara li tqarweż,+ ix-​xagħar taʼ rasu reġaʼ beda jikber folt.

23 U s-​sidien alleati tal-​Filistin inġabru flimkien biex joffru sagrifiċċju kbir lill-​alla tagħhom Dagon+ u biex jifirħu, u bdew jgħidu: “L-​alla tagħna ta f’idejna lil Sansun, l-​għadu tagħna!”+ 24 Meta rawh in-​nies, minnufih bdew ifaħħru lill-​alla tagħhom,+ “għax,” qalu huma, “l-​alla tagħna ta f’idejna l-​għadu tagħna+ u dak li ħarbtilna artna+ u li qatel ħafna minna.”+

25 U ġara li minħabba li qalbhom kienet ferħana,+ qalu: “Sejħu lil Sansun biex joqgħod idaħħaqna.”+ Għalhekk, sejħu lil Sansun mill-​ħabs biex jgħaddu ż-​żmien bih;+ u qegħduh bil-​wieqfa bejn il-​kolonni. 26 Imbagħad Sansun qal lit-​tifel li kien qed iżommlu idu: “Ħallini nħoss il-​kolonni li d-​dar hi mwaqqfa fis-​sod fuqhom ħa nserraħ magħhom.” 27 (Issa d-​dar kienet mimlija rġiel u nisa, u s-​sidien alleati kollha tal-​Filistin kienu hemmhekk;+ u fuq il-​bejt kien hemm madwar tlett elef raġel u mara li kienu qed iħarsu waqt li Sansun kien qed idaħħaqhom.)+

28 Imbagħad Sansun+ sejjaħ lil Ġeħova+ u qal: “Mulej Sovran Ġeħova, jekk jogħġbok ftakar fija,+ u saħħaħni,+ jekk jogħġbok, għal din id-​darba biss, O int l-​Alla l-​veru, u ħallini nivvendika ruħi mill-​Filistin għal waħda minn għajnejja t-​tnejn.”+

29 Għal dan, Sansun ipprepara ruħu maż-​żewġ kolonni tan-​nofs li d-​dar kienet imwaqqfa fis-​sod fuqhom, u qabad magħhom, waħda b’idu l-​leminija u l-​oħra bix-​xellugija. 30 U Sansun qal: “Ħa tmut ruħi+ mal-​Filistin.” Imbagħad intlewa bis-​saħħa, u d-​dar waqgħet fuq is-​sidien alleati u fuq in-​nies kollha li kienu fiha,+ u b’hekk il-​mejtin li qatel f’mewtu kienu iktar milli qatel f’ħajtu.+

31 Iktar tard niżlu ħutu u n-​nies kollha taʼ dar missieru u refgħuh u tellgħuh u difnuh bejn Sorgħa+ u Estagħol+ fejn indifen missieru Manogħa.+ U kien iġġudika lil Israel għal għoxrin sena.+

17 Issa kien hemm raġel mir-​reġjun muntanjuż t’Efrajm+ li kien jismu Mikea. 2 Maż-żmien qal lil ommu: “L-​elf u mitt biċċa tal-​fidda li ttieħdu mingħandek u li fuqhom lissint saħta+ u għedtha fejn stajt nisimgħek jien—ara, il-​fidda qiegħda għandi. Jien kont li ħadtha.”+ Għal dan, ommu qalet: “Ħa jkun imbierek ibni minn Ġeħova.”+ 3 Għaldaqstant, hu ta lura l-​elf u mitt biċċa tal-​fidda lil ommu;+ u ommu qalet: “Bla dubju jien irrid inqaddes il-​fidda lil Ġeħova minn idi għall-​ġid taʼ ibni, sabiex tintgħamel xbieha skolpita+ u statwa minn metall imdewweb;+ u mbagħad nagħtihielek lura.”

4 Għalhekk, hu ta lura l-​fidda lil ommu, u ommu ħadet mitejn biċċa tal-​fidda u tathom lill-​arġentier.+ U dan għamel xbieha skolpita+ u statwa minn metall imdewweb;+ u tqiegħdet f’dar Mikea. 5 U r-​raġel Mikea kellu dar taʼ l-​allat,+ u għamel efod+ u terafim*+ u lil wieħed minn uliedu tah is-​setgħa f’idu,+ biex jaqdi bħala qassis għalih.+ 6 F’dawk il-​jiem ma kienx hemm sultan f’Israel.+ U kulħadd kien imdorri jagħmel skond ma kien jidhirlu li hu sewwa f’għajnejh.+

7 Issa kien hemm żagħżugħ minn Betlehem+ taʼ Ġuda mill-​familja taʼ Ġuda, u kien Levita.+ U għammar hemmhekk għal xi żmien. 8 U r-​raġel telaq mill-​belt taʼ Betlehem taʼ Ġuda biex jgħammar għal xi żmien fejn setaʼ jsib post. Fl-​aħħar, waqt li kien sejjer fi triqtu, wasal fir-​reġjun muntanjuż t’Efrajm u baqaʼ sejjer sad-​dar taʼ Mikea.+ 9 Imbagħad Mikea qallu: “Minfejn ġej?” Għal dan, qallu: “Jien Levita minn Betlehem taʼ Ġuda, u sejjer ngħammar għal xi żmien fejn nistaʼ nsib post.” 10 Għalhekk, Mikea qallu: “Oqgħod miegħi u aqdi bħala missier+ u qassis+ għalija, u jien, min-​naħa tiegħi, nagħtik għaxar biċċiet tal-​fidda fis-​sena u tibdila ħwejjeġ xierqa u l-​ikel tiegħek.” Għaldaqstant, il-​Levita daħal. 11 B’hekk, il-​Levita ddeċieda li joqgħod mar-​raġel, u ż-​żagħżugħ sar għalih qisu wieħed minn uliedu. 12 Iktar minn hekk, Mikea ta s-​setgħa f’id il-​Levita,+ biex iż-​żagħżugħ ikun jistaʼ jaqdi bħala qassis+ għalih u jibqaʼ fid-​dar taʼ Mikea. 13 Għalhekk, Mikea qal: “Issa tassew naf li Ġeħova se jittrattani tajjeb, għax il-​Levita sar qassis għalija.”+

18 F’dawk il-​jiem ma kienx hemm sultan f’Israel.+ U f’dawk il-​jiem it-​tribù tad-​Danin+ kien qed ifittex wirt għalih fejn jgħammar; għax sa dak il-​jum ma kienx għadu messhom wirt f’nofs it-​tribujiet taʼ Israel.+

2 Fl-aħħar, ulied Dan bagħtu ħamest irġiel mill-​familja tagħhom, irġiel minn fosthom, irġiel qalbenin, minn Sorgħa+ u Estagħol,+ biex jitkixxfu+ l-​art u jaraw kif inhi. U qalulhom: “Morru u araw kif inhi l-​art.” U huma waslu fir-​reġjun muntanjuż t’Efrajm+ sad-​dar taʼ Mikea+ u qattgħu l-​lejl hemmhekk. 3 Waqt li kienu qrib id-​dar taʼ Mikea, huma għarfu leħen iż-​żagħżugħ, il-​Levita, u b’hekk ilwew għal hemmhekk. U qalulu: “Min ġabek hawnhekk, u x’qed tagħmel f’dan il-​post, u x’interess għandek hawnhekk?” 4 U hu qalilhom: “Hekk u hekk għamel għalija Mikea biex jikrini+ u naqdi bħala qassis+ għalih.” 5 Imbagħad qalulu: “Stħarreġ,+ jekk jogħġbok, x’jgħid Alla+ biex inkunu nafu jekk triqitna li sejrin fiha hix se tirnexxi.” 6 Għalhekk, il-​qassis qalilhom: “Morru fil-​paċi. Triqitkom li sejrin fiha qiegħda quddiem Ġeħova.”

7 Fi qbil maʼ dan, il-​ħamest irġiel baqgħu sejrin u waslu Lajs+ u raw kif in-​nies taʼ ġo fiha kienu qed jgħammru billi jistrieħu fuqhom infushom skond id-​drawwa tas-​Sidonin, kwieti u bla suspett,+ u ma kien hemm ebda konkwistatur aħrax li kien qed jaħqarhom f’dik l-​art. Barra minn hekk, kienu ’l bogħod mis-​Sidonin+ u ma kellhom xejn x’jaqsmu maʼ nies oħrajn.

8 Fl-aħħar waslu għand ħuthom f’Sorgħa+ u Estagħol,+ u ħuthom bdew jgħidulhom: “Kif mortu?” 9 Għal dan, qalu: “Qumu, u ejjew nitilgħu kontrihom; għax rajna l-​art, u, ara, hi tajba ħafna.+ Imma intom qed iddumu taħsbuha. Toqogħdux titnikkru biex tidħlu u tieħdu l-​art f’idejkom.+ 10 Meta tidħlu, se tiġu għand poplu bla suspett,+ u l-​art wiesgħa mhux ħażin; għax Alla tahielkom f’idejkom,+ post li ma jonqsu xejn milli hawn fuq l-​art.”+

11 Imbagħad sitt mitt raġel li kienu mħażżmin b’armi tal-​gwerra, mill-​familja tad-​Danin,+ telqu minn hemmhekk, jiġifieri, minn Sorgħa u Estagħol.+ 12 U telgħu u kkampjaw f’Kirjat-ġegħarim+ f’Ġuda. Huwa għalhekk li dan il-​post semmewh Maħane-dan*+ u għadu hekk sa llum. Ara! Dan hu lejn il-​punent taʼ Kirjat-ġegħarim. 13 Imbagħad, għaddew minn hemmhekk lejn ir-​reġjun muntanjuż t’Efrajm u waslu sad-​dar taʼ Mikea.+

14 Imbagħad il-​ħamest irġiel li kienu marru biex jitkixxfu+ l-​art taʼ Lajs+ wieġbu u qalu lil ħuthom: “Kontu tafu li f’dawn id-​djar hemm efod u terafim+ u xbieha skolpita+ u statwa magħmula minn metall imdewweb?+ U issa aħsbu x’għandkom tagħmlu.”+ 15 Għalhekk, ilwew għal hemmhekk u marru fid-​dar taż-​żagħżugħ, il-​Levita,+ fid-​dar taʼ Mikea, u bdew jistaqsu kif kien sejjer.+ 16 Sadanittant, is-​sitt mitt raġel minn ulied Dan,+ li kienu mħażżmin bl-​armi tal-​gwerra tagħhom,+ kienu weqfin fid-​daħla. 17 Il-ħamest irġiel li kienu marru jitkixxfu l-​art+ issa telgħu, sabiex jidħlu ġewwa u jieħdu x-​xbieha skolpita+ u l-​efod+ u t-​terafim+ u x-​xbieha magħmula minn metall imdewweb.+ (U l-​qassis+ kien wieqaf fid-​daħla mas-​sitt mitt raġel li kienu mħażżmin b’armi tal-​gwerra.) 18 U daħlu fid-​dar taʼ Mikea u ħadu x-​xbieha skolpita, l-​efod u t-​terafim u x-​xbieha magħmula minn metall imdewweb.+ Għal dan, il-​qassis+ qalilhom: “X’qed tagħmlu?” 19 Imma qalulu: “Oqgħod kwiet. Qiegħed idek fuq fommok, u ejja magħna u sir missier+ u qassis+ għalina. X’inhu l-​aħjar, li tibqaʼ qassis għad-​dar taʼ raġel wieħed+ jew li ssir qassis għal tribù u familja f’Israel?”+ 20 Dan ferraħ+ lil qalb il-​qassis, u ħa l-​efod u t-​terafim u x-​xbieha skolpita+ u mar f’nofs dawn in-​nies.

21 Imbagħad huma daru u telqu fi triqithom u poġġew lit-​tfal u l-​bhejjem u l-​affarijiet taʼ valur quddiemhom.+ 22 U kienu tbiegħdu mid-​dar taʼ Mikea meta l-​irġiel li kienu fid-​djar qrib id-​dar taʼ Mikea+ ssejħu flimkien u pprovaw jilħqu lil ulied Dan. 23 Meta baqgħu jgħajtu lil ulied Dan, dawn dawru wiċċhom u qalu lil Mikea: “Xi ġralek+ biex sejjaħt lil din il-​folla flimkien?” 24 Għalhekk, qal: “Ħadtuli l-​allat+ li għamilt,+ u l-​qassis+ ukoll, u sejrin ’l hemm; u x’baqagħli iktar?+ Allura, kif tistgħu tgħiduli, ‘Xi ġralek?’” 25 U wlied Dan qalulu: “Tħallix leħnek jinstemaʼ fostna, li ma jmorrux jattakkawkom xi rġiel b’ruħhom mimlija mrar,+ u jkollok titlef ħajtek u l-​ħajja* tan-​nies taʼ darek.” 26 U wlied Dan baqgħu sejrin fi triqithom; u Mikea ra li huma kienu iktar b’saħħithom minnu,+ u għalhekk dar u mar lura lejn daru.

27 U huma ħadu dak li kien għamel Mikea u lill-​qassis+ tiegħu, u baqgħu sejrin lejn Lajs,+ kontra poplu kwiet u bla suspett.+ U ħabtu għalihom b’xifer is-​sejf,+ u l-​belt ħarquha bin-​nar.+ 28 U ma kienx hemm ħellies, għax kienet ’il bogħod minn Sidon,+ u ma kellhom xejn x’jaqsmu maʼ nies oħrajn; u kienet fil-​pjanura l-​baxxa taʼ Bet-reħob.+ Imbagħad bnew il-​belt u bdew jgħammru fiha.+ 29 Iktar minn hekk, sejħu l-​isem tal-​belt Dan b’isem missierhom, Dan,+ li kien twieled lil Israel.+ Madankollu, il-​belt qabel kien jisimha Lajs.+ 30 Wara dan, ulied Dan waqqfu x-​xbieha skolpita;+ u Ġonatan+ bin Gersom,+ bin Mosè, hu u wliedu saru qassisin għat-​tribù tad-​Danin sal-​jum li fih l-​art ittieħdet fl-​eżilju.+ 31 U żammew ix-​xbieha skolpita li kien għamel Mikea mwaqqfa l-​jiem kollha li d-​dar+ taʼ l-​Alla l-​veru baqgħet f’Silo.+

19 Issa ġara f’dawk il-​jiem li ma kienx hemm sultan f’Israel.+ U ċertu Levita kien qed jgħammar għal xi żmien fl-​iktar partijiet imbegħdin tar-​reġjun muntanjuż t’Efrajm.+ Maż-​żmien, hu ħa b’martu konkubina+ minn Betlehem+ taʼ Ġuda. 2 U l-​konkubina tiegħu bdiet tiżni+ kontrih. Fl-​aħħar telqet mingħandu u marret lejn dar missierha f’Betlehem taʼ Ġuda u baqgħet hemmhekk erbaʼ xhur sħaħ. 3 Imbagħad żewġha qam u mar warajha biex jgħidilha kliem li jmissilha qalbha u jġibha lura; u miegħu kien hemm il-​qaddej tiegħu+ u żewġt iħmir. Għalhekk, daħħlitu f’dar missierha. Meta missier il-​mara żagħżugħa rah, hu minnufih laqgħu bil-​ferħ. 4 Għaldaqstant, il-​kunjatu tiegħu, missier il-​mara żagħżugħa, żammu, u b’hekk hu kompla jgħammar miegħu tlett ijiem; u kienu jieklu u jixorbu, u hu kien iqattaʼ l-​lejl hemmhekk.+

5 U ġara fir-​rabaʼ jum, meta qamu kmieni fil-​għodu bħas-​soltu, li hu qam biex jitlaq, imma missier il-​mara żagħżugħa qal lil ħatnu: “Ħalli qalbek titrejjaq bi ftit ħobż+ u wara tistgħu tmorru.” 6 Għalhekk, qagħdu bil-​qiegħda, u t-​tnejn li huma bdew jieklu u jixorbu flimkien; wara dan, missier il-​mara żagħżugħa qal lir-​raġel: “Ejja, jekk jogħġbok, u oqgħod il-​lejl,+ u ħa tifraħ qalbek.”+ 7 Meta r-​raġel qam biex jitlaq, il-​kunjatu tiegħu baqaʼ jitolbu bil-​ħniena, u b’hekk hu reġaʼ qattaʼ l-​lejl hemmhekk.+

8 Meta fil-​ħames jum qam kmieni fil-​għodu biex jitlaq, missier il-​mara żagħżugħa qal: “Jekk jogħġbok, ħalli qalbek titrejjaq.”+ U qagħdu jitnikkru sakemm daħal il-​jum sew. U t-​tnejn li huma baqgħu jieklu. 9 Imbagħad ir-​raġel+ qam biex jitlaq, hu u l-​konkubina tiegħu+ u l-​qaddej tiegħu;+ imma l-​kunjatu, missier il-​mara żagħżugħa, qallu: “Ħares, issa! Il-​jum daħal sew u kważi sar fil-​għaxija. Jekk jogħġbok, oqogħdu l-​lejl.+ Ara, il-​jum kważi spiċċa. Oqgħod hawnhekk dal-lejl, u ħa tifraħ qalbek.+ U għada qumu kmieni għall-​vjaġġ tagħkom, u mur lejn it-​tinda tiegħek.” 10 Madankollu, ir-​raġel ma qabilx li joqgħod il-​lejl, imma qam u telaq għal triqtu u wasal sa quddiem Ġebus,+ jiġifieri, Ġerusalemm;+ u miegħu kien hemm iż-​żewġt iħmir mixdudin bis-​sarġ, u l-​konkubina tiegħu u l-​qaddej tiegħu.

11 Waqt li kienu qrib Ġebus, meta d-​dawl tal-​jum kien naqas mhux ħażin,+ il-​qaddej qal lil sidu: “Ejja, issa, ħa nilwu lejn din il-​belt tal-​Ġebusin+ u ngħaddu l-​lejl fiha.” 12 Imma sidu qallu: “Ħa ma nilwux lejn belt taʼ barranin+ li m’humiex parti minn ulied Israel; u nibqgħu sejrin sa Gibegħa.”+ 13 U kompla jgħid lill-​qaddej tiegħu: “Ejja nersqu lejn wieħed mill-​postijiet, u ngħaddu l-​lejl f’Gibegħa jew f’Rama.”+ 14 Għalhekk, baqgħu sejrin u komplew fi triqithom, u x-​xemx bdiet nieżla fuqhom meta kienu qrib Gibegħa, li hi taʼ Benjamin.

15 Għaldaqstant, huma lwew għal hemmhekk biex jidħlu u jgħaddu l-​lejl f’Gibegħa. U daħlu u qagħdu bil-​qiegħda fil-​pjazza tal-​belt, u ħadd ma daħħalhom id-​dar biex jgħaddu l-​lejl għandu.+ 16 Fl-aħħar, ara, kien hemm xiħ dieħel mix-​xogħol tiegħu fl-​għalqa fil-​għaxija,+ u r-​raġel kien mir-​reġjun muntanjuż t’Efrajm,+ u kien qed jgħammar għal xi żmien f’Gibegħa; imma n-​nies tal-​post kienu Benjamini.+ 17 Meta refaʼ għajnejh ra lir-​raġel, il-​vjaġġatur, fil-​pjazza tal-​belt. U x-​xiħ qal: “Fejn sejjer, u minfejn ġej?”+ 18 Għal dan, hu qallu: “Aħna għaddejna minn Betlehem taʼ Ġuda u sejrin lejn l-​iktar partijiet imbegħdin tar-​reġjun muntanjuż t’Efrajm.+ Jien minn hemmhekk, imma mort Betlehem taʼ Ġuda;+ u issa sejjer lejn dari, u ħadd ma daħħalni d-​dar.+ 19 U għandna kemm tiben kif ukoll għalf niexef+ għall-​ħmir tagħna, u għandna kemm ħobż+ u kemm inbid għalija u għall-​ilsira tiegħek+ u għall-​qaddej+ li hemm mal-​qaddej tiegħek. Ma jonqosna xejn.” 20 Madankollu, ix-​xiħ qal: “Ħa jkollok is-​sliem!+ Ħalli f’idejja għal dak li jonqsok.+ Biss tgħaddix il-​lejl fil-​pjazza.” 21 Imbagħad, hu daħħlu f’daru+ u tefaʼ lill-​ħmir taħlita t’għalf.+ Imbagħad ħaslu saqajhom+ u bdew jieklu u jixorbu.

22 Waqt li kienu qed iferrħu lil qalbhom,+ ara, l-​irġiel tal-​belt, qabda rġiel m’huma tajbin għal xejn,+ dawru d-​dar,+ jimbottaw lil xulxin mal-​bieb; u bdew jgħidu lix-​xiħ, sid id-​dar: “Oħroġ lir-​raġel li ġie f’darek, biex ikollna x’naqsmu miegħu.”+ 23 Għal dan, sid id-​dar ħareġ barra ħdejhom u qalilhom:+ “Le, ħuti,+ tagħmlu xejn ħażin, jekk jogħġobkom, ladarba dan ir-​raġel ġie f’dari. Tagħmlux din il-​bluha t’għajb.+ 24 Hawn huma t-​tifla verġni tiegħi u l-​konkubina tiegħu. Ħa noħroġhom, jekk jogħġobkom, u stuprawhom+ u agħmlulhom dak li jidhrilkom li hu tajjeb f’għajnejkom. Imma lil dan ir-​raġel tagħmlulux din il-​bluha t’għajb.”

25 U l-​irġiel ma ridux jisimgħuh. Għalhekk, ir-​raġel qabad il-​konkubina tiegħu+ u ħariġhielhom barra; u kellhom x’jaqsmu magħha,+ u baqgħu jabbużawha+ l-​lejl kollu sa fil-​għodu, u wara dan bagħtuha meta beda jżernaq. 26 Imbagħad il-​mara ġiet hekk kif kien qed jisbaħ, u waqgħet fid-​daħla tad-​dar tar-​raġel fejn kien hemm sidha,+ u baqgħet hemmhekk sad-​dawl taʼ bi nhar. 27 Iktar tard sidha qam fil-​għodu u fetaħ il-​bieb tad-​dar u ħareġ biex jitlaq għal triqtu, u, ara, il-​mara, il-​konkubina tiegħu,+ kienet mixħuta fid-​daħla tad-​dar b’idejha fuq l-​għatba! 28 U qalilha: “Qum, ejja mmorru.” Imma ma kienx hemm tweġiba.+ Għal dan, ir-​raġel ħadha fuq il-​ħmar u qam u mar lejn daru.+

29 Imbagħad daħal f’daru u ħa s-​sikkina tal-​biċċiera u qabad il-​konkubina tiegħu u qattagħha skond għadamha fi tnax-il biċċa+ u bagħatha f’kull territorju taʼ Israel.+ 30 U ġara li kulmin ra dan qal: “Ħaġa bħal din qatt ma seħħet jew dehret minn dakinhar li wlied Israel ħarġu mill-​art taʼ l-​Eġittu sa llum. Ikkunsidraw dan bir-​reqqa, ħudu parir+ u tkellmu.”

20 Għaldaqstant, ulied Israel kollha, minn Dan+ ’l isfel sa Bir-​xeba+ flimkien maʼ l-​art taʼ Gilegħad,+ ħarġu+ u l-​ġemgħa nġabret bħal bniedem wieħed+ quddiem Ġeħova f’Mispa.+ 2 Għalhekk, l-​irġiel ewlenin tal-​poplu kollu, tat-​tribujiet kollha taʼ Israel, ħadu l-​pożizzjoni tagħhom fil-​kongregazzjoni tal-​poplu taʼ l-​Alla l-​veru,+ erbaʼ mitt elf raġel bil-​mixi li jisiltu s-​sejf.+

3 U wlied Benjamin semgħu li wlied Israel kienu telgħu Mispa.+

Imbagħad ulied Israel qalu: “Tkellmu. Kif ġrat din il-​ħaġa ħażina?”+ 4 Għal dan, ir-​raġel, il-​Levita,+ ir-​raġel tal-​mara maqtula, wieġeb u qal: “Jien kont wasalt Gibegħa+ taʼ Benjamin, jien u l-​konkubina tiegħi,+ biex ngħaddu l-​lejl. 5 U sidien l-​art taʼ Gibegħa qamu kontrija u dawru d-​dar bil-​lejl għal kontrija. Kellhom il-​ħsieb li joqtlu lili, imma stupraw lill-​konkubina tiegħi,+ u fl-​aħħar mietet.+ 6 Għalhekk, jien qbadt lill-​konkubina tiegħi u qattajtha biċċiet u bgħattha f’kull territorju taʼ wirt Israel,+ għax kienu ħadu sehem f’kondotta laxka+ u bluha t’għajb f’Israel.+ 7 Ara! O intom ulied Israel kollha, tkellmu u agħtu l-​parir tagħkom+ hawnhekk.”

8 Għalhekk, il-​poplu kollu qam bħal bniedem wieħed,+ u qal: “Ħadd minna m’hu sejjer lejn it-​tinda tiegħu, u ħadd minna ma se jdur lejn daru.+ 9 U issa hekk nagħmlu lil Gibegħa. Ejjew intellgħu x-​xorti+ u nitilgħu kontriha. 10 U rridu nieħdu għaxart irġiel minn mija mit-​tribujiet kollha taʼ Israel, u mija minn elf, u elf minn għaxart elef, biex iġibu l-​provvisti lill-​poplu, ħalli jieħdu azzjoni billi jmorru kontra l-​abitanti taʼ Gibegħa taʼ Benjamin, minħabba l-​bluha t’għajb+ kollha li għamlu f’Israel.” 11 B’hekk, l-​irġiel kollha taʼ Israel inġabru kontra l-​belt bħal bniedem wieħed, bħala alleati.

12 Għaldaqstant, it-​tribujiet taʼ Israel bagħtu xi rġiel lit-​tribù kollu taʼ Benjamin,+ jgħidu: “X’inhi din il-​ħaġa ħażina li seħħet fostkom?+ 13 U issa agħtuna f’idejna l-​irġiel,+ l-​irġiel li m’huma tajbin għal xejn,+ li hemm f’Gibegħa,+ sabiex nagħtuhom il-​mewt,+ u ejjew neqirdu l-​ħażen minn Israel.”+ U wlied Benjamin ma ridux jisimgħu minn leħen ħuthom, ulied Israel.+

14 Imbagħad ulied Benjamin ħarġu mill-​bliet u nġabru flimkien f’Gibegħa biex joħorġu jitqabdu kontra wlied Israel. 15 F’dak il-​jum ulied Benjamin inġabru mill-​bliet, sitta u għoxrin elf raġel li jisiltu s-​sejf,+ apparti l-​abitanti taʼ Gibegħa, li minnhom inġabru sebaʼ mitt raġel magħżul. 16 Minn dawn in-​nies kollha kien hemm sebaʼ mitt raġel magħżul li kienu xellugin.+ Kull wieħed minn dawn kien iwaddab il-​ġebel bl-​iżbandola+ bi preċiżjoni taʼ ħxuna taʼ xagħra u ma kienx ifalli.

17 U l-​irġiel taʼ Israel inġabru għalihom, barra minn Benjamin, erbaʼ mitt elf raġel li jisiltu s-​sejf.+ Kull wieħed minn dawn kien gwerrier. 18 U huma qamu u telgħu Betel u stħarrġu x’jgħid Alla.+ Imbagħad ulied Israel qalu: “Min minna għandu jitlaʼ fuq quddiem għall-​battalja kontra wlied Benjamin?”+ Għal dan, Ġeħova qal: “Ġuda jkun fuq quddiem.”+

19 Wara dan, ulied Israel qamu fil-​għodu u kkampjaw kontra Gibegħa.

20 L-irġiel taʼ Israel issa ħarġu biex jitqabdu kontra Benjamin; u l-​irġiel taʼ Israel qagħdu mqassmin għall-​battalja kontrihom f’Gibegħa. 21 Għalhekk, ulied Benjamin ħarġu minn Gibegħa+ u dakinhar qatlu tnejn u għoxrin elf raġel f’Israel u ħallewhom maʼ l-​art.+ 22 Madankollu, il-​poplu, l-​irġiel taʼ Israel, kienu kuraġġużi u mill-​ġdid qagħdu mqassmin għall-​battalja fil-​post fejn kienu tqassmu fl-​ewwel jum. 23 Imbagħad ulied Israel telgħu Betel u bkew+ quddiem Ġeħova sa fil-​għaxija u stħarrġu x’jgħid Ġeħova, u qalu: “Nersaq mill-​ġdid għall-​battalja kontra wlied ħija Benjamin?”+ U Ġeħova qal: “Itlaʼ kontrih.”

24 Fi qbil maʼ dan, ulied Israel marru għal ulied Benjamin fit-​tieni jum.+ 25 Min-naħa tiegħu, Benjamin ħareġ minn Gibegħa jiltaqaʼ magħhom fit-​tieni jum u qatel tmintax-il elf raġel ieħor minn fost ulied Israel u ħalliehom maʼ l-​art,+ ilkoll uħud li jisiltu s-​sejf.+ 26 Għal dan, ulied Israel kollha,+ iva, il-​poplu kollu, telgħu u waslu Betel u bkew+ u qagħdu bil-​qiegħda hemmhekk quddiem Ġeħova u samu+ dakinhar sa fil-​għaxija u offrew offerti tal-​ħruq+ u offerti taʼ sħubija*+ quddiem Ġeħova. 27 Wara dan, ulied Israel stħarrġu x’jgħid Ġeħova,+ għax f’dawk il-​jiem hemmhekk kienet l-​arka tal-​patt+ taʼ l-​Alla l-​veru. 28 Issa Fineħas+ bin Elgħażar, bin Aron, kien wieqaf quddiemha f’dawk il-​jiem,+ jgħid: “Nerġaʼ noħroġ nitqabad kontra wlied ħija Benjamin jew nieqaf nagħmel dan?”+ Għal dan, Ġeħova qal: “Itlaʼ, għax għada se nagħtih f’idek.”+ 29 Imbagħad, Israel qiegħed irġiel mistoħbijin+ kontra Gibegħa dawramejt.

30 U wlied Israel telgħu kontra wlied Benjamin fit-​tielet jum, u qagħdu mqassmin għall-​battalja kontra Gibegħa bħalma għamlu d-​drabi l-​oħrajn.+ 31 Meta wlied Benjamin ħarġu għal kontra l-​poplu, ġew imbegħdin mill-​belt.+ Imbagħad, bħal fid-​drabi l-​oħrajn, bdew jidorbu għall-​mewt lil xi wħud mill-​poplu, madwar tletin raġel taʼ Israel,+ fit-​toroq ewlenin, li waħda minnhom titlaʼ Betel+ u l-​oħra Gibegħa,+ fil-​kampanja. 32 Għalhekk, ulied Benjamin bdew jgħidu: “Qed nirbħulhom bħalma ġara fil-​bidu.”+ U wlied Israel qalu: “Ejjew naħarbu,+ u nbegħduhom mill-​belt lejn it-​toroq ewlenin.” 33 U l-​irġiel kollha taʼ Israel qamu minn posthom u qagħdu mqassmin għall-​battalja f’Bagħal-tamar, waqt li dawk taʼ Israel li kienu mistoħbijin+ ħarġu jattakkaw minn posthom fl-​inħawi qrib Gibegħa.+ 34 B’hekk, għaxart elef raġel magħżul minn Israel kollu ġew quddiem Gibegħa, u l-​ġlied kien aħrax; u l-​Benjamini ma kinux jafu li l-​gwaj+ kien imdendel fuqhom.

35 U Ġeħova għeleb lil Benjamin+ quddiem Israel, u b’hekk dakinhar ulied Israel qatlu f’Benjamin ħamsa u għoxrin elf u mitt raġel, ilkoll uħud li jisiltu s-​sejf.+

36 Madankollu, ulied Benjamin immaġinaw li l-​irġiel taʼ Israel kienu tilfu meta bdew jagħtu l-​wisaʼ+ lil Benjamin għax kienu qed jafdaw f’dawk li kienu qegħduhom jistaħbew kontra Gibegħa. 37 U dawk mistoħbijin aġixxew b’ħeffa u telqu jiġru lejn Gibegħa.+ Imbagħad dawk li kienu mistoħbijin+ infirxu u ħabtu għall-​belt kollha b’xifer is-​sejf.+

38 Issa l-​irġiel taʼ Israel kienu ftiehmu maʼ dawk mistoħbijin biex jagħmlulhom sinjal billi jtellgħu d-​duħħan mill-​belt.+

39 Meta wlied Israel daru lura fil-​battalja, Benjamin beda jidrob għall-​mewt madwar tletin raġel minn fost l-​irġiel taʼ Israel,+ għax qal: “Żgur qed nirbħulhom bħalma ġara fl-​ewwel battalja.”+ 40 U s-​sinjal+ beda tielaʼ mill-​belt bħala kolonna tad-​duħħan.+ Għalhekk, meta Benjamin dawwar wiċċu, ara, il-​fjammi mill-​belt kollha kienu telgħin lejn is-​sema.+ 41 U l-​irġiel taʼ Israel daru bil-​kontra,+ u l-​irġiel taʼ Benjamin tfixklu,+ għax raw li l-​gwaj kien laħaqhom.+ 42 Għalhekk, dawn daru quddiem l-​irġiel taʼ Israel fid-​direzzjoni tax-​xagħri, u l-​battalja segwiethom mill-​qrib, waqt li l-​irġiel li ħarġu mill-​belt kienu qed joqtluhom f’nofshom. 43 Huma dawru lil Benjamin.+ Ġrew warajh mingħajr ma ħallewlu fejn jistrieħ.+ Għaffġuh taħt saqajhom eżatt quddiem Gibegħa+ lejn tlugħ ix-​xemx. 44 Fl-aħħar waqgħu tmintax-il elf raġel minn Benjamin, ilkoll irġiel qalbenin.+

45 B’hekk, daru u ħarbu lejn ix-​xagħri lejn il-​blata taʼ Rimmon.+ U iktar minn hekk, l-​irġiel taʼ Israel laqqtu ħamest elef raġel minnhom fit-​toroq ewlenin,+ u baqgħu jiġru warajhom sa Gidgħom, u qatlu elfejn raġel ieħor minnhom. 46 U fl-​aħħar dawk kollha minn Benjamin li waqgħu f’dak il-​jum kienu ħamsa u għoxrin elf raġel li jisiltu s-​sejf,+ ilkoll irġiel qalbenin. 47 Imma sitt mitt raġel daru u ħarbu lejn ix-​xagħri lejn il-​blata taʼ Rimmon, u baqgħu jgħammru fuq il-​blata taʼ Rimmon+ erbaʼ xhur.

48 U l-​irġiel taʼ Israel ġew lura kontra wlied Benjamin u ħabtu b’xifer is-​sejf għal dawk fil-​belt, minn nies s’annimali domestiċi u dawk kollha li nstabu.+ Barra minn hekk, il-​bliet kollha li nstabu tawhom in-​nar.+

21 Issa l-​irġiel taʼ Israel kienu għamlu ħalfa f’Mispa,+ u qalu: “Ħadd minna ma se jagħti lil bintu lil Benjamin b’martu.”+ 2 Għaldaqstant, il-​poplu ġie Betel,+ u baqgħu bil-​qiegħda hemmhekk quddiem l-​Alla l-​veru+ sa fil-​għaxija u qagħdu jgħollu leħinhom u jibku biki kbir.+ 3 U qalu: “Għala, O Ġeħova l-​Alla taʼ Israel, ġara dan f’Israel, li llum jonqos tribù minn Israel?”+ 4 U ġara l-​għada li l-​poplu qam kmieni u bena artal hemmhekk u offra offerti tal-​ħruq+ u offerti taʼ sħubija.+

5 Imbagħad ulied Israel qalu: “Min mit-​tribujiet kollha taʼ Israel ma telax mal-​kongregazzjoni quddiem Ġeħova? Għax saret ħalfa kbira+ dwar il-​wieħed li ma telax quddiem Ġeħova f’Mispa, li tgħid, ‘Ħa jingħata l-​mewt żgur.’”+ 6 U wlied Israel beda jiddispjaċihom għal ħuhom Benjamin. Għalhekk, qalu: “Illum tqaċċat tribù wieħed minn maʼ Israel. 7 X’se nagħmlulhom lil dawk li fadal biex ikollhom mara, issa li ħlifna+ b’Ġeħova li ma nagħtuhom lil ħadd mill-​bniet tagħna b’marthom?”+

8 U huma qalu: “Liema wieħed mit-​tribujiet taʼ Israel ma telax quddiem Ġeħova f’Mispa?”+ U, ara, ħadd minn Ġabes-gilegħad+ ma kien ġie fil-​kamp mal-​kongregazzjoni. 9 Meta l-​poplu kien magħdud, ara, ma kien hemm ħadd mill-​abitanti taʼ Ġabes-gilegħad. 10 Għalhekk, il-​ġemgħa bagħtet tnax-il elf mill-​iktar irġiel qalbenin li kien hemm u kkmandathom: “Morru, u aħbtu għall-​abitanti taʼ Ġabes-gilegħad b’xifer is-​sejf, għan-​nisa u t-​tfal ukoll.+ 11 U agħmlu hekk: Kulmin hu tas-​sess maskil u kull mara li mteddet maʼ xi ħadd tas-​sess maskil għandkom teqirduhom.”*+ 12 Madankollu, fost l-​abitanti taʼ Ġabes-gilegħad+ sabu erbaʼ mitt tfajla, verġni,+ li qatt ma mteddew maʼ raġel biex ikollhom x’jaqsmu miegħu. U ġabuhom lejn il-​kamp f’Silo,+ fl-​art taʼ Kangħan.

13 U l-​ġemgħa kollha bagħtet lil xi wħud ikellmu lil ulied Benjamin li kienu fuq il-​blata taʼ Rimmon+ u offrewlhom il-​paċi. 14 Għaldaqstant, f’dak iż-​żmien ulied Benjamin ġew lura. Imbagħad tawhom in-​nisa li kienu żammew ħajjin min-​nisa taʼ Ġabes-gilegħad;+ imma ma sabulhomx biżżejjed.+ 15 U l-​poplu ddispjaċieh għal Benjamin+ għax Ġeħova kien għamel tiċrita fit-​tribujiet taʼ Israel. 16 Għaldaqstant, ix-​xjuħ tal-​ġemgħa qalu: “X’se nagħmlulhom lill-​irġiel li fadal biex ikollhom mara, għax in-​nisa nqerdu għalkollox minn Benjamin?” 17 Imbagħad qalu: “Għandha tingħata proprjetà lil ulied Benjamin li ħarbu,+ biex ma jinqeridx tribù minn Israel. 18 Inkwantu għalina, ma nistgħux nagħtuhom nisa minn uliedna l-​bniet, għax ulied Israel ħalfu, u qalu, ‘Misħut dak li jagħti mara lil Benjamin.’”+

19 Fl-aħħarnett qalu: “Ara! Minn sena għal sena jkun hemm festa taʼ Ġeħova f’Silo,+ li qiegħda lejn it-​tramuntana taʼ Betel, lejn il-​lvant tat-​triq ewlenija li titlaʼ minn Betel għal Sikem+ u lejn in-​nofsinhar taʼ Lebona.” 20 Għalhekk, huma kkmandaw lil ulied Benjamin, u qalulhom: “Morru u oqogħdu għal-​lest fl-​għelieqi tad-​dwieli. 21 U tridu tħarsu, u meta l-​ulied bniet taʼ Silo joħorġu jiżfnu,*+ oħorġu mill-​għelieqi tad-​dwieli u kull wieħed minnkom jaħtaf mara għalih bil-​forza mill-​bniet taʼ Silo, u morru lejn art Benjamin. 22 U jrid iseħħ li jekk missirijiethom jew ħuthom subien jiġu jippreżentaw kawża legali kontrina, aħna ngħidulhom, ‘Ħennu għalina minħabba fihom, għax fil-​gwerra aħna ma ħadniex mara għal kull wieħed minnhom.+ Barra minn hekk, ma kontux intom li tajtuhomlhom għax kieku kontu ssiru ħatjin.’”+

23 Fi qbil maʼ dan, ulied Benjamin għamlu preċiż hekk, u ħadu nisa għalihom skond l-​għadd tagħhom+ min-​nisa li kienu qed jiżfnu+ dawramejt u ħatfuhom; u wara dan telqu u reġgħu lura lejn wirthom u bnew il-​bliet+ u bdew jgħammru fihom.

24 U f’dak iż-​żmien ulied Israel xterdu minn hemmhekk, kull wieħed lejn it-​tribù tiegħu u l-​familja tiegħu; u telqu minn hemmhekk, kull wieħed lejn wirtu.+

25 F’dawk il-​jiem ma kienx hemm sultan f’Israel.+ Kulħadd kien imdorri jagħmel skond ma kien jidhirlu li hu sewwa f’għajnejh.+

Ara Ġoż 15:18, in-​nota taʼ taħt.

Ara Eżo 22:20, in-​nota taʼ taħt.

Ifisser “Post Dedikat għall-​Qerda.”

Iktar tard imsejħa Ptolemajs. Ara At 21:7.

Ifisser  “Bekkejja.”

“Timnat-sera” f’Ġoż 19:50 u 24:30.

Ara Ġen 26:17, in-​nota taʼ taħt.

Letteralment, “se jbigħ.”

Din tirreferi għal tieqa li minflok ħġieġ kellha strixxi msallbin taʼ l-​injam.

Espressjoni tas-​suldati għall-​konkubini maqbudin.

Letteralment, “L-​elf tiegħi.”

Ifisser “Ħa Jagħmel Bagħal Difiża Legali Kontrih.”

L-għassa tan-​nofs taʼ matul il-​lejl kienet tibda madwar l-​10:00 p.m. u kienet tibqaʼ sejra sas-​2:00 a.m.

Jiġifieri, Gidegħon. Ara Mħ 6:32.

Letteralment, “li ħarġu min-​naħa taʼ fuq taʼ koxxtu.”

Letteralment, “bil-​verità.”

Ifisser “Dawk li Jipprattikaw il-​Maġija.” Ara Dt 18:14.

Ifisser “Irħula tat-​Tined taʼ Ġajir.”

Jew, “lejn tlugħ ix-​xemx.”

Letteralment, “inqiegħed ruħi fil-​pala taʼ idi.”

Din hi l-​pronunzja bl-​Efrajmi tal-​kelma Ebrajka “Xibbolet,” li tfisser jew “Sbula” jew “Nixxiegħa Għaddejja.”

Jew, “ulied bniet.”

Ifisser “Il-​Post Għoli taʼ l-​Għadma tax-​Xedaq.”

Ifisser “L-​Għajn (Nixxiegħa) tar-​Raġel li Sejjaħ.”

Ara Ġen 26:17, in-​nota taʼ taħt.

Ara Ġen 31:19, in-​nota taʼ taħt.

Ifisser “Kamp taʼ Dan.”

Letteralment, “titlef ruħek u r-​ruħ.”

Jew, “offerti taʼ sliem.” Offerti li fihom il-​qassis, l-​aduraturi, u Ġeħova kienu bħallikieku qed jissieħbu flimkien f’ikla, u dan kien jissimbolizza relazzjonijiet paċifiċi.

Jew, “tiddedikawhom għall-​qerda.” Ara Eżo 22:20, in-​nota taʼ taħt.

Letteralment, “jiżfnu żfin dawra tond.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja