LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • nwt Ġenesi 1:1-50:26
  • Ġenesi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġenesi
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Ġenesi

ĠENESI

1 Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art.

2 L-art kienet bla forma u ma kien fiha xejn. Fuq wiċċ l-ilmijiet fondi kien hemm id-dlam, u l-ispirtu t’Alla* kien qed jaħdem fuqhom.

3 U Alla qal: “Ħa jkun hemm id-dawl.” U kien hemm id-dawl.

4 Wara dan, Alla ra li d-dawl kien tajjeb u beda jifred id-dawl mid-dlam. 5 Alla semma d-dawl Jum, imma d-dlam semmieh Lejl. U kien hemm filgħaxija u kien hemm filgħodu, l-ewwel jum.

6 Imbagħad Alla qal: “Ħa jkun hemm spazju vojt bejn l-ilmijiet u ħa jinfirdu l-ilmijiet fi tnejn.” 7 Imbagħad Alla għamel spazju vojt biex jifred l-ilmijiet taʼ taħt l-ispazju vojt mill-ilmijiet taʼ fuqu. U hekk sar. 8 L-ispazju vojt Alla semmieh Sema. U kien hemm filgħaxija u kien hemm filgħodu, it-tieni jum.

9 Imbagħad Alla qal: “Ħa jinġabru l-ilmijiet taʼ taħt is-sema f’post wieħed, u ħa tidher l-art niexfa.” U hekk sar. 10 L-art niexfa Alla sejħilha Art, imma l-ilmijiet miġburin flimkien sejħilhom Ibħra. U Alla ra li dan kien tajjeb. 11 Imbagħad Alla qal: “Ħa tnibbet l-art ħaxix, pjanti, u siġar skont l-ispeċi* tagħhom. Il-pjanti jagħmlu ż-żerriegħa, u s-siġar jagħmlu l-frott biż-żerriegħa.” U hekk sar. 12 U l-art bdiet tnibbet ħaxix, pjanti, u siġar skont l-ispeċi tagħhom. Il-pjanti għamlu ż-żerriegħa, u s-siġar għamlu l-frott biż-żerriegħa. Imbagħad Alla ra li dan kien tajjeb. 13 U kien hemm filgħaxija u kien hemm filgħodu, it-tielet jum.

14 Imbagħad Alla qal: “Ħa jkun hemm xemx, qamar, u stilel* fis-sema* biex jifirdu l-jum mil-lejl, u dawn iservu bħala sinjali għall-istaġuni, għall-jiem, u għas-snin. 15 Dawn se jagħtu d-dawl fis-sema* biex jiddu għal fuq l-art.” U hekk sar. 16 U Alla għamel ix-xemx u l-qamar. Ix-xemx biex tiddi matul il-jum u l-qamar biex jiddi matul il-lejl, u għamel ukoll l-istilel. 17 Alla poġġiehom fis-sema* biex jiddu għal fuq l-art, 18 u biex jispikkaw matul il-jum u matul il-lejl u biex jifirdu d-dawl mid-dlam. Imbagħad Alla ra li dan kien tajjeb. 19 U kien hemm filgħaxija u kien hemm filgħodu, ir-rabaʼ jum.

20 Imbagħad Alla qal: “Ħa jkunu l-ilmijiet mimlijin bi ħlejjaq* ħajjin, u ħa jkun hemm għasafar* itiru fis-sema.”* 21 U Alla ħalaq il-ħlejjaq* kbar tal-baħar u l-ħlejjaq* kollha li jgħixu fi qtajjaʼ fl-ilmijiet skont l-ispeċi tagħhom, u kull ħliqa bil-ġwienaħ li ttir skont l-ispeċi tagħha. U Alla ra li dan kien tajjeb. 22 Imbagħad Alla berikhom u qal: “Ħa jkollkom iż-żgħar u siru ħafna u imlew l-ilmijiet tal-ibħra, u ħa jiżdiedu fl-art il-ħlejjaq li jtiru.” 23 U kien hemm filgħaxija u kien hemm filgħodu, il-ħames jum.

24 Imbagħad Alla qal: “Ħa tnissel l-art ħlejjaq ħajjin skont l-ispeċi tagħhom, annimali mansi, annimali slavaġ, u kull tip t’annimal* ieħor tal-art skont l-ispeċi tiegħu.” U hekk sar. 25 U Alla għamel l-annimali slavaġ tal-art skont l-ispeċi tagħhom u l-annimali mansi skont l-ispeċi tagħhom u kull annimal ieħor tal-art skont l-ispeċi tiegħu. U Alla ra li dan kien tajjeb.

26 Imbagħad Alla qal: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq ix-xbieha u s-sura tagħna, u ħa jkollhom kontroll fuq l-art kollha u fuq il-ħut tal-baħar, il-ħlejjaq li jtiru fis-sema, l-annimali mansi, u kull tip t’annimal ieħor fuq l-art.” 27 U Alla ħalaq il-bniedem fuq ix-xbieha tiegħu, fuq ix-xbieha t’Alla ħalqu; raġel u mara ħalaqhom. 28 Alla berikhom u qalilhom: “Ħa jkollkom it-tfal u siru ħafna, imlew l-art u ħudu ħsiebha. Ħa jkollkom kontroll fuq il-ħut tal-baħar, il-ħlejjaq li jtiru fis-sema, u kull ħliqa ħajja fuq l-art.”

29 Imbagħad Alla qal: “Ara, tajtkom il-pjanti kollha li jagħmlu ż-żerriegħa li qegħdin fuq l-art kollha u kull siġra li tagħmel frott biż-żerriegħa. Dawn ikunu ikel għalikom. 30 U lil kull annimal salvaġġ tal-art, lil kull ħliqa li ttir fis-sema, u lil kull ħliqa oħra fuq l-art li fiha hemm il-ħajja,* jien tajthom il-ħaxix aħdar kollu bħala ikel.” U hekk sar.

31 Wara dan, Alla ra li kulma kien għamel kien tajjeb ħafna. U kien hemm filgħaxija u kien hemm filgħodu, is-sitt jum.

2 B’hekk, tlestew is-sema u l-art u kulma fihom.* 2 Sas-sebaʼ jum Alla lesta x-xogħol li kien qed jagħmel, u fis-sebaʼ jum beda jistrieħ mix-xogħol kollu li għamel. 3 U Alla bierek is-sebaʼ jum u ddikjarah qaddis, għaliex fih beda jistrieħ mix-xogħol kollu li ħalaq skont l-iskop li kellu.

4 Din hi l-istorja taʼ meta nħolqu s-sema u l-art, dakinhar li Alla Ġeħova* għamel l-art u s-sema.

5 Ma kien għad hemm ebda siġra jew pjanta fl-art, għaliex Alla Ġeħova kien għadu ma bagħatx xita fuq l-art u ma kien hemm ebda bniedem biex jikkultiva l-art. 6 Imma kien jitlaʼ fwar mill-art u jsaqqi l-wiċċ kollu tal-art.

7 U Alla Ġeħova ħalaq ir-raġel mit-trab tal-art u nefaħlu fi mnifsejh in-nifs tal-ħajja, u r-raġel sar persuna ħajja.* 8 Ukoll, Alla Ġeħova ħawwel ġnien fl-Għeden, lejn il-Lvant, u hemmhekk poġġa lir-raġel li kien ħalaq. 9 Alla Ġeħova nibbet mill-art kull siġra li tpaxxi l-għajn u tajba għall-ikel. Ukoll, f’nofs il-ġnien hu għamel is-siġra tal-ħajja u s-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin.

10 U kien hemm xmara ħierġa mill-Għeden biex issaqqi l-ġnien, u minn hemm kienet tinqasam f’erbaʼ xmajjar.* 11 L-ewwel waħda jisimha Pison; din iddur mal-art kollha taʼ Ħawila, fejn hemm id-deheb. 12 Id-deheb taʼ din l-art hu pur. Hemm ukoll il-gomma tar-raża tfuħ u l-ħaġar tal-oniċi. 13 It-tieni xmara jisimha Giħon; din iddur mal-art kollha taʼ Kus. 14 It-tielet xmara jisimha Ħiddekel;* din tmur lejn il-Lvant tal-Assirja. U r-rabaʼ xmara hija l-Ewfrat.

15 Alla Ġeħova ħa lir-raġel u qiegħdu fil-ġnien tal-Għeden biex jikkultivah u jieħu ħsiebu. 16 Alla Ġeħova ta wkoll dan il-kmand lir-raġel: “Minn kull siġra tal-ġnien tistaʼ tiekol sakemm tixbaʼ. 17 Imma mis-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin ma tistax tiekol, għax fil-jum li tiekol minnha int żgur li tmut.”

18 Imbagħad Alla Ġeħova qal: “Mhux tajjeb li r-raġel jibqaʼ waħdu. Se nagħmillu għajnuna li taqbel għal miegħu.” 19 Issa Alla Ġeħova ħalaq mill-art kull annimal salvaġġ u kull ħliqa li ttir fis-sema, u beda jġibhom għand ir-raġel biex jara x’se jsemmi lil kull wieħed u waħda minnhom. Isem kull ħliqa ħajja sar skont dak li ta r-raġel. 20 Għalhekk, ir-raġel ta isem lill-annimali mansi kollha, lill-ħlejjaq li jtiru fis-sema, u lil kull annimal salvaġġ. Imma hu ma kellux għajnuna li taqbel għal miegħu. 21 B’hekk, Alla Ġeħova ġiegħel lir-raġel jorqod fil-fond u waqt li kien rieqed, ħa waħda mill-kustilji tiegħu u għalaq il-laħam fejn kienet. 22 U Alla Ġeħova ħalaq* mara mill-kustilja li kien ħa mir-raġel, u wara ħadha għand ir-raġel.

23 Imbagħad ir-raġel qal:

“Sa fl-aħħar, din hi għadma minn għadmi

U laħam minn laħmi.

Din tissejjaħ Mara,

Għax mir-raġel ittieħdet.”

24 Huwa għalhekk li raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ* martu, u jsiru ġisem wieħed. 25 U t-tnejn li huma kienu għarwenin, ir-raġel u martu; madankollu ma kinux jistħu.

3 Issa s-serp kien l-iktar wieħed attent* mill-annimali slavaġ kollha li kien għamel Alla Ġeħova. Għalhekk qal lill-mara: “Veru li Alla qalilkom li ma tistgħux tieklu minn kull siġra tal-ġnien?” 2 U l-mara qalet lis-serp: “Nistgħu nieklu mill-frott tas-siġar tal-ġnien, 3 imma dwar il-frott tas-siġra li qiegħda f’nofs il-ġnien, Alla qalilna, ‘Ma tistgħux tieklu minnu, le, ma tistgħux tmissuh; inkella tmutu.’” 4 Għal dan is-serp qal lill-mara: “Żgur li ma tmutux. 5 Għax Alla jaf li fil-jum li tieklu minnu, għajnejkom jinfetħu u tkunu bħal Alla, tafu t-tajjeb u l-ħażin.”

6 Minħabba f’hekk, il-mara rat li l-frott tas-siġra kien tajjeb għall-ikel u li kien jiġbed l-għajn, iva, il-frott tas-siġra kien ipaxxi l-għajn.* Għalhekk, hi ħadet mill-frott u kilitu. Wara dan, hi tat ukoll lil żewġha meta kien magħha u beda jieklu. 7 Imbagħad it-tnejn li huma nfetħulhom għajnejhom, u rrealizzaw li kienu għarwenin. B’hekk, ħietu weraq tat-tin flimkien biex jgħattu madwar ġenbejhom.

8 Iktar tard, semgħu leħen Alla Ġeħova waqt li kien miexi fil-ġnien fil-ħin tal-jum meta tkun għaddejja ż-żiffa, u r-raġel u martu nħbew minn wiċċ Alla Ġeħova qalb is-siġar tal-ġnien. 9 U Alla Ġeħova baqaʼ jgħajjat lir-raġel u jgħidlu: “Fejn int?” 10 Fl-aħħar wieġbu: “Smajt leħnek fil-ġnien, imma bżajt għax kont għarwien, u għalhekk inħbejt.” 11 Għal dan qallu: “Min qallek li kont għarwien? Jaqaw kilt mill-frott tas-siġra li kkmandajtek biex ma tikolx minnu?” 12 Ir-raġel qallu: “Il-mara li tajtni biex tkun miegħi tatni l-frott mis-siġra, allura kiltu.” 13 Imbagħad Alla Ġeħova qal lill-mara: “X’għamilt?” Il-mara wieġbet: “Is-serp qarraq bija, allura kilt.”

14 Għalhekk, Alla Ġeħova qal lis-serp: “Talli għamilt dan, int misħut fost l-annimali mansi kollha u fost l-annimali slavaġ kollha. Fuq żaqqek titkaxkar u tiekol it-trab il-jiem kollha taʼ ħajtek. 15 U nqanqal mibegħda* bejnek u bejn il-mara u bejn id-dixxendenti tiegħek* u d-dixxendent tagħha.* Hu jgħaffiġlek* rasek u int tweġġgħu* f’għarqubu.”

16 Lill-mara qalilha: “Se nżidlek ħafna l-uġigħ tat-tqala; bl-uġigħ se twelled lit-tfal tiegħek, u xewqtek tkun għal żewġek, u hu jiddominak.”

17 U lil Adam* qallu: “Talli smajt minn kliem martek u kilt mill-frott tas-siġra li dwaru tajtek il-kmand, ‘Ma tistax tiekol minnu,’ misħuta tkun l-art minħabba fik. Ikollok titħabat biex* tiekol il-prodott tagħha matul il-jiem kollha taʼ ħajtek. 18 Xewk u għollieq tnibbitlek, u int tiekol il-ħaxix tagħha. 19 Bl-għaraq u bit-tbatija tiekol ħobżok* sakemm terġaʼ lura lejn l-art, għax minnha kont meħud. Għax trab int u trab terġaʼ ssir.”

20 Wara dan, Adam semma lil martu Eva,* għax kienet se ssir omm il-ħajjin kollha. 21 U Alla Ġeħova għamel ilbiesi twal mill-ġilda tal-annimali għal Adam u għal martu biex ilibbishom. 22 Imbagħad Alla Ġeħova qal: “Il-bniedem sar bħal wieħed minna jaf it-tajjeb u l-ħażin. Issa se jkolli nagħmel xi ħaġa biex ma jiħux ukoll il-frott mis-siġra tal-ħajja u jiekol u jgħix għal dejjem.”* 23 Għalhekk, Alla Ġeħova keċċieh mill-ġnien tal-Għeden biex jikkultiva l-art li kien meħud minnha. 24 B’hekk, keċċa lill-bniedem ’il barra, u fil-Lvant tal-ġnien tal-Għeden qiegħed il-kerubini u x-xafra taqbad taʼ xabla li kienet iddur kontinwament biex jgħassu t-triq lejn is-siġra tal-ħajja.

4 Issa Adam kellu relazzjoni sesswali maʼ martu Eva, u din ħarġet tqila. Meta welldet lil Kajjin, hi qalet: “Wellidt* tifel bl-għajnuna taʼ Ġeħova.” 2 Maż-żmien hi reġgħet welldet u kellha lil ħuh Abel.

Abel kien jirgħa n-nagħaġ, imma Kajjin kien jaħdem fl-għelieqi. 3 Wara xi żmien, Kajjin ġab xi prodotti tal-art bħala offerta lil Ġeħova. 4 Imma Abel ġab xi ftit mill-ewwel frieħ tal-merħla tiegħu, inkluż ix-xaħam tagħhom. Waqt li Ġeħova ħares b’approvazzjoni lejn Abel u l-offerta tiegħu, 5 hu ma ħarisx b’approvazzjoni lejn Kajjin u l-offerta tiegħu. Allura Kajjin imtela b’rabja kbira u dwejjaq. 6 Imbagħad Ġeħova qal lil Kajjin: “Għala int tant irrabjat u mdejjaq? 7 Jekk iddur biex tagħmel it-tajjeb, int terġaʼ tikseb l-approvazzjoni.* Imma jekk le, hemm id-dnub* lest għalik wara l-bieb, u hu mlebleb biex jikkontrollak. Se tkun kapaċi trażżnu?”

8 Wara dan, Kajjin qal lil ħuh Abel: “Ejja mmorru fl-għalqa.” U waqt li kienu fl-għalqa, Kajjin attakka lil ħuh Abel u qatlu. 9 Iktar tard, Ġeħova qal lil Kajjin: “Fejn hu ħuk Abel?” u hu qallu: “Ma nafx. Mela jien għassa taʼ ħija?” 10 Għal dan qallu: “X’għamilt? Ismaʼ! Demm ħuk qed jgħajjatli mill-art. 11 Int issa misħut u mkeċċi minn dan il-post għax f’din l-art int xerridt id-demm taʼ ħuk b’idejk stess. 12 Meta tikkultiva l-art, din ma troddlokx il-prodott tagħha.* Ikollok tiġġerra u taħrab fuq l-art.” 13 Imbagħad Kajjin qal lil Ġeħova: “Il-kastig tal-iżball tiegħi hu kbir wisq biex inġorru. 14 Illum int qed tkeċċini minn din l-art,* u jien se ninħeba minn quddiemek. Se jkolli niġġerra u naħrab fuq l-art, u kull min isibni żgur joqtolni.” 15 Allura Ġeħova qallu: “Minħabba f’hekk, kull min joqtol lil Kajjin għandha ssir vendetta minnu sebaʼ darbiet.”

Għalhekk Ġeħova għamel sinjal bħala twissija biex min isib lil Kajjin ma joqtlux. 16 U Kajjin telaq minn quddiem Ġeħova u mar joqgħod fl-art tal-Eżilju,* lejn il-Lvant tal-Għeden.

17 Wara dan, Kajjin kellu relazzjoni sesswali maʼ martu, u hi ħarġet tqila u welldet lil Enok. Imbagħad hu bena belt u semmieha għal ibnu Enok. 18 Iktar tard, Enok kellu lil Irad. U Irad kellu lil Meħujagħel, Meħujagħel kellu lil Metusagħel, u Metusagħel kellu lil Lamek.

19 Lamek iżżewweġ żewġ nisa. L-ewwel waħda kien jisimha Għada, u t-tieni waħda kien jisimha Silla. 20 Għada welldet lil Ġabal. Hu kien l-ewwel wieħed li għex fit-tined u rabba l-annimali. 21 U ħuh kien jismu Ġubal. Dan kien l-ewwel wieħed minn dawk kollha li jdoqqu l-arpa u l-flawt.* 22 Ukoll, Silla welldet lil Tubal-kajjin li kien ħaddied jaħdem kull xorta taʼ għodda tar-ram u tal-ħadid. U oħt Tubal-kajjin kien jisimha Nagħma. 23 Imbagħad Lamek kiteb dan il-kliem għan-nisa tiegħu Għada u Silla:

“Isimgħu leħni, intom in-nisa taʼ Lamek;

Agħtu widen għal dak li se ngħid:

Raġel qtilt talli ferieni,

Iva, żagħżugħ talli daqqa tani.

24 Jekk Kajjin għandu jiġi vvendikat sebaʼ darbiet,

Allura Lamek 77 darba.”

25 Adam reġaʼ kellu relazzjoni sesswali maʼ martu, u hi welldet iben. Hi semmietu Set,* għaliex, kif qalet hi, “Alla tani tifel ieħor minflok Abel, għax Kajjin qatlu.” 26 Lil Set ukoll twilidlu iben, u semmieh Enos. Dak iż-żmien bdew jgħajtu l-isem taʼ Ġeħova.

5 Dan hu r-rakkont dwar il-familji li ġew minn Adam. Dakinhar li Alla ħalaq lil Adam, hu għamlu jixbah lilu. 2 Raġel u mara ħalaqhom. Fil-jum li ġew maħluqin, hu berikhom u semmiehom Bniedem.*

3 Adam għex 130 sena u mbagħad kellu iben jixbah lilu u semmieh Set. 4 Wara li kellu lil Set, Adam għex 800 sena. U hu kellu subien u bniet. 5 Mela b’kollox Adam għex 930 sena, u mbagħad miet.

6 Set għex 105 snin u mbagħad kellu lil Enos. 7 Wara li kellu lil Enos, Set għex 807 snin. U hu kellu subien u bniet. 8 Mela b’kollox Set għex 912-il sena, u mbagħad miet.

9 Enos għex 90 sena u mbagħad kellu lil Kenan. 10 Wara li kellu lil Kenan, Enos għex 815-il sena. U hu kellu subien u bniet. 11 Mela b’kollox Enos għex 905 snin, u mbagħad miet.

12 Kenan għex 70 sena u mbagħad kellu lil Maħalalel. 13 Wara li kellu lil Maħalalel, Kenan għex 840 sena. U hu kellu subien u bniet. 14 Mela b’kollox Kenan għex 910 snin, u mbagħad miet.

15 Maħalalel għex 65 sena u mbagħad kellu lil Ġared. 16 Wara li kellu lil Ġared, Maħalalel għex 830 sena. U hu kellu subien u bniet. 17 Mela b’kollox Maħalalel għex 895 sena, u mbagħad miet.

18 Ġared għex 162 sena u mbagħad kellu lil Enok. 19 Wara li kellu lil Enok, Ġared għex 800 sena. U hu kellu subien u bniet. 20 Mela b’kollox Ġared għex 962 sena, u mbagħad miet.

21 Enok għex 65 sena u mbagħad kellu lil Metuselaħ. 22 Wara li kellu lil Metuselaħ, Enok kompla jimxi mal-Alla l-veru* għal 300 sena. U hu kellu subien u bniet. 23 Mela b’kollox Enok għex 365 sena. 24 Enok kompla jimxi mal-Alla l-veru. Imbagħad ma deherx iktar, għax Alla ħadu.

25 Metuselaħ għex 187 sena u mbagħad kellu lil Lamek. 26 Wara li kellu lil Lamek, Metuselaħ għex 782 sena. U hu kellu subien u bniet. 27 Mela b’kollox Metuselaħ għex 969 sena, u mbagħad miet.

28 Lamek għex 182 sena u mbagħad kellu iben. 29 Hu semmieh Noè* u qal: “Dan se jserraħna* mix-xogħol tagħna u mit-taħbit* taʼ jdejna minħabba l-art li seħet Ġeħova.” 30 Wara li kellu lil Noè, Lamek għex 595 sena. U hu kellu subien u bniet. 31 Mela b’kollox Lamek għex 777 sena, u mbagħad miet.

32 Wara li Noè kellu 500 sena, hu kellu lil Sem, Ħam, u Ġafet.

6 Issa meta l-bnedmin bdew jiżdiedu fuq wiċċ l-art u twildulhom il-bniet, 2 it-tfal tal-Alla l-veru* bdew jinnotaw li l-bniet tal-bnedmin kienu sbieħ. Allura bdew jieħdu bħala nisa għalihom lil dawk kollha li għoġbuhom. 3 Imbagħad Ġeħova qal: “L-ispirtu tiegħi mhux se jittollera l-bnedmin għal dejjem, għax huma midinbin.* Għaldaqstant, se jgħixu għal 120 sena oħra.”

4 Meta Alla qal dan kien hemm in-Nefilim* fuq l-art. Dak iż-żmien, it-tfal tal-Alla l-veru komplew ikollhom x’jaqsmu mal-bniet tal-bnedmin u dawn wildulhom subien. Dawn kienu l-irġiel b’saħħithom u magħrufin taʼ żmien il-qedem.

5 U Ġeħova ra li l-ħażen tal-bniedem kien kbir fuq l-art, u l-ħsibijiet u x-xewqat taʼ qalbu kienu ħżiena l-ħin kollu. 6 U Ġeħova ddispjaċieh* li kien għamel il-bnedmin fuq l-art, u sewwed qalbu.* 7 Għalhekk, Ġeħova qal: “Se neqred minn fuq wiċċ l-art il-bnedmin li ħlaqt, mill-bniedem sal-annimali mansi, sal-ħlejjaq li jtiru fis-sema, u kull tip t’annimal* ieħor fuq l-art, għaliex jiddispjaċini li għamilthom.” 8 Imma Noè kien approvat f’għajnejn Ġeħova.

9 Din hi l-istorja taʼ Noè.

Noè kien raġel sewwa. Hu wera li kien bla nuqqas* fost in-nies taʼ żmienu.* Noè mexa mal-Alla l-veru. 10 Maż-żmien, Noè kellu tliet subien, Sem, Ħam, u Ġafet. 11 Imma l-art saret irrovinata f’għajnejn l-Alla l-veru, u kienet mimlija bil-vjolenza. 12 Iva, Alla ħares lejn l-art, u din kienet irrovinata; għaliex il-bnedmin kollha kienu qed jaġixxu ħażin ħafna fuq l-art.

13 Wara dan, Alla qal lil Noè: “Iddeċidejt li neqred il-bnedmin kollha, għaliex l-art hi mimlija vjolenza minħabba fihom, allura se neqridhom flimkien mal-art. 14 Agħmel għalik arka* mill-injam tar-raża. Trid tagħmel kmamar fl-arka u tiksiha bil-qatran* minn ġewwa u minn barra. 15 Hekk għandek tagħmilha: L-arka trid tkun 300 kubitu* twila, 50 kubitu wiesgħa, u 30 kubitu għolja. 16 Fl-arka tagħmel tieqa għad-dawl* kubitu ’l isfel mis-saqaf. L-arka trid tagħmlilha daħla fil-ġenb tagħha, u agħmilha bi tliet sulari: t’isfel, tan-nofs, u taʼ fuq.

17 “U jien se nibgħat ħafna ilmijiet fuq l-art biex neqred minn taħt is-sema kull ħaġa ħajja.* Kulma hemm fuq l-art imut. 18 U jien qed nagħmel patt miegħek, u trid tidħol fl-arka, int, it-tfal tiegħek, martek, u n-nisa tat-tfal tiegħek. 19 U daħħal fl-arka tnejn minn kull tip taʼ ħliqa ħajja sabiex iżżommhom ħajjin miegħek. Raġel u mara 20 mill-ħlejjaq li jtiru skont l-ispeċi tagħhom, mill-annimali mansi skont l-ispeċi tagħhom, u minn kull tip t’annimal* ieħor fuq l-art skont l-ispeċi tiegħu, tnejn minn kull tip jidħlu għandek biex iżżommhom ħajjin. 21 U min-naħa tiegħek, għandek tiġbor u tieħu kull xorta taʼ ikel biex iservi bħala ikel għalik u għall-annimali.”

22 U Noè għamel skont kulma kien ikkmandah Alla. Għamel preċiż hekk.

7 Imbagħad Ġeħova qal lil Noè: “Idħlu fl-arka, int u n-nies kollha taʼ darek, għax int l-iktar wieħed ġust fost din il-ġenerazzjoni. 2 Ħu miegħek sebgħa minn kull annimal nadif,* raġel u mara; u minn kull annimal mhux nadif ħu tnejn biss, raġel u mara; 3 ħu wkoll sebgħa mill-ħlejjaq li jtiru fis-sema,* raġel u mara, biex dawn jibqgħu jgħixu fuq l-art kollha. 4 Għax sebat ijiem oħra, jien se nibgħat xita fuq l-art għal 40 jum u 40 lejl, u se neqred minn fuq wiċċ l-art kull ħaġa ħajja li għamilt.” 5 Imbagħad Noè għamel kulma kien ikkmandah Ġeħova.

6 Noè kellu 600 sena meta d-dulluvju għarraq l-art. 7 Għalhekk, Noè, it-tfal tiegħu, martu, u n-nisa tat-tfal tiegħu daħlu fl-arka qabel beda d-dulluvju. 8 Minn kull annimal nadif u minn kull annimal mhux nadif u mill-ħlejjaq li jtiru u minn kull annimal* ieħor fuq l-art, 9 daħlu għand Noè fl-arka tnejn tnejn, raġel u mara, bħalma kien ikkmanda Alla lil Noè. 10 U sebat ijiem wara, l-ilmijiet tad-dulluvju niżlu fuq l-art.

11 Meta Noè kellu 600 sena, fis-17 tat-tieni xahar, l-ilmijiet kollha fis-sema nfaqgħu u nfetħu bibien is-sema. 12 U x-xita niżlet bil-qliel fuq l-art għal 40 jum u 40 lejl. 13 Dakinhar stess Noè daħal fl-arka flimkien mat-tfal tiegħu Sem, Ħam, u Ġafet, u martu u t-tliet nisa tat-tfal tiegħu. 14 Huma daħlu maʼ kull annimal salvaġġ skont l-ispeċi tiegħu, kull annimal mans skont l-ispeċi tiegħu, kull annimal* ieħor fuq l-art skont l-ispeċi tiegħu, u kull ħliqa li ttir skont l-ispeċi tagħha, jiġifieri kull għasfur u kull ħliqa bil-ġwienaħ. 15 L-annimali ħajjin* kollha baqgħu deħlin għand Noè fl-arka, tnejn tnejn. 16 B’hekk, daħlu raġel u mara minn kull tip t’annimal, bħalma kien ikkmandah Alla. Imbagħad Ġeħova għalaq il-bieb.

17 Ix-xita baqgħet nieżla* għal 40 jum fuq l-art, u l-ilmijiet baqgħu jiżdiedu u bdew iġorru l-arka u din kienet fuq wiċċ l-ilmijiet ħafna ’l fuq mill-art. 18 L-ilmijiet tqawwew u baqgħu jiżdiedu ħafna fuq l-art, imma l-arka baqgħet fuq wiċċ l-ilmijiet. 19 U tant tqawwew l-ilmijiet li għattew il-muntanji għoljin kollha tal-art. 20 L-ilmijiet għolew 15-il kubitu* ’l fuq mill-muntanji.

21 Għalhekk, il-ħlejjaq ħajjin kollha* fuq l-art mietu, jiġifieri l-ħlejjaq li jtiru, l-annimali mansi, l-annimali slavaġ, il-ħlejjaq li jgħixu fi qtajjaʼ, u l-bnedmin kollha. 22 Kull ħaġa ħajja li tieħu n-nifs* fuq l-art niexfa mietet. 23 B’hekk, Hu qered kull ħaġa minn fuq wiċċ l-art, inkluż il-bniedem, l-annimali, il-ħlejjaq li jtiru fis-sema, u l-annimali* l-oħra kollha taʼ fuq l-art. Dawn ilkoll ġew meqrudin minn fuq l-art; u baqgħu ħajjin biss Noè u dawk li kienu miegħu fl-arka. 24 U l-ilmijiet baqgħu jgħarrqu l-art għal 150 jum.

8 Imma Alla ftakar* f’Noè u fl-annimali slavaġ u mansi kollha li kienu miegħu fl-arka, u Alla ġiegħel riħ jonfoħ fuq l-art, u l-ilmijiet bdew jonqsu. 2 Bwieb is-sema ngħalqu u ma baqax nieżel ilma minn fuq. Għalhekk waqfet ix-xita bil-qliel. 3 Imbagħad l-ilmijiet bdew jonqsu minn fuq l-art. Meta għaddew 150 jum, l-ilmijiet naqsu sew. 4 Fis-17 tas-sebaʼ xahar, l-arka straħet fuq il-muntanji t’Ararat. 5 U l-ilmijiet komplew jonqsu sal-għaxar xahar. Fl-ewwel jum tal-għaxar xahar, dehru l-qċaċet tal-muntanji.

6 Allura meta għaddew 40 jum, Noè fetaħ it-tieqa li kien għamel fl-arka 7 u bagħat ċawlun. Dan baqaʼ ġej u sejjer sakemm nixfu l-ilmijiet minn fuq l-art.

8 Iktar tard, bagħat ħamiema biex jara jekk l-ilmijiet kinux battew minn fuq wiċċ l-art. 9 U l-ħamiema ma sabitx post fejn tistrieħ, u għalhekk reġgħet lura għandu fl-arka għaliex kien għad hemm l-ilmijiet fuq wiċċ l-art kollha. U ħareġ idu u daħħalha fl-arka. 10 Hu stenna sebat ijiem oħra, u għal darb’oħra bagħat il-ħamiema mill-arka. 11 Meta l-ħamiema ġiet għandu għall-ħin taʼ filgħaxija, hu ra li f’munqarha kellha werqa taż-żebbuġ li kienet għadha kif inqatgħet. B’hekk, Noè sar jaf li l-ilmijiet kienu battew minn fuq l-art. 12 Hu reġaʼ stenna sebat ijiem oħra. Imbagħad bagħat il-ħamiema, imma ma reġgħetx lura għandu.

13 Issa meta Noè kellu 601, fl-ewwel jum tal-ewwel xahar, l-ilmijiet kienu nixfu minn fuq l-art. U Noè neħħa parti mis-saqaf tal-arka u ra li l-wiċċ tal-art kien qed jinxef. 14 Fis-27 tat-tieni xahar, l-art kienet nixfet sew.

15 Alla issa qal lil Noè: 16 “Oħorġu mill-arka, int, martek, it-tfal tiegħek, u n-nisa tagħhom. 17 Oħroġ miegħek lil kull ħliqa ħajja: il-ħlejjaq li jtiru taʼ kull tip, l-annimali b’erbaʼ saqajn taʼ kull tip, u annimali oħra sabiex ikunu jistgħu jiżdiedu fuq l-art u jkollhom iż-żgħar u jsiru ħafna.”

18 U Noè ħareġ flimkien mat-tfal tiegħu, martu, u n-nisa tat-tfal tiegħu. 19 Kull ħliqa ħajja, kull ħliqa li ttir u kull annimal* ieħor li jgħix fuq l-art, kull ħaġa li tiċċaqlaq fuq l-art ħarġet mill-arka skont l-ispeċi tagħha. 20 Imbagħad Noè bena artal lil Ġeħova u ħa ftit mill-annimali nodfa kollha u mill-ħlejjaq nodfa kollha li jtiru u offra offerti tal-ħruq fuq l-artal. 21 U Ġeħova beda jxomm riħa pjaċevoli.* Għalhekk Ġeħova qal f’qalbu: “Qatt iktar ma nerġaʼ nisħet l-art minħabba l-bniedem, għax qalb il-bniedem miġbuda għall-ħażen sa minn ċkunitu. Qatt iktar ma nerġaʼ noqtol lil kull ħaġa ħajja bħalma għamilt. 22 Mil-lum ’il quddiem, l-art dejjem se jkollha staġun taż-żrigħ u staġun tal-ħsad, bard u sħana, sajf u xitwa, jum u lejl.”

9 Alla bierek lil Noè u lit-tfal tiegħu u qalilhom: “Ħa jkollkom it-tfal u siru ħafna u imlew l-art. 2 Il-ħlejjaq ħajjin kollha tal-art, il-ħlejjaq kollha li jtiru fis-sema, kulma jiċċaqlaq fuq l-art, u l-ħut kollu tal-baħar se jkomplu jibżgħu u jitwerwru minnkom. F’idejkom inħallihom.* 3 Kull annimal ħaj li jiċċaqlaq tistgħu tikluh. Bħalma tajtkom il-ħaxix aħdar, nagħtikom dawn ukoll. 4 Imma la tiklux laħam bil-ħajja* fih, jiġifieri b’demmu. 5 Minbarra dan, jien se nikkastiga lil kull min ixerred id-demm tagħkom, li hu ħajjitkom. Jekk joqtolkom xi annimal, dan għandu jinqatel. U kull min joqtol lil ħuh, jien se nikkastigah. 6 Kull min joqtol lil xi ħadd,* jiġi maqtul, għax Alla għamel lill-bniedem fuq ix-xbieha tiegħu. 7 U Alla żied: Ħa jkollkom it-tfal u siru ħafna, u imlew l-art.”

8 Imbagħad Alla qal lil Noè u lit-tfal tiegħu: 9 “Jien qed nagħmel il-patt tiegħi magħkom u ma’ dawk li se jiġu minnkom, 10 u maʼ kull ħliqa ħajja li ħarġet magħkom mill-arka, jiġifieri l-għasafar, l-annimali, u l-ħlejjaq ħajjin kollha tal-art, kull ħliqa ħajja tal-art. 11 Iva, nagħmel il-patt tiegħi magħkom: Qatt iktar ma jinqerdu l-bnedmin u l-annimali kollha* bl-ilmijiet taʼ xi dulluvju, u qatt iktar ma jseħħ dulluvju biex l-art issir ħerba.”

12 U Alla żied: “Dan hu s-sinjal tal-patt li qed nagħmel bejni u bejnkom u bejn kull ħliqa ħajja li qiegħda magħkom, għall-ġenerazzjonijiet kollha tal-futur. 13 Inqiegħed il-qawsalla tiegħi fis-sħab, u sservi bħala sinjal tal-patt bejni u bejn l-art. 14 Kull darba li nġib is-sħab fuq l-art, il-qawsalla żgur li tidher fis-sħab. 15 U jien żgur li niftakar fil-patt tiegħi li għamilt bejni u bejnkom u bejn kull ħliqa ħajja taʼ kull tip;* u l-ilmijiet qatt iktar mhu se jsiru dulluvju biex jeqirdu l-bnedmin u l-annimali kollha. 16 U meta l-qawsalla tidher fis-sħab, jien żgur naraha u niftakar fil-patt għal dejjem bejni u bejn kull bniedem u annimal* fuq l-art.”

17 Alla reġaʼ qal lil Noè: “Dan hu s-sinjal tal-patt li qed nagħmel bejni u bejn il-bnedmin u l-annimali kollha li hemm fuq l-art.”

18 It-tfal taʼ Noè li ħarġu mill-arka kienu Sem, Ħam, u Ġafet. Iktar tard, Ħam kellu lil Kangħan. 19 Dawn it-tlieta kienu t-tfal taʼ Noè, u minnhom ġiet il-popolazzjoni li nfirxet mal-art kollha.

20 Issa Noè beda jaħdem l-art u ħawwel għalqa bid-dwieli. 21 Meta xorob mill-inbid, hu siker u mtedd għarwien fit-tinda tiegħu. 22 Ħam, missier Kangħan, ra lil missieru għarwien* u qal liż-żewġ ħutu li kienu barra. 23 Għalhekk, Sem u Ġafet ħadu libsa u qegħduha fuq spallejhom u daħlu jimxu b’lura. B’hekk, għattew lil missierhom waqt li wiċċhom kien imdawwar in-naħa l-oħra, u ma rawx lil missierhom għarwien.

24 Meta Noè ġie f’sensih mill-inbid li xorob u qam u sar jaf x’kien għamillu ibnu ż-żgħir, 25 qal:

“Misħut ikun Kangħan.

Ħa jsir l-ilsir tal-ilsiera taʼ ħutu.”

26 U żied jgħid:

“Ħa jkun imfaħħar Ġeħova, l-Alla taʼ Sem,

U ħa jsir Kangħan ilsir tiegħu.

27 Ħa jagħti Alla ħafna artijiet lil Ġafet,

U ħa jgħix fit-tined taʼ Sem.

Ħa jsir Kangħan ilsir tiegħu wkoll.”

28 Noè għex 350 sena oħra wara d-Dulluvju. 29 Mela b’kollox Noè għex 950 sena, u miet.

10 Din hi l-istorja taʼ Sem, Ħam, u Ġafet, it-tfal taʼ Noè.

Wara d-Dulluvju beda jkollhom it-tfal. 2 It-tfal ta’ Ġafet kienu Gomer, Magog, Madaj, Ġawan, Tubal, Mesek, u Tiras.

3 It-tfal taʼ Gomer kienu Askenaż, Rifat, u Togarma.

4 It-tfal taʼ Ġawan kienu Elisa, Tarsis, Kittim, u Dodanim.

5 Xi wħud mill-familja tagħhom inxterdu fil-gżejjer u ssetiljaw fil-pajjiżi tagħhom skont il-lingwi, il-familji, u l-popli tagħhom.

6 It-tfal taʼ Ħam kienu Kus, Misrajm, Put, u Kangħan.

7 It-tfal taʼ Kus kienu Seba, Ħawila, Sabta, Ragħma, u Sabteka.

It-tfal taʼ Ragħma kienu Xeba u Dedan.

8 Kus kellu lil Nimrod. Hu kien l-ewwel mexxej b’saħħtu* fuq l-art. 9 Hu sar kaċċatur b’saħħtu kontra Ġeħova. Huwa għalhekk li hemm qawl jgħid: “Bħal Nimrod, kaċċatur b’saħħtu kontra Ġeħova.” 10 L-ewwel bliet li mexxa fuqhom kienu Babel, Erek, Akkad, u Kalne. Dawn kienu fl-art tas-Sinar. 11 Minn din l-art mar l-Assirja u bena Ninwe, Reħobot-Ir, Kalaħ, 12 u Resen, bejn Ninwe u Kalaħ: Din hi l-belt il-kbira.*

13 Misrajm kellu lil Ludim, Għanamim, Leħabim, Naftuħim, 14 Patrusim, Kasluħim (li minnu ħarġu l-Filistin), u Kaftorim.

15 Kangħan kellu lil Sidon, l-ewwel imwieled tiegħu, u lil Ħet, 16 kif ukoll lill-Ġebusin, lill-Amurrin, lill-Girgasin, 17 lill-Ħiwwin, lill-Għarkin, lis-Sinin, 18 lill-Arwadin, lis-Semarin, u lill-Ħamatin. Imbagħad il-familji tal-Kangħanin inxterdu. 19 Għalhekk, il-fruntiera tal-Kangħanin kienet minn Sidon sa Gerar, ħdejn Gaża, u sa Sodoma, Gomorra, Adma, u Sebojim, ħdejn Lasa. 20 Dawn kienu t-tfal taʼ Ħam skont il-familji, il-lingwi, il-pajjiżi, u l-popli tagħhom.

21 Anki lil Sem, ħu Ġafet il-kbir,* twildulu t-tfal. Hu missier it-tfal kollha t’Għeber. 22 It-tfal taʼ Sem kienu Għelam, Assur, Arfaksad, Lud, u Aram.

23 It-tfal taʼ Aram kienu Uż, Ħul, Geter, u Mas.

24 Arfaksad kellu lil Selaħ, u Selaħ kellu lil Għeber.

25 Għeber kellu żewġ subien. Wieħed kien jismu Peleg,* għax fi żmienu l-art* inqasmet, u l-ieħor kien jismu Ġoktan.

26 Ġoktan kellu lil Almodad, Selef, Ħasarmawet, Ġeraħ, 27 Ħadoram, Użal, Dikla, 28 Għobal, Abimagħel, Xeba, 29 Ofir, Ħawila, u Ġobab. Dawn kollha kienu t-tfal taʼ Ġoktan.

30 Il-post fejn kienu jgħixu kien minn Mesa sa Sefar, ir-reġjun muntanjuż tal-Lvant.

31 Dawn kienu t-tfal taʼ Sem skont il-familji, il-lingwi, il-pajjiżi, u l-popli tagħhom.

32 Dawn kienu l-familji tat-tfal taʼ Noè skont id-dixxendenza tal-familja tagħhom u l-popli tagħhom. Minn dawn inxterdu l-popli fuq l-art wara d-Dulluvju.

11 Issa l-art kollha kellha lingwa waħda u ġabra waħda taʼ kliem.* 2 Meta n-nies telqu lejn il-Lvant skoprew pjanura fl-art tas-Sinar, u bdew jgħixu hemmhekk. 3 U qalu lil xulxin: “Ejja nagħmlu l-briks u nsajruh fin-nar.” Għalhekk użaw il-briks minflok il-ġebel, u l-qatran minflok it-tajn. 4 Imbagħad qalu: “Ejja nibnu belt għalina u torri bil-quċċata tiegħu fis-sema, u ejja nagħmlu isem għalina, biex ma ninxterdux fuq wiċċ l-art kollha.”

5 U Ġeħova dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn* il-belt u t-torri li kienu bnew il-bnedmin. 6 Imbagħad Ġeħova qal: “Huma poplu wieħed b’lingwa waħda, u dan għadu l-bidu taʼ xogħolhom. Issa m’hemm xejn li jżommhom lura milli jagħmlu kulma jiġi f’moħħhom. 7 Ejja mmorru nħawdulhom il-lingwa tagħhom biex ma jkunux jistgħu jifhmu l-lingwa taʼ xulxin.” 8 Għalhekk, Ġeħova xerridhom minn hemmhekk għal fuq wiċċ l-art kollha, u bil-mod il-mod ma baqgħux jibnu l-belt. 9 Huwa għalhekk li din il-belt issemmiet Babel,* għaliex hemmhekk Ġeħova ħawwad il-lingwa tal-art kollha, u Ġeħova xerridhom minn hemmhekk għal fuq wiċċ l-art kollha.

10 Din hi l-istorja taʼ Sem.

Sem kellu 100 sena meta kellu lil Arfaksad, sentejn wara d-Dulluvju. 11 Wara li kellu lil Arfaksad, Sem għex 500 sena oħra. U hu kellu subien u bniet.

12 Arfaksad għex 35 sena u mbagħad kellu lil Selaħ. 13 Wara li kellu lil Selaħ, Arfaksad għex 403 snin oħra. U hu kellu subien u bniet.

14 Selaħ għex 30 sena u mbagħad kellu lil Għeber. 15 Wara li kellu lil Għeber, Selaħ għex 403 snin oħra. U hu kellu subien u bniet.

16 Għeber għex 34 sena u mbagħad kellu lil Peleg. 17 Wara li kellu lil Peleg, Għeber għex 430 sena oħra. U hu kellu subien u bniet.

18 Peleg għex 30 sena u mbagħad kellu lil Regħu. 19 Wara li kellu lil Regħu, Peleg għex 209 snin oħra. U hu kellu subien u bniet.

20 Regħu għex 32 sena u mbagħad kellu lil Serug. 21 Wara li kellu lil Serug, Regħu għex 207 snin oħra. U hu kellu subien u bniet.

22 Serug għex 30 sena u mbagħad kellu lil Naħor. 23 Wara li kellu lil Naħor, Serug għex 200 sena oħra. U hu kellu subien u bniet.

24 Naħor għex 29 sena u mbagħad kellu lil Teraħ. 25 Wara li kellu lil Teraħ, Naħor għex 119-il sena oħra. U hu kellu subien u bniet.

26 Teraħ għex 70 sena u mbagħad kellu lil Abram, lil Naħor, u lil Ħaran.

27 Din hi l-istorja taʼ Teraħ.

Teraħ kellu lil Abram, lil Naħor, u lil Ħaran; u Ħaran kellu lil Lot. 28 Waqt li missieru Teraħ kien għadu ħaj, Ħaran miet f’art twelidu, f’Ur tal-Kaldin. 29 Abram u Naħor iżżewġu: mart Abram kien jisimha Saraj, u mart Naħor kien jisimha Milka. Milka kienet it-tifla taʼ Ħaran u oħtha kienet Iska. 30 Issa Saraj baqgħet bla tfal; hi ma setax ikollha.

31 Imbagħad Teraħ ħa lil ibnu Abram, lil neputih Lot bin Ħaran, u lil Saraj mart Abram, u ħarġu minn Ur tal-Kaldin biex imorru fl-art taʼ Kangħan. Wara xi żmien, waslu Ħaran u bdew jgħixu hemmhekk. 32 Teraħ għex 205 snin. Imbagħad Teraħ miet f’Ħaran.

12 U Ġeħova qal lil Abram: “Itlaq minn artek, minn ħdejn qrabatek, u minn dar missierek, u mur fl-art li se nurik. 2 Jien nagħmlek poplu kbir, u nbierkek, u nagħmel ismek kbir, u int tkun barka għal oħrajn. 3 Jien inbierek lil min ibierkek, u nisħet lil min jisħtek, u l-familji kollha tal-art żgur li se jitbierku* permezz tiegħek.”

4 Għalhekk, Abram telaq bħalma kien qallu Ġeħova, u Lot mar miegħu. Abram kellu 75 sena meta telaq minn Ħaran. 5 Abram ħa lil martu Saraj, lil Lot bin ħuh, il-ġid kollu li kellhom, u l-qaddejja* li kienu kisbu f’Ħaran, u telqu lejn l-art taʼ Kangħan. Meta waslu fl-art taʼ Kangħan, 6 Abram qasam il-pajjiż kollu u wasal sal-post imsemmi Sikem, ħdejn is-siġar il-kbar taʼ More. F’dak iż-żmien, kien hemm il-Kangħanin fil-pajjiż. 7 Imbagħad Ġeħova deher lil Abram u qallu: “Din l-art se nagħtiha lid-dixxendenti tiegħek.”* Allura hemmhekk bena artal lil Ġeħova, li kien deherlu. 8 Iktar tard, telaq minn hemmhekk biex imur fir-reġjun muntanjuż lejn il-Lvant taʼ Betel u rama t-tinda tiegħu bejn Betel fil-Punent u Għaj fil-Lvant. Hemmhekk bena artal lil Ġeħova u beda jqim lil Ġeħova u juża ismu. 9 Wara, Abram żarma l-kampijiet u telaq lejn in-Negeb, u kkampja f’post wara l-ieħor fi triqtu.

10 U waqaʼ l-ġuħ fil-pajjiż, u Abram niżel l-Eġittu biex joqgħod hemmhekk għal xi żmien,* għaliex kien hemm ġuħ kbir fil-pajjiż. 11 Hekk kif kien se jidħol l-Eġittu, hu qal lil martu Saraj: “Jekk jogħġbok ismagħni! Jien naf kemm int mara sabiħa. 12 U meta jarawk l-Eġizzjani, żgur li se jgħidu, ‘Din martu.’ Imbagħad lili joqtluni imma lilek iħalluk ħajja. 13 Jekk jogħġbok għid li int oħti, sabiex ma jiġrili xejn minħabba fik, u nibqaʼ ħaj.”

14 U malli Abram daħal l-Eġittu, l-Eġizzjani nnotaw li l-mara kienet sabiħa ħafna. 15 U anki l-uffiċjali tal-Fargħun rawha, u bdew ifaħħruha quddiem il-Fargħun, u b’hekk ħaduha fil-palazz tal-Fargħun. 16 Lil Abram ittrattah tajjeb minħabba fiha, u kiseb nagħaġ, baqar, ħmir, qaddejja rġiel u nisa, u iġmla. 17 Imbagħad Ġeħova bagħat kastigi ħorox fuq il-Fargħun u n-nies taʼ daru minħabba Saraj, mart Abram. 18 Minħabba f’hekk, il-Fargħun għajjat lil Abram u qallu: “X’għamiltli? Għala m’għedtlix li kienet martek? 19 Għala għedtli li hi oħtok? Jien għal naqra ma ħadthiex b’marti. Hawn hi martek. Ħudha u itlaq!” 20 B’hekk, il-Fargħun ta kmand lill-irġiel tiegħu u dawn wasslu lil Abram, lil martu, u kulma kellu barra l-pajjiż.

13 Abram imbagħad telaʼ mill-Eġittu lejn in-Negeb, hu, martu, u kulma kellu, flimkien maʼ Lot. 2 Abram kellu ħafna mrieħel, fidda, u deheb. 3 Hu kkampja f’post wara l-ieħor hekk kif ivvjaġġa minn Negeb lejn Betel, sakemm wasal fil-post fejn qabel kellu t-tinda bejn Betel u Għaj, 4 fil-post fejn qabel kien bena l-artal. Hemmhekk Abram qiem lil Ġeħova u uża ismu.

5 Issa Lot, li kien qed jivvjaġġa m’Abram, ukoll kellu n-nagħaġ, il-baqar, u t-tined. 6 L-art fejn kienu qed joqogħdu ma kinitx kbira biżżejjed għall-annimali kollha tagħhom, u għalhekk ma setgħux jibqgħu jgħixu flimkien. 7 Minħabba f’hekk, ir-ragħajja tal-imrieħel t’Abram u r-ragħajja tal-imrieħel taʼ Lot kellhom xi jgħidu. (F’dak iż-żmien, il-Kangħanin u l-Pereżin kienu qed jgħixu fil-pajjiż.) 8 Allura Abram qal lil Lot: “Jekk jogħġbok, m’għandu jkun hemm ebda argument bejni u bejnek u bejn ir-ragħajja tiegħi u r-ragħajja tiegħek, għax aħna aħwa. 9 Int tistaʼ tagħżel li tgħix fejn trid f’din l-art. Jekk jogħġbok, infired minni. Jekk tmur lejn ix-xellug, jien immur lejn il-lemin; imma jekk tmur lejn il-lemin, jien immur lejn ix-xellug.” 10 Għalhekk, Lot ħares madwaru u ra li d-distrett kollu tal-Ġordan sa Sogħar kien reġjun imsoqqi tajjeb (qabel ma Ġeħova qered lil Sodoma u Gomorra), bħall-ġnien taʼ Ġeħova u bħall-art tal-Eġittu. 11 Imbagħad Lot għażel għalih id-distrett kollu tal-Ġordan, u żarma l-kampijiet u mar lejn il-Lvant. Għalhekk, infirdu minn xulxin. 12 Abram għex fl-art taʼ Kangħan, imma Lot għex qalb il-bliet tad-distrett. Fl-aħħar, hu rama t-tinda qrib Sodoma. 13 U n-nies taʼ Sodoma kienu ħżiena u kienu jidinbu ħafna kontra Ġeħova.

14 Wara li Lot infired minn Abram, Ġeħova qal lil Abram: “Jekk jogħġbok, ħares madwarek minn fejn qiegħed lejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, u lejn il-Lvant u l-Punent, 15 għax l-art kollha li qed tara, jien se nagħtiha lilek u lid-dixxendenti tiegħek* u tkun tagħkom għal dejjem. 16 U lid-dixxendenti tiegħek* nagħmilhom daqs it-trab tal-art. Jekk xi ħadd ikun jistaʼ jgħodd it-trab tal-art, mela jkun jistaʼ jgħoddhom. 17 Qum, aqsam l-art mit-tul u l-wisaʼ tagħha, għax jien lilek se nagħtiha.” 18 Għalhekk, Abram kompla jgħix fit-tined. Iktar tard, mar u beda jgħix qalb is-siġar il-kbar taʼ Mamre, li hemm f’Ħebron, u hemmhekk bena artal lil Ġeħova.

14 F’dak iż-żmien, Amrafel kien re tas-Sinar, Arjok kien re t’Ellasar, Kedorlagħomer kien re t’Għelam, u Tidgħal kien re taʼ Gojjim. 2 Dawn għamlu gwerra kontra Bera re taʼ Sodoma, Birsa re taʼ Gomorra, Sinab re t’Adma, Semeber re taʼ Sebojim, u r-re taʼ Bela, li hi Sogħar. 3 Dawn kollha ngħaqdu flimkien fil-Wied* taʼ Siddim, jiġifieri l-Baħar il-Mielaħ.*

4 Huma qdew lil Kedorlagħomer 12-il sena, imma fit-13-il sena rribellaw. 5 Għalhekk, fl-14-il sena, Kedorlagħomer u r-rejiet li kienu miegħu marru u għelbu lir-Refajin f’Għasterot-karnajm, liż-Żużin f’Ħam, lill-Emin f’Sawe-kirjatajm, 6 u lill-Ħorin fuq il-muntanja tagħhom tas-Segħir sa El-faran, li hemm fid-deżert. 7 Imbagħad daru lura u marru Għajn-misfat, jiġifieri Kades, u għelbu t-territorju kollu tal-Għamalekin u wkoll lill-Amurrin li kienu qed jgħixu f’Ħasason-tamar.

8 Ir-re taʼ Sodoma, ir-re taʼ Gomorra, ir-re t’Adma, ir-re taʼ Sebojim, u r-re taʼ Bela, li hi Sogħar, ħarġu jimmarċjaw u tqassmu għall-battalja fil-Wied* taʼ Siddim 9 kontra Kedorlagħomer re t’Għelam, Tidgħal re taʼ Gojjim, Amrafel re tas-Sinar, u Arjok re t’Ellasar. Erbaʼ rejiet kontra ħamsa. 10 U l-Wied* taʼ Siddim kien mimli ħofor bil-qatran, u r-rejiet taʼ Sodoma u Gomorra pprovaw jaħarbu u waqgħu fihom, u dawk li kien fadal ħarbu lejn il-muntanji. 11 Imbagħad ir-rebbieħa ħadu l-ġid kollu taʼ Sodoma u Gomorra u l-ikel kollu tagħhom, u telqu. 12 Ħadu wkoll lil Lot, bin ħu Abram li kien joqgħod Sodoma, kif ukoll il-ġid tiegħu, u baqgħu sejrin.

13 Wara dan, ġie raġel li kien ħarab u ta l-aħbar lil Abram, il-Lhudi.* F’dak iż-żmien, kien jgħix* qalb is-siġar il-kbar taʼ Mamre l-Amurri, ħu Eskol u Għaner. Dawn l-irġiel kienu f’patt m’Abram biex jgħinu lil xulxin. 14 Malli Abram semaʼ li l-qarib tiegħu* kien ittieħed ilsir, ġabar lill-irġiel tiegħu ttrennjati għall-ġlied, 318-il ilsir imweldin f’daru, u ħareġ għal warajhom sa Dan. 15 Matul il-lejl, qassam l-irġiel tiegħu, u hu u l-ilsiera tiegħu attakkawhom u għelbuhom. U hu baqaʼ jiġri warajhom sa Ħoba, li hi fit-Tramuntana taʼ Damasku. 16 U ħa lura l-ġid kollu, u ħa lura wkoll lill-qarib tiegħu Lot, il-ġid tiegħu, in-nisa, u n-nies l-oħrajn.

17 Wara li Abram ġie lura mir-rebħa li kellu fuq Kedorlagħomer u r-rejiet li kienu miegħu, ir-re taʼ Sodoma ħareġ jiltaqaʼ m’Abram fil-Wied* taʼ Sawe, jiġifieri l-Wied tar-Re. 18 U Melkisedek, re taʼ Salem u qassis tal-Alla l-Iktar Għoli, ta lil Abram ħobż u nbid.

19 Imbagħad bierku u qal:

“Ħa jkun imbierek Abram mill-Alla l-Iktar Għoli,

Dak li Għamel is-sema u l-art.

20 U ħa jkun imfaħħar l-Alla l-Iktar Għoli,

Li reħa f’idejk lil dawk li jaħqruk!”

U Abram tah għaxra fil-100 minn kollox.

21 Imbagħad ir-re taʼ Sodoma qal lil Abram: “Agħtini n-nies,* imma l-ġid żommu għalik.” 22 Imma Abram qal lir-re taʼ Sodoma: “Naħlef* quddiem Ġeħova l-Alla l-Iktar Għoli, Dak li Għamel is-sema u l-art, 23 li ma nieħu xejn minn dak li hu tiegħek, la ħajta u lanqas qafla taʼ sandli, li ma tmurx tgħid, ‘Kont jien li lil Abram għamiltu sinjur.’ 24 Mhu se nieħu xejn ħlief dak li diġà kielu l-irġiel żgħażagħ. Imma ħa jieħdu sehemhom l-irġiel li ġew miegħi: Għaner, Eskol, u Mamre.”

15 Wara dan, Ġeħova kellem lil Abram f’dehra u qallu: “Tibżax, Abram. Jien tarka għalik. Il-premju tiegħek ikun kbir ħafna.” 2 Abram wieġeb: “Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,* x’se tagħtini ladarba jien għad m’għandix tfal u dak li se jiret lil dari hu Eligħeżer, raġel minn Damasku?” 3 Abram żied: “Int ma tajtni ebda dixxendent, u b’hekk qaddej* minn dari se jiritni.” 4 Imma Ġeħova wieġbu: “Dan ir-raġel mhux se jirtek, imma ibnek* stess għad jirtek.”

5 Hu ħarġu barra u qallu: “Jekk jogħġbok, ħares ’il fuq lejn is-sema u għodd l-istilel, jekk kapaċi tagħmel dan.” Imbagħad qallu: “Hekk għad ikunu d-dixxendenti tiegħek.”* 6 Abram fada* f’Ġeħova, u Hu kkunsidrah ġust.* 7 Imbagħad żied: “Jien Ġeħova, li ħriġtek minn Ur tal-Kaldin biex nagħtik din l-art ħalli tkun tiegħek.” 8 Għal dan staqsieh: “Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, kif se nkun naf li din se tkun tiegħi?” 9 Hu wieġbu: “Ħu baqra* taʼ tliet snin, mogħża taʼ tliet snin, muntun taʼ tliet snin, gamiema, u beċċun.” 10 Għalhekk, hu ħa dawn kollha u qasamhom fi tnejn u poġġa kull parti faċċata tal-oħra,* imma l-għasafar ma qasamhomx. 11 Imbagħad l-għasafar tal-priża bdew jinżlu fuq l-iġsma tal-annimali mejtin, imma Abram qagħad ikeċċihom.

12 Meta x-xemx kienet waslet biex tinżel, ngħas kbir waqaʼ fuq Abram u waqgħet fuqu dalma kbira u tal-biżaʼ. 13 Imbagħad Alla qal lil Abram: “Kun af fiż-żgur li d-dixxendenti tiegħek* se jkunu barranin f’art li mhix tagħhom u li n-nies t’hemm jagħmluhom ilsiera u jaħqruhom għal 400 sena. 14 Imma jien se niġġudika lill-poplu li se jaqdu. Wara, id-dixxendenti tiegħek* joħorġu minn hemm b’ġid kbir. 15 Inkwantu għalik, int se tindifen bħal missirijietek wara li tkun għext ħajja twila u sodisfaċenti. 16 Imma fir-rabaʼ ġenerazzjoni, jerġgħu lura hawnhekk, għaliex għadu ma wasalx iż-żmien biex l-Amurrin jiġu kkastigati għall-iżbalji tagħhom.”

17 Meta x-xemx niżlet u dalam sew, deher forn idaħħan, u torċa taqbad għaddiet bejn il-biċċiet tal-laħam. 18 Dakinhar Ġeħova għamel patt m’Abram u qallu: “Din l-art se nagħtiha lid-dixxendenti tiegħek,* mix-xmara tal-Eġittu sax-xmara l-kbira, ix-Xmara Ewfrat: 19 l-art tal-Kenin, tal-Keneżin, tal-Kadmunin, 20 tal-Ħittin, tal-Pereżin, tar-Refajin, 21 tal-Amurrin, tal-Kangħanin, tal-Girgasin, u tal-Ġebusin.”

16 Saraj il-mara t’Abram ma kellhiex tfal, imma kellha qaddejja Eġizzjana jisimha Ħagar. 2 Għalhekk, Saraj qalet lil Abram: “Ismagħni jekk jogħġbok! Ġeħova ma ħallinix ikolli t-tfal. Jekk jogħġbok, ħa jkollok x’taqsam mal-qaddejja tiegħi. Forsi jkolli t-tfal permezz tagħha.” Għalhekk, Abram semaʼ minnha. 3 Abram kien ilu għaxar snin fl-art taʼ Kangħan meta l-mara tiegħu Saraj tatu lill-qaddejja tagħha Ħagar bħala martu. 4 Għalhekk kellu x’jaqsam maʼ Ħagar u ħarġet tqila. Meta ndunat li kienet tqila, hi bdiet tmaqdar lil Saraj.

5 Minħabba f’hekk, Saraj qalet lil Abram: “Tort tiegħek li qed inbati. Jien kont li tajtek il-qaddejja tiegħi,* imma meta ndunat li kienet tqila, bdiet tmaqdarni. Ħa jiġġudika Ġeħova bejni u bejnek.” 6 Għalhekk, Abram qal lil Saraj: “Ladarba hi l-qaddejja tiegħek, agħmlilha dak li taħseb li hu l-aħjar.” Imbagħad Saraj umiljatha, u Ħagar ħarbet ’il bogħod minnha.

7 Iktar tard, anġlu taʼ Ġeħova sabha ħdejn għajn tal-ilma fid-deżert, l-għajn li hemm fit-triq li tagħti għal Sur. 8 Hu qalilha: “Ħagar, qaddejja taʼ Saraj, minn fejn ġejja u fejn sejra?” Hi wieġbet: “Qed naħrab minn Saraj.” 9 Imbagħad l-anġlu taʼ Ġeħova qalilha: “Mur lura għandha u aqdiha.” 10 Imbagħad l-anġlu taʼ Ġeħova qalilha: “Se nagħtik ħafna u ħafna dixxendenti,* tant li ħadd ma jkun jistaʼ jgħoddhom.” 11 L-anġlu taʼ Ġeħova żied: “Int se jkollok tifel, u għandek issemmih Ismagħel,* għax Ġeħova nnota* li int qed tbati. 12 Hu se jsir bla kontroll bħal ħmar salvaġġ.* Hu se jiġġieled kontra kulħadd, u kulħadd se jiġġieled kontrih, u hu se jgħix ħdejn ħutu kollha.”*

13 Imbagħad hi faħħret* isem Ġeħova, li kien qed ikellimha, u qalet: “Int Alla li jara,” u żiedet tgħid: “Jien rajt il-wieħed li jarani!” 14 Kien għalhekk li dan il-bir issemma Bir-laħaj-roj.* (Dan qiegħed bejn Kades u Bered.) 15 Ħagar welldet iben lil Abram, u Abram semmieh Ismagħel. 16 Abram kellu 86 sena meta Ħagar kellha lil Ismagħel.

17 Meta Abram kellu 99 sena, Ġeħova deherlu u qallu: “Jien l-Alla li Jistaʼ Kollox. Imxi quddiemi u uri li int bla ħtija.* 2 Jien nagħmel il-patt tiegħi bejni u bejnek, u jien inkabbrek fuq li nkabbrek.”

3 Xħin semaʼ dan, Abram inxteħet wiċċu fl-art, u Alla kompla jkellmu u jgħidlu: 4 “Il-patt tiegħi hu miegħek, u int żgur issir missier taʼ ħafna popli. 5 Ismek ma jkunx iktar Abram;* ismek isir Abraham,* għax se nagħmlek missier taʼ ħafna popli. 6 Jien se nagħtik ħafna u ħafna tfal, u minnek joħorġu popli u rejiet.

7 “U nżomm il-patt tiegħi bejni u bejnek u bejn id-dixxendenti tiegħek* minn ġenerazzjoni għal oħra. Dan ikun patt għal dejjem biex inkun Alla għalik u għad-dixxendenti tiegħek.* 8 U nagħti lilek u lid-dixxendenti tiegħek* l-art fejn int qed tgħix bħala barrani, l-art kollha taʼ Kangħan, għal żmien twil, u jien inkun l-Alla tagħhom.”

9 Alla kompla jgħid lil Abraham: “Inkwantu għalik, int trid iżżomm il-patt tiegħi, int u d-dixxendenti tiegħek* minn ġenerazzjoni għal oħra. 10 Dan hu l-patt tiegħi bejni u bejnek, sabiex int u d-dixxendenti tiegħek* iżżommuh: Kull raġel u tifel fostkom irid jiġi ċirkonċiż. 11 Iċ-ċirkonċiżjoni għandha sservi bħala sinjal tal-patt bejni u bejnkom. 12 Minn ġenerazzjoni għal oħra, kull tifel li jitwieled fid-dar tiegħek għandu jiġi ċirkonċiż meta jkollu tmint ijiem. U jrid jiġi ċirkonċiż ukoll kull raġel u tifel li nxtara bil-flus mingħand barrani u li mhux mid-dixxendenti tiegħek.* 13 Kull raġel li jitwieled f’darek u kull raġel li jinxtara bi flusek għandu jiġi ċirkonċiż, u l-patt tiegħi f’laħamkom irid iservi bħala patt għal żmien twil. 14 U kull raġel u tifel li ma jkunx ċirkonċiż u li ma jagħmilx iċ-ċirkonċiżjoni, irid jiġi maqtul,* għax ikun kiser il-patt tiegħi.”

15 Imbagħad Alla qal lil Abraham: “U lil martek Saraj m’għandekx tgħajtilha Saraj,* għaliex Sara* jsir isimha. 16 Jien inberikha u wkoll nagħtik iben minnha; inberikha u hi ssir omm taʼ ħafna popli u rejiet.” 17 Għal dan Abraham inxteħet wiċċu fl-art, u beda jidħaq u jgħid f’qalbu: “Raġel taʼ 100 sena se titwilidlu tarbija, u Sara, mara taʼ 90 sena, se twelled?”

18 Allura Abraham qal lill-Alla l-veru: “Jalla jgħix Ismagħel quddiemek!” 19 U Alla qallu: “Martek Sara żgur li tilidlek iben, u għandek issemmih Iżakk.* U jien nikkonferma l-patt tiegħi miegħu. Dan se jkun patt għal dejjem mad-dixxendenti tiegħu.* 20 Imma dak li għedt dwar Ismagħel, smajtu. Jien inbierku u jkollu ħafna tfal u nkabbru fuq li nkabbru. Minnu se joħorġu 12-il kap taʼ tribù, u se nagħmlu poplu kbir. 21 Madankollu, jien se nikkonferma l-patt tiegħi maʼ Iżakk, li se tilidlek Sara bħal dan iż-żmien sena.”

22 Meta Alla qal dan il-kliem lil Abraham, telaq minn ħdejh. 23 Abraham imbagħad ħa lil ibnu Ismagħel, lill-irġiel kollha li twieldu f’daru, u lil kull min kien xtara bil-flus, jiġifieri lil kull raġel u tifel fid-dar tiegħu, u għamlilhom iċ-ċirkonċiżjoni dakinhar stess, bħalma kien qallu Alla. 24 Abraham kellu 99 sena meta saritlu ċ-ċirkonċiżjoni. 25 U ibnu Ismagħel kellu 13-il sena meta saritlu ċ-ċirkonċiżjoni. 26 Dakinhar stess, ġie ċirkonċiż Abraham u ibnu Ismagħel ukoll. 27 L-irġiel kollha taʼ daru, kull min twieled fid-dar u kull min inxtara bil-flus mingħand xi barrani, ġew ċirkonċiżi miegħu wkoll.

18 Wara dan, Ġeħova deherlu qalb is-siġar il-kbar taʼ Mamre waqt li kien bilqiegħda fid-daħla tat-tinda fl-eqqel tas-sħana tal-jum. 2 Hu ħares u ra tlett irġiel weqfin ftit ’il bogħod minnu. Meta rahom, telaq jiġri mid-daħla tat-tinda biex jiltaqaʼ magħhom, u miel sal-art. 3 Imbagħad qal: “Jekk jogħġbok Ġeħova, jekk jien approvat f’għajnejk, tibqax għaddej minn quddiemi. 4 Ħa nġibu ftit ilma biex taħslu saqajkom. Imbagħad strieħu taħt is-siġra. 5 U ladarba ġejtu għand il-qaddej tagħkom, ħa nġib biċċa ħobż ħalli ssostnu ruħkom.* Imbagħad tistgħu tibqgħu sejrin fi triqitkom.” Għal dan qalulu: “Kollox sew. Tistaʼ tagħmel kif għedt.”

6 Għalhekk, Abraham telaq bl-għaġla lejn it-tinda għand Sara u qalilha: “Fittex lesti tliet seat* dqiq fin, agħġen l-għaġina, u agħmel il-ħobż.” 7 Imbagħad Abraham mar jiġri lejn il-merħla u għażel barri żgħir* b’laħam tari u tajjeb. Hu tah lill-qaddej, u dan mar jgħaġġel biex ilestih. 8 Imbagħad ħa l-butir, il-ħalib, u l-barri ż-żgħir* li kien lesta u qiegħed l-ikel quddiemhom. Hu qagħad bilwieqfa ħdejhom taħt is-siġra huma u jieklu.

9 Huma staqsewh: “Fejn hi martek Sara?” Hu wiġibhom: “Hawnhekk fit-tinda.” 10 Għalhekk, wieħed minnhom kompla: “Jien żgur li se niġi lura għandek is-sena d-dieħla f’dan iż-żmien, u martek Sara jkollha iben.” Issa Sara kienet qed tismagħhom fid-daħla tat-tinda, li kienet wara r-raġel. 11 Abraham u Sara kienu mdaħħlin sew fiż-żmien. Sara kienet qabżet sew l-età li n-nisa jistaʼ jkollhom it-tfal.* 12 Għalhekk, Sara bdiet tidħaq waħedha u tgħid: “Wara li jien u sidi xjaħna, veru li se jkolli dan il-pjaċir?” 13 Imbagħad Ġeħova qal lil Abraham: “Sara għala daħqet u qalet, ‘Veru li se nwelled għalkemm xjaħt?’ 14 Hemm xi ħaġa li hi impossibbli għal Ġeħova? Jien se niġi lura għandek is-sena d-dieħla f’dan iż-żmien, u Sara jkollha iben.” 15 Imma Sara ċaħdet dan u għax beżgħet qalet: “Ma dħaqtx!” Għal dan qalilha: “Iva! Dħaqt.”

16 Imbagħad l-irġiel qamu biex jitilqu u ħarsu ’l isfel lejn Sodoma. Abraham mexa magħhom biċċa mit-triq. 17 Ġeħova qal: “Għandi ngħidlu lil Abraham dak li se nagħmel? 18 Għax Abraham żgur li għad isir poplu kbir u b’saħħtu, u l-popli kollha tal-art se jitbierku* permezz tiegħu.” 19 Għax jien sirt nafu sabiex hu jikkmanda lit-tfal tiegħu u lil taʼ daru biex jgħixu kif jixtieq Ġeħova billi jagħmlu dak li hu sewwa u ġust, sabiex Ġeħova jagħmel dak li wiegħed lil Abraham.”

20 Imbagħad Ġeħova qal: “Smajt ħafna tgergir kontra Sodoma u Gomorra, u d-dnubiet tagħhom huma serji ħafna. 21 Jien se mmur nara jekk hux qed jaġixxu skont it-tgergir li wasal għandi. U jekk le, inkun naf.”

22 Imbagħad l-irġiel telqu minn hemmhekk u marru lejn Sodoma, imma Ġeħova baqaʼ m’Abraham. 23 Imbagħad Abraham resaq lejn Alla u qal: “Int veru li se teqred lin-nies sewwa mal-ħżiena? 24 Ejja ngħidu li jkun hemm 50 persuna sewwa fil-belt. Sejjer int teqridhom u ma taħfirx lill-belt minħabba l-50 persuna sewwa li hemm fiha? 25 Lanqas qatt ma jgħaddili minn moħħi li int taġixxi hekk u toqtol lin-nies sewwa mal-ħżiena, u b’hekk min hu sewwa jiġrilu l-istess bħal min hu ħażin! Lanqas qatt ma jgħaddili minn moħħi. Sejjer l-Imħallef tal-art kollha ma jagħmilx dak li hu sewwa?” 26 Imbagħad Ġeħova qal: “Jekk fil-belt taʼ Sodoma nsib 50 persuna sewwa, naħfer lill-belt kollha minħabba fihom.” 27 Imma Abraham reġaʼ wieġeb: “Jien biss trab u rmied. Jekk jogħġbok Ġeħova, ħallini nkompli nitkellem. 28 Ejja ngħidu li 50 persuna jkunu neqsin ħamsa. Sejjer int teqred il-belt kollha minħabba l-ħamsa?” Għal dan qallu: “Ma neqridhiex jekk insib 45.”

29 Imma għal darb’oħra, Abraham qallu: “Ejja ngħidu li jkun hemm 40.” Hu wieġbu: “Ma neqridhiex minħabba l-40.” 30 Imma Abraham kompla: “Ġeħova, jekk jogħġbok, tirrabjax, imma ħa nkompli nitkellem: Ejja ngħidu li jkun hemm 30.” Hu wieġbu: “Ma neqridhiex jekk insib 30.” 31 Imma Abraham kompla: “Jekk jogħġbok Ġeħova, ħallini nkompli nitkellem: Ejja ngħidu li jkun hemm 20 biss.” Hu wieġbu: “Ma neqridhiex minħabba l-20.” 32 Fl-aħħar Abraham qal: “Ġeħova, jekk jogħġbok, tirrabjax, imma ħa nitkellem darb’oħra biss: Ejja ngħidu li jkun hemm għaxra biss.” Hu wieġbu: “Ma neqridhiex minħabba l-għaxra.” 33 Wara li Ġeħova tkellem m’Abraham, telaq u Abraham mar lura lejn it-tinda tiegħu.

19 Iż-żewġ anġli waslu Sodoma filgħaxija, u Lot kien bilqiegħda fil-bieb taʼ Sodoma. Malli rahom, Lot qam biex jiltaqaʼ magħhom u miel wiċċu sal-art. 2 U qalilhom: “Jekk jogħġobkom, sinjuri, ejjew fid-dar tal-qaddej tagħkom u għaddu l-lejl hemmhekk u naħslulkom saqajkom. Imbagħad tistgħu tqumu kmieni u tmorru għal triqitkom.” Qalulu: “Le, il-lejl se ngħadduh fil-pjazza.” 3 Imma tant insista li huma marru għandu. Imbagħad għamlilhom ikla kbira, u sajjar il-ħobż bla ħmira, u kielu.

4 Qabel ma ż-żewġt irġiel raqdu, l-irġiel tal-belt kollha, jiġifieri l-irġiel taʼ Sodoma miż-żgħir sal-kbir, dawru d-dar minn kull naħa. 5 U baqgħu jgħajtu lil Lot u jgħidulu: “Fejn huma l-irġiel li daħlu għandek dan il-lejl? Oħroġhom biex nagħmlu s-sess magħhom.”

6 Imbagħad Lot ħareġ barra ħdejhom u għalaq il-bieb warajh. 7 Hu qalilhom: “Jekk jogħġobkom, ħuti, taġixxux ħażin. 8 Hawn għandi żewġt ibniet li qatt ma kellhom relazzjoni sesswali maʼ raġel. Jekk jogħġobkom, ħa noħroġhom u agħmlulhom kulma jidhrilkom li hu tajjeb. Imma lil dawn l-irġiel tagħmlulhom xejn, għax ġew għall-kenn* tas-saqaf tiegħi.” 9 Qalulu: “Ersaq min-nofs!” U żiedu: “Tissogra tiġġudikana ja barrani? Lilek se nagħmlulek agħar milli se nagħmlu lilhom.” U bdew irossu lil Lot, u kienu kważi kissru l-bieb. 10 Għalhekk, iż-żewġt irġiel ħarġu jdejhom u daħħlu lil Lot fid-dar, u għalqu l-bieb. 11 Imma għamew lin-nies li kienu ħdejn il-bieb tad-dar, miż-żgħir sal-kbir, u b’hekk dawn għejew jipprovaw isibu l-bieb.

12 Imbagħad iż-żewġt irġiel qalu lil Lot: “Għandek lil xi ħadd ieħor hawnhekk? Oħroġ minn dan il-post l-irġiel tat-tfal tiegħek u t-tfal subien u bniet tiegħek u kull min hu tiegħek fil-belt. 13 Għax aħna se neqirdu dan il-post, għaliex it-tgergir kontra n-nies tal-belt żdied ħafna quddiem Ġeħova, u b’hekk Ġeħova bagħatna neqirdu l-belt.” 14 Għalhekk, Lot ħareġ u beda jkellem lill-irġiel li kienu se jiżżewġu lill-bniet tiegħu u baqaʼ jgħidilhom: “Qumu! Oħorġu minn dan il-post, għaliex Ġeħova se jeqred il-belt!” Imma huma ħasbu li kien qed jiċċajta.

15 Qabel ma beda jisbaħ, l-anġli bdew jgħaġġlu iktar lil Lot u jgħidulu: “Qum! Ħu lil martek u liż-żewġt ibniet tiegħek li qegħdin hawn miegħek, li ma tmurx tinqered minħabba l-ħażen tal-belt!” 16 Meta baqaʼ jitnikker, Ġeħova wera ħniena miegħu, għalhekk iż-żewġt irġiel qabdu idu, id martu, u jdejn iż-żewġt ibniet tiegħu, u ħarġuhom u ħallewhom barra l-belt. 17 Malli ħarġuhom ’il barra mill-belt, wieħed mill-irġiel qal: “Aħarbu ħalli ssalvaw! Tħarsux warajkom u tieqfu mkien fid-distrett kollu tal-Ġordan! Aħarbu lejn il-muntanji ħalli ma tinqerdux!”

18 Imbagħad Lot qalilhom: “Mhux hemm, jekk jogħġbok, Ġeħova! 19 Jien, il-qaddej tiegħek, approvat f’għajnejk u int qed turi qalb tajba* kbira miegħi billi qed iżżommni ħaj, imma ma nistax naħrab lejn il-muntanji għax nibżaʼ li l-gwaj jibqaʼ jiġri warajja u mmut. 20 Issa, din il-belt hi qrib u jien nistaʼ naħrab fiha. Din hi sempliċi belt żgħira. Jekk jogħġbok, ħallini naħrab hemm ħalli nsalva.* Hi sempliċi belt żgħira.” 21 Għalhekk Alla* wieġbu: “Tajjeb, se nagħmel bħalma għedtli u ma neqridx il-belt li għedtli biha. 22 Ħaffef! Aħrab hemm, għaliex ma nistaʼ nagħmel xejn sakemm tasal!” Huwa għalhekk li dik il-belt semmieha Sogħar.*

23 Ix-xemx kienet telgħet meta Lot wasal Sogħar. 24 Imbagħad Ġeħova bagħat xita taʼ kubrit* u nar fuq Sodoma u Gomorra. Din ġiet mingħand Ġeħova mis-sema. 25 Għalhekk, hu qered dawn il-bliet, iva, id-distrett kollu, inkluż in-nies kollha tal-bliet u dak li kien jikber fuq l-art. 26 U mart Lot, li kienet warajh, bdiet tħares lura, u saret statwa tal-melħ.

27 Issa Abraham qam kmieni filgħodu u mar fil-post fejn kien qagħad quddiem Ġeħova. 28 Meta ħares lejn Sodoma u Gomorra u lejn l-art kollha tad-distrett, hu ra xena tal-biżaʼ. Kien hemm duħħan oħxon tielaʼ mill-art bħad-duħħan oħxon taʼ forn! 29 Meta Alla qered il-bliet tad-distrett fejn kien jgħix Lot, hu żamm lil Abraham f’moħħu billi ħareġ lil Lot minn hemm.

30 Iktar tard, Lot telaʼ minn Sogħar maż-żewġt ibniet tiegħu u beda jgħix fil-muntanji, għax beżaʼ jgħix Sogħar. Għalhekk, beda jgħix f’għar maż-żewġt ibniet tiegħu. 31 U l-kbira qalet liż-żgħira: “Missierna xiħ u m’hemmx raġel fl-art biex ikollu x’jaqsam magħna skont id-drawwa tal-art kollha. 32 Ejja nagħtu lil missierna l-inbid u nimteddu miegħu ħalli l-familja taʼ missierna ma tispiċċax.”

33 Għalhekk, dik il-lejla lil missierhom baqgħu jagħtuh l-inbid; imbagħad il-kbira daħlet u mteddet maʼ missierha, imma hu ma kienx jaf meta mteddet u meta qamet. 34 Imbagħad l-għada, il-kbira qalet liż-żgħira: “Il-lejl l-ieħor jien imteddejt maʼ missieri. Ejja nagħtuh l-inbid illejla wkoll. Imbagħad idħol u mtedd miegħu ħalli l-familja taʼ missierna ma tispiċċax.” 35 Għalhekk, dik il-lejla wkoll taw lil missierhom l-inbid għal darba wara l-oħra. Imbagħad iż-żgħira qamet u mteddet miegħu, imma hu ma kienx jaf meta mteddet u meta qamet. 36 U ż-żewġt ibniet taʼ Lot ħarġu tqal minn missierhom. 37 Il-kbira welldet iben u semmietu Mowab. Hu missier il-Mowabin tal-lum. 38 Anki ż-żgħira welldet iben u semmietu Ben-għammi. Hu missier l-Għammonin tal-lum.

20 Issa Abraham ma baqax ikkampjat hemmhekk, imma telaq lejn l-art tan-Negeb u beda jgħix bejn Kades u Sur. Waqt li kien qed jgħix* f’Gerar, 2 Abraham reġaʼ qal dwar martu Sara: “Hi oħti.” Minħabba f’hekk, Abimelek, re taʼ Gerar, bagħat għal Sara u ħadha. 3 Imbagħad Alla ġie billejl f’ħolma għand Abimelek u qallu: “Int daqslikieku mejjet minħabba l-mara li ħadt, ladarba hi miżżewġa u hi taʼ raġel ieħor.” 4 Madankollu, Abimelek ma kellux relazzjoni sesswali magħha.* B’hekk, hu qal: “Ġeħova, sejjer int toqtol poplu li hu innoċenti?* 5 Mhux hu qalli li hi oħtu, u hi qaltli li hu ħuha? Jien m’għandix tort għax ma kontx naf li qed nagħmel xi ħaġa ħażina.” 6 Imbagħad l-Alla l-veru qallu fil-ħolma: “Jien naf li m’għandekx tort. Għalhekk żammejtek lura milli tidneb kontrija u ma ħallejtekx tmissha. 7 Issa agħti l-mara lil żewġha, għax hu profeta, u jagħmel talb bil-ħniena* għalik u int tibqaʼ ħaj. Imma jekk ma tagħtihiex lura, kun af li żgur se tmut, int u kull min hu tiegħek.”

8 Abimelek qam kmieni filgħodu u għajjat lill-qaddejja kollha tiegħu u qalilhom b’dan kollu, u bdew jibżgħu ħafna. 9 Imbagħad Abimelek għajjat lil Abraham u qallu: “X’għamiltilna? Xi dnub għamilt jien kontrik biex ġibt fuqi u fuq saltnati dnub daqshekk kbir? Dak li għamiltli mhux sewwa.” 10 U Abimelek kompla jgħid lil Abraham: “X’kellek f’moħħok meta għamilt din il-ħaġa?” 11 Abraham wieġbu: “Dan għamiltu għax għedt bejni u bejn ruħi, ‘Żgur li ħadd m’għandu rispett lejn* Alla f’dan il-post, u joqtluni minħabba marti.’ 12 U fuq kollox hi veru oħti, hi bint missieri imma mhux bint ommi, u saret marti. 13 U meta Alla qalli biex nitlaq minn dar missieri, jien għedtilha, ‘Din hi l-imħabba u l-lealtà* li tistaʼ turini: Kull fejn immorru, għid li jien ħuk.’”

14 Imbagħad Abimelek ħa nagħaġ u baqar u qaddejja rġiel u nisa u tahom lil Abraham u tah lura lil martu Sara. 15 Abimelek qallu wkoll: “Ara, din hi l-art tiegħi. Oqgħod fejn trid.” 16 U lil Sara qalilha: “Qed nagħti 1,000 biċċa tal-fidda lil ħuk. Dan hu sinjal li int innoċenti kemm għal dawk kollha taʼ darek u kif ukoll għal oħrajn. Int meħlusa mill-ħtija.” 17 U Abraham beda jitlob bil-ħniena lill-Alla l-veru, u Alla fejjaq lil Abimelek u lil martu u lill-ilsiera nisa tiegħu, u beda jkollhom it-tfal. 18 Għax Ġeħova żamm lin-nisa kollha tad-dar t’Abimelek milli jkollhom it-tfal* minħabba Sara, mart Abraham.

21 Ġeħova dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn Sara bħalma kien qal, u Ġeħova għamlilha bħalma kien wiegħed. 2 Allura, Sara ħarġet tqila u mbagħad welldet iben lil Abraham fi xjuħitu, fiż-żmien li kien qallu Alla. 3 Abraham semmieh Iżakk. 4 Hu għamillu ċ-ċirkonċiżjoni meta kellu tmint ijiem, bħalma kien ikkmandah Alla. 5 Abraham kellu 100 sena meta twilidlu ibnu Iżakk. 6 Imbagħad Sara qalet: “Alla tani raġuni biex nifraħ. Kull min jismaʼ b’dan jifraħ miegħi.”* 7 U żiedet: “Min kellu jgħidlu lil Abraham li jien se jkolli tifel? Iżda jien wellidtlu iben fi xjuħitu.”

8 Issa t-tifel kiber u qataʼ l-ħalib, u Abraham għamel festa kbira dakinhar li Iżakk qataʼ l-ħalib. 9 Imma Sara bdiet tinnota li t-tifel taʼ Ħagar l-Eġizzjana, dak li welldet lil Abraham, kien qed iwaqqaʼ għaċ-ċajt lil Iżakk. 10 Għalhekk qalet lil Abraham: “Keċċi ’l barra lil din l-ilsira u lil binha, għax hu mhux se jkun werriet maʼ ibni Iżakk!” 11 Imma dak li qalet dwar ibnu m’għoġbu xejn lil Abraham. 12 Imbagħad Alla qal lil Abraham: “Tkunx imdejjaq minħabba dak li qed tgħidlek Sara dwar it-tifel u dwar l-ilsira tiegħek. Ismaʼ minnha, għaliex id-dixxendenti tiegħek* se jiġu minn Iżakk. 13 Inkwantu għal bin l-ilsira, jien se noħroġ poplu minnu wkoll, għaliex hu ibnek.”

14 Għalhekk, Abraham qam kmieni u ħa xi ħobż u flixkun tal-ġilda bl-ilma u tahom lil Ħagar. Hu qegħedhom fuq spallitha u bagħatha mat-tifel. Allura, hi telqet lejn id-Deżert taʼ Bir-xeba mingħajr ma kienet taf fejn sejra. 15 Fl-aħħar spiċċa l-ilma li kien hemm fil-flixkun tal-ġilda u hi ħalliet lit-tifel taħt waħda mis-siġar. 16 Imbagħad marret u poġġiet waħedha ftit ’il bogħod, għax qalet: “Ma rridx narah imut lit-tifel.” Hi bdiet tibki b’leħen għoli.

17 Wara ftit, Alla semaʼ t-tifel jibki, u għalhekk l-anġlu t’Alla għajjat lil Ħagar mis-sema u qalilha: “Xi ġralek Ħagar? Tibżax, għax Alla semaʼ leħen it-tifel minn fejn qiegħed. 18 Mur għin lit-tifel iqum u żommu sew b’idek, għax jien se nagħmlu poplu kbir.” 19 Imbagħad Alla wrieha bir bl-ilma, u marret u mliet il-flixkun tal-ġilda u tat lit-tifel x’jixrob. 20 U Alla kien mat-tifel hu u jikber. Hu għex fid-deżert u sar arċier. 21 Hu beda jgħix fid-Deżert tal-Faran, u ommu żewġitu mara mill-art tal-Eġittu.

22 Dak iż-żmien, Abimelek, flimkien maʼ Fikol il-kap tal-armata tiegħu, qal lil Abraham: “Alla hu miegħek f’kulma qed tagħmel. 23 Mela issa aħlifli b’Alla li ma timxix bil-qerq miegħi u mat-tfal tiegħi u mat-tfal tagħhom, u li taġixxi miegħi u mal-art li kont qed tgħix fiha bl-istess imħabba u lealtà* li wrejtek jien.” 24 Għalhekk, Abraham qal: “Naħlef.”

25 Madankollu, Abraham gerger m’Abimelek dwar il-bir tal-ilma li l-qaddejja t’Abimelek kienu ħadu bil-forza. 26 Abimelek wieġeb: “Ma nafx min għamel hekk. Int m’għedtlix b’dan, u jien issa sirt naf.” 27 U Abraham ħa nagħaġ u baqar u tahom lil Abimelek, u t-tnejn għamlu patt bejniethom. 28 Meta Abraham qiegħed sebat iħrief nisa mill-merħla għalihom, 29 Abimelek staqsieh: “Għala qegħedt dawn is-sebat iħrief nisa għalihom?” 30 Dan wieġbu: “Trid taċċetta s-sebat iħrief nisa mingħandi bħala xhieda li jien ħaffirtu dan il-bir.” 31 Huwa għalhekk li dan il-post semmieh Bir-xeba,* għaliex hemmhekk kienu ħalfu t-tnejn li huma. 32 B’hekk, għamlu patt f’Bir-xeba, u mbagħad Abimelek qam flimkien maʼ Fikol, il-kap tal-armata tiegħu, u marru lura lejn l-art tal-Filistin. 33 Wara dan, Abraham ħawwel siġra tat-tamarisk f’Bir-xeba, u hemmhekk għajjat isem Ġeħova, l-Alla li hu għal dejjem. 34 U Abraham baqaʼ* fl-art tal-Filistin għal ħafna żmien.*

22 Issa wara dan, l-Alla l-veru għadda lil Abraham minn prova, u qallu: “Abraham!” u hu wieġeb: “Hawn jien!” 2 Imbagħad Alla qallu: “Jekk jogħġbok, ħu lil Iżakk, l-uniku iben tiegħek li tant tħobb, u vvjaġġa lejn l-art taʼ Morija. Hemmhekk offrih bħala offerta tal-ħruq fuq waħda mill-muntanji li ngħidlek jien.”

3 Għalhekk, Abraham qam kmieni u rama l-ħmar tiegħu u ħa miegħu żewġ qaddejja u lil ibnu Iżakk. Hu qattaʼ l-ħatab għall-offerta tal-ħruq, u mbagħad bdew jivvjaġġaw lejn il-post li qallu bih l-Alla l-veru. 4 Fit-tielet jum, Abraham ħares ’il fuq u ra l-post mill-bogħod. 5 Hu qal lill-qaddejja tiegħu: “Ibqgħu hawnhekk mal-ħmar, imma jien u t-tifel se mmorru hemmhekk, inqimu lil Alla, u niġu lura ħdejkom.”

6 Imbagħad Abraham qabad il-ħatab għall-offerta tal-ħruq u għabbieh fuq ibnu Iżakk. Wara ħa s-sikkina* u n-nar,* u t-tnejn li huma mxew flimkien. 7 U Iżakk qal lil missieru: “Pa!” Hu wieġeb: “Għidli ibni!” U Iżakk kompla: “Ġibna n-nar u l-ħatab, imma m’għandniex nagħġa għall-offerta tal-ħruq.” 8 Għal dan Abraham qal: “Alla stess jipprovdiha n-nagħġa għall-offerta tal-ħruq.” U t-tnejn li huma komplew mexjin flimkien.

9 Fl-aħħar waslu fil-post li qallu bih l-Alla l-veru, u Abraham bena artal hemmhekk u rranġa l-ħatab fuqu. Hu rabat lil ibnu Iżakk minn idejh u minn saqajh u poġġieh fuq il-ħatab li kien hemm fuq l-artal. 10 Imbagħad Abraham qabad is-sikkina* biex joqtol lil ibnu. 11 Imma l-anġlu taʼ Ġeħova għajjatlu mis-sema u qallu: “Abraham, Abraham!” u hu wieġbu: “Hawn jien!” 12 U l-anġlu qal: “Tweġġax lit-tifel u tagħmillu xejn. Issa naf li għandek rispett kbir lejn* Alla għax ma ċaħħadtnix minn ibnek, l-uniku wieħed li għandek.” 13 Malli semaʼ dan, Abraham ħares ’il fuq, u ftit ’il bogħod minnu kien hemm muntun maqbud minn qrunu fil-friegħi tas-siġar. Għalhekk, Abraham mar u ħa l-muntun u offrieh bħala offerta tal-ħruq minflok ibnu. 14 U Abraham semma dan il-post Ġeħova-jire.* Hu għalhekk li llum għadhom jgħidu: “Ġeħova jipprovdi fuq il-muntanja tiegħu.”

15 U l-anġlu taʼ Ġeħova għajjat lil Abraham it-tieni darba mis-sema 16 u qallu: “‘Bija nnifsi naħlef,’ jiddikjara Ġeħova, ‘li minħabba li għamilt dan u ma ċaħħadtnix minn ibnek, l-uniku wieħed li għandek, 17 jien żgur li nbierkek u nżid lid-dixxendent tiegħek* daqs l-istilel tas-sema u r-ramel f’xatt il-baħar. Hu għad jieħu f’idejh il-bliet* tal-għedewwa tiegħu. 18 U permezz tad-dixxendent tiegħek,* il-popli kollha tal-art se jitbierku minħabba li int smajt minn kliemi.’”

19 Imbagħad Abraham mar lura ħdejn il-qaddejja tiegħu, u dawn telqu lura flimkien lejn Bir-xeba. U Abraham baqaʼ jgħix f’Bir-xeba.

20 Wara dan, lil Abraham waslitlu din l-aħbar: “Milka welldet it-tfal lil ħuk Naħor: 21 Uż l-ewwel imwieled tiegħu, ħuh Buż, u Kemwel missier Aram. 22 Milka kellha wkoll lil Kesed, Ħażo, Pildas, Ġidlaf, u Betwel.” 23 Betwel kellu lil Rebekka. Milka welldet lil dawn it-tmienja lil Naħor ħu Abraham. 24 Il-konkubina tiegħu, li kien jisimha Rewma, ukoll welldet subien: Tebaħ, Gaħam, Taħas, u Magħka.

23 Sara kellha 127 sena meta mietet. 2 Hi mietet f’Kirjat-arba, jiġifieri Ħebron, fl-art taʼ Kangħan. Abraham kien imdejjaq ħafna u beda jibkiha. 3 Imbagħad, telaq minn ħdejn martu li kienet mietet u lit-tfal taʼ Ħet qalilhom: 4 “Jien barrani u immigrant fostkom. Agħtuni post għad-dfin fostkom sabiex inkun nistaʼ nidfen lill-mara tiegħi hemmhekk.” 5 It-tfal taʼ Ħet imbagħad wieġbu lil Abraham: 6 “Sidna, fostna int kap taʼ tribù magħżul minn Alla.* Int tistaʼ tidfen lil martek fl-aqwa post għad-dfin li għandna. Ħadd minna mhu se jċaħħdek mill-post għad-dfin li għandu u jżommok milli tidfen lil martek.”

7 U Abraham qam u miel quddiem in-nies tal-post, quddiem it-tfal taʼ Ħet, 8 u qalilhom: “Jekk taqblu li nidfen lil marti, allura isimgħuni u ħeġġu lil Għefron bin Soħar 9 biex ibegħli l-għar taʼ Makfela, li hu tiegħu u li jinsab f’tarf l-għalqa tiegħu. Ħa jbigħuli quddiemkom b’kemm jiswa fidda biex ikolli post għad-dfin.”

10 U Għefron il-Ħitti kien bilqiegħda qalb it-tfal taʼ Ħet. Għalhekk, hu wieġeb lil Abraham quddiem it-tfal taʼ Ħet u quddiem dawk kollha li daħlu minn bieb il-belt tiegħu, u qallu: 11 “Le sidi! Jien nagħtik kemm l-għalqa u kemm l-għar li hemm fiha. Quddiem it-tfal tal-poplu tiegħi nagħtihomlok. Idfen lil martek.” 12 U Abraham miel quddiem in-nies tal-post 13 u kellem lil Għefron quddiemhom, u qallu: “Jien se nagħtik l-ammont sħiħ taʼ fidda għall-għalqa. Ħudu mingħandi, biex inkun nistaʼ nidfen lil marti hemmhekk.”

14 Imbagħad Għefron wieġeb lil Abraham: 15 “Sidi, din l-art tiswa 400 xekel* fidda, imma dawn x’inhuma bejni u bejnek? Għalhekk, idfen lil martek.” 16 Abraham semaʼ minn Għefron, u wiżinlu l-ammont taʼ fidda li kien tkellem dwaru quddiem it-tfal taʼ Ħet, 400 xekel* fidda, skont il-valur aċċettat min-negozjanti. 17 B’hekk, l-għalqa t’Għefron f’Makfela, li kienet quddiem Mamre, jiġifieri l-għalqa u l-għar li kien fiha u s-siġar kollha li kienu fil-limiti tal-għalqa, saru 18 l-propjetà li xtara Abraham quddiem it-tfal taʼ Ħet u quddiem dawk kollha li kienu deħlin minn bieb il-belt tiegħu. 19 Wara dan, Abraham difen lil martu Sara fl-għar tal-għalqa taʼ Makfela quddiem Mamre, jiġifieri Ħebron, fl-art taʼ Kangħan. 20 B’hekk, l-għalqa u l-għar li kien hemm fiha għaddew mingħand it-tfal taʼ Ħet għal għand Abraham bħala post għad-dfin.

24 Issa Abraham kien imdaħħal fiż-żmien u Ġeħova kien bierku f’kollox. 2 Abraham qal lill-qaddej tiegħu, l-ixjeħ wieħed f’daru u li kien qed jiħodlu ħsieb kulma kellu: “Jekk jogħġbok, qiegħed idek taħt koxxti, 3 u aħlifli b’Ġeħova, l-Alla tas-sema u tal-art, li ma tiħux mara għal ibni mill-bniet tal-Kangħanin, li qed ngħix f’nofshom. 4 Imma mur fil-pajjiż tiegħi u għand qrabati, u sib mara għal ibni Iżakk.”

5 Madankollu, il-qaddej qallu: “U jekk il-mara ma tkunx trid tiġi miegħi f’din l-art? Għandi jien nieħu lil ibnek lura lejn l-art li minnha int ġejt?” 6 U Abraham wieġbu: “Agħmel ċert li ma tiħux lil ibni hemmhekk. 7 Ġeħova, l-Alla tas-sema, li ħariġni minn dar missieri u minn art qrabati u li kellimni u ħalifli: ‘Lid-dixxendenti tiegħek* se nagħtiha din l-art,’ se jibgħat l-anġlu tiegħu qablek, u int żgur li ssib mara għal ibni minn hemmhekk. 8 Imma jekk il-mara ma tkunx trid tiġi miegħek, int tkun ħieles minn din il-ħalfa. Imma tiħux lil ibni hemmhekk.” 9 U l-qaddej qiegħed idu taħt il-koxxa taʼ sidu Abraham u ħaliflu fuq din il-kwistjoni.

10 Għalhekk, il-qaddej ħa għaxar iġmla minn taʼ sidu u telaq. Hu ħa wkoll kull xorta taʼ rigali mingħand sidu. Imbagħad telaq lejn il-Mesopotamja, lejn il-belt taʼ Naħor. 11 U waqaf biex l-iġmla jistrieħu ħdejn bir ’il barra mill-belt. Kien kważi filgħaxija, il-ħin meta n-nisa kienu joħorġu jimlew l-ilma. 12 Imbagħad qal: “Ġeħova, l-Alla taʼ sidi Abraham, jekk jogħġbok, ħalli kollox imur sew illum u uri mħabba u lealtà* maʼ sidi Abraham. 13 Jien qiegħed hawn ħdejn għajn tal-ilma, u l-bniet tan-nies tal-belt ħerġin jimlew l-ilma. 14 Jien se ngħid lil waħda mit-tfajliet, ‘Jekk jogħġbok, niżżel il-ġarra tal-ilma biex nixrob.’ Jekk tgħidli, ‘Ixrob, u jien nagħti wkoll l-ilma lill-iġmla tiegħek,’ jien se nkun naf li din hi l-waħda li int għażilt għall-qaddej tiegħek Iżakk u li int urejt imħabba u lealtà maʼ sidi.”

15 Saħansitra qabel ma spiċċa jitkellem, Rebekka, it-tifla taʼ Betwel, bin Milka, mart Naħor, ħu Abraham, ħarġet bil-ġarra tal-ilma fuq spallitha. 16 It-tfajla kienet sabiħa ħafna u verġni. Ebda raġel ma kellu relazzjoni sesswali magħha. Hi niżlet lejn l-għajn, imliet il-ġarra tal-ilma, u mbagħad reġgħet telgħet. 17 Minnufih, il-qaddej mar jiġri biex jiltaqaʼ magħha u qalilha: “Jekk jogħġbok, agħtini naqra ilma mill-ġarra tiegħek.” 18 Wiġbitu: “Ixrob sidi.” U malajr niżżlet il-ġarra tagħha fuq idha u tatu jixrob. 19 U wara li tatu jixrob, qaltlu: “Ħa nimla l-ilma għall-iġmla tiegħek ukoll biex jixorbu sakemm jixbgħu.” 20 Għalhekk, hi malajr battlet il-ġarra tagħha fil-ħawt tal-ilma u ġriet kemm-il darba lejn il-bir, u baqgħet timla l-ilma għall-iġmla kollha tiegħu. 21 Sadanittant, ir-raġel qagħad iħares lejha għal ħin twil bla ma qal xejn, għax kien sorpriż. Hu beda jitħasseb jekk Ġeħova kienx diġà għenu jirnexxi fil-vjaġġ tiegħu.

22 Meta l-iġmla kienu xorbu, ir-raġel ħareġ misluta tad-deheb għal imneħirha tiżen nofs xekel* u żewġt iċpiepet tad-deheb li kienu jiżnu għaxar xwiekel,* 23 u qalilha: “Jekk jogħġbok għidli, bint min int? Hemm post għalina f’dar missierek biex inqattgħu l-lejl?” 24 Għal dan wiġbitu: “Jien it-tifla taʼ Betwel, li jiġi t-tifel taʼ Milka u Naħor.” 25 Qaltlu wkoll: “Għandna tiben u ħafna għalf, kif ukoll post fejn tqattgħu l-lejl.” 26 Imbagħad ir-raġel miel u nxteħet fl-art quddiem Ġeħova 27 u qal: “Ħa jkun imfaħħar Ġeħova, l-Alla taʼ sidi Abraham, għax hu baqaʼ juri mħabba u lealtà maʼ sidi u żamm il-wegħda tiegħu miegħu. Ġeħova ggwidani lejn id-dar taʼ ħut sidi.”

28 U t-tfajla ġriet biex tgħid b’dan lil dawk taʼ dar ommha. 29 Issa Rebekka kellha ħuha jismu Laban. U Laban mar jiġri lejn ir-raġel li kien barra ħdejn l-għajn. 30 U meta ra l-misluta fi mnieħer oħtu Rebekka u ċ-ċpiepet f’idejha u semagħha tgħid x’qalilha r-raġel, hu mar jiltaqaʼ miegħu waqt li dan kien għadu maġenb l-iġmla ħdejn l-għajn. 31 Minnufih qallu: “Ejja, int li għandek il-barka taʼ Ġeħova. Għala se tibqaʼ hawn barra? Jien lestejt id-dar u post għall-iġmla.” 32 Imbagħad ir-raġel daħal id-dar, u hu* ħatt it-tagħbija minn fuq l-iġmla u ta t-tiben u l-għalf lill-iġmla. Hu tah l-ilma biex hu u l-irġiel li kienu miegħu jaħslu saqajhom. 33 Imma meta ngħata xi ħaġa x’jiekol, hu qal: “M’iniex se niekol qabel ma ngħidlek dak li għandi x’ngħid.” Allura Laban qallu: “Tkellem!”

34 U hu qal: “Jien il-qaddej t’Abraham. 35 U Ġeħova bierku sew lil sidi u għamlu sinjur ħafna billi tah nagħaġ u baqar, fidda u deheb, qaddejja rġiel u nisa, u iġmla u ħmir. 36 Barra minn hekk, Sara mart sidi wellditlu iben fi xjuħitha, u hu se jagħtih kulma għandu. 37 Għalhekk, sidi ġegħelni naħlef billi qalli: ‘Tiħux mara għal ibni mill-bniet tal-Kangħanin, li qed ngħix f’arthom. 38 Le, imma mur f’dar missieri u għand il-familja tiegħi, u sib mara għal ibni.’ 39 Imma jien għedt lil sidi: ‘U jekk il-mara ma tkunx trid tiġi miegħi?’ 40 Hu qalli: ‘Ġeħova, li lilu jien qdejt,* jibgħat l-anġlu tiegħu miegħek u żgur li jgħinek tirnexxi fil-vjaġġ tiegħek, u trid issib mara għal ibni mill-familja tiegħi u minn dar missieri. 41 Int tkun meħlus mill-ħalfa li għamiltli jekk tmur għand il-familja tiegħi u ma jagħtuhilekx. Dan jeħilsek mill-ħalfa tiegħek.’

42 “Meta llum wasalt ħdejn l-għajn, għedt: ‘Ġeħova, l-Alla taʼ sidi Abraham, jekk tgħinni nirnexxi fil-vjaġġ tiegħi, 43 ħa jseħħ dan: Waqt li qiegħed hawn ħdejn l-għajn tal-ilma toħroġ tfajla timla l-ilma, u jien ngħidilha, “Jekk jogħġbok, ħa nixrob naqra ilma mill-ġarra tiegħek,” 44 u hi tgħidli, “Ixrob, u jien se nimla l-ilma wkoll għall-iġmla tiegħek.” Ħa tkun din il-mara li Ġeħova għażel għal bin sidi.’

45 “Qabel ma lħaqt spiċċajt nitlob f’qalbi, ħarġet Rebekka bil-ġarra tagħha fuq spallitha, u niżlet lejn l-għajn u bdiet timla l-ilma. Imbagħad għedtilha: ‘Jekk jogħġbok, agħtini nixrob.’ 46 U hi malajr niżżlet il-ġarra tagħha minn fuq spallitha u qalet: ‘Ixrob, u jien nagħti wkoll l-ilma lill-iġmla tiegħek.’ Imbagħad xrobt, u hi tat ukoll l-ilma lill-iġmla. 47 Wara dan staqsejtha, ‘Bint min int?’ u hi qaltli, ‘Jien it-tifla taʼ Betwel, li jiġi t-tifel taʼ Milka u Naħor.’ Għalhekk, libbistha l-misluta fi mneħirha u ċ-ċpiepet f’idejha. 48 U milt u nxtħett fl-art quddiem Ġeħova u faħħart lil Ġeħova, l-Alla taʼ sidi Abraham, li kien mexxieni fit-triq it-tajba biex nieħu lil bint ħu sidi għal ibnu. 49 U issa għiduli jekk tixtiequ turu mħabba* u lealtà maʼ sidi, imma jekk le, għiduli, sabiex inkun naf x’se nagħmel.”*

50 Imbagħad Laban u Betwel wieġbu: “Dan hu minn Ġeħova. Aħna ma nistgħux ngħidulek iva jew le. 51 Hawn hi Rebekka quddiemek. Ħudha u mur, u ħa ssir mart bin sidek, bħalma qal Ġeħova.” 52 Meta l-qaddej t’Abraham semaʼ kliemhom, hu mill-ewwel miel u nxteħet fl-art quddiem Ġeħova. 53 U l-qaddej ħareġ oġġetti tal-fidda u tad-deheb u lbiesi u tahom lil Rebekka, u ta affarijiet taʼ valur lil ħuha u lil ommha. 54 Wara dan, hu u l-irġiel li kienu miegħu kielu u xorbu, u qattgħu l-lejl hemmhekk.

Meta qam filgħodu, hu qal: “Ibagħtuni għand sidi.” 55 Ħuha u ommha wiġbuh: “Ħa tibqaʼ magħna t-tfajla għall-inqas għaxart ijiem oħra. Imbagħad tkun tistaʼ tmur.” 56 Imma hu qalilhom: “Iżżommunix hawnhekk ladarba rajtu li Ġeħova għenni nirnexxi fil-vjaġġ. Ibagħtuni, biex immur għand sidi.” 57 Għalhekk qalulu: “Ejja ngħajtu lit-tfajla u naraw x’tgħid.” 58 Huma għajtu lil Rebekka u staqsewha: “Trid tmur maʼ dan ir-raġel issa?” Hi wieġbet: “Iva, irrid immur.”

59 Għalhekk bagħtu lil Rebekka* u lil dik li darba kienet tieħu ħsiebha* u lill-qaddej t’Abraham u lill-irġiel tiegħu. 60 U bierku lil oħthom u qalulha: “Rebekka, jalla d-dixxendenti tiegħek isiru ħafna eluf* u jieħdu f’idejhom il-bliet* taʼ dawk li jobogħduhom.” 61 Imbagħad hi u l-qaddejja nisa tagħha qamu, rikbu fuq l-iġmla, u marru wara r-raġel. B’hekk, il-qaddej ħa lil Rebekka u telaq.

62 Issa Iżakk kien ġej lura mid-direzzjoni taʼ Bir-laħaj-roj, għax kien qed jgħix fl-art tan-Negeb. 63 Meta kienet nieżla x-xemx, Iżakk kien barra jippassiġġa fl-għalqa sabiex jimmedita. Meta ħares ’il fuq, ra l-iġmla ġejjin. 64 Meta Rebekka ħarset ’il fuq, hi rat lil Iżakk, u mill-ewwel niżlet minn fuq il-ġemel. 65 U staqsiet lill-qaddej: “Min hu dak ir-raġel miexi fl-għalqa li ġej jiltaqaʼ magħna?” U l-qaddej qalilha: “Dak sidi.” Għalhekk, qabdet il-velu tagħha u tgħattiet bih. 66 U l-qaddej irrakkonta lil Iżakk kulma kien għamel. 67 Imbagħad Iżakk daħħalha fit-tinda t’ommu Sara. Hu ħa lil Rebekka bħala martu u sar iħobbha. B’hekk, Iżakk ħassu aħjar wara li tilef lil ommu.

25 Imbagħad Abraham ħa mara oħra li kien jisimha Ketura. 2 U din wellditlu lil Żimran, Ġoksan, Medan, Midjan, Isbak, u Suwaħ.

3 Ġoksan kellu lil Xeba u lil Dedan.

It-tfal taʼ Dedan kienu l-Assurin, il-Letusin, u l-Lewmin.

4 It-tfal taʼ Midjan kienu Għefa, Għefer, Ħanok, Abida, u Eldgħa.

Dawn kollha kienu t-tfal u n-neputijiet taʼ Ketura.

5 Maż-żmien, Abraham ta kulma kellu lil Iżakk, 6 imma lit-tfal li kellu mill-konkubini tiegħu tahom rigali. Imbagħad, waqt li kien għadu ħaj, bagħathom lejn il-Lvant, ’il bogħod minn ibnu Iżakk. 7 Abraham għex 175 sena. 8 Imbagħad Abraham ħa l-aħħar nifs u miet meta kien xjaħ sew, xiħ u sodisfatt, u nġabar maʼ niesu.* 9 It-tfal tiegħu Iżakk u Ismagħel difnuh fl-għar taʼ Makfela, fl-għalqa t’Għefron bin Soħar il-Ħitti li qiegħda quddiem Mamre, 10 l-għalqa li Abraham kien xtara mingħand it-tfal taʼ Ħet. Hu ndifen ħdejn martu Sara. 11 Wara li miet Abraham, Alla kompla jbierek lil ibnu Iżakk li kien qed jgħix qrib Bir-laħaj-roj.

12 Din hi l-istorja taʼ Ismagħel, bin Abraham minn Ħagar l-Eġizzjana, il-qaddejja taʼ Sara.

13 Dawn huma l-ismijiet tat-tfal taʼ Ismagħel skont l-oriġini tal-familja tagħhom: Nebajot, l-ewwel imwieled taʼ Ismagħel, imbagħad Kedar, Adbel, Mibsam, 14 Misma, Duma, Massa, 15 Ħadad, Tema, Ġetur, Nafis, u Kedema. 16 Dawn huma t-tfal taʼ Ismagħel, u dawn huma ismijiethom skont fejn kienu jgħixu u fejn kellhom il-kampijiet tagħhom:* 12-il kap skont it-tribujiet tagħhom. 17 U Ismagħel għex 137 sena. Imbagħad ħa l-aħħar nifs u miet u nġabar maʼ niesu.* 18 U huma* għexu fit-tined minn Ħawila qrib Sur, li hi viċin l-Eġittu, sal-Assirja. Hu għex qrib ħutu kollha.*

19 U din hi l-istorja taʼ Iżakk bin Abraham.

Abraham kellu lil Iżakk. 20 Iżakk kellu 40 sena meta żżewweġ lil Rebekka bint Betwel l-Arami mill-Fiddien-aram, oħt Laban l-Arami. 21 U Iżakk baqaʼ jitlob mill-qalb lil Ġeħova dwar martu, għax ma setax ikollha tfal. Għalhekk, Ġeħova wieġeb it-talb mill-qalb tiegħu, u martu Rebekka ħarġet tqila. 22 Hi ħasset li t-tfal tagħha bdew jagħtu bejniethom f’żaqqha, u b’hekk qalet: “Jekk inhu hekk, għala għandi nibqaʼ ngħix?” Allura hi talbet lil Ġeħova biex tkun taf għala qed jiġri dan. 23 U Ġeħova qalilha: “Żewġt iġnus hemm f’żaqqek, u żewġ popli se jinfirdu minn ġo fik. Poplu minnhom se jkun iktar b’saħħtu mill-ieħor, u l-kbir jaqdi liż-żgħir.”

24 Meta wasal iż-żmien biex twelled kellha tewmin. 25 L-ewwel wieħed li ħareġ kien ħamrani u ġismu kollu kien bħal libsa tas-suf, allura semmewh Għesaw.* 26 Wara ħareġ ħuh li kellu idu mqabbda m’għarqub Għesaw, allura hu ssemma Ġakobb.* Iżakk kellu 60 sena meta martu welldithom.

27 Hekk kif is-subien kibru, Għesaw sar jinqalaʼ għall-kaċċa u spiss kien ikun barra jikkaċċja. Imma Ġakobb kien raġel bla ħtija li jqattaʼ ħafna ħin fit-tined. 28 U Iżakk kien iħobb iktar lil Għesaw għax kien iġiblu x’jiekol mill-kaċċa li jaqbad, filwaqt li Rebekka kienet tħobb iktar lil Ġakobb. 29 Darba waħda, Ġakobb kien qed isajjar ftit soppa meta Għesaw ġie mill-għalqa għajjien mejjet. 30 Għalhekk, Għesaw qal lil Ġakobb: “Jekk jogħġbok, fittex agħtini ftit mis-soppa l-ħamra li għandek hemmhekk,* għax jien għajjien mejjet!”* Kien għalhekk li kellu isem ieħor, Edom.* 31 U Ġakobb qallu: “L-ewwel begħli d-dritt tiegħek bħala l-ewwel imwieled!” 32 U Għesaw wieġbu: “Jien ħa mmut bil-ġuħ! X’jiswieli d-dritt bħala l-ewwel imwieled?” 33 U Ġakobb żied: “L-ewwel aħlifli!” U hu ħaliflu u biegħ id-dritt tiegħu bħala l-ewwel imwieled lil Ġakobb. 34 Imbagħad Ġakobb ta lil Għesaw il-ħobż u s-soppa tal-għads, u hu kiel u xorob, u mbagħad qam u telaq. B’hekk, Għesaw ma qisux taʼ valur id-dritt tiegħu bħala l-ewwel imwieled.

26 Issa kien hemm il-ġuħ fil-pajjiż, minbarra l-ġuħ li kien hemm l-ewwel darba fi żmien Abraham, u b’hekk Iżakk mar għand Abimelek, re tal-Filistin, f’Gerar. 2 Imbagħad deherlu Ġeħova u qallu: “Tinżilx l-Eġittu. Għix fl-art li ngħidlek jien. 3 Għix bħala barrani f’din l-art, u jien inkompli nkun miegħek u nbierkek, għax dawn l-artijiet kollha se nagħtihom lilek u lid-dixxendenti tiegħek,* u se nagħmel dak li ħlift lil missierek Abraham: 4 ‘Se nżid lid-dixxendenti tiegħek* daqs l-istilel tas-sema u se nagħtihom dawn l-artijiet kollha. U permezz tagħhom, il-popli kollha tal-art se jitbierku,’ 5 minħabba l-fatt li Abraham semaʼ minn kliemi u baqaʼ jobdi l-ħtiġijiet tiegħi, il-kmandi tiegħi, u l-liġijiet kollha tiegħi.” 6 Għalhekk, Iżakk baqaʼ jgħix f’Gerar.

7 Meta n-nies tal-post kienu jistaqsuh dwar martu, hu kien jgħidilhom: “Hi oħti.” Kien jibżaʼ jgħidilhom li Rebekka hi martu, għax ħaseb li setgħu joqtluh minħabba li kienet sabiħa. 8 Wara li għadda xi żmien, Abimelek, re tal-Filistin, kien qed jittawwal mit-tieqa u ra lil Iżakk iżiegħel* b’martu Rebekka. 9 Abimelek minnufih għajjat lil Iżakk u qallu: “Din mhi ħadd ħlief martek! Allura għala għedt, ‘Hi oħti’?” U Iżakk wieġbu: “Għedt hekk għax bżajt li mmut minħabba fiha.” 10 Imma Abimelek kompla: “Għala għamiltilna hekk? Xi ħadd mill-poplu setaʼ faċilment jimtedd maʼ martek, u aħna konna nkunu ħatjin minħabba fik!” 11 Imbagħad Abimelek ikkmanda lin-nies kollha u qalilhom: “Kull min imiss lil dan ir-raġel u lil martu żgur li jinqatel!”

12 U Iżakk beda jiżraʼ ż-żerriegħa f’dik l-art, u f’dik is-sena ġabar 100 darba iżjed minn dak li żeraʼ, għax Ġeħova kien qed ibierku. 13 Ir-raġel sar sinjur, u baqaʼ jirnexxi sakemm sar sinjur kbir. 14 Hu kiseb imrieħel tan-nagħaġ, imrieħel tal-baqar, u ħafna qaddejja, u l-Filistin bdew jgħiru għalih.

15 Allura l-Filistin ħadu l-ħamrija u għalqu l-bjar kollha li l-qaddejja taʼ missieru kienu ħaffru fi żmien Abraham. 16 Abimelek imbagħad qal lil Iżakk: “Itlaq mill-inħawi tagħna, għax sirt ħafna iktar b’saħħtek minna.” 17 Għalhekk, Iżakk telaq minn hemmhekk u kkampja fil-wied taʼ Gerar u beda jgħix hemm. 18 U Iżakk reġaʼ ħaffer il-bjar tal-ilma li kienu tħaffru fi żmien missieru Abraham imma li l-Filistin kienu għalqu wara l-mewt t’Abraham, u hu semmiehom bl-ismijiet li kien tahom missieru.

19 Meta l-qaddejja taʼ Iżakk bdew iħaffru fil-wied, sabu bir tal-ilma ġieri. 20 U r-ragħajja taʼ Gerar bdew jargumentaw mar-ragħajja taʼ Iżakk u jgħidulhom: “Dan l-ilma tagħna!” Għalhekk, Iżakk semma l-bir Esek,* għaliex kienu ġġieldu miegħu. 21 U bdew iħaffru bir ieħor, u argumentaw fuqu wkoll. Għalhekk, semmieh Sitna.* 22 Iktar tard, telaq minn hemmhekk u ħaffer bir ieħor, imma m’argumentawx fuqu. B’hekk, semmieh Reħobot* u qal: “Għaliex issa Ġeħova tana wisaʼ biżżejjed biex inkunu nistgħu niżdiedu fuq l-art.”

23 U minn hemmhekk telaʼ lejn Bir-xeba. 24 Dak il-lejl, Ġeħova deherlu u qallu: “Jien l-Alla taʼ missierek Abraham. Tibżax, għax jien miegħek, u se nbierkek u nżid lid-dixxendenti tiegħek* minħabba l-qaddej tiegħi Abraham.” 25 Allura hu bena artal hemmhekk u qiem lil Ġeħova u uża ismu. U Iżakk rama t-tinda tiegħu hemm, u l-qaddejja tiegħu ħaffru bir hemmhekk.

26 Iktar tard, Abimelek ġie għandu minn Gerar m’Aħużżat, li kien jagħtih il-pariri, u maʼ Fikol, il-kap tal-armata tiegħu. 27 U Iżakk qalilhom: “Għala ġejtu għandi, ladarba kontu tobogħduni u keċċejtuni mill-inħawi tagħkom?” 28 Huma wieġbu: “Aħna rajna li Ġeħova żgur qiegħed miegħek. Għalhekk iddeċidejna niġu għandek u ngħidulek, ‘Jekk jogħġbok, ejja nagħmlu ħalfa bejnietna u patt miegħek 29 għax int ġejt imbierek minn Ġeħova. La tagħmlilna ebda ħsara bħalma aħna m’għamilnilekx ħsara, imma għamilnielek ġid biss billi bgħatniek fil-paċi.’” 30 Imbagħad għamlilhom festa u kielu u xorbu. 31 L-għada qamu kmieni u ħalfu lil xulxin. Imbagħad Iżakk bagħathom u telqu mingħandu fil-paċi.

32 Dakinhar, il-qaddejja taʼ Iżakk ġew ikellmuh dwar il-bir li kienu ħaffru, u qalulu: “Sibna l-ilma!” 33 Allura semmieh Xibah. Hu għalhekk li l-belt jisimha Bir-xeba sa dan il-jum.

34 Meta Għesaw kellu 40 sena, iżżewweġ lil Ġuditta bint Begħeri l-Ħitti kif ukoll lil Basemat bint Elon il-Ħitti. 35 Huma mlew il-ħajja taʼ Iżakk u Rebekka b’inkwiet kbir.*

27 Meta Iżakk xjaħ u l-vista tiegħu naqset sew, għajjat lil ibnu l-kbir Għesaw u qallu: “Ibni!” Hu wieġbu: “Hawn jien!” 2 U hu qallu: “Jien xjaħt u ma nafx meta se mmut. 3 Għalhekk, jekk jogħġbok, issa ħu l-vleġeġ u l-qaws tiegħek, u oħroġ aqbad annimal salvaġġ għalija. 4 Imbagħad agħmilli platt ikel tajjeb kif inħobbu jien u ġibhuli ħa nieklu, sabiex jien* inkun nistaʼ nbierkek qabel ma mmut.”

5 Madankollu, Rebekka semgħet lil Iżakk ikellem lil ibnu Għesaw. U Għesaw ħareġ jikkaċċja biex iġib dak li jaqbad lil missieru. 6 U Rebekka qalet lil binha Ġakobb: “Għadni kif smajt lil missierek ikellem lil ħuk Għesaw, u qallu, 7 ‘Ġibli dak li taqbad mill-kaċċa u agħmilli platt ikel tajjeb ħa nieklu, biex inbierkek quddiem Ġeħova qabel ma mmut.’ 8 U issa ibni, oqgħod attent għal dak li se ngħidlek u agħmel kif qed ngħidlek. 9 Jekk jogħġbok, mur u ġibli tnejn mill-aqwa gidjien mill-merħla biex nagħmel platt ikel tajjeb għal missierek, kif iħobbu hu. 10 Imbagħad ħudu lil missierek ħalli jieklu, sabiex ibierkek qabel ma jmut.”

11 Ġakobb qal lil ommu Rebekka: “Imma ħija Għesaw hu raġel sufi u jien m’iniex. 12 X’jiġri jekk missieri jmissni? Imbagħad żgur li jinduna li qed nidħaq bih, u nġib saħta fuqi minflok barka.” 13 U ommu wiġbitu: “Fuqi tkun is-saħta li tistaʼ tiġi fuqek, ibni. Int ismaʼ minni u mur ġibhomli.” 14 Għalhekk, mar, ġabhom, u tahom lil ommu, u ommu għamlet platt ikel tajjeb kif kien iħobbu missieru. 15 Imbagħad Rebekka ħadet l-aħjar ħwejjeġ taʼ binha l-kbir Għesaw, li kellha d-dar, u libbsithom lil binha ż-żgħir Ġakobb. 16 U poġġietlu l-ġlud tal-gidjien fuq idejh u fuq il-parti bla suf t’għonqu. 17 Imbagħad lil binha Ġakobb tatu f’idu l-platt ikel tajjeb u l-ħobż li kienet għamlet.

18 U hu daħal ħdejn missieru u qallu: “Pa!” u dan wieġbu: “Hawn jien! Min int, ibni?” 19 Ġakobb qal lil missieru: “Jien Għesaw, l-ewwel imwieled tiegħek. Għamilt eżatt dak li għedtli. Qum bilqiegħda jekk jogħġbok, u kul ftit minn dak li qbadtlek, sabiex int* tberikni.” 20 Għal dan, Iżakk qallu: “Kif sibtu daqshekk malajr?” Hu wieġbu: “Għaliex Ġeħova l-Alla tiegħek għenni nsibu.” 21 Imbagħad Iżakk qal lil Ġakobb: “Ersaq qrib, jekk jogħġbok, ħalli mmissek, ibni, ħa nkun naf jekk intix tassew Għesaw jew le.” 22 Għalhekk, Ġakobb resaq qrib missieru Iżakk, u dan messu u qal: “Il-leħen hu taʼ Ġakobb, imma l-idejn huma t’Għesaw.” 23 Hu m’għarfux għax idejh kienu kollha suf bħal idejn ħuh Għesaw. Għalhekk bierku.

24 Imbagħad staqsieh: “Int veru ibni Għesaw?” u wieġbu: “Iva.” 25 U hu qallu: “Ibni, ġibli ftit mil-laħam tal-annimal li qbadtli biex wara li nieklu, jien* inbierkek.” U ġabhulu u kiel, u ġablu l-inbid u xorob. 26 U missieru Iżakk qallu: “Jekk jogħġbok ibni, ersaq qrib u busni.” 27 Għalhekk, resaq qrib u biesu, u Iżakk setaʼ jxommlu r-riħa taʼ ħwejġu. Imbagħad bierku u qallu:

“Ir-riħa taʼ ibni hi bħar-riħa tal-għelieqi li Ġeħova bierek. 28 Jalla l-Alla l-veru jagħtik in-nida tas-sema, il-ħamrija fertili tal-art, u abbundanza taʼ ċereali* u nbid ġdid. 29 Ħa jaqduk il-popli u ħa jmilu quddiemek il-ġnus. Sir sid fuq ħutek, u ħa jmilu quddiemek it-tfal t’ommok. Kull min jisħtek ikun misħut, u kull min ibierkek ikun imbierek.”

30 Issa malli Iżakk kien għadu kif bierek lil Ġakobb, u Ġakobb kien għadu kif telaq minn ħdejn missieru, ħuh Għesaw ġie lura mill-kaċċa. 31 Hu wkoll għamel platt ikel tajjeb u ġabu lil missieru, u qallu: “Qum pa u kul ftit mil-laħam tal-annimal li qbadt, sabiex int* tberikni.” 32 Għal dan missieru Iżakk qallu: “Min int?” u hu wieġbu: “Jien ibnek, l-ewwel imwieled tiegħek, Għesaw.” 33 U Iżakk qabditu rogħda kbira ħafna, u b’hekk qal: “Min kien, mela, dak li mar għall-kaċċa u ġabli dak li qabad? Jien kilt qabel ma ġejt int u beriktu, u żgur li se jkun imbierek!”

34 Malli semaʼ kliem missieru, Għesaw beda jgħajjat b’leħen imdejjaq, u qallu: “Berikni, bierek lili wkoll, pa!” 35 Imma hu qallu: “Ħuk ġie għandi bil-qerq biex jieħu l-barka li kellha tkun għalik.” 36 U dan wieġbu: “Mhux taʼ b’xejn jismu Ġakobb,* għax ħadli posti darbtejn! Diġà ħadli d-dritt bħala l-ewwel imwieled, u issa ħadli l-barka!” Imbagħad żied: “Ma ħallejtx barka għalija?” 37 Imma Iżakk wieġeb lil Għesaw: “Jien għamiltu sid fuqek, u tajtu lil ħutu kollha bħala qaddejja, u tajtu ċereali u nbid ġdid biex ngħinu. X’għad hemm li nistaʼ nagħmel għalik, ibni?”

38 Għesaw qal lil missieru: “Barka waħda biss għandek, pa? Berikni, bierek lili wkoll, pa!” U malli qal hekk, Għesaw għajjat u nfaqaʼ jibki. 39 Għalhekk, missieru Iżakk wieġbu:

“Int se tgħix ’il bogħod mill-ħamrija fertili tal-art u min-nida tas-sema. 40 Se tuża x-xabla matul ħajtek kollha, u se taqdi lil ħuk. Imma meta tixbaʼ, int żgur li se tkisser il-madmad tiegħu minn fuq għonqok.”

41 Wara dan, Għesaw kellu mibegħda kbira għal Ġakobb minħabba l-barka li missieru kien tah, u Għesaw baqaʼ jgħid f’qalbu: “Il-mewt taʼ missieri, il-jiem tal-vistu huma qrib. U wara, jien se noqtol lil ħija Ġakobb.” 42 Meta Rebekka saret taf x’kien qed jippjana binha l-kbir Għesaw, minnufih bagħtet għal binha ż-żgħir Ġakobb u qaltlu: “Ħuk Għesaw qed jippjana li jpattihielek billi joqtlok.* 43 Issa ibni, agħmel dak li se ngħidlek. Aħrab u mur għand ħija Laban f’Ħaran. 44 Għix miegħu għal xi żmien sakemm tonqos ir-rabja taʼ ħuk, 45 sakemm ħuk ma jibqax daqshekk irrabjat għalik u jinsa dak li għamiltlu. Imbagħad jien nibgħat għalik. Għala għandi nitlifkom it-tnejn f’jum wieħed?”

46 Imbagħad Rebekka baqgħet tgħid lil Iżakk: “Nobgħod lil ħajti minħabba l-bniet taʼ Ħet. X’tiswa ħajti jekk Ġakobb xi darba jieħu mara mill-bniet taʼ Ħet, bħall-bniet taʼ din l-art?”

28 U Iżakk għajjat lil Ġakobb u bierku u kkmandah: “Tiżżewwiġx mara mill-bniet taʼ Kangħan. 2 Mur il-Fiddien-aram fid-dar taʼ Betwel missier ommok u żżewweġ mara mit-tfal taʼ Laban ħu ommok. 3 L-Alla li Jistaʼ Kollox ibierkek u jagħtik ħafna u ħafna tfal, u int żgur li ssir poplu kbir. 4 U jagħti l-barka t’Abraham lilek u lid-dixxendenti tiegħek,* sabiex tieħu f’idejk l-art li qed tgħix fiha bħala barrani, li Alla ta lil Abraham.”

5 Għalhekk, Iżakk bagħat lil Ġakobb, u dan telaq lejn il-Fiddien-aram għand Laban bin Betwel l-Arami. Laban kien ħu Rebekka, omm Ġakobb u Għesaw.

6 Għesaw sar jaf li Iżakk kien bierek lil Ġakobb u bagħtu lejn il-Fiddien-aram biex jieħu mara għalih minn hemmhekk u li meta bierku, ikkmandah: “Tiżżewwiġx mara mill-bniet taʼ Kangħan.” 7 U sar jaf li Ġakobb obda lil missieru u lil ommu u telaq lejn il-Fiddien-aram. 8 Għesaw imbagħad irrealizza li missieru Iżakk ma kienx kuntent bil-bniet taʼ Kangħan. 9 Għalhekk, Għesaw mar għand il-familja taʼ Ismagħel, u minbarra n-nisa li diġà kellu, hu żżewweġ lil Maħalat oħt Nebajot. Maħalat kienet bint Ismagħel, bin Abraham.

10 Ġakobb telaq minn Bir-xeba u baqaʼ sejjer lejn Ħaran. 11 Hu wasal f’ċertu post u pprepara biex iqattaʼ l-lejl hemmhekk għaliex ix-xemx kienet niżlet. Għalhekk, ħa ġebla minn dak il-post u qegħedha flok imħadda taħt rasu u mtedd f’dak il-post. 12 Imbagħad kellu ħolma, u fiha kien hemm taraġ* li jibda mill-art u jasal sas-sema, u l-anġli t’Alla kienu telgħin u neżlin fuqu. 13 U kien hemm Ġeħova fuqu, u qal:

“Jien Ġeħova l-Alla t’Abraham u l-Alla taʼ Iżakk. L-art li qiegħed mimdud fuqha, se nagħtiha lilek u lid-dixxendenti tiegħek.* 14 U d-dixxendenti tiegħek* se jsiru daqs it-trab tal-art, u int se tinfirex lejn il-Punent, il-Lvant, it-Tramuntana, u n-Nofsinhar. Permezz tiegħek u d-dixxendenti tiegħek,* żgur li se jitbierku* l-familji kollha tal-art. 15 Jien miegħek u se nipproteġik kull fejn tmur u se nġibek lura lejn din l-art. Mhux se nitilqek sakemm inkun għamilt kulma wegħedtek.”

16 Imbagħad Ġakobb qam mill-irqad u qal: “Ġeħova veru qiegħed f’dan il-post, u jien ma kontx naf.” 17 U beda jibżaʼ u kompla jgħid: “Kemm hu tal-għaġeb dan il-post! Din żgur li hi d-dar t’Alla, u dan hu bieb is-sema.” 18 Għalhekk, Ġakobb qam kmieni, qabad il-ġebla li għamel taħt rasu, qegħedha bħala ġebla taʼ tifkira,* u ferraʼ ż-żejt fuqha. 19 Allura dak il-post semmieh Betel,* imma qabel dik il-belt kien jisimha Luż.

20 Ġakobb imbagħad għamel ħalfa u qal: “Jekk Alla jibqaʼ miegħi, jipproteġini fil-vjaġġ tiegħi, jagħtini ħobż x’niekol u ħwejjeġ x’nilbes, 21 u nerġaʼ lura fil-paċi lejn dar missieri, Ġeħova żgur li jkun wera li hu l-Alla tiegħi. 22 U din il-ġebla li qegħedt bħala tifkira se ssir dar t’Alla, u żgur li nagħtik għaxra fil-100 minn kulma tagħtini.”

29 Imbagħad Ġakobb kompla jivvjaġġa lejn l-artijiet tal-Lvant. 2 Issa hu ra bir fl-għalqa u ħdejh kien hemm tliet merħliet nagħaġ mimdudin, għax normalment ir-ragħajja kienu jagħtu l-ilma lill-imrieħel minn dan il-bir. U kien hemm ġebla kbira fuq il-bir. 3 Meta l-imrieħel kollha kienu jinġabru hemmhekk, ir-ragħajja kienu jgerbu l-ġebla minn fuq il-bir u jagħtu lill-imrieħel x’jixorbu, u wara kienu jerġgħu jqiegħdu l-ġebla f’postha fuq il-bir.

4 Għalhekk, Ġakobb qalilhom: “Ħuti, minn fejn intom?” u huma wiġbuh: “Minn Ħaran.” 5 U qalilhom: “Tafuh lil Laban in-neputi taʼ Naħor?” u huma wiġbuh: “Nafuh.” 6 Għalhekk qalilhom: “Kif inhu, tajjeb?” Wiġbuh: “Tajjeb. U dik li ġejja bin-nagħaġ hi bintu Rakele!” 7 U hu qal: “Fadallu biex jidlam u għadu mhuwiex il-ħin biex jinġabru l-imrieħel. Agħtuhom l-ilma n-nagħaġ, imbagħad morru agħlfuhom.” 8 Għal dan qalulu: “M’għandniex permess nagħmlu hekk. L-ewwel iridu jinġabru l-imrieħel kollha, u mbagħad ingerbu l-ġebla minn fuq il-bir u nagħtu l-ilma lin-nagħaġ.”

9 Waqt li kien għadu qed jitkellem magħhom, waslet Rakele bin-nagħaġ taʼ missierha, għax hi kienet tieħu ħsiebhom. 10 Meta Ġakobb ra lil Rakele bin-nagħaġ taʼ missierha Laban, ħu ommu, Ġakobb minnufih resaq u gerbeb il-ġebla minn fuq il-bir u ta x’jixorbu lin-nagħaġ taʼ Laban. 11 Imbagħad Ġakobb bies lil Rakele u nfaqaʼ jibki b’leħen għoli. 12 U Ġakobb beda jgħid lil Rakele li hu kien jiġi minn* missierha u li kien bin Rebekka. U hi telqet tiġri u qalet lil missierha b’dan.

13 Malli Laban semaʼ l-aħbar dwar Ġakobb bin oħtu, telaq jiġri biex jiltaqaʼ miegħu. Hu għannqu, biesu, u ħadu d-dar tiegħu. U Ġakobb beda jirrakkonta lil Laban dak kollu li ġralu. 14 Laban qallu: “Int żgur tiġi minni mill-qrib.”* Għalhekk, qagħad miegħu xahar sħiħ.

15 Imbagħad Laban qal lil Ġakobb: “Imbilli tiġi minni,* ma jfissirx li għandek taqdini b’xejn. Għidli, x’għandu jkun ħlasek?” 16 Laban kellu żewġt ibniet. Il-kbira kien jisimha Lea u ż-żgħira Rakele. 17 Imma Lea ma kellhiex għajnejha sbieħ, filwaqt li Rakele kienet mara sabiħa u attraenti ħafna. 18 Ġakobb sar iħobb lil Rakele. Għalhekk qal: “Jien lest li naqdik sebaʼ snin għal bintek iż-żgħira Rakele.” 19 U Laban qallu: “Aħjar nagħtiha lilek milli nagħtiha lil xi raġel ieħor. Ibqaʼ għix miegħi.” 20 U Ġakobb qeda sebaʼ snin għal Rakele, imma għalih dawn kienu qishom ftit jiem daqskemm kien iħobbha.

21 Imbagħad Ġakobb qal lil Laban: “Agħtini lil marti għaliex għalaqli ż-żmien, sabiex inkun nistaʼ jkolli x’naqsam magħha.” 22 U Laban ġabar lin-nies kollha tal-post u għamel festa. 23 Imma dakinhar filgħaxija, hu ħa lil bintu Lea u tahielu biex ikollu x’jaqsam magħha. 24 Ukoll, Laban ta l-qaddejja tiegħu Żilfa lil bintu Lea biex tkun il-qaddejja tagħha. 25 Filgħodu Ġakobb ra li kienet Lea! Allura qal lil Laban: “X’għamiltli? Jien mhux għal Rakele qdejtek? Għala dħaqt bija?” 26 U Laban qallu: “Hawn mhux id-drawwa tagħna li nagħtu ż-żgħira qabel il-kbira. 27 Iċċelebra ġimgħa maʼ din il-mara. Wara tingħatalek ukoll il-mara l-oħra jekk taqdini sebaʼ snin oħra.” 28 Ġakobb għamel hekk u ċċelebra l-ġimgħa maʼ din il-mara, u wara Laban tah lil bintu Rakele b’martu. 29 Barra minn hekk, Laban ta l-qaddejja tiegħu Bilħa lil bintu Rakele bħala l-qaddejja tagħha.

30 Imbagħad Ġakobb kellu x’jaqsam ukoll maʼ Rakele, u lil Rakele kien iħobbha iktar minn Lea, u qdieh għal sebaʼ snin oħra. 31 Meta Ġeħova ra li Lea ma kinitx maħbuba,* hu ppermetta li toħroġ tqila,* imma Rakele ma setax ikollha tfal. 32 U Lea ħarġet tqila u kellha tifel u semmietu Ruben,* għax qalet: “Hu għaliex Ġeħova ra t-tbatija tiegħi, u issa żewġi se jsir iħobbni.” 33 U hi reġgħet ħarġet tqila u kellha tifel, u qalet: “Hu għaliex Ġeħova semagħni, peress li ma kontx maħbuba, u b’hekk tani lil dan ukoll.” Imbagħad semmietu Simegħon.* 34 U reġgħet ħarġet tqila u kellha tifel u mbagħad qalet: “Issa din id-darba żewġi jinġibed lejja, għaliex wellidtlu tliet subien.” Għalhekk, semmietu Levi.* 35 U għal darb’oħra ħarġet tqila u kellha tifel u mbagħad qalet: “Din id-darba se nfaħħar lil Ġeħova.” Għalhekk, semmietu Ġuda.* Imbagħad għal xi żmien ma kellhiex iktar tfal.

30 Meta Rakele rat li ma kinitx welldet tfal lil Ġakobb, hi bdiet tgħir għal oħtha u qalet lil Ġakobb: “Agħtini t-tfal inkella mmut.” 2 U Ġakobb irrabja ma’ Rakele u qalilha: “Jaqaw jien flok Alla, li żammek milli jkollok it-tfal?” 3 Għalhekk qaltlu: “Hawn hi Bilħa, l-ilsira tiegħi. Ħa jkollok x’taqsam magħha sabiex hi twelled it-tfal għalija* u permezz tagħha, anki jien ikolli t-tfal.” 4 U tatu lill-qaddejja tagħha Bilħa b’martu, u Ġakobb kellu x’jaqsam magħha. 5 Bilħa ħarġet tqila u meta għalqilha ż-żmien welldet iben lil Ġakobb. 6 Imbagħad Rakele qalet: “Alla hu l-imħallef tiegħi u semaʼ wkoll leħni, u b’hekk tani iben.” Għalhekk, semmietu Dan.* 7 Bilħa, il-qaddejja taʼ Rakele, reġgħet ħarġet tqila u meta għalqilha ż-żmien kellha t-tieni iben minn Ġakobb. 8 Imbagħad Rakele qalet: “Iġġilidt kemm flaħt m’oħti. U ħriġt ukoll rebbieħa!” Għalhekk, semmietu Naftali.*

9 Meta Lea rat li ma kienx qed ikollha tfal, ħadet lill-qaddejja tagħha Żilfa u tatha lil Ġakobb b’martu. 10 U Żilfa, il-qaddejja taʼ Lea, welldet iben lil Ġakobb. 11 U Lea qalet: “Kemm jien iffortunata!” Għalhekk, semmietu Gad.* 12 Imbagħad Żilfa, il-qaddejja taʼ Lea, kellha t-tieni iben minn Ġakobb. 13 U Lea qalet: “Kemm jien ferħana! Għax in-nisa* se jgħidu li jien ferħana.” Għalhekk, semmietu Aser.*

14 Issa Ruben kien qed jimxi fi żmien il-ħsad tal-qamħ u sab il-mandragori* fl-għalqa u ħadhom lil ommu Lea. Imbagħad Rakele qalet lil Lea: “Jekk jogħġbok, agħtini ftit mill-mandragori taʼ ibnek.” 15 U din qaltilha: “Mhux biżżejjed li ħadtli lil żewġi? Issa trid tieħu l-mandragori taʼ ibni wkoll?” Għalhekk Rakele qaltilha: “Mela nagħmlu hekk, int tagħtini l-mandragori t’ibnek u llejla Ġakobb jimtedd miegħek.”

16 Meta Ġakobb kien ġej mill-għalqa filgħaxija, Lea ħarġet tilqgħu u qaltlu: “Miegħi se jkollok x’taqsam, għax fil-fatt krejtek bil-mandragori taʼ ibni.” Għalhekk, dak il-lejl hu mtedd magħha. 17 U Alla semaʼ t-talba taʼ Lea u wiġibha u hi ħarġet tqila. Meta għalqilha ż-żmien welldet il-ħames iben lil Ġakobb. 18 U Lea qalet: “Alla tani ħlasi* talli tajt il-qaddejja tiegħi lil żewġi.” Għalhekk, semmietu Issakar.* 19 U Lea ħarġet tqila għal darb’oħra u meta għalqilha ż-żmien welldet is-sitt iben lil Ġakobb. 20 U Lea qalet: “Alla tani rigal tajjeb. Sa fl-aħħar, żewġi se jaċċettani, għaliex wellidtlu sitt subien.” Għalhekk, semmietu Żebulun.* 21 Wara kellha tifla u semmietha Dina.

22 Sa fl-aħħar, Alla ftakar f’Rakele, u Alla semagħha u wiġibha billi ppermetta li toħroġ tqila.* 23 U hi ħarġet tqila u kellha tifel. Imbagħad qalet: “Alla neħħieli d-diżunur minn fuqi!” 24 Għalhekk semmietu Ġużeppi,* u qalet: “Ġeħova qed iżidli iben ieħor.”

25 Wara li Rakele kellha lil Ġużeppi, Ġakobb minnufih qal lil Laban: “Ibgħatni biex immur f’dari u f’pajjiżi, 26 u ħallini nieħu miegħi lin-nisa u t-tfal tiegħi, li qdejtek għalihom, għax int taf sew kif qdejtek.” 27 U Laban qallu: “Jekk sibt il-ħniena f’għajnejk, ibqaʼ hawn jekk jogħġbok. Mis-sinjali* jien fhimt li Ġeħova qed iberikni minħabba fik.” 28 U kompla jgħid: “Għidli x’għandu jkun ħlasek u nagħtihulek.” 29 Għalhekk Ġakobb qallu: “Int taf kif qdejtek u kemm marret tajjeb il-merħla tiegħek miegħi. 30 Ftit kellek qabel ma ġejt jien, imma issa ara kemm żdiedet il-merħla tiegħek, u Ġeħova bierkek mindu ġejt jien. Allura, meta se nagħmel xi ħaġa għal dari stess?”

31 Imbagħad Laban qallu: “X’għandi nagħtik?” U Ġakobb qal: “Tagħtini assolutament xejn! Jekk tagħmilli din il-ħaġa li se ngħidlek, jien nerġaʼ nibda nirgħa l-merħla tiegħek u nieħu ħsiebha. 32 Illum ngħaddu qalb il-merħla kollha tiegħek. U int twarrab minnha kull nagħġa mnaqqxa u mtebbgħa, u kull muntun żgħir kannella skur u kull waħda mill-mogħoż imtebbgħa u mnaqqxa. U minn issa ’l quddiem, dawn ikunu ħlasi. 33 U l-onestà* tiegħi titkellem għalija meta fil-futur tiġi biex tiċċekkja ħlasi. Jekk issib għandi xi mogħża li mhix imnaqqxa u mtebbgħa jew xi muntun żgħir li mhux kannella skur, tistaʼ tqishom misruqin.”

34 U Laban qallu: “Iva, tajjeb! Ħa jkun kif għedt int.” 35 U dakinhar warrab il-bdabad bl-istrixxi u mtebbgħin u l-mogħoż kollha mnaqqxin u mtebbgħin, kulma kien fih l-abjad u kull wieħed kannella skur minn fost l-imtaten żgħar, u tahom lit-tfal tiegħu biex jieħdu ħsiebhom. 36 Wara dan, tbiegħed minn Ġakobb distanza taʼ tlett ijiem mixi, u Ġakobb kien qed jirgħa l-imrieħel taʼ Laban li kien fadal.

37 Imbagħad Ġakobb ħa xi friegħi li kienu għadhom kif inqatgħu mis-siġar tal-istoraċi, tal-lewż, u tad-dolf, u qaxxar partijiet mill-friegħi b’tali mod li bdew jidhru dwawar bojod ġo fihom. 38 Fl-aħħar, il-friegħi li kien qaxxar poġġiehom quddiem il-merħla, fil-ħwat tal-ilma fejn l-imrieħel kienu jiġu jixorbu, sabiex meta jisħnu* jarawhom quddiemhom meta jmorru jixorbu.

39 Għalhekk, l-imrieħel kienu jisħnu quddiem il-friegħi, u l-imrieħel kien ikollhom frieħ bl-istrixxi, imnaqqxin, u mtebbgħin. 40 Imbagħad Ġakobb fired l-imtaten iż-żgħar u għamel mod li l-bqija tal-imrieħel taʼ Laban iħarsu lejn dawk bl-istrixxi u dawk kollha li kienu kannella skuri. Imbagħad warrab l-imrieħel tiegħu u ma ħallathomx mal-imrieħel taʼ Laban. 41 U kull meta kienu jisħnu l-annimali b’saħħithom, Ġakobb kien ipoġġi l-friegħi fil-ħwat tal-ilma fejn jarawhom l-imrieħel, biex jisħnu ħdejn il-friegħi. 42 Imma meta l-annimali kienu jkunu dgħajfin ma kienx ipoġġihom quddiemhom. Għalhekk, id-dgħajfin dejjem kienu jkunu taʼ Laban, imma dawk b’saħħithom taʼ Ġakobb.

43 U r-raġel sar sinjur ħafna, u kellu mrieħel kbar ħafna, qaddejja nisa u rġiel, iġmla, u ħmir.

31 Maż-żmien hu semaʼ x’kienu qed jgħidu t-tfal taʼ Laban: “Ġakobb ħa kulma kellu missierna, u minn dak li kellu missierna akkwista dan il-ġid kollu.” 2 Meta Ġakobb kien iħares lejn Laban, hu kien jara li l-attitudni tiegħu lejh ma kinitx bħal qabel. 3 Fl-aħħar, Ġeħova qal lil Ġakobb: “Erġaʼ lura lejn art missirijietek u lejn qrabatek, u jien inkompli nkun miegħek.” 4 Imbagħad Ġakobb bagħat jgħid lil Rakele u lil Lea biex imorru l-għalqa ħdejn il-merħla tiegħu, 5 u qalilhom:

“L-attitudni taʼ missierkom lejja nbidlet, imma l-Alla taʼ missieri kien dejjem miegħi. 6 Intom tafu tajjeb li qdejt lil missierkom b’ħilti kollha. 7 Missierkom ipprova jqarraq bija u biddilli ħlasi għaxar darbiet, imma Alla ma ħalliehx jagħmilli l-ħsara. 8 Jekk kien jgħidli, ‘L-imnaqqxin ikunu ħlasek,’ il-merħla kollha kien ikollha frieħ imnaqqxin; imma jekk kien jgħidli, ‘Dawk bl-istrixxi jkunu ħlasek,’ il-merħla kollha kien ikollha frieħ bl-istrixxi. 9 Għalhekk, Alla baqaʼ jieħu l-merħla taʼ missierkom u jagħtiha lili. 10 Darba waħda, meta l-merħla saħnet, rajt dehra f’ħolma u fiha l-bdabad li kienu qed jgħammru l-merħla kienu bl-istrixxi, imnaqqxin, u ttikkjati. 11 U l-anġlu tal-Alla l-veru qalli fil-ħolma, ‘Ġakobb!’ u jien wiġibtu, ‘Hawn jien.’ 12 U hu kompla, ‘Ħares ’il fuq, jekk jogħġbok, u ara li l-bdabad li qed jgħammru l-merħla huma bl-istrixxi, imnaqqxin, u ttikkjati, għax jien rajt kulma qed jagħmillek Laban. 13 Jien l-Alla l-veru taʼ Betel, fejn int ferrajt iż-żejt fuq* ġebla* u għamiltli wegħda. Issa qum, oħroġ minn din l-art u erġaʼ lura lejn art twelidek.’”

14 U Rakele u Lea wiġbuh: “Għad baqgħalna xi sehem mill-wirt f’dar missierna? 15 Hu jqisna bħala barranin, ladarba biegħna u qed ikompli juża l-flus li ngħataw lilna. 16 Għax il-ġid kollu li Alla ħa mingħand missierna hu tagħna u tat-tfal tagħna. Għalhekk, agħmel kulma qallek Alla.”

17 Imbagħad Ġakobb tellaʼ lit-tfal u lin-nisa tiegħu fuq l-iġmla, 18 u ħa l-merħla kollha tiegħu u l-ġid kollu li kien akkwista fil-Fiddien-aram, sabiex imur għand missieru Iżakk fl-art taʼ Kangħan.

19 Issa Laban kien mar jaqtaʼ s-suf tan-nagħaġ tiegħu, u Rakele serqet l-istatwi tat-terafim* taʼ missierha. 20 Iktar minn hekk, Ġakobb qarraq b’Laban l-Arami, għax ma kienx qallu li se jaħrab. 21 U ħarab b’kulma kellu u qasam ix-Xmara.* Imbagħad mar lejn il-muntanji taʼ Gilegħad. 22 Fit-tielet jum, lil Laban qalulu li Ġakobb kien ħarab. 23 U Laban ħa miegħu lill-irġiel tiegħu* u mar jiġri warajh. U f’sebat ijiem laħqu fir-reġjun muntanjuż taʼ Gilegħad. 24 U Alla deher lil Laban l-Arami f’ħolma billejl u qallu: “Oqgħod attent x’tgħid lil Ġakobb.”*

25 Għalhekk, Laban mar ħdejn Ġakobb, li kien rama t-tinda tiegħu fuq il-muntanja. Issa Laban kien ikkampja mal-irġiel tiegħu fir-reġjun muntanjuż taʼ Gilegħad. 26 Imbagħad Laban qal lil Ġakobb: “X’għamilt? Għala qarraqt bija u ħadt lill-bniet tiegħi bħal ilsiera meħudin bix-xabla? 27 Għala ħrabt bil-moħbi u qarraqt bija u m’għedtlix? Li kieku għedtli, kont nibagħtek bil-ferħ u bl-għanjiet, bit-tanburlin u bl-arpa. 28 Imma int ma tajtnix ċans inbus in-neputijiet* u l-bniet tiegħi. Int aġixxejt bi bluha. 29 Jien nistaʼ nagħmlilkom il-ħsara, imma l-Alla taʼ missierkom kellimni l-lejl l-ieħor u qalli, ‘Oqgħod attent x’tgħid lil Ġakobb.’* 30 Int tlaqt minħabba li xtaqt tmur lura f’dar missierek. Iżda għala sraqt l-allat tiegħi?”

31 Ġakobb wieġeb lil Laban: “Ħrabt għax bżajt u għedt bejni u bejn ruħi, ‘Int se tiħodli bil-forza l-bniet tiegħek.’ 32 Għand min issib allatek, ma jibqax ħaj. Fittex fl-affarijiet tiegħi quddiem kulħadd, u ħu dak li hu tiegħek.” Imma Ġakobb ma kienx jaf li kienet serqithom Rakele. 33 Għalhekk, Laban daħal fit-tinda taʼ Ġakobb, taʼ Lea, u taż-żewġ ilsiera nisa, imma ma sabhomx. Imbagħad ħareġ mit-tinda taʼ Lea u daħal f’taʼ Rakele. 34 Sadanittant, Rakele qabdet l-istatwi tat-terafim u poġġiethom fil-basket taʼ mas-sarġ li n-nisa jużaw fuq il-ġemel, u qagħdet bilqiegħda fuqhom. Għalhekk, Laban fittex fit-tinda kollha, imma ma sabhomx. 35 Imbagħad qalet lil missierha: “Tirrabjax sidi, imma ma nistax inqum quddiemek peress li għandi dak li s-soltu jkollhom in-nisa.” Għalhekk, kompla jfittex bir-reqqa, imma l-istatwi tat-terafim ma sabhomx.

36 U Ġakobb irrabja u beda jikkritika lil Laban. Imbagħad qal lil Laban: “X’għamilt ħażin, u għal liema dnub qed tiġri warajja b’tant rabja? 37 Issa li fittixt f’ġidi kollu, x’sibt li hu taʼ darek? Poġġih hawnhekk quddiem kulħadd, u ħa jiddeċiedu huma bejnietna. 38 Matul dawn l-20 sena li ilni miegħek, in-nagħaġ u l-mogħoż tiegħek qatt ma kellhom korriment, u jien qatt ma kilt mill-imtaten tal-merħla tiegħek. 39 Ma ġibtlek ebda annimal imqattaʼ minn bhejjem slavaġ. Jien kont nagħmel tajjeb għalih. Sew jekk l-annimal kien jinsteraq matul il-jum u sew jekk kien jinsteraq billejl, int kont titlob kumpens mingħandi. 40 Matul il-jum kienet tkiddni s-sħana u billejl il-kesħa, u spiss ma kontx inkun nistaʼ norqod. 41 Ili f’darek 20 sena. Qdejtek 14-il sena għaż-żewġt ibniet tiegħek u sitt snin għall-merħla tiegħek, u int biddiltli ħlasi għaxar darbiet. 42 Li kieku l-Alla taʼ missieri, l-Alla t’Abraham u l-Wieħed li Iżakk iqim,* ma kienx miegħi, kont tibgħatni b’idi vojta. Alla ra t-tbatija tiegħi u kemm tħabatt, u kien għalhekk li wissiek il-lejl l-ieħor.”

43 Imbagħad Laban wieġeb lil Ġakobb: “Il-bniet huma l-bniet tiegħi u t-tfal it-tfal tiegħi u l-merħla l-merħla tiegħi, u kulma qed tħares lejh hu tiegħi u tal-bniet tiegħi. X’nistaʼ nagħmel jien illum kontra dawn jew kontra t-tfal li welldu? 44 Issa ejja nagħmlu patt jien u int, u dan iservi bħala xhieda bejnietna.” 45 B’hekk, Ġakobb ħa ġebla u waqqafha bħala tifkira.* 46 Imbagħad Ġakobb qal lill-irġiel:* “Iġbru l-ġebel!” U huma ġabru l-ġebel u għamluh gozz. Imbagħad kielu hemmhekk fuq dan il-ġebel. 47 U Laban semmieh Ġegar-saħaduta,* imma Ġakobb semmieh Galgħed.*

48 Imbagħad Laban qal: “Illum dan il-gozz hu xhieda bejni u bejnek.” Huwa għalhekk li ssemma Galgħed 49 u t-Torri tal-Għassa, għax qal: “Ħa jibqaʼ għassa Ġeħova bejni u bejnek meta ma nkunux qed naraw lil xulxin. 50 Jekk tittratta ħażin lill-bniet tiegħi jew tiżżewweġ nisa oħrajn, għalkemm m’hawn ħadd jarana, ftakar li Alla se jkun xhud bejnietna.” 51 Laban kompla jgħid lil Ġakobb: “Hawn dan il-gozz ġebel u l-ġebla bħala tifkira* li waqqaft bejni u bejnek. 52 Dan il-gozz ġebel u din il-ġebla bħala tifkira* huma xhieda li jien m’iniex se naqbiżhom biex nagħmillek il-ħsara u int mhux se taqbiżhom biex tagħmilli l-ħsara. 53 Ħalli l-Alla t’Abraham u l-Alla taʼ Naħor, jiġifieri l-Alla taʼ missierhom, jiġġudika bejnietna.” U Ġakobb ħalef bil-Wieħed li missieru Iżakk iqim.*

54 Imbagħad Ġakobb offra sagrifiċċju fuq il-muntanja u stieden lill-irġiel* biex jieklu l-ħobż. B’hekk, kielu u għaddew il-lejl fuq il-muntanja. 55 U filgħodu Laban qam kmieni, bies lin-neputijiet* u lill-bniet tiegħu u berikhom. Imbagħad mar lura lejn daru.

32 Imbagħad Ġakobb baqaʼ sejjer fi triqtu, u l-anġli t’Alla ltaqgħu miegħu. 2 Malli rahom, Ġakobb qal: “Din hi l-armata t’Alla!” Għalhekk, dak il-post semmieh Maħanajm.*

3 Imbagħad Ġakobb bagħat messaġġiera qablu għand ħuh Għesaw fl-art tas-Segħir, it-territorju* t’Edom, 4 u hu kkmandahom: “Għidulu hekk lil sidi, lil Għesaw, ‘Dan qal il-qaddej tiegħek Ġakobb: “Għext* maʼ Laban għal żmien twil. 5 U akkwistajt barrin, ħmir, nagħaġ, u qaddejja rġiel u nisa, u qed nibgħat ngħid lil sidi sabiex insib il-ħniena f’għajnejk.”’”

6 U l-messaġġiera ġew lura għand Ġakobb, u qalulu: “Iltqajna maʼ ħuk Għesaw, u hu issa qiegħed fi triqtu biex jiltaqaʼ miegħek, u miegħu għandu 400 raġel.” 7 U Ġakobb beżaʼ u sar ansjuż ħafna. Għalhekk, hu qassam f’żewġ kampijiet lin-nies li kellu miegħu, kif ukoll l-imrieħel, il-baqar, u l-iġmla. 8 Hu qal: “Jekk Għesaw jattakka kamp minnhom, il-kamp l-ieħor ikun jistaʼ jaħrab.”

9 Imbagħad Ġakobb qal: “Alla taʼ missieri Abraham u Alla taʼ missieri Iżakk, Ġeħova, int qed tgħidli, ‘Mur lura lejn artek u lejn qrabatek, u jien nittrattak tajjeb.’ 10 Jien ma jistħoqqlix l-imħabba, il-lealtà,* u l-qalb tajba kollha li int urejt miegħi, il-qaddej tiegħek, għax meta qsamt dan il-Ġordan kelli biss il-bastun tiegħi u issa għandi biżżejjed biex nifforma żewġ kampijiet. 11 Nitolbok, salvani minn id ħija Għesaw, għax qed nibżaʼ li jiġi u jattakka lili, kif ukoll lill-ommijiet u t-tfal tagħhom. 12 U int għedt, ‘Jien żgur nittrattak tajjeb u nagħmel lid-dixxendenti tiegħek* daqs ir-ramel tal-baħar, li hu wisq biex jingħadd.’”

13 U hu qattaʼ dak il-lejl hemmhekk. Imbagħad qabad ftit mill-ġid li kellu biex jagħtih bħala rigal lil ħuh Għesaw: 14 200 mogħża, 20 bodbod, 200 nagħġa, 20 muntun, 15 30 ġemel ireddgħu bil-frieħ magħhom, 40 baqra, għaxar barrin, 20 ħmara u għaxart iħmir.

16 Hu tahom lill-qaddejja tiegħu, merħla wara l-oħra, u qalilhom: “Aqsmu qabli u ħallu spazju bejn merħla u oħra.” 17 Ukoll, ikkmanda lill-ewwel qaddej: “Fil-każ li ħija Għesaw jiltaqaʼ miegħek u jistaqsik, ‘Taʼ min int? Fejn sejjer? Taʼ min huma l-annimali li hawn quddiemek?’ 18 int trid tgħidlu, ‘Jien tal-qaddej tiegħek Ġakobb u dawn l-annimali huma rigal għalik, sidi Għesaw. U ara, hu stess qiegħed warajna.’” 19 U kkmanda wkoll lit-tieni wieħed, lit-tielet, u lil dawk kollha li kienu mexjin wara l-imrieħel: “Hekk għandkom tgħidulu lil Għesaw meta tiltaqgħu miegħu. 20 U tridu tgħidulu wkoll, ‘Ara, il-qaddej tiegħek Ġakobb qiegħed warajna.’” Għax qal bejnu u bejn ruħu: ‘Jekk intaffi r-rabja tiegħu billi nibgħatlu rigal qabli, imbagħad meta narah, hu forsi jilqagħni tajjeb.’ 21 Għalhekk, il-qaddejja qasmu għan-naħa l-oħra qablu bir-rigal, imma hu qattaʼ l-lejl fejn ikkampjaw.

22 Iktar tard matul dak il-lejl, hu qam u ħa liż-żewġ nisa tiegħu, liż-żewġ qaddejja nisa tiegħu, u l-11-il tifel tiegħu u qasam ix-xmara tal-Ġabbok minn fejn l-ilma kien baxx. 23 Għalhekk, ħa lilhom u kulma kellu n-naħa l-oħra tax-xmara.*

24 Fl-aħħar, Ġakobb kien waħdu. Imbagħad ġie raġel u beda jissara miegħu sa ma sebaħ. 25 Meta ra li ma kienx għelbu, messlu l-ġog taʼ ġenbu, u l-ġog taʼ Ġakobb ħareġ minn postu waqt li kien qed jissara miegħu. 26 Imbagħad ir-raġel qallu: “Itlaqni, għax qed jisbaħ.” U Ġakobb wieġbu: “Ma nitilqekx qabel ma tberikni.” 27 Allura staqsieh: “X’jismek?” u hu wieġbu: “Ġakobb.” 28 Imbagħad qallu: “Ma jkunx jismek iktar Ġakobb imma Iżrael,* għax int issarajt m’Alla u mal-bnedmin u fl-aħħar irbaħt.” 29 Imbagħad Ġakobb qallu: “Jekk jogħġbok, għidli x’jismek.” Madankollu, hu qallu: “Għala tistaqsini x’jisimni?” U bierku hemmhekk. 30 Għalhekk, Ġakobb semma dak il-post Penijel,* għax qal, “Rajt lil Alla wiċċ imb wiċċ, u madankollu bqajt ħaj.”*

31 U x-xemx kienet telgħet meta għadda minn ħdejn Penwel,* u hu kien qed izappap minħabba ġenbu. 32 Huwa għalhekk li sa dan il-jum it-tfal t’Iżrael għandhom id-drawwa li ma jiklux in-nerv tal-koxxa,* li qiegħed fuq il-ġog tal-ġenbejn. Dan għax ir-raġel mess il-ġog taʼ ġenb Ġakobb li qiegħed ħdejn in-nerv taʼ koxxtu.

33 U Ġakobb ħares u ra lil Għesaw ġej, u miegħu kellu 400 raġel. Allura qassam lit-tfal bejn Lea, Rakele, u ż-żewġ qaddejja nisa. 2 Hu poġġa lill-qaddejja nisa u lit-tfal tagħhom quddiem, lil Lea u t-tfal tagħha warajhom, u lil Rakele u Ġużeppi fuq wara nett. 3 Imbagħad hu għadda qabilhom u miel lejn l-art sebaʼ darbiet hekk kif resaq viċin ħuh.

4 Imma Għesaw mar jiġri jiltaqaʼ miegħu u għannqu u biesu, u nfaqgħu jibku. 5 Meta ħares u ra lin-nisa u t-tfal, hu qal: “Min huma dawn li qegħdin miegħek?” u hu wieġbu: “It-tfal li Alla għoġbu jagħti lill-qaddej tiegħek.” 6 U l-qaddejja nisa resqu ’l quddiem mat-tfal tagħhom u mielu, 7 u anki Lea resqet ’il quddiem mat-tfal tagħha u mielu. Imbagħad resqu ’l quddiem Ġużeppi u Rakele u mielu.

8 Għesaw qal: “Għala bgħatt lin-nies u l-annimali li ltqajt magħhom?” Hu wieġbu: “Sabiex insib il-ħniena f’għajnejn sidi.” 9 Imbagħad Għesaw qallu: “Jien għandi ħafna u ħafna ġid, ħija. Żomm dak li hu tiegħek.” 10 Madankollu, Ġakobb qallu: “Le, jekk jogħġbok. Jekk sibt il-ħniena f’għajnejk, ħu r-rigal tiegħi għax jien ġibtu biex inkun nistaʼ nara wiċċek. U jien rajt wiċċek u qisni rajt wiċċ Alla għax int ilqajtni tajjeb. 11 Jekk jogħġbok, ħu r-rigal li ġibtlek u li bih irrid inbierkek, għax Alla kien ħanin miegħi u jien għandi kulma għandi bżonn.” U baqaʼ jinsisti miegħu, u għalhekk ħadu.

12 Iktar tard Għesaw qal: “Ejja nitilqu minn hawn, u ħallini nimxi quddiemek.” 13 U Ġakobb qallu: “Sidi, int taf li t-tfal huma delikati u li jien irrid nieħu ħsieb in-nagħaġ u l-baqar li qed ireddgħu. Jekk ngħaġġluhom iżżejjed għal jum wieħed, il-merħla kollha tmut. 14 Jekk jogħġbok sidi, għaddi qabli ħalli jien inkompli l-vjaġġ iktar bil-mod skont il-pass tal-bhejjem u tat-tfal sakemm nasal għandek fis-Segħir.” 15 Imbagħad Għesaw qallu: “Jekk jogħġbok, ħa nħalli ftit min-nies tiegħi miegħek.” Wieġbu: “M’hemmx għalfejn, sidi. Li nsib il-ħniena f’għajnejk kulma għandi bżonn.” 16 Għalhekk, dakinhar Għesaw mar lura fi triqtu lejn is-Segħir.

17 U Ġakobb ivvjaġġa lejn Sukkot, u bena dar għalih u għamel postijiet taʼ kenn għall-merħla tiegħu. Kien għalhekk li dak il-post semmieh Sukkot.*

18 Wara dan il-vjaġġ kollu, li beda mill-Fiddien-aram, Ġakobb wasal qawwi u sħiħ fil-belt taʼ Sikem, fl-art taʼ Kangħan, u hu rama l-kampijiet tiegħu qrib il-belt. 19 Imbagħad kiseb biċċa mill-għalqa fejn rama t-tinda tiegħu mingħand it-tfal taʼ Ħamor, missier Sikem, għal 100 biċċa tal-fidda.* 20 Hemmhekk bena artal u semmieh Alla hu l-Alla t’Iżrael.

34 Issa Dina, it-tifla ta’ Ġakobb minn Lea, kienet toħroġ biex tiltaqaʼ* mat-tfajliet tal-pajjiż. 2 Meta raha Sikem bin Ħamor il-Ħiwwi, kap taʼ tribù tal-pajjiż, ħadha u stupraha. 3 U hu ma setax ineħħi minn moħħu lil Dina bint Ġakobb, u sar iħobbha u kien joqgħod ikellimha biex jipperswadiha.* 4 Fl-aħħar, Sikem qal lil missieru Ħamor: “Sib mod kif din it-tfajla ssir marti.”

5 Meta Ġakobb semaʼ li Sikem kien iddiżonora lil bintu Dina, it-tfal tiegħu kienu mal-merħla tiegħu fl-għalqa. Allura Ġakobb ma qal lil ħadd sakemm marru lura. 6 Iktar tard, Ħamor missier Sikem mar għand Ġakobb biex ikellmu. 7 Imma t-tfal taʼ Ġakobb semgħu b’dan u telqu mill-għalqa mill-ewwel. Huma ħassewhom imweġġgħin u rrabjati ħafna għaliex Sikem kien iddiżonora lil Iżrael billi mtedd maʼ oħthom, bint Ġakobb. Din il-ħaġa qatt ma messha saret.

8 U Ħamor qal: “Ibni Sikem hu miġbud lejn* bintek. Jekk jogħġobkom, agħtuhielu b’martu, 9 u tħalltu magħna b’rabtiet taż-żwieġ. Il-bniet tagħkom agħtuhom lilna, u l-bniet tagħna ħuduhom intom. 10 Intom tistgħu toqogħdu magħna, u l-art tkun disponibbli għalikom. Għixu u nnegozjaw fiha u ssetiljaw fiha.” 11 Imbagħad Sikem qal lil missierha u lil ħutha: “Ħa nsib il-ħniena f’għajnejkom, u nagħtikom kulma titolbuni. 12 Tistgħu titolbuni prezz u rigal għoli għall-għarusa. Jien lest li nagħti kulma titolbuni, basta tagħtuni lit-tfajla b’marti.”

13 U t-tfal taʼ Ġakobb iddeċidew li jqarrqu b’Sikem u b’missieru Ħamor għaliex hu kien iddiżonora lil oħthom Dina. 14 Allura qalulhom: “Ma jistax ikun li nagħmlu ħaġa bħal din, li nagħtu lil oħtna lil raġel mhux ċirkonċiż, għaliex dan ikun diżunur għalina. 15 B’din il-kundizzjoni biss nistgħu naqblu magħkom: li intom issiru bħalna, billi kull raġel u tifel minnkom jiġi ċirkonċiż. 16 Imbagħad nagħtukom il-bniet tagħna, u aħna nieħdu l-bniet tagħkom, u ngħixu magħkom u nsiru poplu wieħed. 17 Imma jekk ma tisimgħux minna u ma tagħmlux iċ-ċirkonċiżjoni, allura nieħdu lil oħtna u mmorru.”

18 Kliemhom għoġob lil Ħamor u lil ibnu Sikem. 19 Iż-żagħżugħ ma damx m’għamel dak li qalulu, għaliex bint Ġakobb kienet togħġbu ħafna, u hu kien l-iktar wieħed stmat mid-dar kollha taʼ missieru.

20 Għalhekk, Ħamor u ibnu Sikem marru ħdejn bieb il-belt u kellmu lin-nies taʼ belthom, u qalulhom: 21 “Dawn in-nies iridu jżommu l-paċi magħna. Ħalluhom jgħixu fil-pajjiż u jinnegozjaw fih, għax l-art kbira biżżejjed biex huma joqogħdu fiha. Aħna nistgħu niżżewġu l-bniet tagħhom u huma l-bniet tagħna. 22 B’din il-kundizzjoni biss dawn l-irġiel se jaqblu li jgħixu magħna sabiex insiru poplu wieħed: kull raġel u tifel fostna għandu jiġi ċirkonċiż bħalma jiġu ċirkonċiżi huma. 23 Imbagħad l-affarijiet tagħhom, il-ġid tagħhom, u l-bhejjem kollha tagħhom isiru tagħna. Mela ejja nagħmlu li qalulna ħalli jgħixu magħna.” 24 Dawk kollha li kienu miġburin ħdejn bieb il-belt semgħu minn Ħamor u minn ibnu Sikem, u l-irġiel u s-subien kollha ġew ċirkonċiżi.

25 Madankollu, fit-tielet jum, meta kienu għadhom muġugħin, tnejn mit-tfal taʼ Ġakobb, Simegħon u Levi, ħut Dina, qabdu x-xabla tagħhom u daħlu fil-belt mingħajr ħadd ma ssuspetta xejn, u qatlu lil kull raġel u tifel. 26 Qatlu lil Ħamor u lil ibnu Sikem bix-xabla u mbagħad ħadu lil Dina minn dar Sikem u telqu. 27 It-tfal l-oħra taʼ Ġakobb daħlu fil-belt fejn kien hemm l-irġiel maqtulin u serqu l-belt għaliex Sikem kien iddiżonora lil oħthom. 28 Huma ħadu l-imrieħel tan-nagħaġ u tal-baqar tagħhom, il-ħmir tagħhom, u dak kollu li kien hemm fil-belt u fl-għelieqi. 29 Ħadu wkoll dak kollu li kellhom, ħadu lit-tfal u lin-nisa kollha tagħhom, u serqu kulma kien hemm fid-djar.

30 Minħabba f’hekk, Ġakobb qal lil Simegħon u lil Levi: “Intom ġibtuli ħafna inkwiet,* għax minħabba fikom sirt mibgħud min-nies tal-pajjiż, jiġifieri l-Kangħanin u l-Pereżin. Jien ftit għandi nies, u huma żgur li se jingħaqdu flimkien biex jattakkawni u jeqirduni għalkollox, lili u lil taʼ dari.” 31 Imma huma wiġbuh: “Għandu xi ħadd jittratta lil oħtna bħala prostituta?”

35 Wara dan, Alla qal lil Ġakobb: “Qum, itlaʼ lejn Betel u għix hemmhekk, u agħmel artal hemmhekk lill-Alla l-veru, li deherlek meta kont qed taħrab minn ħuk Għesaw.”

2 Imbagħad Ġakobb qal lin-nies taʼ daru u lil kull min kien miegħu: “Neħħu l-allat barranin li għandkom f’nofskom, tnaddfu, u biddlu ħwejjiġkom. 3 U ejja nqumu u nitilgħu lejn Betel. Hemmhekk jien se nagħmel artal lill-Alla l-veru, li wiġibni meta kont imdejjaq ħafna u li kien miegħi kull fejn mort.” 4 Għalhekk, lil Ġakobb tawh l-allat barranin kollha li kellhom u l-imsielet li kellhom f’widnejhom, u Ġakobb radamhom taħt is-siġra l-kbira li kienet qrib Sikem.

5 Meta komplew jivvjaġġaw, Alla ġiegħel lin-nies tal-bliet taʼ madwarhom jibżgħu, u b’hekk ma ġrewx wara t-tfal taʼ Ġakobb. 6 Fl-aħħar, Ġakobb wasal Luż, jiġifieri Betel, fl-art taʼ Kangħan, hu u n-nies kollha li kienu miegħu. 7 Hemmhekk bena artal u dak il-post semmieh El-Betel, għaliex hemm l-Alla l-veru kien deherlu meta ħarab minn ħuh. 8 Iktar tard Debora, il-mara li darba kienet tieħu ħsieb lil Rebekka, mietet u ġiet midfuna viċin Betel taħt siġra tal-ballut. Għalhekk, din semmieha Allon-bakut.*

9 Minn meta Ġakobb telaq mill-Fiddien-aram, Alla reġaʼ deherlu u bierku. 10 Alla qallu: “Int jismek Ġakobb. Imma issa ismek se jsir Iżrael.” U beda jgħajjatlu Iżrael. 11 U Alla qallu wkoll: “Jien l-Alla li Jistaʼ Kollox. Ħa jkollok it-tfal u ssir ħafna. Int se ssir missier taʼ popli, iva, ħafna popli, u minnek għad joħorġu* rejiet. 12 U l-art li jien tajt lil Abraham u lil Iżakk, se nagħtiha lilek u lid-dixxendenti tiegħek.” 13 Imbagħad Alla telaq minn ħdejh, mill-post fejn kien kellmu.

14 B’hekk, Ġakobb waqqaf ġebla bħala tifkira* fil-post fejn kien kellmu. U fuqha ferraʼ offerta tax-xorb u ferraʼ wkoll iż-żejt. 15 U l-post fejn kien kellmu Alla, Ġakobb reġaʼ semmieh Betel.

16 Imbagħad telqu minn Betel. U waqt li kien għad fadlilhom biċċa triq sewwa għal Efrata, Rakele bdiet twelled, u l-ħlas kien diffiċli ħafna. 17 Imma waqt li kienet qed issibha diffiċli biex twelled, il-majjistra qaltilha: “Tibżax, għax se jkollok dan it-tifel ukoll.” 18 Fl-aħħar mumenti taʼ ħajjitha,* waqt li kienet qed tmut, semmietu Ben-oni,* imma missieru semmieh Benjamin.* 19 B’hekk, Rakele mietet u difnuha fit-triq li tagħti għal Efrata, jiġifieri Betlem. 20 Għalhekk, Ġakobb poġġa ġebla bħala sinjal fuq il-qabar tagħha. Din hi l-ġebla tal-qabar taʼ Rakele sa dan il-jum.

21 Wara dan, Iżrael telaq u rama t-tinda tiegħu ’l hemm mit-torri t’Għeder. 22 Darba minnhom, waqt li Iżrael kien qed jgħix f’dik l-art, Ruben kellu x’jaqsam maʼ Bilħa l-konkubina taʼ missieru. U Iżrael semaʼ b’dan.

Ġakobb kellu 12-il tifel. 23 It-tfal minn Lea kienu Ruben, l-ewwel imwieled taʼ Ġakobb, imbagħad Simegħon, Levi, Ġuda, Issakar, u Żebulun. 24 It-tfal minn Rakele kienu Ġużeppi u Benjamin. 25 U t-tfal minn Bilħa, il-qaddejja taʼ Rakele, kienu Dan u Naftali. 26 U t-tfal minn Żilfa, il-qaddejja taʼ Lea, kienu Gad u Aser. Dawn huma t-tfal taʼ Ġakobb li twildulu fil-Fiddien-aram.

27 Sa fl-aħħar, Ġakobb wasal fejn kien missieru Iżakk f’Mamre, f’Kirjat-arba, jiġifieri Ħebron, fejn Abraham u Iżakk kienu għexu bħala barranin. 28 Iżakk għex 180 sena. 29 Imbagħad ħa l-aħħar nifs u miet u nġabar maʼ niesu,* wara li għex ħajja twila u sodisfaċenti.* U difnuh it-tfal tiegħu Għesaw u Ġakobb.

36 Din hi l-istorja t’Għesaw, jiġifieri Edom.

2 Għesaw ħa n-nisa tiegħu mill-bniet taʼ Kangħan: Għada bint Elon il-Ħitti, u Oħolibama bint Għana u n-neputija taʼ Sibgħon il-Ħiwwi, 3 u Basemat bint Ismagħel u oħt Nebajot.

4 U Għesaw kellu lil Elifaż minn Għada, lil Regħwel minn Basemat,

5 u lil Ġegħus, Ġagħlam, u Koraħ minn Oħolibama.

Dawn huma t-tfal t’Għesaw, li twildulu fl-art taʼ Kangħan. 6 U Għesaw ħa n-nisa tiegħu, is-subien u l-bniet tiegħu, il-membri* l-oħrajn kollha taʼ daru, il-merħla u l-bhejjem l-oħrajn kollha tiegħu, u l-ġid kollu li kien akkwista fl-art taʼ Kangħan, u telaq lejn art oħra ’l bogħod minn ħuh Ġakobb. 7 Għaliex ġidhom tant kien kiber li ma setgħux jgħixu flimkien, u l-art fejn kienu jgħixu* ma kinitx biżżejjed minħabba li kellhom ħafna annimali. 8 Għalhekk, Għesaw mar jgħix fir-reġjun muntanjuż tas-Segħir. Għesaw jgħidulu wkoll Edom.

9 U din hi l-istorja t’Għesaw, missier l-Edomin, li jgħixu fir-reġjun muntanjuż tas-Segħir.

10 Dawn huma l-ismijiet tat-tfal t’Għesaw: Elifaż bin Għada, mart Għesaw; Regħwel bin Basemat, mart Għesaw.

11 It-tfal t’Elifaż kienu Teman, Omar, Sefu, Gatam, u Kenaż. 12 Timna saret il-konkubina t’Elifaż bin Għesaw. Maż-żmien, lil Elifaż wellditlu lil Għamalek. Dawn huma n-neputijiet t’Għada, mart Għesaw.

13 Dawn huma t-tfal taʼ Regħwel: Naħat, Żeraħ, Sammah, u Miżża. Dawn kienu n-neputijiet taʼ Basemat, mart Għesaw.

14 Dawn kienu t-tfal li Oħolibama welldet lil Għesaw: Ġegħus, Ġagħlam, u Koraħ. Oħolibama, mart Għesaw, kienet it-tifla taʼ Għana u n-neputija taʼ Sibgħon.

15 Dawn huma l-kapijiet* tat-tfal t’Għesaw: It-tfal t’Elifaż, l-ewwel imwieled t’Għesaw: il-Kap Teman, il-Kap Omar, il-Kap Sefu, il-Kap Kenaż, 16 il-Kap Koraħ, il-Kap Gatam, u l-Kap Għamalek. Dawn huma l-kapijiet t’Elifaż fl-art t’Edom. Dawn huma n-neputijiet t’Għada.

17 Dawn huma t-tfal taʼ Regħwel bin Għesaw: Il-Kap Naħat, il-Kap Żeraħ, il-Kap Sammah, u l-Kap Miżża. Dawn huma l-kapijiet taʼ Regħwel fl-art t’Edom. Dawn huma n-neputijiet taʼ Basemat, mart Għesaw.

18 Fl-aħħar, dawn huma t-tfal t’Oħolibama, mart Għesaw: Il-Kap Ġegħus, il-Kap Ġagħlam, u l-Kap Koraħ. Dawn huma l-kapijiet t’Oħolibama, bint Għana u mart Għesaw.

19 Dawn huma t-tfal t’Għesaw, li jgħidulu Edom, u dawn huma l-kapijiet tagħhom.

20 Dawn huma t-tfal taʼ Segħir il-Ħori, in-nies tal-pajjiż: Lotan, Sobal, Sibgħon, Għana, 21 Dison, Għeżer, u Disan. Dawn huma l-kapijiet tal-Ħorin, it-tfal taʼ Segħir, fl-art t’Edom.

22 It-tfal taʼ Lotan kienu Ħori u Ħemam, u oħt Lotan kienet Timna.

23 It-tfal taʼ Sobal huma: Għalwan, Manaħat, Għebal, Sefo, u Onam.

24 It-tfal taʼ Sibgħon huma: Ajja u Għana. Għana hu l-wieħed li sab l-għejun tal-ilma sħun fid-deżert waqt li kien qed jieħu ħsieb il-ħmir taʼ missieru Sibgħon.

25 It-tfal taʼ Għana huma: Dison u oħtu Oħolibama.

26 It-tfal taʼ Dison huma: Ħemdan, Esban, Itran, u Keran.

27 It-tfal t’Għeżer huma: Bilħan, Żagħwan, u Għaqan.

28 It-tfal taʼ Disan huma: Uż u Aran.

29 Dawn huma l-kapijiet tal-Ħorin: Il-Kap Lotan, il-Kap Sobal, il-Kap Sibgħon, il-Kap Għana, 30 il-Kap Dison, il-Kap Għeżer, u l-Kap Disan. Dawn huma l-kapijiet tal-Ħorin fl-art tas-Segħir.

31 Dawn huma r-rejiet li mexxew fl-art t’Edom qabel ma kien hemm re jmexxi fuq l-Iżraelin.* 32 Bela bin Begħor mexxa f’Edom, u l-belt tiegħu kien jisimha Dinħaba. 33 Meta miet Bela, Ġobab bin Żeraħ minn Bosra beda jmexxi minfloku. 34 Meta miet Ġobab, Ħusam mill-art tat-Temanin beda jmexxi minfloku. 35 Meta miet Ħusam, Ħadad bin Bedad, li rebaħ lill-Midjanin fit-territorju taʼ Mowab, beda jmexxi minfloku, u l-belt tiegħu kien jisimha Għawit. 36 Meta miet Ħadad, Samla minn Masreka beda jmexxi minfloku. 37 Meta miet Samla, Sagħul minn Reħobot, ħdejn ix-xmara, beda jmexxi minfloku. 38 Meta miet Sagħul, Bagħal-ħanan bin Għakbor beda jmexxi minfloku. 39 Meta miet Bagħal-ħanan bin Għakbor, Ħadar beda jmexxi minfloku. Il-belt tiegħu kien jisimha Pagħu, u martu kien jisimha Meħetabel, bint Matred u n-neputija taʼ Meżaħab.

40 Mela dawn huma l-ismijiet tal-kapijiet t’Għesaw skont il-familji tagħhom u l-postijiet tagħhom: Il-Kap Timna, il-Kap Għalwa, il-Kap Ġetet, 41 il-Kap Oħolibama, il-Kap Elah, il-Kap Pinon, 42 il-Kap Kenaż, il-Kap Teman, il-Kap Mibsar, 43 il-Kap Magdijel, u l-Kap Iram. Dawn huma l-kapijiet t’Edom skont fejn jgħixu fl-art tagħhom. Dan hu Għesaw, missier l-Edomin.

37 Ġakobb baqaʼ jgħix fl-art taʼ Kangħan, fejn missieru għex bħala barrani.

2 Din hi l-istorja taʼ Ġakobb.

Meta Ġużeppi kien żagħżugħ taʼ 17-il sena, hu kien qed jirgħa l-merħla mat-tfal taʼ Bilħa u t-tfal taʼ Żilfa, in-nisa taʼ missieru. U Ġużeppi wassal rapport ħażin dwarhom lil missierhom. 3 U Iżrael kien iħobb lil Ġużeppi iktar mit-tfal l-oħra kollha tiegħu għaliex kien twilidlu fi xjuħitu. Lilu għamillu libsa speċjali.* 4 Meta ħutu raw li missierhom kien iħobbu iktar minnhom, bdew jobogħduh, u qatt ma kienu jkellmuh bil-ħlewwa.

5 Iktar tard, Ġużeppi kellu ħolma u qalha lil ħutu, u dawn iktar kellhom għal xiex jobogħduh. 6 Hu qalilhom: “Jekk jogħġobkom, isimgħu din il-ħolma li kelli. 7 Konna qed norbtu l-qatet f’nofs l-għalqa u l-qatta tiegħi qamet u baqgħet wieqfa u l-qatet tagħkom daru mal-qatta tiegħi u mielu quddiemha.” 8 Ħutu qalulu: “Qed tgħid li se ssir re fuqna u tiddominana?” B’hekk, kellhom raġuni oħra biex jobogħduh minħabba l-ħolma tiegħu u dak li qal.

9 U reġaʼ kellu ħolma oħra, u rrakkontaha lil ħutu: “Kelli ħolma oħra. Din id-darba, ix-xemx, il-qamar, u 11-il stilla kienu qed imilu quddiemi.” 10 Imbagħad irrakkontaha lil missieru waqt li kien hemm ħutu wkoll, u missieru kkoreġieh u qallu: “Xi tfisser din il-ħolma? Qed tgħid li jien, ommok, u ħutek se niġu mmilu sal-art quddiemek?” 11 U ħutu bdew jgħiru għalih, imma missieru żamm dan il-kliem f’moħħu.

12 Ħutu issa marru jirgħaw il-merħla taʼ missierhom qrib Sikem. 13 Wara, Iżrael qal lil Ġużeppi: “Ħutek qed jirgħaw l-imrieħel qrib Sikem, hux hekk? Jekk jogħġbok, mur ħdejhom.” U hu wieġbu: “Iva.” 14 Għalhekk qallu: “Jekk jogħġbok, mur u ara kif inhuma ħutek u kif inhi l-merħla, u ejja għidli.” Allura telaq mill-wied* taʼ Ħebron u mar lejn Sikem. 15 Iktar tard, wieħed raġel sabu jdur u jagħqad f’għalqa. Ir-raġel staqsieh: “X’qed tfittex?” 16 U hu wieġbu: “Qed infittex lil ħuti. Jekk jogħġbok, għidli fejn qed jirgħaw l-imrieħel.” 17 Ir-raġel qallu: “Telqu minn hawnhekk, għax smajthom jgħidu li ħa jmorru Dotan.” Għalhekk, Ġużeppi mar wara ħutu u sabhom Dotan.

18 Huma rawh mill-bogħod, u qabel ma wasal ħdejhom bdew jiftiehmu biex joqtluh. 19 Għalhekk, bdew jgħidu lil xulxin: “Ara! Ġej dak li jħobb joħlom. 20 Issa ejja noqtluh u nitfgħuh f’wieħed mill-bjar, u ngħidu li kielu annimal feroċi. U mbagħad naraw x’se jsir mill-ħolm tiegħu!” 21 Meta Ruben semaʼ dan, ipprova jeħilsu minn taħt idejhom. Għalhekk qalilhom: “Ħa ma noqtluhx.” 22 Imbagħad qalilhom: “Ixxerrdux demm. Itfgħuh f’dan il-bir fid-deżert, imma tweġġgħuhx.”* L-iskop tiegħu kien li jeħilsu minn taħt idejhom sabiex jieħdu lura għand missieru.

23 Allura, malli Ġużeppi wasal ħdejn ħutu, dawn neżżgħulu l-libsa speċjali li kien liebes, 24 qabduh, u tefgħuh fil-bir. Dak iż-żmien, il-bir ma kienx fih ilma.

25 Imbagħad qagħdu bilqiegħda jieklu. Meta ħarsu ’l fuq, kien hemm grupp taʼ Ismagħelin ġej minn Gilegħad. L-iġmla tagħhom kienu qed iġorru gomma aromatika, balzmu, u qxur tas-siġar li fihom ir-raża, u kienu fi triqithom lejn l-Eġittu. 26 U Ġuda qal lil ħutu: “X’se ndaħħlu jekk noqtlu lil ħuna u naħbu demmu? 27 Ejja nbigħuh lill-Ismagħelin u ma nweġġgħuhx. Wara kollox, hu ħuna u demmna stess.” Għalhekk, semgħu minn ħuhom. 28 U meta l-Ismagħelin, li kienu negozjanti Midjanin, kienu għaddejjin minn hemm, ħut Ġużeppi tellgħuh mill-bir u bigħuh lill-Ismagħelin għal 20 biċċa tal-fidda. Dawn ħadu lil Ġużeppi l-Eġittu.

29 Iktar tard, meta Ruben mar lura lejn il-bir u ra li Ġużeppi ma kienx hemm, ċarrat ħwejġu. 30 Meta reġaʼ lura ħdejn ħutu qalilhom: “Ħuna ż-żgħir m’għadux hemm! X’se naqbad nagħmel?”

31 Għalhekk, qabdu l-libsa taʼ Ġużeppi, qatlu bodbod, u ċappsu l-libsa sew bid-demm. 32 Imbagħad bagħtu l-libsa speċjali għand missierhom u qalulu: “Sibna din. Jekk jogħġbok, ara jekk hijiex il-libsa taʼ ibnek.” 33 Imbagħad hu raha u qalilhom: “Din il-libsa taʼ ibni! Bilfors li kielu annimal feroċi! Ġużeppi żgur li hu mqattaʼ biċċiet!” 34 Minħabba f’hekk, Ġakobb ċarrat ħwejġu u libes drapp tal-ixkora madwar ġenbejh u baqaʼ mdejjaq għal ħafna jiem minħabba ibnu. 35 U s-subien u l-bniet kollha tiegħu baqgħu jipprovaw ifarrġuh, imma ma riedx jaf, u qal: “Se ninżel fil-Qabar* imdejjaq minħabba ibni!” U Ġakobb baqaʼ jibkih.

36 Sadanittant, il-Midjanin bigħuh fl-Eġittu lil Potifar, uffiċjal tal-palazz tal-Fargħun u l-kap tal-gwardji.

38 Matul dak iż-żmien, Ġuda telaq minn ħdejn ħutu u rama t-tinda tiegħu ħdejn raġel Għadullami jismu Ħira. 2 Hemmhekk Ġuda ra lil bint wieħed Kangħani jismu Sugħa. Hu żżewwiġha u kellu x’jaqsam magħha, 3 u hi ħarġet tqila. Iktar tard kellha tifel u hu semmieh Għer. 4 Reġgħet ħarġet tqila u kellha tifel u semmietu Onan. 5 U reġaʼ kellha tifel u semmietu Selaħ. Huma kienu f’Akżib meta wellditu.

6 Maż-żmien, Ġuda sab mara għal Għer, l-ewwel imwieled tiegħu. Il-mara kien jisimha Tamar. 7 Imma Għer kien qed jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, u għalhekk Ġeħova qatlu. 8 Minħabba f’hekk, Ġuda qal lil Onan: “Iżżewweġ il-mara taʼ ħuk li miet, biex ħuk ikollu t-tfal permezz tiegħek.” 9 Imma Onan kien jaf li t-tfal ma kinux se jiġu kkunsidrati tiegħu. B’hekk, meta kien ikollu x’jaqsam maʼ mart ħuh, kien jagħmel ċert li ma jtaqqalhiex* sabiex ma jagħtix tfal lil ħuh. 10 Dak li għamel kien ħażin f’għajnejn Ġeħova, għalhekk qatlu wkoll. 11 Ġuda qal lil Tamar, mart ibnu: “Għix f’dar missierek bħala armla sakemm jikber ibni Selaħ.” Ġuda qal dan għax kien qed jibżaʼ li ibnu Selaħ imut bħat-tfal l-oħra. B’hekk, Tamar marret u qagħdet f’dar missierha.

12 Għadda xi żmien, u mart Ġuda bint Sugħa mietet. Ġuda żamm il-perjodu tal-vistu, u mbagħad mar għand dawk li jaqtgħu s-suf tan-nagħaġ tiegħu f’Timna flimkien maʼ sieħbu Ħira l-Għadullami. 13 Lil Tamar qalulha: “Il-kunjatu tiegħek tielaʼ Timna biex jaqtaʼ s-suf tan-nagħaġ tiegħu.” 14 Għalhekk, hi neħħiet il-ħwejjeġ t’armla, libset velu, tgħattiet b’xall, u poġġiet fid-daħla t’Għenajm, fit-triq li tagħti għal Timna. Għax hi rat li Selaħ kien kiber iżda l-kunjatu tagħha ma kienx żewwiġhulha.

15 Meta Ġuda raha, mill-ewwel ħasibha prostituta, għaliex kellha wiċċha mgħotti. 16 Għalhekk, dar lejha fil-ġenb tat-triq u qalilha: “Jekk jogħġbok, ħallini jkolli x’naqsam miegħek,” għax ma kienx jaf li kienet mart ibnu. Madankollu, hi qaltlu: “X’se tagħtini biex ikollok x’taqsam miegħi?” 17 Wiġibha: “Nibgħatlek gidi mill-merħla tiegħi.” Imma hi staqsietu: “Se tagħtini xi ħaġa bħala garanzija sakemm tibagħtu?” 18 Hu kompla: “X’se nagħtik bħala garanzija?” u hi wieġbet: “Iċ-ċurkett tas-siġill u l-qafla taʼ miegħu, u l-bastun li għandek f’idek.” Imbagħad tahomlha u kellu x’jaqsam magħha, u hi ħarġet tqila minnu. 19 Imbagħad qamet, telqet, neħħiet ix-xall, u libset il-ħwejjeġ t’armla.

20 U Ġuda bagħat il-gidi maʼ sieħbu l-Għadullami biex jieħu lura mingħand il-mara dak li taha bħala garanzija, imma ma sabhiex. 21 U staqsa lill-irġiel tal-post: “Fejn hi l-prostituta tat-tempju li tkun f’Għenajm fil-ġenb tat-triq?” Imma qalulu: “Qatt ma kien hawn prostituta tat-tempju f’dan il-post.” 22 Fl-aħħar mar lura għand Ġuda u qallu: “Ma sibthiex, u barra minn hekk, l-irġiel tal-post qaluli, ‘Qatt ma kien hawn prostituta tat-tempju f’dan il-post.’” 23 Għalhekk, Ġuda qallu: “Ħalliha żżommhom, li ma mmorrux nitilfu r-rispett t’oħrajn. Fuq kollox, jien bgħattu l-gidi, imma int ma sibthiex.”

24 Madankollu, xi tliet xhur wara lil Ġuda qalulu: “Tamar, mart ibnek, għamlitha taʼ prostituta u b’hekk ħarġet tqila.” Ġuda wieġeb: “Oħorġuha u aħarquha.” 25 Huma u joħorġuha ’l barra, hi bagħtet tgħid lill-kunjatu tagħha: “Jien ħriġt tqila mir-raġel li tani dawn l-affarijiet.” Imbagħad żiedet: “Jekk jogħġbok, ara taʼ min hu dan iċ-ċurkett tas-siġill u l-qafla taʼ miegħu, u dan il-bastun.” 26 U Ġuda rahom u qal: “Hi iktar ġusta minni, għax jien ma tajthiex lil ibni Selaħ.” U wara dan ma reġax kellu relazzjoni sesswali magħha.

27 Meta wasal iż-żmien biex twelled, hi kellha tewmin. 28 Waqt li kienet qed twelled, wieħed minnhom ħareġ idu, u l-majjistra fil-pront qabdet ħajta kulur aħmar jgħajjat u rabtithielu m’idu, u qalet: “Dan ħareġ l-ewwel.” 29 Imma malli ġibed idu lura, ħareġ ħuh, u hi qalet: “X’tiċrita għamilt biex ħriġt!” Għalhekk, semmewh Pereż.* 30 Wara ħareġ ħuh, li m’idu kellu l-ħajta kulur aħmar jgħajjat, u semmewh Żeraħ.

39 Lil Ġużeppi ħaduh l-Eġittu, u Eġizzjan jismu Potifar, uffiċjal tal-palazz tal-Fargħun u kap tal-gwardji, xtrah mingħand l-Ismagħelin li kienu niżżluh hemmhekk. 2 Imma Ġeħova kien maʼ Ġużeppi. Minħabba f’hekk, hu kien jirnexxi f’kulma kien jagħmel u ngħata responsabbiltà f’dar sidu l-Eġizzjan. 3 U sidu ra li Ġeħova kien miegħu u li Ġeħova kien qed jgħinu jirnexxi f’kulma kien jagħmel.

4 Ġużeppi sab il-ħniena f’għajnejn sidu u sar il-qaddej persunali tiegħu. Allura Potifar ħalla daru u kulma kellu f’idejh biex jieħu ħsiebhom. 5 U minn dakinhar, Ġeħova baqaʼ jbierek id-dar tal-Eġizzjan minħabba Ġużeppi, u l-barka taʼ Ġeħova kienet fuq kulma kellu fid-dar u fl-għelieqi. 6 Għalhekk, hu ħalla kollox f’idejn Ġużeppi u ma kien iħabbel rasu fuq xejn ħlief fuq l-ikel li kien jiekol. Iktar minn hekk, Ġużeppi sar ġuvni gustuż u mibni.

7 Issa wara dan, il-mara taʼ sidu beda jogħġobha Ġużeppi u kienet tgħidlu: “Imtedd miegħi.” 8 Imma hu rrifjuta u qal lill-mara taʼ sidu: “Sidi ħalla kollox f’idejja u qatt ma jitlobni kont taʼ xejn. 9 Ħadd mhu akbar minni f’din id-dar, u hu ma ċaħħadni assolutament minn xejn ħlief minnek, għax int martu. Allura kif nistaʼ jien nagħmel xi ħaġa daqshekk ħażina u nidneb* kontra Alla?”

10 U lil Ġużeppi kienet tgħidlu hekk jum wara l-ieħor, imma hu qatt ma qabel li jimtedd magħha jew li jibqaʼ waħdu magħha. 11 Imma jum minnhom daħal id-dar biex jagħmel ix-xogħol u ma kien hemm ħadd mill-qaddejja fid-dar. 12 Imbagħad qabditu minn ħwejġu, u qaltlu: “Imtedd miegħi!” Imma hu ħalla ħwejġu f’idha u ħarab ’il barra. 13 Malli rat li hu kien ħalla ħwejġu f’idha u ħarab ’il barra, 14 hi bdiet tgħajjat lill-qaddejja taʼ darha u tgħidilhom: “Ġabilna lil dan il-Lhudi* biex iwaqqagħna għaċ-ċajt. Ġie ħdejja biex jimtedd miegħi, imma jien bdejt ngħajjat kemm niflaħ. 15 Imbagħad malli għollejt leħni u bdejt inwerżaq, hu telaq ħwejġu ħdejja u ħarab ’il barra.” 16 Hi żammet ħwejġu ħdejha sakemm Potifar mar lura d-dar.

17 Imbagħad qaltlu l-istess kliem: “Il-qaddej Lhudi* li ġibtilna ġie għandi biex iwaqqagħni għaċ-ċajt. 18 Imma malli għollejt leħni u bdejt inwerżaq, hu telaq ħwejġu ħdejja u ħarab ’il barra.” 19 Malli sidu semaʼ dak li martu qalet dwar il-qaddej tiegħu, hu rrabja ħafna. 20 Għalhekk, qabdu u tefgħu l-ħabs, il-post fejn kienu jinżammu arrestati l-priġunieri tar-re, u baqaʼ hemmhekk fil-ħabs.

21 Imma Ġeħova baqaʼ jkun maʼ Ġużeppi u baqaʼ jurih imħabba u lealtà* u ra li jsib il-ħniena f’għajnejn il-kap tal-ħabs. 22 Għalhekk, il-kap tal-ħabs inkariga lil Ġużeppi fuq il-priġunieri kollha, u Ġużeppi kien il-wieħed li jgħidilhom x’għandhom jagħmlu. 23 Il-kap tal-ħabs ma kien jieħu ħsieb assolutament xejn li kien fdat f’idejn Ġużeppi, għax Ġeħova kien maʼ Ġużeppi u Ġeħova kien jgħinu jirnexxi f’kulma jagħmel.

40 Wara dan, il-kap taʼ dawk li jservu x-xorb lir-re tal-Eġittu u l-kap tal-furnara dinbu kontra sidhom, ir-re tal-Eġittu. 2 Għalhekk, il-Fargħun irrabja bil-kbir għal dawn iż-żewġ uffiċjali 3 u żammhom arrestati fil-ħabs li kien jieħu ħsiebu l-kap tal-gwardji, fejn kien priġunier Ġużeppi. 4 Imbagħad il-kap tal-gwardji inkariga lil Ġużeppi biex ikun magħhom u jieħu ħsiebhom, u baqgħu arrestati għal xi żmien.

5 Dak li jservi x-xorb u l-furnar tar-re tal-Eġittu, li kienu maqfulin fil-ħabs, kellhom ħolma fl-istess lejl, u kull ħolma kienet tfisser xi ħaġa. 6 L-għada filgħodu, meta Ġużeppi daħal ħdejhom, rahom qalbhom sewda. 7 Allura staqsiehom: “Għalfejn intom imdejqin illum?” 8 Wiġbuh: “It-tnejn li aħna kellna ħolma, u m’għandniex min ifissirhielna.” Għalhekk, Ġużeppi qalilhom: “Alla biss jistaʼ jispjega l-ħolm. Jekk jogħġobkom, għiduli xi ħlomtu.”

9 U l-kap taʼ dawk li jservu x-xorb irrakkonta l-ħolma tiegħu lil Ġużeppi u qallu: “Fil-ħolma tiegħi kien hemm dielja quddiemi. 10 U fid-dielja kien hemm tliet friegħi żgħar, u malli bdiet tarmi, l-għenieqed tagħha kibru u saru għeneb misjur. 11 U kelli f’idi t-tazza tal-Fargħun, u qbadt l-għeneb u għasartu fiha. Imbagħad tajtha lill-Fargħun.” 12 U Ġużeppi qallu: “Il-ħolma tfisser hekk: It-tliet friegħi żgħar huma tlett ijiem. 13 Tlett ijiem oħra, il-Fargħun se joħorġok* u jagħtik lura l-pożizzjoni li kellek, u int tagħti t-tazza lill-Fargħun kif kont tagħmel qabel meta kont isservih. 14 Però, ibqaʼ ftakar fija meta kollox imurlek sew. Jekk jogħġbok, urini mħabba u lealtà* u semmini mal-Fargħun, sabiex toħroġni minn dan il-post. 15 Għax fil-fatt jien kont maħtuf mill-art tal-Lhud,* u hawn jien m’għamilt xejn biex tefgħuni l-ħabs.”*

16 Meta l-kap tal-furnara ra li l-ħolma kienet tfisser xi ħaġa tajba, hu qallu: “Jien ukoll kelli ħolma, u kien hemm tlett iqfief ħobż abjad fuq rasi, 17 u fil-qoffa taʼ fuq nett kien hemm kull xorta t’affarijiet imsajrin fil-forn għall-Fargħun, u kien hemm l-għasafar jikluhom mill-qoffa taʼ fuq rasi.” 18 Imbagħad Ġużeppi wieġeb, “Il-ħolma tfisser hekk: It-tlett iqfief huma tlett ijiem. 19 Tlett ijiem oħra, il-Fargħun se jaqtagħlek rasek* u jdendlek maʼ zokk, u l-għasafar se jiklulek laħmek.”

20 Issa fit-tielet jum, il-Fargħun kien jagħlaq żmienu. Hu għamel festa għall-qaddejja kollha tiegħu u ħareġ* lill-kap taʼ dawk li jservu x-xorb u lill-kap tal-furnara quddiem il-qaddejja tiegħu. 21 U reġaʼ ta lill-kap taʼ dawk li jservu x-xorb il-pożizzjoni li kellu, u dan baqaʼ jservi x-xorb lill-Fargħun. 22 Imma lill-kap tal-furnara dendlu maʼ zokk, bħalma kien fissrilhom il-ħolm Ġużeppi. 23 Madankollu, il-kap taʼ dawk li jservu x-xorb ma ftakarx f’Ġużeppi.

41 Wara sentejn sħaħ, il-Fargħun ħolom li kien bilwieqfa ħdejn ix-Xmara Nil. 2 U mix-xmara telgħu sebaʼ baqriet sbieħ u mlaħħmin, u bdew jieklu mill-ħaxix tan-Nil. 3 Kien hemm sebaʼ baqriet oħrajn li telgħu warajhom mix-xmara, koroh u rqaq, u dawn qagħdu maġenb il-baqar imlaħħmin ħdejn ix-xatt tan-Nil. 4 Imbagħad il-baqar koroh u rqaq bdew jieklu lis-sebaʼ baqriet sbieħ u mlaħħmin. U l-Fargħun stenbaħ.

5 Imbagħad reġaʼ raqad u kellu t-tieni ħolma. Kien hemm sebaʼ sbuliet ħerġin minn zokk wieħed, mimlijin u sbieħ. 6 U warajhom kienu qed jikbru sebaʼ sbuliet irqaq u maħruqin bir-riħ mil-Lvant. 7 U s-sbuliet irqaq bdew jibilgħu s-sebaʼ sbuliet mimlijin u sbieħ. U l-Fargħun stenbaħ u nduna li kienet ħolma.

8 Imma filgħodu beda jħossu inkwetat. Għalhekk, bagħat għall-qassisin kollha li kienu jagħmlu l-maġija u għall-għorrief kollha tal-Eġittu. Il-Fargħun irrakkontalhom il-ħolm tiegħu, imma ma kien hemm ħadd li setaʼ jfissirhulu.

9 Imbagħad il-kap taʼ dawk li jservu x-xorb kellem lill-Fargħun u qallu: “Illum se nammetti d-dnubiet tiegħi. 10 Sidi, int kont irrabjat bil-kbir miegħi u mal-kap tal-furnara, il-qaddejja tiegħek. Għalhekk, żammejtna arrestati fil-ħabs li kien jieħu ħsiebu l-kap tal-gwardji. 11 Imbagħad, it-tnejn li aħna kellna ħolma fl-istess lejl. Il-ħolma taʼ kull wieħed minna kienet tfisser xi ħaġa. 12 U magħna kien hemm żagħżugħ Lhudi,* qaddej tal-kap tal-gwardji. Meta għednielu xi ħlomna, hu qalilna x’kienu jfissru. 13 U ġara eżatt bħalma kien fissrilna hu. Jien erġajt ingħatajt il-pożizzjoni tiegħi, imma l-ieħor ġie mdendel maʼ zokk.”

14 Għalhekk, il-Fargħun bagħat għal Ġużeppi u ġabuh malajr mill-ħabs.* Hu qaxxar xagħru u d-daqna, biddel ħwejġu, u daħal għand il-Fargħun. 15 Imbagħad il-Fargħun qal lil Ġużeppi: “Kelli ħolma, imma ħadd ma jaf ifissirha. Issa jien smajthom jgħidu li int kapaċi tismaʼ ħolma u tfissirha.” 16 Għal dan Ġużeppi wieġeb lill-Fargħun: “Hu Alla li se jagħtik messaġġ pożittiv, u mhux jien.”

17 Il-Fargħun qal lil Ġużeppi: “Fil-ħolma tiegħi, jien kont bilwieqfa fix-xatt tax-Xmara Nil. 18 U mix-Xmara Nil telgħu sebaʼ baqriet sbieħ u mlaħħmin, u bdew jieklu l-ħaxix tan-Nil. 19 U kien hemm sebaʼ baqriet oħrajn telgħin warajhom, bla saħħa, koroh ħafna, u rqaq. Koroh daqshom qatt ma rajt fl-art kollha tal-Eġittu. 20 U l-baqar li kienu għadma u ġilda u koroh bdew jieklu lis-sebaʼ baqriet imlaħħmin. 21 Imma meta kiluhom, ħadd ma setaʼ jinduna li għamlu hekk, għax baqgħu rqaq u koroh bħalma kienu qabel. U stenbaħt.

22 “Imbagħad rajt sebaʼ sbuliet ħerġin minn zokk wieħed, mimlijin u sbieħ. 23 Jikbru warajhom kien hemm sebaʼ sbuliet nexfin, irqaq, u maħruqin bir-riħ mil-Lvant. 24 Imbagħad is-sbuliet irqaq bdew jibilgħu s-sebaʼ sbuliet sbieħ. U jien għedt dan lill-qassisin li jagħmlu l-maġija, imma ma kien hemm ħadd li setaʼ jfissirhieli.”

25 Imbagħad Ġużeppi qal lill-Fargħun: “Il-ħolm tiegħek ifisser l-istess. L-Alla l-veru qallek dak li se jagħmel. 26 Is-sebaʼ baqriet tajbin huma sebaʼ snin. Bl-istess mod, is-sebaʼ sbuliet tajbin huma sebaʼ snin. Iż-żewġ ħolmiet għandhom l-istess tifsira. 27 Is-sebaʼ baqriet għadma u ġilda u koroh li telgħu warajhom huma sebaʼ snin, u s-sebaʼ sbuliet vojta, maħruqin bir-riħ mil-Lvant, se jkunu sebaʼ snin taʼ ġuħ. 28 B’hekk, sidi, bħalma għedtlek, l-Alla l-veru qed jurik dak li se jagħmel.

29 “Se jkun hemm sebaʼ snin t’abbundanza kbira fl-art kollha tal-Eġittu. 30 Imma warajhom żgur li se jkun hemm sebaʼ snin taʼ ġuħ, u l-abbundanza kollha fl-art tal-Eġittu żgur li se tintesa, u l-ġuħ se jeqred l-art. 31 U ħadd mhu se jiftakar l-abbundanza li kien hemm qabel fl-art minħabba l-ġuħ li jiġi wara, għaliex dan se jkun kbir ħafna. 32 Il-ħolma ngħatatlek darbtejn għax il-kwistjoni ġiet deċiża b’mod sod mill-Alla l-veru, u l-Alla l-veru daqt se jagħmilha.

33 “U issa fittex raġel għaqli u għaref u qiegħdu fuq l-art tal-Eġittu. 34 Ħu azzjoni u inkariga uffiċjali fil-pajjiż, u iġbor 20 fil-100 mill-prodott tal-Eġittu matul is-sebaʼ snin t’abbundanza. 35 U ħa jiġbru ċ-ċereali* matul dawn is-snin tajbin li ġejjin u jaħżnuh b’mod tajjeb fil-bliet. Dan ikun tiegħek, Fargħun. 36 L-ikel għandu jservi bħala ħażna għall-art għas-sebaʼ snin taʼ ġuħ li se jkun hemm fl-art tal-Eġittu, sabiex in-nies u l-annimali ma jmutux bil-ġuħ.”

37 Dan il-pjan deher tajjeb għall-Fargħun u l-qaddejja kollha tiegħu. 38 Għalhekk, il-Fargħun qal lill-qaddejja tiegħu: “Fejn nistgħu nsibu bniedem ieħor li fih hemm l-ispirtu t’Alla?” 39 Imbagħad il-Fargħun qal lil Ġużeppi: “Ladarba Alla ġiegħlek tkun taf dan kollu, m’hemm ħadd għaqli u għaref daqsek. 40 Int tkun fuq id-dar tiegħi, u l-poplu kollu tiegħi jobdik b’għajnejh magħluqa. Jien biss bħala r-re* nkun iktar importanti minnek.” 41 U l-Fargħun żied jgħid lil Ġużeppi: “Qed nagħtik f’idejk l-art kollha tal-Eġittu.” 42 Imbagħad il-Fargħun neħħa ċ-ċurkett tas-siġill u libbishulu* u libbsu ħwejjeġ tal-għażel fin u ġiżirana tad-deheb. 43 Barra minn hekk, hu rikkbu fit-tieni karru tar-re, sabiex in-nies jonorawh billi jgħajtu quddiemu, “Avrek!”* B’hekk, hu tah f’idejh l-art kollha tal-Eġittu.

44 Il-Fargħun qal ukoll lil Ġużeppi: “Jien il-Fargħun, imma mingħajr il-permess tiegħek, ħadd ma jistaʼ jagħmel xejn* fl-art kollha tal-Eġittu.” 45 Wara dan, il-Fargħun lil Ġużeppi semmieh Safenat-panegħa u tah b’martu lil Asenat it-tifla taʼ Potifera, il-qassis taʼ On.* U Ġużeppi beda jieħu ħsieb* l-art tal-Eġittu. 46 Ġużeppi kellu 30 sena meta beda jaqdi lill-Fargħun,* ir-re tal-Eġittu.

Imbagħad Ġużeppi ħareġ minn quddiem il-Fargħun u vvjaġġa fl-art kollha tal-Eġittu. 47 U matul is-sebaʼ snin t’abbundanza, l-art ipproduċiet ħafna. 48 U hu baqaʼ jiġbor l-ikel kollu tas-sebaʼ snin mill-art tal-Eġittu u kien jerfgħu fil-bliet. F’kull belt kien jerfaʼ l-ikel mill-għelieqi taʼ madwarha. 49 U Ġużeppi kompla jerfaʼ kwantità kbira ħafna taʼ ċereali, daqs ir-ramel tal-baħar, sakemm fl-aħħar qatgħu qalbhom jiżnuh għax kien impossibbli jintiżen kollu.

50 U qabel ma waslet is-sena tal-ġuħ, Ġużeppi kellu żewġ subien minn Asenat it-tifla taʼ Potifera, il-qassis taʼ On.* 51 Ġużeppi semma lill-ewwel tifel Manasse* għax qal, “Alla nessieni l-inkwiet kollu tiegħi u d-dar kollha taʼ missieri.” 52 U lit-tieni wieħed semmieh Efrajm* għax qal, “Alla tani t-tfal f’art li batejt fiha.”

53 U s-sebaʼ snin t’abbundanza fl-art tal-Eġittu spiċċaw, 54 u bdew is-sebaʼ snin taʼ ġuħ, bħalma kien qal Ġużeppi. Il-ġuħ infirex fl-artijiet kollha, imma fl-art kollha tal-Eġittu kien hemm l-ikel.* 55 Fl-aħħar, l-art kollha tal-Eġittu batiet il-ġuħ u n-nies bdew jibkulu għall-ikel* lill-Fargħun. Imbagħad il-Fargħun qal lill-Eġizzjani kollha: “Morru għand Ġużeppi u agħmlu kulma jgħidilkom.” 56 U kien hemm il-ġuħ fl-art kollha. U Ġużeppi beda jiftaħ l-imħażen kollha li kien hemm f’nofshom u jbigħ iċ-ċereali lill-Eġizzjani, għax kien hemm ġuħ kbir fl-art tal-Eġittu. 57 Barra minn hekk, nies mill-art kollha marru l-Eġittu biex jixtru mingħand Ġużeppi, għax kien hemm ġuħ kbir fl-art kollha.

42 Meta Ġakobb sar jaf li kien hemm iċ-ċereali* fl-Eġittu, qal lit-tfal tiegħu: “Għala qed tħarsu lejn xulxin u ma tagħmlu xejn?” 2 Hu żied: “Smajt li hemm iċ-ċereali fl-Eġittu. Inżlu hemm u ixtrulna ftit, sabiex ma mmutux bil-ġuħ.” 3 B’hekk, għaxra minn ħut Ġużeppi niżlu jixtru ċ-ċereali mill-Eġittu. 4 Imma Ġakobb ma bagħatx magħhom lil Benjamin, ħu Ġużeppi, għax qal: “Li ma jmurx ikollu xi aċċident u jmut.”

5 Allura t-tfal t’Iżrael marru flimkien m’oħrajn li kienu sejrin jixtru, għaliex anki fl-art taʼ Kangħan kien hemm il-ġuħ. 6 Ġużeppi kien ir-raġel li kellu l-awtorità fuq il-pajjiż, u hu kien qed ibigħ iċ-ċereali lin-nies kollha tal-art. Għalhekk, ħut Ġużeppi marru u mielu quddiemu b’wiċċhom sal-art. 7 Meta Ġużeppi ra lil ħutu, hu mill-ewwel għarafhom, imma hu ma weriex min kien. Għalhekk, kellimhom bl-aħrax u qalilhom: “Minn fejn ġejtu?” u huma wiġbuh: “Mill-art taʼ Kangħan biex nixtru l-ikel.”

8 Għalkemm Ġużeppi għaraf lil ħutu, huma m’għarfuhx. 9 Minnufih Ġużeppi ftakar fil-ħolm li kellu dwarhom, u qalilhom: “Intom spiji! Intom ġejtu taraw minn fejn tistgħu tattakkaw din l-art!” 10 Qalulu: “Le sidna, aħna ġejna nixtru l-ikel. 11 Aħna lkoll aħwa u nies sewwa. Aħna, il-qaddejja tiegħek, m’aħniex spiji.” 12 Imma hu qalilhom: “Mhux veru! Intom ġejtu taraw minn fejn tistgħu tattakkaw din l-art!” 13 U huma wiġbuh: “Aħna lkoll aħwa. Missierna jgħix fl-art taʼ Kangħan u kellu 12-il tifel. Iż-żgħir qiegħed maʼ missierna, filwaqt li l-ieħor m’għadux magħna.”

14 Madankollu, Ġużeppi qalilhom: “Bħalma diġà għedtilkom, ‘Intom spiji!’ 15 Din se tkun il-prova tagħkom: Daqskemm hu ħaj il-Fargħun, ma titilqux minn dan il-post qabel ma ħukom iż-żgħir jiġi hawn. 16 Ibagħtu lil wieħed minnkom iġib lil ħukom waqt li intom tibqgħu arrestati. B’hekk inkun naf jekk hux qed tgħidu l-verità. U jekk le, daqskemm hu ħaj il-Fargħun, intom spiji.” 17 U żammhom arrestati flimkien għal tlett ijiem.

18 Fit-tielet jum, Ġużeppi qalilhom: “Agħmlu dan li se ngħidilkom u tgħixu, għax jien nirrispetta ħafna lil* Alla. 19 Jekk intom nies sewwa, ħa jinżamm wieħed minnkom arrestat fil-ħabs, imma l-bqija tistgħu tmorru u tieħdu ċ-ċereali biex tnaqqsu l-ġuħ li hemm fi djarkom. 20 Imbagħad ġibu lil ħukom iż-żgħir hawn, sabiex inkun naf li nistaʼ nafda kliemkom, u ma tmutux.” U hekk għamlu.

21 U qalu lil xulxin: “Żgur li qed niġu kkastigati minħabba ħuna, għax rajna kemm kien imdejjaq* meta talabna bil-ħniena biex nitħassruh, imma ma tajniex kasu. Hu għalhekk li ġie dan l-inkwiet fuqna.” 22 Imbagħad Ruben wiġibhom: “Għedtilkom jien biex ma tidinbux kontra t-tifel, imma intom ma tajtux kas. Issa demmu qed jintalab lura.” 23 Imma huma ma kinux jafu li Ġużeppi kien qed jifhimhom, għax kien hemm interpretu bejniethom. 24 Allura tbiegħed minnhom u beda jibki. Meta mar lura ħdejhom u reġaʼ kellimhom, hu ħa lil Simegħon u rabtu quddiem għajnejhom. 25 Wara, Ġużeppi ta l-kmand biex jimlewlhom l-ixkejjer biċ-ċereali, biex jitfgħu lura l-flus fl-ixkora taʼ kull raġel, u biex jagħtuhom l-ikel għall-vjaġġ. U hekk sar.

26 U għabbew iċ-ċereali fuq il-ħmir tagħhom u telqu minn hemmhekk. 27 Meta waqfu biex jorqdu, wieħed minnhom fetaħ l-ixkora tiegħu biex jagħlef lill-ħmar u ra li l-flus tiegħu kienu fil-wiċċ tal-ixkora. 28 U qal lil ħutu: “Ingħatajt il-flus lura. Ara, qegħdin fl-ixkora tiegħi!” Imbagħad qalbhom waqfet, u daru lejn xulxin jirtogħdu u qalu: “Għala għamlilna hekk Alla?”

29 Meta waslu għand missierhom Ġakobb fl-art taʼ Kangħan, irrakkontawlu kulma kien ġralhom, u qalulu: 30 “Ir-raġel li hu s-sid tal-pajjiż kellimna bl-aħrax u akkużana li aħna spiji. 31 Imma aħna għednielu, ‘Aħna nies sewwa. M’aħniex spiji. 32 Aħna lkoll aħwa. Missierna kellu 12-il tifel. Wieħed m’għadux magħna, u ż-żgħir qiegħed maʼ missierna fl-art taʼ Kangħan.’ 33 Imma s-sid tal-pajjiż qalilna, ‘B’dan se nkun naf li intom nies sewwa: Ħa jibqaʼ miegħi wieħed minnkom. Imbagħad ħudu xi ħaġa biex tnaqqsu l-ġuħ li hemm fi djarkom u morru. 34 U ġibu lil ħukom iż-żgħir biex inkun naf li m’intomx spiji imma li intom nies sewwa. Imbagħad nagħtikom lil ħukom lura, u intom tkunu tistgħu tinnegozjaw fil-pajjiż.’”

35 Hekk kif kienu qed ibattlu l-ixkejjer tagħhom, kull wieħed sab il-borża tal-flus fl-ixkora tiegħu. Meta huma u missierhom raw il-boroż tal-flus, bdew jibżgħu. 36 Imbagħad missierhom Ġakobb qalilhom: “Ċaħħadtuni mit-tfal tiegħi! Ġużeppi m’għadux magħna, Simegħon lanqas, u lil Benjamin se tiħduhuli! Għala kelli ngħaddi minn dan kollu?” 37 Imma Ruben qal lil missieru: “Jekk ma nġibhulekx lura, oqtolli liż-żewġt itfal tiegħi. Ħallih jiġi u nieħu ħsiebu jien, u nġibhulek lura.” 38 Madankollu, hu qallu: “Ibni ma jinżilx magħkom, għaliex ħuh miet u hu biss baqaʼ. Jekk ikollu xi aċċident u jmut matul il-vjaġġ, żgur li titfgħuni fil-Qabar* imdejjaq fi xjuħiti.”

43 Il-ġuħ kien kbir fil-pajjiż. 2 B’hekk, meta kielu ċ-ċereali* li kienu ġabu mill-Eġittu, missierhom qalilhom: “Erġgħu morru u ixtrulna ftit ikel.” 3 Imbagħad Ġuda qallu: “Ir-raġel għamilhielna ċara, ‘Terġgħux tiġu quddiemi jekk ħukom ma jkunx magħkom.’ 4 Jekk tibgħat lil ħuna magħna, aħna mmorru nixtrulek l-ikel. 5 Imma jekk ma tibagħtux, ma ninżlux, għax ir-raġel qalilna, ‘Terġgħux tiġu quddiemi jekk ħukom ma jkunx magħkom.’” 6 U Iżrael staqsiehom: “Għala ġibtuli dan l-inkwiet billi għedtu lir-raġel li għandkom ħukom ieħor?” 7 Huma wiġbuh: “Ir-raġel staqsa b’mod speċifiku dwarna u dwar qrabatna, billi qal, ‘Għadu ħaj missierkom? Għandkom ħukom ieħor?’ u aħna wiġibnieh. Fejn bsarna li se jgħidilna, ‘Ġibu lil ħukom’?”

8 Ġuda mbagħad ħeġġeġ lil missieru: “Ibgħat it-tifel miegħi, u ħallina mmorru biex ma mmutux, la aħna, la int, u lanqas it-tfal tagħna. 9 Se nagħmel ċert li nipproteġih.* Tistaʼ żżommni responsabbli għalih. Jekk ma nġibhulekx lura, inkun dnibt kontrik għal dejjem. 10 Li kieku ma qgħadniex nitnikkru, kieku s’issa diġà morna u ġejna darbtejn.”

11 Għalhekk, missierhom Iżrael qalilhom: “Mela, jekk inhu hekk, agħmlu dan: Ħudu l-aqwa prodotti tal-art fl-ixkejjer tagħkom u niżżluhom magħkom għar-raġel bħala rigal: ftit balzmu, ftit għasel, gomma aromatika, qxur tas-siġar li fihom ir-raża, pistaċċi, u lewż. 12 Ħudu magħkom id-doppju tal-flus, u ħudu wkoll il-flus li ngħatawlkom lura fil-wiċċ tal-ixkejjer tagħkom. Forsi kien hemm xi żball. 13 Ħudu lil ħukom u morru lura għand ir-raġel. 14 Jalla l-Alla li Jistaʼ Kollox jara li r-raġel iħenn għalikom, biex b’hekk jeħles lil ħukom l-ieħor u lil Benjamin. Imma jekk jien għandi niċċaħħad mit-tfal tiegħi, mela ħa jkun hekk!”

15 Għalhekk, l-irġiel ħadu magħhom ir-rigal, id-doppju tal-flus, u lil Benjamin. Imbagħad niżlu lejn l-Eġittu u reġgħu daħlu quddiem Ġużeppi. 16 Meta ra lil Benjamin magħhom, Ġużeppi minnufih qal lir-raġel li kien jiħodlu ħsieb id-dar: “Ħu lill-irġiel id-dar u oqtol xi annimali u pprepara ikla, għax dawn l-irġiel se jieklu miegħi f’nofsinhar.” 17 Ir-raġel mill-ewwel għamel dak li qallu, u ħadhom id-dar taʼ Ġużeppi. 18 Imma xħin l-irġiel waslu d-dar taʼ Ġużeppi bdew jibżgħu u jgħidu: “Ġabuna hawn minħabba l-flus li poġġewlna lura fl-ixkejjer tagħna l-aħħar darba. Issa jattakkawna, jagħmluna lsiera, u jiħdulna l-ħmir!”

19 Għalhekk, resqu lejn ir-raġel li kien jieħu ħsieb id-dar taʼ Ġużeppi u kellmuh fid-daħla tad-dar. 20 Huma qalulu: “Skużana sidna! L-aħħar darba nżilna biex nixtru l-ikel, 21 imma meta fil-vjaġġ lura waqafna biex norqdu, bdejna niftħu l-ixkejjer tagħna u kien hemm il-flus taʼ kull wieħed fil-wiċċ tal-ixkora tiegħu, l-ammont sħiħ taʼ flusna. Għalhekk, nixtiequ nagħtuhom lura aħna stess. 22 U ġibna iktar flus biex nixtru l-ikel. Aħna ma nafux min poġġa flusna fl-ixkejjer tagħna.” 23 Imbagħad hu qal: “Ma ġara xejn. Tibżgħux. Fluskom kont irċivejthom. Kien l-Alla tagħkom, l-Alla taʼ missierkom li poġġielkom teżor fl-ixkejjer tagħkom.” Wara dan ħarġilhom lil Simegħon.

24 Imbagħad ir-raġel daħħalhom f’dar Ġużeppi u tahom l-ilma biex jaħslu saqajhom, u tahom l-għalf għall-ħmir tagħhom. 25 U huma lestew ir-rigal għal meta jiġi Ġużeppi f’nofsinhar, għaliex kienu semgħu li se jieklu hemm. 26 Meta Ġużeppi daħal id-dar ġabulu r-rigal u nxteħtu fl-art quddiemu. 27 Wara dan, hu staqsiehom kif inhuma u qalilhom: “Kif inhu missierkom, ix-xwejjaħ li tkellimtu dwaru? Jinsab f’saħħtu?” 28 Wiġbuh: “Missierna, il-qaddej tiegħek, jinsab tajjeb u f’saħħtu.” Imbagħad mielu u nxteħtu fl-art quddiemu.

29 Meta ra lil ħuh Benjamin, bin ommu, qalilhom: “Dan ħukom iż-żgħir li kellimtuni dwaru?” U żied: “Jalla Alla jurik il-ħniena tiegħu, ibni.” 30 Imbagħad, Ġużeppi ħassu emozzjonat ħafna minħabba ħuh, għalhekk ħareġ minn hemm malajr u fittex post fejn setaʼ jibki. Hu daħal f’kamra oħra u beka hemm. 31 Wara li kkalma, ħasel wiċċu u mar lura, u qal: “Ġibu l-ikel.” 32 Huma servew l-ikel fuq imwejjed separati, lil Ġużeppi għalih, lil ħutu għalihom, u lill-Eġizzjani li kienu qed jieklu f’daru għalihom. Dan għaliex l-Eġizzjani ma setgħux jieklu mal-Lhud,* peress li kienet xi ħaġa moqżieża għalihom.

33 Lill-aħwa poġġewhom bilqiegħda faċċata taʼ Ġużeppi skont l-età tagħhom, mill-kbir* saż-żgħir. U dawn baqgħu jħarsu lejn xulxin imbellhin. 34 Hu beda jibgħat porzjonijiet tal-ikel mill-mejda tiegħu għal tagħhom, imma lil Benjamin żiedlu l-porzjon ħames darbiet iktar minn tagħhom kollha. Għalhekk, komplew jieklu u jixorbu miegħu sakemm xebgħu.

44 Iktar tard hu kkmanda lir-raġel li kien jiħodlu ħsieb id-dar: “Imla l-ixkejjer tal-irġiel bl-ikel skont kemm jifilħu jġorru, u poġġi l-flus taʼ kull wieħed fil-wiċċ tal-ixkora tiegħu. 2 Imma qiegħed it-tazza tiegħi, it-tazza tal-fidda, fil-wiċċ tal-ixkora taż-żgħir flimkien mal-flus għaċ-ċereali* tiegħu.” Għalhekk, għamel kif qallu Ġużeppi.

3 Meta sebaħ, l-irġiel intbagħtu lura bil-ħmir tagħhom. 4 Waqt li kienu għadhom qrib il-belt, Ġużeppi qal lir-raġel li kien jiħodlu ħsieb id-dar: “Qum! Mur wara l-irġiel u meta tilħaqhom għidilhom, ‘Għala pattejtu t-tajjeb bil-ħażin? 5 Għala ħadtu t-tazza li jixrob minnha sidi u li jużaha biex jaqra s-sinjali b’sengħa kbira? Dak li għamiltu hu ħażin.’”

6 Għalhekk laħaqhom u qalilhom dan il-kliem. 7 Imma huma qalulu: “Għala sidna qed jgħidilna dan il-kliem? Aħna ma jgħaddilniex minn moħħna li nagħmlu ħaġa bħal din. 8 Aħna ġibna lura l-flus li sibna fl-ixkejjer tagħna mill-art taʼ Kangħan, allura ma jagħmilx sens li nisirqu l-fidda jew id-deheb minn dar sidek. 9 Jekk issibha għand xi ħadd minna, dan għandu jmut, u aħna nsiru lsiera taʼ sidna.” 10 Għalhekk qalilhom: “Ħa jsir bħalma għedtu: Għand min tinstab isir ilsir,* imma l-bqija jkunu innoċenti.” 11 U kull wieħed malajr niżżel l-ixkora tiegħu fl-art u fetaħha. 12 Hu beda jfittex sew fl-ixkejjer tagħhom, beda minn tal-kbir u spiċċa b’taż-żgħir. Sa fl-aħħar, it-tazza nstabet fl-ixkora taʼ Benjamin.

13 Imbagħad ċarrtu ħwejjiġhom u kull wieħed għabba lura t-tagħbija tiegħu fuq il-ħmar u reġgħu lura lejn il-belt. 14 Meta Ġuda u ħutu daħlu fid-dar taʼ Ġużeppi, hu kien għadu hemm, u nxteħtu fl-art quddiemu. 15 Ġużeppi qalilhom: “Għala għamiltu hekk? Ma kontux tafu li bniedem bħali jistaʼ jaqra s-sinjali b’sengħa kbira?” 16 Għal dan, Ġuda qallu: “X’nistgħu ngħidulek, sidi? Kif naqbdu nispjegawlek? U kif nistgħu niġġustifikaw lilna nfusna? L-Alla l-veru kixef l-iżball tagħna. Aħna issa lsiera tiegħek, sidi, kemm aħna u kemm dak li nstabet għandu t-tazza!” 17 Madankollu, Ġużeppi qal: “Ma jgħaddilix minn moħħi li nagħmel dan! Dak li nstabet għandu t-tazza jkun l-ilsir tiegħi. Il-kumplament tistgħu tmorru bil-paċi għand missierkom.”

18 Ġuda issa resaq lejh u qallu: “Jekk jogħġbok sidi, ħallini nkellmek, u tirrabjax miegħi, għax int bħall-Fargħun. 19 Sidi, int staqsejtna, ‘Għadu ħaj missierkom u għandkom xi ħu ieħor?’ 20 Għalhekk għednielek, ‘Iva, missierna mdaħħal fiż-żmien u għandna ħuna żgħir li twilidlu fi xjuħitu. Imma ħuh mejjet, u b’hekk hu biss baqaʼ minn ommu, u missieru jħobbu.’ 21 U int għedtilna, ‘Ġibuh hawn sabiex narah.’ 22 Imma aħna wiġibna, ‘It-tifel ma jistax jitlaq lil missieru. Jekk jitilqu, missieru żgur imut.’ 23 Imbagħad int għedtilna, ‘Terġgħux tiġu quddiemi jekk ħukom iż-żgħir ma jinżilx magħkom.’

24 “Għalhekk, tlajna għand missieri, l-ilsir tiegħek, u għednielu x’għedtilna. 25 Iktar tard missierna qalilna, ‘Morru lura, ixtrulna ftit ikel.’ 26 Imma aħna għednielu, ‘Ninżlu biss jekk ħuna ż-żgħir ikun magħna. Għaliex ma nistgħux immorru quddiem ir-raġel jekk ħuna ż-żgħir ma jkunx magħna.’ 27 Imbagħad missieri qalilna, ‘Intom tafu tajjeb li marti wellditli biss żewġ subien. 28 Imma wieħed minnhom diġà tliftu u żgur li nqatel minn annimal feroċi, għax ma rajtux iżjed. 29 Jekk tiħduli lil dan ukoll u jkollu xi aċċident u jmut, żgur li titfgħuni fil-Qabar* imdejjaq fi xjuħiti.’

30 “Missierna jħobb lil ħuna ż-żgħir daqs ħajtu* stess. Jekk immur lura għandu mingħajr it-tifel, 31 hu żgur imut, u aħna żgur li nitfgħu lil missierna fil-Qabar* imdejjaq fi xjuħitu. 32 Jien wegħedtu li nipproteġi t-tifel, u għedtlu, ‘Jekk ma nġibhulekx lura, inkun dnibt kontrik għal dejjem.’ 33 Għalhekk, jekk jogħġbok, ħa nibqaʼ jien minflok it-tifel bħala lsir tiegħek, sabiex hu jmur lura maʼ ħutu. 34 Għax kif nistaʼ mmur lura għand missieri mingħajr it-tifel? Ma niflaħx nara lil missieri jgħaddi minn dan l-inkwiet.”

45 Għal dan, Ġużeppi ma felaħx jikkontrolla lilu nnifsu iktar quddiem il-qaddejja tiegħu, u qalilhom b’leħen għoli: “Oħorġu minn quddiemi!” Ħadd iktar ma baqaʼ maʼ Ġużeppi waqt li hu qal lil ħutu min kien.

2 Imbagħad tant beda jibki jgħajjat li semgħuh l-Eġizzjani u dar il-Fargħun. 3 Fl-aħħar, Ġużeppi qal lil ħutu: “Jien Ġużeppi. Għadu ħaj missieri?” Imma ħutu ma setgħux iwiġbuh, għaliex kienu mħawdin. 4 Għalhekk, Ġużeppi qal lil ħutu: “Jekk jogħġobkom, ersqu lejja.” U resqu lejh.

Imbagħad qalilhom: “Jien ħukom Ġużeppi, li kontu begħtuni u ttiħidt l-Eġittu. 5 Imma issa tinkwetawx u twaħħlux f’xulxin għaliex begħtuni. Għax Alla bagħatni qabilkom biex intom tibqgħu ħajjin. 6 Din hi t-tieni sena taʼ ġuħ fuq l-art, u għad baqaʼ ħames snin oħra li fihom mhux se naħartu jew naħsdu. 7 Imma Alla bagħatni hawn minħabba fikom, sabiex tkunu meħlusin bil-kbir u l-familji tagħkom ma jinqerdux.* 8 Għalhekk, ma kontux intom li bgħattuni hawnhekk, imma l-Alla l-veru, biex jinkarigani bħala l-ogħla kap* tal-Fargħun, bħala sid fuq daru kollha, u bħala mexxej fuq l-art kollha tal-Eġittu.

9 “Fittxu itilgħu għand missieri, u għidulu, ‘Dan qal ibnek Ġużeppi: “Alla inkarigani sid fuq l-Eġittu kollu. Inżel għandi u ddumx. 10 U int tgħix fl-art taʼ Gosen, viċin tiegħi, flimkien mat-tfal u n-neputijiet tiegħek, l-imrieħel tan-nagħaġ u tal-baqar, u kulma għandek. 11 Jien nipprovdilek l-ikel hemmhekk, għax għad baqaʼ ħames snin taʼ ġuħ. Inkella int u dawk taʼ darek issiru foqra, u titlef kulma għandek.”’ 12 Intom u ħija Benjamin qed taraw b’għajnejkom stess li veru jien qed inkellimkom. 13 Għalhekk, għidu lil missieri bil-glorja tiegħi kollha fl-Eġittu u b’kulma rajtu. Issa fittxu niżżlu lil missieri hawnhekk.”

14 Imbagħad hu għannaq lil ħuh Benjamin u beka, u Benjamin beka mgħannaq miegħu. 15 U bies lil ħutu kollha, għannaqhom, u beka. Imbagħad qagħdu jitkellmu miegħu.

16 Meta l-Fargħun u dawk taʼ daru semgħu li ġew ħut Ġużeppi, il-Fargħun u l-qaddejja tiegħu kienu ferħanin. 17 U l-Fargħun qal lil Ġużeppi: “Għid lil ħutek biex jgħabbu l-bhejjem tat-tagħbija tagħhom u jmorru fl-art taʼ Kangħan, 18 u jiġu għandi flimkien maʼ missierhom u n-nies taʼ darhom biex nagħtihom l-affarijiet tajbin tal-art tal-Eġittu, u jieklu mill-aħjar prodott tal-art. 19 U nikkmandak tgħidilhom ukoll biex jieħdu karrijiet mill-art tal-Eġittu għat-tfal u għan-nisa tagħhom, u jrikkbu lil missierhom fuq wieħed minnhom u jiġu hawnhekk. 20 U għidilhom biex ma joqogħdux jinkwetaw minħabba l-affarijiet li għandhom, għaliex l-aqwa affarijiet tal-art kollha tal-Eġittu huma tagħhom.”

21 U t-tfal t’Iżrael għamlu hekk, u Ġużeppi tahom karrijiet skont l-ordnijiet tal-Fargħun u tahom l-ikel għall-vjaġġ. 22 Lil kull wieħed minnhom tah tibdila ħwejjeġ, imma lil Benjamin tah 300 biċċa tal-fidda u ħames tibdiliet ħwejjeġ. 23 U lil missieru bagħatlu dawn l-affarijiet għall-vjaġġ: għaxart iħmir mgħobbijin b’affarijiet tajbin tal-Eġittu u għaxart iħmir nisa mgħobbijin biċ-ċereali,* ħobż, u ikel ieħor. 24 B’hekk, bagħat lil ħutu, u huma u sejrin qalilhom: “Tirrabjawx maʼ xulxin fit-triq.”

25 U telgħu mill-Eġittu u waslu fl-art taʼ Kangħan għand missierhom Ġakobb. 26 Imbagħad tawh l-aħbar: “Ġużeppi għadu ħaj, u hu qed imexxi fuq l-art kollha tal-Eġittu!” Imma Ġakobb ma tax kas, għaliex m’emminhomx. 27 Meta bdew jgħidulu dak kollu li qalilhom Ġużeppi u ra l-karrijiet li kien bagħat Ġużeppi biex iġorruh, missierhom Ġakobb beda jieħu r-ruħ. 28 U Iżrael qal: “Smajt biżżejjed biex nemmen! Ibni Ġużeppi għadu ħaj! Ħa mmur narah qabel immut!”

46 Għalhekk, Iżrael ħa kulma kellu* u telaq. Meta wasal Bir-xeba, hu offra sagrifiċċji lill-Alla taʼ missieru Iżakk. 2 U Alla kellem lil Iżrael f’viżjoni billejl u qallu: “Ġakobb, Ġakobb!” u dan wieġbu: “Hawn jien!” 3 Hu qallu: “Jien l-Alla l-veru, l-Alla taʼ missierek. Tibżax tinżel l-Eġittu, għax hemmhekk se nagħmlek poplu kbir. 4 Jien ninżel miegħek l-Eġittu u jien ukoll intellgħek lura minn hemmhekk, u meta tmut Ġużeppi jagħlaqlek għajnejk.”

5 Wara dan, Ġakobb telaq minn Bir-xeba, u t-tfal t’Iżrael rikkbu lil missierhom Ġakobb u lit-tfal u lin-nisa tagħhom fuq il-karrijiet li kien bagħatlu l-Fargħun. 6 Ħadu magħhom l-imrieħel u l-ġid li kienu kisbu fl-art taʼ Kangħan. U Ġakobb u l-familja kollha tiegħu waslu l-Eġittu. 7 Hu ħa miegħu lit-tfal u n-neputijiet tiegħu, jiġifieri d-dixxendenti kollha tiegħu.

8 Dawn huma l-ismijiet tat-tfal t’Iżrael, jiġifieri t-tfal taʼ Ġakobb, li ġew l-Eġittu: l-ewwel imwieled taʼ Ġakobb kien Ruben.

9 It-tfal taʼ Ruben kienu Ħanok, Pallu, Ħesron, u Karmi.

10 It-tfal taʼ Simegħon kienu Ġemwel, Ġamin, Oħad, Ġakin, Soħar, u Sagħul bin mara Kangħanija.

11 It-tfal taʼ Levi kienu Gerson, Keħat, u Merari.

12 It-tfal taʼ Ġuda kienu Għer, Onan, Selaħ, Pereż, u Żeraħ. Imma Għer u Onan mietu fl-art taʼ Kangħan.

It-tfal taʼ Pereż kienu Ħesron u Ħamul.

13 It-tfal taʼ Issakar kienu Tola, Puwa, Ġasub, u Simron.

14 It-tfal taʼ Żebulun kienu Sered, Elon, u Ġaħlel.

15 Dawn huma t-tfal taʼ Lea, li welldithom lil Ġakobb fil-Fiddien-aram. Hemmhekk kellha wkoll lil Dina. B’kollox dawk li ġew minn Lea kienu 33 ruħ.

16 It-tfal taʼ Gad kienu Sifjon, Ħaggi, Suni, Esbon, Għeri, Arodi, u Areli.

17 It-tfal t’Aser kienu Imnaħ, Iswa, Iswi, Berija, u oħthom kienet Seraħ.

It-tfal taʼ Berija kienu Ħeber u Malkijel.

18 Dawn huma dawk li ġew minn Żilfa, li Laban ta lil bintu Lea. B’kollox id-dixxendenti taʼ Żilfa u Ġakobb kienu 16-il ruħ.

19 It-tfal taʼ Rakele mart Ġakobb kienu Ġużeppi u Benjamin.

20 Fl-art tal-Eġittu, Ġużeppi kellu lil Manasse u Efrajm minn Asenat, bint Potifera l-qassis taʼ On.*

21 It-tfal taʼ Benjamin kienu Bela, Beker, Asbel, Gera, Nagħman, Eħi, Ros, Muffim, Ħuffim, u Ard.

22 B’kollox id-dixxendenti taʼ Rakele u Ġakobb kienu 14-il ruħ.

23 It-tifel* taʼ Dan kien Ħusim.

24 It-tfal taʼ Naftali kienu Ġaħsel, Guni, Ġeżer, u Sillem.

25 Dawn huma dawk li ġew minn Bilħa, li Laban ta lil bintu Rakele. B’kollox id-dixxendenti taʼ Bilħa u Ġakobb kienu sebgħa.*

26 Il-familja kollha taʼ Ġakobb li marru l-Eġittu miegħu, minbarra n-nisa tat-tfal tiegħu, kienu 66 ruħ. 27 U fl-Eġittu Ġużeppi kellu żewġt itfal.* B’kollox, dawk taʼ dar Ġakobb li ġew l-Eġittu kienu 70 ruħ.

28 Ġakobb bagħat lil Ġuda qablu biex jgħid lil Ġużeppi li hu kien fi triqtu lejn Gosen. Meta waslu fl-art taʼ Gosen, 29 Ġużeppi lesta l-karru tiegħu u mar jiltaqaʼ maʼ missieru Iżrael f’Gosen. Meta rah, hu mill-ewwel għannqu u beka fuq li beka. 30 Imbagħad Iżrael qal lil Ġużeppi: “Issa nistaʼ mmut la rajtek u naf li għadek ħaj.”

31 Imbagħad Ġużeppi qal lil ħutu u lin-nies taʼ dar missieru: “Ħa nitlaʼ nagħti l-aħbar lill-Fargħun u ngħidlu, ‘Ħuti u n-nies taʼ dar missieri li kienu fl-art taʼ Kangħan ġew hawnhekk għandi. 32 Dawn in-nies huma ragħajja u jrabbu l-imrieħel. Huma ġabu magħhom l-imrieħel tan-nagħaġ u tal-baqar, u kulma għandhom.’ 33 Meta l-Fargħun jgħajtilkom u jistaqsikom, ‘X’inhu xogħolkom?’ 34 għandkom tgħidu, ‘Sidi, ilna nrabbu l-imrieħel mindu konna żgħar, kemm aħna u kemm missirijietna,’ sabiex tkunu tistgħu tgħixu fl-art taʼ Gosen, għax l-Eġizzjani jobogħdu lil kull min jirgħa n-nagħaġ.”

47 B’hekk, Ġużeppi mar jagħti din l-aħbar lill-Fargħun: “Missieri u ħuti ġew mill-art taʼ Kangħan bl-imrieħel tan-nagħaġ u tal-baqar tagħhom u b’kulma għandhom, u qegħdin fl-art taʼ Gosen.” 2 Hu ħa ħamsa minn ħutu u laqqagħhom mal-Fargħun.

3 Il-Fargħun qal lil ħut Ġużeppi: “X’inhu xogħolkom?” Huma wiġbuh: “Sidna, aħna ragħajja tan-nagħaġ, kemm aħna u kemm missirijietna.” 4 Imbagħad qalu lill-Fargħun: “Aħna ġejna ngħixu bħala barranin f’din l-art għax m’hemmx ħaxix għall-merħla tagħna u l-ġuħ hu kbir fl-art taʼ Kangħan. Jekk jogħġbok sidna, ħallina ngħixu fl-art taʼ Gosen.” 5 U l-Fargħun qal lil Ġużeppi: “Missierek u ħutek ġew hawnhekk għandek. 6 L-art tal-Eġittu hi kollha f’idejk. Agħti lil missierek u lil ħutek l-aħjar parti tal-art biex jgħixu hemm. Ħa jgħixu fl-art taʼ Gosen, u jekk taf li hemm irġiel kapaċi fosthom, agħtihom ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb l-imrieħel tiegħi.”

7 Imbagħad Ġużeppi daħħal lil missieru Ġakobb u laqqgħu mal-Fargħun, u Ġakobb bierek lill-Fargħun. 8 Il-Fargħun staqsa lil Ġakobb: “Kemm għandek żmien?” 9 Ġakobb wieġbu: “Jien għandi 130 sena u qattajt ħajti kollha nivvjaġġa minn post għal ieħor.* Kienu snin diffiċli, imma huma ftit meta tqabbilhom mas-snin li missirijieti qattgħu jivvjaġġaw minn post għal ieħor.”* 10 Wara dan, Ġakobb bierek lill-Fargħun u ħareġ minn quddiemu.

11 B’hekk, Ġużeppi ta lil missieru u lil ħutu l-aħjar parti tal-art tal-Eġittu, fl-art taʼ Ramesses, biex joqogħdu fiha, bħalma kien ikkmandah il-Fargħun. 12 U Ġużeppi baqaʼ jipprovdi l-ikel* lil missieru, lil ħutu, u lin-nies kollha taʼ dar missieru, skont kemm kellhom tfal.

13 Issa ma kienx hemm ikel* fl-art kollha, għaliex il-ġuħ kien kbir ħafna, u l-art tal-Eġittu u l-art taʼ Kangħan iddgħajfu minħabba l-ġuħ. 14 U Ġużeppi kien qed ibigħ iċ-ċereali* lin-nies fl-art tal-Eġittu u fl-art taʼ Kangħan. Il-flus li ġabar ħadhom f’dar il-Fargħun. 15 Maż-żmien, il-flus mill-art tal-Eġittu u mill-art taʼ Kangħan intefqu, u l-Eġizzjani kollha bdew imorru għand Ġużeppi, u jgħidulu: “Agħtina l-ikel! Għala għandna mmutu quddiemek għaliex spiċċaw il-flus?” 16 U Ġużeppi kien jgħidilhom: “Jekk spiċċawlkom il-flus, agħtuni l-bhejjem tagħkom u jien nagħtikom ikel minflokhom.” 17 U huma bdew iġibu l-bhejjem tagħhom lil Ġużeppi, u Ġużeppi baqaʼ jpartat l-ikel maż-żwiemel, mal-imrieħel tan-nagħaġ u tal-baqar, u mal-ħmir tagħhom. Matul dik is-sena, hu baqaʼ jipprovdilhom l-ikel minflok il-bhejjem kollha tagħhom.

18 Dik is-sena għaddiet, u s-sena taʼ wara l-Eġizzjani reġgħu bdew imorru għandu u jgħidulu: “Sidi, nixtiequ ngħidulek li l-flus u l-imrieħel tal-annimali diġà tajnihomlok. Ma baqgħalna xejn x’nagħtu ħlief ħajjitna u l-għelieqi tagħna. 19 Għala għandna mmutu quddiemek, u l-għelieqi tagħna jiġu abbandunati? Ixtri lilna u l-għelieqi tagħna bi tpartit mal-ikel, u aħna nsiru lsiera tal-Fargħun u l-għelieqi tagħna jsiru tiegħu. Agħtina ż-żerriegħa biex ma mmutux u biex l-għelieqi tagħna ma jiġux abbandunati.” 20 Imbagħad Ġużeppi xtara l-għelieqi kollha tal-Eġizzjani għall-Fargħun, għax kull Eġizzjan biegħ l-għalqa tiegħu, minħabba li l-ġuħ kien kbir ħafna. U l-għelieqi saru tal-Fargħun.

21 Imbagħad lin-nies ħadhom fil-bliet, minn tarf sa tarf tat-territorju tal-Eġittu. 22 L-għelieqi tal-qassisin biss ma xtarax, għaliex l-ikel tal-qassisin kien jiġi pprovdut mill-Fargħun. Huwa għalhekk li ma bigħux l-għelieqi tagħhom. 23 U Ġużeppi qal lin-nies: “Illum jien xtrajt lilkom u l-għelieqi tagħkom għall-Fargħun. Ħudu ż-żerriegħa u iżirgħuha. 24 Fi żmien il-ħsad, agħtu 20 fil-100 tal-prodott lill-Fargħun, imma l-kumplament ikun tagħkom bħala żerriegħa għall-għelieqi u bħala ikel għalikom, għal dawk li hemm fi djarkom, u għat-tfal tagħkom.” 25 Huma qalulu: “Sidi, int salvajtna. Għalhekk, ħenn għalina ħalli nsiru lsiera tal-Fargħun.” 26 Imbagħad Ġużeppi ħareġ liġi, li għadha tgħodd sal-lum fl-art tal-Eġittu, li 20 fil-100 tal-ħsad ikun tal-Fargħun. L-għelieqi tal-qassisin biss ma sarux tal-Fargħun.

27 Il-familja t’Iżrael baqgħu jgħixu fl-art tal-Eġittu, fl-art taʼ Gosen. Huma ssetiljaw fiha, kellhom it-tfal, u żdiedu fuq li żdiedu. 28 U Ġakobb baqaʼ jgħix fl-art tal-Eġittu għal 17-il sena, u b’hekk Ġakobb għex 147 sena.

29 Meta kien wasal biex imut, Iżrael għajjat lil ibnu Ġużeppi u qallu: “Jekk sibt il-ħniena f’għajnejk, jekk jogħġbok, poġġi idek taħt koxxti, u uri mħabba* u lealtà miegħi. Jekk jogħġbok, tidfinnix fl-Eġittu. 30 Meta mmut,* ġorrni ’l barra mill-Eġittu u idfinni fil-qabar taʼ missirijieti.” U hu wieġbu: “Se nagħmel bħalma għedtli.” 31 Imbagħad Iżrael qallu: “Aħlifli.” U hu ħaliflu. Għalhekk, Iżrael dar lejn ras is-sodda u miel lejn Alla.

48 Xi żmien wara, lil Ġużeppi qalulu: “Missierek marid.” Malli semaʼ dan, ħa miegħu liż-żewġt itfal tiegħu Manasse u Efrajm. 2 Imbagħad lil Ġakobb qalulu: “Ibnek Ġużeppi ġie għandek.” Għalhekk, Iżrael għamel ħiltu kollha biex iqum bilqiegħda fuq is-sodda. 3 U Ġakobb qal lil Ġużeppi:

“L-Alla li Jistaʼ Kollox deherli f’Luż fl-art taʼ Kangħan u berikni. 4 U qalli, ‘Se nagħtik it-tfal u ssir ħafna u se nagħmlek missier taʼ ħafna popli u nagħti din l-art lid-dixxendenti tiegħek* biex tkun tagħhom għal dejjem.’ 5 Issa ż-żewġt itfal li twildulek fl-art tal-Eġittu, qabel ma jien ġejt għandek fl-Eġittu, huma tiegħi. Efrajm u Manasse jsiru tiegħi bħalma huma Ruben u Simegħon. 6 Imma t-tfal li se jkollok warajhom ikunu tiegħek. Huma se jirċievu parti mill-art li se jirtu ħuthom. 7 U meta jien kont ġej mill-Fiddien-aram,* Rakele mietet maġenbi fl-art taʼ Kangħan, meta kien għad baqaʼ ftit mhux ħażin biex nasal Efrata. Għalhekk dfintha fit-triq lejn Efrata, jiġifieri Betlem.”

8 Imbagħad Iżrael ra lit-tfal taʼ Ġużeppi u staqsa: “Min huma dawn?” 9 U Ġużeppi qal lil missieru: “Dawn huma t-tfal li tani Alla f’dan il-post.” U wieġbu: “Jekk jogħġbok, ressaqhom lejja ħalli nberikhom.” 10 Issa għajnejn Iżrael kienu battew bix-xjuħija u ma setax jara sew. Għalhekk Ġużeppi, ressaqhom qrib tiegħu, u hu bieshom u għannaqhom. 11 Iżrael qal lil Ġużeppi: “Qatt ma kont nimmaġina li nerġaʼ narak, imma Alla ħallieni nara lit-tfal tiegħek ukoll.” 12 Imbagħad Ġużeppi ressaqhom minn ħdejn irkopptejn Iżrael, u miel b’wiċċu sal-art.

13 Ġużeppi qabad lil Efrajm b’idu l-leminija u lil Manasse b’idu x-xellugija. Imbagħad ressaqhom viċin Iżrael u poġġa lil Efrajm fuq in-naħa tax-xellug t’Iżrael u lil Manasse fuq in-naħa tal-lemin. 14 Madankollu, Iżrael ħareġ idu l-leminija u qegħedha fuq ras Efrajm, għalkemm kien iż-żgħir, u qiegħed idu x-xellugija fuq ras Manasse. Idejh qegħedhom hekk apposta, avolja Manasse kien l-ewwel imwieled. 15 Imbagħad bierek lil Ġużeppi u qal:

“Jalla l-Alla l-veru li qdew* missirijieti Abraham u Iżakk,

Li kien ir-ragħaj tiegħi tul ħajti sal-lum,

16 U li bl-anġlu tiegħu ħelisni minn kull inkwiet, ibierek lil dawn is-subien.

Jalla permezz tagħhom jibqaʼ jissemma ismi u isem missirijieti Abraham u Iżakk.

Jalla jiżdiedu sa ma jsiru ħafna fl-art.”

17 Meta Ġużeppi ra li missieru żamm idu l-leminija fuq ras Efrajm, ma ħax pjaċir, għalhekk ipprova jaqbad id missieru biex iċaqlaqha minn fuq ras Efrajm għal fuq ras Manasse. 18 U Ġużeppi qal lil missieru: “Mhux hekk pa, għax dan hu l-ewwel imwieled. Qiegħed idek il-leminija fuq rasu.” 19 Imma missieru baqaʼ jirrifjuta u qallu: “Naf ibni, naf. Hu wkoll għad isir poplu, u hu wkoll għad isir kbir. Madankollu, ħuh iż-żgħir għad isir akbar minnu, u t-tfal tiegħu tant jiżdiedu li jsiru ħafna popli.” 20 Għalhekk, kompla jberikhom dakinhar u jgħid:

“Meta jitkellmu dwarek, l-Iżraelin ibierku lil xulxin billi jgħidu,

‘Jalla Alla jbierkek bħalma għamel lil Efrajm u Manasse.’”

B’hekk, hu baqaʼ jqiegħed lil Efrajm qabel Manasse.

21 Imbagħad Iżrael qal lil Ġużeppi: “Jien qed immut, imma Alla żgur li se jibqaʼ magħkom u jiħodkom lura lejn art missirijietkom. 22 Jien se nagħtik biċċa art* iktar minn ħutek, dik li jien ħadt minn id l-Amurrin bix-xabla u bil-qaws tiegħi.”

49 U Ġakobb għajjat lit-tfal tiegħu u qalilhom: “Inġabru flimkien sabiex ngħidilkom x’se jiġrilkom fil-futur. 2 Inġabru u isimgħu, tfal taʼ Ġakobb, iva, isimgħu lil missierkom Iżrael.

3 “Ruben, int l-ewwel imwieled tiegħi, il-ħeġġa tiegħi u l-ewwel tifel tiegħi.* Int kellek ħafna dinjità u saħħa. 4 Imma mhux se tkun l-aħjar wieħed, għax bħall-kurrent qawwi tal-ilmijiet ma kkontrollajtx lilek innifsek. Int kellek x’taqsam maʼ marti* u ddiżonorajt* iż-żwieġ tiegħi. Iva, hekk għamel Ruben!

5 “Simegħon u Levi huma aħwa. Użaw l-armi tagħhom bħala għodod tal-vjolenza. 6 Jalla qatt ma nagħmilha magħhom. Jalla r-reputazzjoni tiegħi ma tkunx assoċjata mal-grupp tagħhom, għax fir-rabja tagħhom qatlu n-nies u għall-gost qatgħu l-għerq taʼ saqajn il-barrin. 7 Misħuta r-rabja tagħhom għax minħabba fiha għamlu affarijiet ħżiena u qatlu n-nies bla ħniena. Ħa nferrixhom fl-art taʼ Ġakobb u ħa nxerridhom f’Iżrael.

8 “U int Ġuda, ħutek se jfaħħruk. L-għedewwa tiegħek ikunu taħt il-kontroll tiegħek.* Ħutek kollha se jmilu quddiemek. 9 Ġuda hu ferħ taʼ ljun. Ibni, int tiekol dak li tikkaċċja u titlaq. Int timtedd mal-art u tistrieħ bħal iljun, li ħadd ma jissogra jqajmu. 10 Ġuda dejjem se jkollu x-xettru, u l-bastun taʼ mexxej dejjem se jkun quddiemu,* sakemm jiġi Silo,* u n-nies se jobdu lilu. 11 Hu jorbot il-ħmar tiegħu maʼ dielja u l-ferħ taʼ ħmara tiegħu maʼ dielja prima, u jaħsel ħwejġu fl-inbid u l-libsa tiegħu fid-demm tal-għeneb. 12 Għajnejh huma ħomor nar bl-inbid, u snienu bojod bil-ħalib.

13 “Żebulun se joqgħod ħdejn ix-xatt fejn huma ankrati l-vapuri, u t-tarf tat-territorju tiegħu jkun lejn Sidon.

14 “Issakar hu ħmar b’saħħtu, mimdud biż-żewġ xkejjer taʼ mas-sarġ fuq dahru. 15 Hu jara li l-post taʼ mistrieħ hu tajjeb u li l-art hi sabiħa. Hu jniżżel spalltu biex iġorr it-tagħbija u jiġi sforzat jaħdem iebes bħala lsir.

16 “Ibni Dan se jiġġudika lill-poplu tiegħu bħala wieħed mit-tribujiet t’Iżrael. 17 Ħa jkun Dan bħal serp mal-ġenb tat-triq, serp bil-qrun mal-ġenb tal-passaġġ, li jigdem l-għarqub taż-żiemel biex ir-rikkieb tiegħu jinqaleb lura. 18 Madankollu, Ġeħova, jien lilek se nistenna biex issalvani.

19 “U lil Gad se jattakkah grupp ħallelin, imma hu se jattakkahom f’għarqubhom.

20 “Aser se jkollu ħafna ikel,* u hu jipprovdi ikel li jixraq lil re.

21 “Naftali hu ċerva ħafifa. Hu qed jgħid kliem ħelu.

22 “Ġużeppi hu l-fergħa taʼ siġra li tagħti l-frott, siġra ħdejn għajn tal-ilma, li l-friegħi tagħha jaqbżu l-ħajt. 23 Imma l-arċieri baqgħu jattakkawh u waddbulu l-vleġeġ u baqgħu jobogħduh. 24 U madankollu l-qaws tiegħu baqaʼ sod, u jdejh baqgħu b’saħħithom u ħfief. Dan hu permezz tal-wieħed li għandu l-qawwa u li għenni, ir-ragħaj u l-ġebla t’Iżrael. 25 Ġużeppi hu rigal mingħand l-Alla tiegħi, il-Wieħed li se jgħinu. Hu qiegħed maʼ Dak li Jistaʼ Kollox li se jbierku bil-barkiet tas-sema u tal-ilma fond, u se jagħtih ħafna tfal u annimali.

26 Il-barkiet tiegħi se jkunu aħjar mill-barkiet tal-muntanji eterni u isbaħ mill-għoljiet li jibqgħu. Il-barkiet se jibqgħu fuq ras Ġużeppi, fuq ras il-magħżul minn fost ħutu.

27 “Benjamin se jibqaʼ jċarrat bħal lupu. Filgħodu jiekol l-annimal li jkun qabad u filgħaxija jqassam dak li jkun ħa mingħand l-għadu.”

28 Dawn kollha huma t-12-il tribù t’Iżrael, u dan hu li qalilhom missierhom meta kien qed iberikhom. Hu ta lil kull wieħed il-barka li kienet tistħoqqlu.

29 Wara dan, hu kkmandahom: “Jien se ninġabar maʼ niesi.* Idfnuni maʼ missirijieti fl-għar li jinsab fl-għalqa t’Għefron il-Ħitti, 30 l-għar fl-għalqa taʼ Makfela li tinsab quddiem Mamre fl-art taʼ Kangħan, l-għalqa li Abraham xtara mingħand Għefron il-Ħitti bħala post għad-dfin. 31 Hemm difnu lil Abraham u lil martu Sara. Hemm difnu lil Iżakk u lil martu Rebekka, u hemm jien dfint lil Lea. 32 L-għalqa u l-għar li hemm fiha nxtraw mingħand it-tfal taʼ Ħet.”

33 B’hekk, Ġakobb ta l-istruzzjonijiet lit-tfal tiegħu. Imbagħad imtedd fuq is-sodda, ħa l-aħħar nifs, u nġabar maʼ niesu.*

50 Imbagħad Ġużeppi nxteħet fuq missieru u beka fuqu u biesu. 2 U Ġużeppi kkmanda lill-qaddejja tiegħu li kienu tobba biex jibbalzmaw lil missieru. Għalhekk, dawn ibbalzmaw lil Iżrael, 3 u ħadu 40 jum sħaħ għalih, għax daqshekk kienu jdumu biex jibbalzmaw, u l-Eġizzjani komplew jibkuh 70 jum.

4 Meta għaddewlu l-jiem tal-vistu, Ġużeppi kellem lill-uffiċjali* tal-Fargħun u qalilhom: “Jekk sibt il-ħniena f’għajnejkom, agħtu dan il-messaġġ lill-Fargħun: 5 ‘Missieri qalli: “Jien se mmut. Aħlef li tidfinni fil-post għad-dfin li jien ħaffirt fl-art taʼ Kangħan.” Jekk jogħġbok, ħallini nitlaʼ nidfen lil missieri u wara niġi lura.’” 6 U l-Fargħun wieġbu: “Itlaʼ idfen lil missierek bħalma ħliftlu.”

7 Għalhekk, Ġużeppi telaʼ jidfen lil missieru, u miegħu telgħu l-qaddejja kollha tal-Fargħun, l-ogħla uffiċjali,* l-anzjani* kollha tal-art tal-Eġittu, 8 in-nies kollha taʼ dar Ġużeppi, ħutu, u n-nies taʼ dar missieru. Fl-art taʼ Gosen ħallew biss it-tfal tagħhom u l-imrieħel tan-nagħaġ u tal-baqar tagħhom. 9 Telgħu miegħu wkoll irġiel rekbin fuq karrijiet u żwiemel, u l-grupp kien kbir ħafna. 10 Imbagħad waslu ħdejn l-għalqa t’Atad, li hemm fir-reġjun tal-Ġordan, u hemmhekk bkew biki kbir, u Ġużeppi għamel sebat ijiem vistu għal missieru. 11 In-nies tal-pajjiż, il-Kangħanin, rawhom imdejqin fl-għalqa t’Atad, u qalu: “Dan hu vistu kbir għall-Eġizzjani!” Huwa għalhekk li semmew il-post Abel-misrajm,* li qiegħed fir-reġjun tal-Ġordan.

12 Għalhekk, it-tfal tiegħu għamlulu eżatt kif kien ikkmandahom. 13 Huma ġarrewh lejn l-art taʼ Kangħan u difnuh fl-għar tal-għalqa taʼ Makfela, l-għalqa li qiegħda quddiem Mamre, li Abraham kien xtara mingħand Għefron il-Ħitti bħala post għad-dfin. 14 Wara li difen lil missieru, Ġużeppi mar lura l-Eġittu maʼ ħutu u maʼ kull min kien mar miegħu biex jidfen lil missieru.

15 Wara li miet missierhom, ħut Ġużeppi bdew jgħidu: “Għandu mnejn li Ġużeppi jobgħodna u jpattihielna minħabba l-ħsara kollha li għamilnielu.” 16 Għalhekk, bagħtu jgħidu lil Ġużeppi: “Missierek ta dan il-kmand qabel ma miet: 17 ‘Dan għandkom tgħidulu lil Ġużeppi: “Nitolbok, jekk jogħġbok, aħfer in-nuqqas taʼ ħutek u d-dnub li għamlu billi ġabulek ħsara bħal din.”’ U issa jekk jogħġbok, aħfrilna n-nuqqas tagħna, il-qaddejja tal-Alla taʼ missierek.” U Ġużeppi beka meta semaʼ dan. 18 Imbagħad ġew ħutu u nxteħtu fl-art quddiemu u qalulu: “Aħna lsiera tiegħek!” 19 Ġużeppi qalilhom: “Tibżgħux. Mela jien Alla biex niġġudikakom? 20 Għalkemm ridtu tagħmluli l-ħsara, Alla kellu f’moħħu li jagħmel il-ġid u jsalva ħafna nies, bħalma qed jagħmel illum. 21 Mela issa tibżgħux. Jien nibqaʼ nagħti l-ikel lilkom u lit-tfal tagħkom.” B’hekk, hu farraġhom u serrħilhom moħħhom bi kliemu.

22 U Ġużeppi baqaʼ jgħix l-Eġittu flimkien man-nies taʼ dar missieru u għex 110 snin. 23 Ġużeppi ra t-tielet ġenerazzjoni tat-tfal t’Efrajm, kif ukoll lit-tfal taʼ Makir, bin Manasse. Lil dawn Ġużeppi kien iqishom bħala t-tfal tiegħu.* 24 Fl-aħħar, qal lil ħutu: “Jien se mmut, imma Alla żgur li se jgħinkom u żgur li se joħroġkom minn din l-art, u jtellagħkom lejn l-art li dwarha ħalef lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb.” 25 Għalhekk, Ġużeppi qal lit-tfal t’Iżrael: “Alla żgur li se jgħinkom u joħroġkom minn din l-art. Aħilfuli li meta jagħmel hekk, tieħdu magħkom l-għadam tiegħi minn hawnhekk.” 26 U Ġużeppi miet fl-età taʼ 110 snin, u bbalzmawh u poġġewh f’tebut fl-Eġittu.

Jew “il-qawwa attiva t’Alla.”

Hawnhekk il-kelma “speċi” għandha tifsira iktar ġenerali minn dik użata mix-xjentisti llum.

Jew “Ħa jkun hemm dawwaliet.”

Letteralment “fl-atmosfera tas-smewwiet.”

Letteralment “fl-atmosfera tas-smewwiet.”

Letteralment “fl-atmosfera tas-smewwiet.”

Jew “erwieħ.”

Il-kelma bl-Ebrajk tistaʼ tirreferi għall-għasafar u għall-ħlejjaq oħra bil-ġwienaħ bħal insetti li jtiru.

Letteralment “itiru fuq l-art fuq wiċċ l-atmosfera tas-smewwiet.”

Jew “il-monstri.”

Jew “l-erwieħ.”

Jew “t’annimal li jitkaxkar.” Milli jidher dan jinkludi rettili u tipi differenti t’annimali mill-kategoriji l-oħrajn.

Jew “il-ħajja bħala ruħ; ruħ ħajja.”

Letteralment “u l-armata kollha tagħhom.”

L-ewwel darba li jidher l-isem persunali t’Alla, יהוה (JĦWH), li jiddistingwih mill-allat l-oħrajn kollha. Ara App. A4.

Jew “ruħ ħajja.” Il-kelma bl-Ebrajk hi nefex, li letteralment tfisser “ħliqa li tieħu n-nifs.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “saret erbat irjus.”

Jew “Tigri.”

Jew “sawwar.”

Jew “jibqaʼ maʼ.”

Jew “li jilħaqlu; brikkun.”

Jew forsi “taʼ min jixtiequ biex wieħed jikseb l-għerf.”

Jew “għadwa.”

Jew “nislek; dawk li se jiġu minnek.”

Jew “nisilha (id-dixxendenti tagħha).”

Jew “ibenġillek; iweġġagħlek.”

Jew “tbenġlu; tgħaffġu.”

Ifisser “Raġel; Umanità; Bnedmin.”

Jew “Bl-uġigħ.”

Jew “l-ikel.”

Ifisser “Waħda Ħajja.”

Jew “żmien indefinit.”

Letteralment “Jien ipproduċejt.”

Jew “se tiġi milqugħ.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “il-qawwa tagħha.”

Letteralment “minn fuq wiċċ l-art.”

Jew “fl-art taʼ Nod.”

Jew “il-fifra.”

Ifisser “Inkarigat; Imqiegħed; Stabbilit.”

Jew “Adam; Umanità.”

Letteralment “l-Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Aktarx ifisser “Mistrieħ; Faraġ.”

Jew “ifarraġna.”

Jew “mill-uġigħ.”

Idjoma bl-Ebrajk li tirreferi għall-anġli.

Jew “għax huma jaġixxu skont il-laħam; jagħmlu d-dnub.”

Jistaʼ jfisser “Dawk li Jwaqqgħu,” jiġifieri dawk li jġiegħlu lil oħrajn jaqgħu. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “tnikket.”

Jew “u ħassu mweġġaʼ f’qalbu.”

Jew “t’annimal li jitkaxkar.” Milli jidher dan jinkludi rettili u tipi differenti t’annimali mill-kategoriji l-oħrajn.

Jew “bla ħtija.”

Letteralment “il-ġenerazzjonijiet tiegħu.”

Jiġifieri vapur kbir kwadru. Letteralment “kaxxa.”

Jew “biż-żift.”

Kubitu kien daqs 44.5 ċentimetri. Ara App. B14.

Il-kelma bl-Ebrajk hi zoħar. Possibbiltà oħra hi li zoħar tirreferi għal saqaf immejjel b’angolu taʼ kubitu, minflok ftuħ għad-dawl jew tieqa.

Letteralment “il-laħam kollu li għandu l-forza tal-ħajja.”

Jew “t’annimal li jitkaxkar.” Milli jidher dan jinkludi rettili u tipi differenti t’annimali mill-kategoriji l-oħrajn.

Jew forsi “sebaʼ pari minn kull annimal nadif.”

Jew forsi “sebaʼ pari mill-ħlejjaq li jtiru fis-sema.”

Jew “annimal li jitkaxkar.” Milli jidher dan jinkludi rettili u tipi differenti t’annimali mill-kategoriji l-oħrajn.

Jew “annimal li jitkaxkar.” Milli jidher dan jinkludi rettili u tipi differenti t’annimali mill-kategoriji l-oħrajn.

Letteralment “Il-laħam kollu li għandu l-forza tal-ħajja.”

Jew “Id-dulluvju baqaʼ sejjer.”

Kubitu kien daqs 44.5 ċentimetri. Ara App. B14.

Letteralment “il-laħam kollu.”

Jew “in-nifs tal-forza tal-ħajja.”

Jew “l-annimali li jitkaxkru.” Milli jidher dan jinkludi rettili u tipi differenti t’annimali mill-kategoriji l-oħrajn.

Jew “ħaseb.”

Jew “annimal li jitkaxkar.” Milli jidher dan jinkludi rettili u tipi differenti t’annimali mill-kategoriji l-oħrajn.

Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”

Jew “Issa huma taħt l-awtorità tagħkom.”

Jew “bir-ruħ.”

Letteralment “Kull min ixerred id-demm taʼ bniedem.”

Jew “il-laħam kollu.”

Jew “kull ruħ ħajja fost il-laħam kollu.”

Jew “kull ruħ ħajja fost il-laħam kollu.”

Din l-espressjoni tistaʼ tirreferi għal xi tip t’abbuż sesswali.

Letteralment “setgħan.”

Jew forsi “Dawn jifformaw il-belt il-kbira.”

Jew forsi “l-ħu l-kbir taʼ Ġafet.”

Ifisser “Diviżjoni.”

Jew “il-popolazzjoni tal-art.”

Jew “vokabolarju wieħed.”

Letteralment “niżel jara.”

Ifisser “Konfużjoni.”

Jew “se jiksbu barka għalihom infushom.”

Jew “l-erwieħ.”

Jew “lil dawk li se jiġu minnek.”

Jew “biex joqgħod hemmhekk bħala barrani.”

Jew “lil dawk li se jiġu minnek.”

Jew “lil dawk li se jiġu minnek.”

Jew “fil-Pjanura l-Baxxa.”

Jiġifieri l-Baħar il-Mejjet.

Jew “fil-Pjanura l-Baxxa.”

Jew “il-Pjanura l-Baxxa.”

Letteralment “l-Ebrew.”

Jew “jgħix fit-tined.”

Letteralment “ħuh.”

Jew “fil-Pjanura l-Baxxa.”

Jew “l-erwieħ.”

Letteralment “Ngħolli idi.”

Jew “Mulej Sovran Ġeħova.”

Letteralment “iben.”

Letteralment “wieħed li joħroġ mill-ġewwieni tiegħek.”

Jew “dawk li se jiġu minnek.”

Jew “emmen.”

Jew “għaddlu dan bħala ġustizzja.”

Jew “għoġla.”

Jew “poġġa kull parti minnhom biex taqbel mal-oħra.”

Jew “dawk li se jiġu minnek.”

Jew “dawk li se jiġu minnek.”

Jew “lil dawk li se jiġu minnek.”

Letteralment “il-qaddejja tiegħi fi ħdanek.”

Jew “Se jkollok ħafna u ħafna li jiġu minnek.”

Ifisser “Alla Jismaʼ.”

Letteralment “semaʼ.”

Xi wħud jaħsbu li jirreferi għal żebra. X’aktarx bħala referenza għal attitudni indipendenti.

Jew forsi “u hu se jgħix bħala għadu taʼ ħutu kollha.”

Letteralment “għajtet.”

Ifisser “Bir tal-Wieħed Ħaj li Jarani.”

Jew “bla nuqqas.”

Ifisser “Missier Hu Għoli (Eżaltat).”

Ifisser “Missier Kotra (Folla); Missier taʼ Ħafna.”

Jew “dawk li se jiġu minnek.”

Jew “għal dawk li se jiġu minnek.”

Jew “lil dawk li se jiġu minnek.”

Jew “dawk li se jiġu minnek.”

Jew “dawk li se jiġu minnek.”

Jew “li ma jiġix minnek.”

Jew “maqtugħ mill-poplu tiegħu.”

Jistaʼ jfisser “Ġellieda.”

Ifisser “Prinċipessa.”

Ifisser “Daħq.”

Jew “maʼ dawk li se jiġu minnu.”

Letteralment “issaħħu qalbkom.”

Sea kien daqs 7.33 litri. Ara App. B14.

Jew “għoġol.”

Jew “l-għoġol.”

Jew “ma kienx għadu jiġiha d-demm taʼ kull xahar.”

Jew “se jiksbu barka għalihom infushom.”

Jew “għall-protezzjoni.” Letteralment “dell.”

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “ruħi tibqaʼ ħajja.”

Jiġifieri anġlu li jirrappreżenta lil Alla.

Ifisser “Ċokon.”

Dan jirreferi għal tip taʼ ġebla li taqbad bin-nar.

Jew “jgħix bħala barrani.”

Jew “ma kienx resaq lejha.”

Jew “ġust.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “ma jibżaʼ minn.”

Jew “l-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “kien għalaq għalkollox kull ġuf fid-dar t’Abimelek.”

Letteralment “jidħaq miegħi.” Jew forsi “jidħaq bija.”

Jew “nislek; dawk li se jiġu minnek.”

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Forsi jfisser “Bir tal-Ħalfa” jew “Bir tas-Sebgħa.”

Jew “għex bħala barrani.”

Letteralment “ħafna jiem.”

Jew “is-sikkina tal-biċċiera.”

Dan jistaʼ jirreferi għal faħam jaqbad.

Jew “is-sikkina tal-biċċiera.”

Letteralment “tibżaʼ minn.”

Ifisser “Ġeħova Jipprovdi; Ġeħova Jieħu Ħsieb.”

Jew “lil nislek.”

Letteralment “il-bieb.”

Jew “taʼ dak li se jiġi minnek.”

Jew forsi “kap kbir taʼ tribù.”

Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.

Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.

Jew “Lil dawk li se jiġu minnek.”

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.

Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.

Aktarx Laban.

Letteralment “li jien imxejt quddiemu.”

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “indur lejn il-lemin jew lejn ix-xellug.”

Letteralment “lil oħthom Rebekka.”

Jiġifieri dik li kienet treddagħha imma issa taqdi bħala l-qaddejja tagħha.

Jew “issir omm taʼ eluf għal għaxart elef darba.”

Letteralment “il-bieb.”

Din hi espressjoni poetika li tirreferi għall-mewt.

Jew “il-kampijiet imdawrin bil-ħitan.”

Din hi espressjoni poetika li tirreferi għall-mewt.

Jew “id-dixxendenti taʼ Ismagħel.”

Jew forsi “Hu għex bħala għadu taʼ ħutu kollha.”

Ifisser “Sufi.”

Ifisser “Wieħed li Jaqbad l-Għarqub; Wieħed li Jieħu Post Ħaddieħor.”

Letteralment “il-ħamra, din il-ħamra.”

Jew “għandi ġuħ kbir.”

Ifisser “Aħmar; Ħamrani.”

Jew “lil dawk li se jiġu minnek.”

Jew “lil dawk li se jiġu minnek.”

Jew “jgħannaq lil.”

Ifisser “Ġlied.”

Ifisser “Akkuża.”

Ifisser “Postijiet Wesgħin.”

Jew “lil dawk li se jiġu minnek.”

Jew “bl-imrar.”

Jew “ruħi.”

Jew “ruħek.”

Jew “ruħi.”

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Jew “ruħek.”

Ifisser “Wieħed li Jaqbad l-Għarqub; Wieħed li Jieħu Post Ħaddieħor.”

Jew “qed jikkonsla bil-ħsieb li joqtlok.”

Jew “lil dawk li se jiġu minnek.”

Jew “sellum.”

Jew “lil dawk li se jiġu minnek.”

Jew “dawk li se jiġu minnek.”

Jew “dawk li se jiġu minnek.”

Jew “se jiksbu barka għalihom infushom.”

Letteralment “kolonna.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ifisser “Dar t’Alla.”

Letteralment “ħu.”

Letteralment “għadmi u laħmi.”

Letteralment “ħija.”

Letteralment “kienet mibgħuda.”

Letteralment “fetħilha ġufha.”

Ifisser “Ara, Iben!”

Ifisser “Jismaʼ.”

Ifisser “Iżomm ma’; Miġbud Lejn.”

Ifisser “Il-Wieħed Imfaħħar.”

Letteralment “twelled fuq irkopptejja.”

Ifisser “Imħallef.”

Ifisser “Il-Ġlied Tiegħi.”

Ifisser “Fortuna Tajba.”

Letteralment “il-bniet.” Din tirreferi għan-nisa taʼ dik l-art.

Ifisser “Ferħan; Ferħ.”

In-nisa kienu jieklu l-frott taʼ din il-pjanta għax ħasbu li kienet tgħinhom biex jinqabdu tqal.

Jew “il-ħlas tal-kirja.”

Ifisser “Hu l-Ħlas.”

Ifisser “Jaċċetta.”

Letteralment “u fetħilha ġufha.”

Forma mqassra taʼ Ġosifija, li jfisser “Jalla Jah Iżid.”

Jew “Mill-evidenza.”

Jew “is-sewwa.”

Jiġifieri jkunu lesti biex jitgħammru.

Letteralment “dlikt.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “kolonna.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “l-allat tad-dar; l-idoli.”

Jiġifieri l-Ewfrat.

Jew “lill-qraba tiegħu.” Letteralment “lil ħutu.”

Letteralment “Oqgħod attent li ma tgħid xejn lil Ġakobb, la tajjeb u lanqas ħażin.”

Letteralment “is-subien.”

Letteralment “Oqgħod attent li ma tgħid xejn lil Ġakobb, la tajjeb u lanqas ħażin.”

Letteralment “il-biżaʼ taʼ Iżakk.”

Letteralment “kolonna.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “lill-qraba tiegħu.” Letteralment “lil ħutu.”

Espressjoni Aramajka li tfisser “Gozz Xhieda.”

Espressjoni Ebrajka li tfisser “Gozz Xhieda.”

Letteralment “il-kolonna.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “il-kolonna.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “bil-biżaʼ taʼ missieru Iżakk.”

Jew “lill-qraba tiegħu.” Letteralment “lil ħutu.”

Letteralment “lis-subien.”

Ifisser “Żewġ Armati.”

Letteralment “l-għalqa.”

Jew “Għext bħala barrani.”

Jew “ma jistħoqqlix l-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “lil dawk li se jiġu minnek.”

Jew “tal-wied.”

Ifisser “Wieħed li Jissara (Jippersisti) m’Alla” jew “Alla Jissara.”

Ifisser “Wiċċ Alla.”

Letteralment “ruħi ħelsitha.”

Jew “Penijel.”

Letteralment “l-għerq tan-nerv tal-koxxa.”

Ifisser “Għerejjex; Postijiet taʼ Kenn.”

Letteralment “qesita.” Tip taʼ flus antiki li l-valur tagħhom mhux magħruf.

Jew “biex tara.”

Letteralment “kellem qalb it-tfajla.”

Jew “Ruħ ibni Sikem hi marbuta maʼ.”

Jew “ġegħeltuni niġi mwarrab.”

Ifisser “Siġra tal-Ballut tal-Biki.”

Letteralment “joħorġu minn ġenbejk.”

Letteralment “kolonna.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “Hekk kif kienet ħierġa ruħha.”

Ifisser “Bin it-Tbatija Tiegħi.”

Ifisser “Bin l-Id il-Leminija.”

Din hi espressjoni poetika li tirreferi għall-mewt.

Letteralment “xiħ u mimli bl-għomor.”

Jew “l-erwieħ.”

Jew “jgħixu bħala barranin.”

Letteralment “xejikki.” Xejikk kien kap taʼ tribù.

Letteralment “it-tfal t’Iżrael.”

Jew “libsa twila u sabiħa.”

Jew “mill-pjanura l-baxxa.”

Jew “tmiddux idejkom fuqu.”

Jew “f’Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “kien jarmi l-isperma fl-art.”

Ifisser “Tiċrita.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “l-Ebrew.”

Letteralment “Ebrew.”

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “jerfagħlek rasek.”

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “tal-Ebrej.”

Letteralment “fil-ġiebja; fil-ħofra.”

Letteralment “jerfagħlek rasek minn fuqek.”

Letteralment “refaʼ r-ras taʼ.”

Letteralment “Ebrew.”

Letteralment “mill-ġiebja; mill-ħofra.”

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Jew “Inkwantu għat-tron biss.”

Letteralment “qegħedhulu f’idu.”

Milli jidher hu terminu użat biex jonora u jagħti dinjità lil xi ħadd.

Letteralment “jerfaʼ idu jew siequ.”

Jiġifieri Ħiljopolis.

Jew “ħareġ idur.”

Jew “meta qagħad quddiem il-Fargħun.”

Jiġifieri Ħiljopolis.

Ifisser “Wieħed li Jgħinek Tinsa.”

Jistaʼ jfisser “Tani Żewġt Itfal.”

Letteralment “il-ħobż.”

Letteralment “għall-ħobż.”

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Letteralment “nibżaʼ minn.”

Jew “kellu ruħu mnikkta.”

Jew “f’Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Jew “Se nagħmel tajjeb għalih jien.”

Letteralment “mal-Ebrej.”

Letteralment “mill-ewwel imwieled skont id-dritt tiegħu bħala l-ewwel imwieled.”

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Letteralment “l-ilsir tiegħi.”

Jew “f’Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “ruħu.”

Jew “f’Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “iħallilkom fdal fuq l-art.”

Letteralment “bħala missier.”

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Jew “lil niesu kollha.”

Jiġifieri Ħiljopolis.

Letteralment “It-tfal.”

Jew “sebat erwieħ.”

Jew “erwieħ.”

Jew “ngħix bħala resident barrani.”

Jew “jgħixu bħala residenti barranin.”

Letteralment “il-ħobż.”

Letteralment “ħobż.”

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “nimtedd maʼ missirijieti.”

Jew “lil dawk li se jiġu minnek.”

Letteralment “mill-Fiddien.”

Letteralment “imxew quddiemu.”

Jew “naħa taʼ muntanja.”

Jew “il-bidu tal-qawwa riproduttiva tiegħi.”

Letteralment “Int tlajt fuq is-sodda taʼ missierek.”

Jew “każbart.”

Letteralment “Idek se tkun fuq għonq l-għedewwa tiegħek.”

Jew “ħdejn saqajh.”

Jiġifieri “Hu li Għandu d-Dritt.”

Jew “ħobż bnin.”

Din hi espressjoni poetika li tirreferi għall-mewt.

Din hi espressjoni poetika li tirreferi għall-mewt.

Jew “lin-nies tad-dar.”

Jew “l-anzjani taʼ daru.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ifisser “Vistu tal-Eġizzjani.”

Letteralment “Dawn twieldu fuq irkopptejn Ġużeppi.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja