IT-TIENI KTIEB TAL-KRONAKI
1 Is-saltna taʼ Salamun bin David baqgħet tissaħħaħ, u Ġeħova l-Alla tiegħu kien miegħu u hu sar importanti ħafna.
2 Salamun bagħat għal Iżrael kollu: il-kapijiet tal-eluf u tal-mijiet, l-imħallfin, u l-kapijiet kollha t’Iżrael, jiġifieri l-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier. 3 Imbagħad Salamun u l-kongregazzjoni kollha marru lejn il-post għall-qima f’Gibegħon, għax hemmhekk kien hemm it-tinda tal-laqgħa tal-Alla l-veru, li Mosè l-qaddej taʼ Ġeħova kien għamel fid-deżert. 4 Madankollu, David kien tellaʼ l-Arka tal-Alla l-veru minn Kirjat-ġegħarim lejn il-post li kien ipprepara għaliha. Hu kien rama tinda għaliha f’Ġerusalemm. 5 U l-artal tar-ram li kien għamel Besalel bin Uri u n-neputi taʼ Ħur tpoġġa quddiem it-tabernaklu taʼ Ġeħova. Salamun u l-kongregazzjoni kienu jitolbu quddiemu.* 6 Salamun issa għamel offerti hemmhekk quddiem Ġeħova. Hu offra 1,000 offerta tal-ħruq fuq l-artal tar-ram tat-tinda tal-laqgħa.
7 Dak il-lejl Alla deher lil Salamun u qallu: “Itlobni dak li tixtieq.” 8 U Salamun wieġeb lil Alla: “Int urejt imħabba u lealtà* kbira maʼ missieri David, u lili għamiltni re minfloku. 9 Alla Ġeħova, issa ħa jsir bħalma int wegħedt lil missieri David, għax int għamiltni re fuq poplu daqs it-trab tal-art. 10 Agħtini l-għerf u l-għarfien biex immexxi lil* dan il-poplu, għax min jistaʼ jiġġudika lil dan il-poplu kbir tiegħek?”
11 Imbagħad Alla qal lil Salamun: “Peress li tixtieq dan minn qalbek u ma tlabtnix li ssir sinjur, u lanqas għall-ġid, l-unur, li jmutu dawk li jobogħduk, jew ħajja twila, imma tlabtni l-għerf u l-għarfien biex tiġġudika l-poplu tiegħi li fuqu għamiltek re, 12 se tingħata l-għerf u l-għarfien. Imma se nagħmlek ukoll sinjur u nagħtik ġid u unur li ebda re qablek ma kellu, u li ebda wieħed warajk ma jkollu.”
13 Għalhekk, Salamun telaq mill-post għall-qima li kien f’Gibegħon, minn quddiem it-tinda tal-laqgħa, lejn Ġerusalemm. Hu mexxa fuq Iżrael. 14 Salamun baqaʼ jżid mal-karrijiet u ż-żwiemel.* Hu kellu 1,400 karru u 12,000 żiemel,* u kien iżommhom fil-bliet għall-karrijiet u qribu f’Ġerusalemm. 15 F’Ġerusalemm, ir-re għamel il-fidda u d-deheb abbundanti daqs il-ġebel, u l-injam taċ-ċedru daqs is-siġar tal-ġummajż* li hemm fis-Sefela. 16 Iż-żwiemel għal Salamun kienu jġibuhom mill-Eġittu, u l-merkanti tar-re kienu jixtru gruppi taʼ żwiemel* bil-prezz li jkunu qed jinbiegħu. 17 Kull karru li kienu jġibu mill-Eġittu kien jiswa 600 biċċa tal-fidda, u żiemel kien jiswa 150. Imbagħad dawn kienu jintbagħtu lir-rejiet kollha tal-Ħittin u tas-Sirja.
2 Salamun ta l-kmand biex tinbena dar għal isem Ġeħova u palazz għas-saltna tiegħu. 2 Salamun għażel 70,000 raġel bħala ħaddiem normali,* 80,000 li jaqtgħu l-ġebel mill-muntanji, u 3,600 bħala mgħallmin fuqhom. 3 Barra minn hekk, Salamun bagħat jgħid lil Ħiram ir-re taʼ Tir: “Ibgħatli njam taċ-ċedru bħalma bgħatt lil missieri David meta bena palazz ħalli jgħix fih. 4 Jien qed nibni dar għal isem Ġeħova l-Alla tiegħi, biex inqaddisha għalih, biex naħraq l-inċens ifuħ quddiemu, u wkoll għall-ħobż tal-preżenza* li jkun hemm il-ħin kollu u l-offerti tal-ħruq, filgħodu u filgħaxija, f’kull Sabat, f’kull qamar ġdid, u fl-istaġuni tal-festi għal Ġeħova l-Alla tagħna. Din hi r-responsabbiltà t’Iżrael għal żmien twil. 5 Id-dar li qed nibni tkun kbira, għax l-Alla tagħna hu akbar mill-allat l-oħrajn kollha. 6 U min għandu l-ħila li jibnilu dar? Għax lanqas is-sema, iva, is-sema kollha, mhi kbira biżżejjed biex joqgħod fiha. Allura jien min jien biex nibnilu dar? Kulma nistaʼ nagħmel hu li nibnilu dar biex jiġi offrut id-duħħan tas-sagrifiċċji quddiemu. 7 Ibgħatli raġel tas-sengħa li jaħdem id-deheb, il-fidda, ir-ram, il-ħadid, is-suf vjola, id-drapp aħmar skur, u l-ħajt blu, u li jaf inaqqax. Hu jaħdem f’Ġuda u f’Ġerusalemm man-nies tas-sengħa tiegħi li għażel missieri David. 8 U ibgħatli njam taċ-ċedru, tal-ġnibru, u tas-sandlu mil-Libanu, għax jien naf tajjeb li l-qaddejja tiegħek huma tal-esperjenza f’li jaqtgħu s-siġar tal-Libanu. Il-qaddejja tiegħi se jaħdmu mal-qaddejja tiegħek 9 biex jippreparawli ammont kbir taʼ njam, għax id-dar li se nibni se tkun kbira u sabiħa ħafna. 10 Jien se nipprovdi għall-qaddejja tiegħek li jaqtgħu s-siġar 20,000 kor* qamħ, 20,000 kor xgħir,* 20,000 bat* inbid, u 20,000 bat żejt.”
11 U Ħiram ir-re taʼ Tir bagħat dan il-messaġġ bil-miktub lil Salamun: “Ġeħova għamlek re fuq in-nies tiegħu għax iħobbhom.” 12 Imbagħad Ħiram kompla: “Ħa jkun imfaħħar Ġeħova l-Alla t’Iżrael, li għamel is-sema u l-art, talli ta lir-Re David iben għaref. Int għaqli u kapaċi tifhem. Int se tibni dar għal Ġeħova u palazz għas-saltna tiegħu. 13 Jien se nibgħat lil Ħiram-abi, raġel tas-sengħa li kapaċi jifhem. 14 Hu t-tifel taʼ mara mid-Danin imma missieru kien minn Tir. Hu għandu l-esperjenza f’li jaħdem id-deheb, il-fidda, ir-ram, il-ħadid, il-ġebel, l-injam, is-suf vjola, il-ħajt blu, id-drapp fin, u d-drapp aħmar skur. Hu jaf jagħmel kull tip taʼ tinqix u kull disinn li jitolbuh jagħmel. Hu se jaħdem man-nies tas-sengħa tiegħek u man-nies tas-sengħa taʼ missierek David. 15 Sidi, ibgħat il-qamħ, ix-xgħir, iż-żejt, u l-inbid li wegħedt lill-qaddejja tiegħi. 16 U aħna se naqtgħu s-siġar li għandek bżonn mil-Libanu, norbtuhom flimkien, u nibagħtuhom bil-baħar sa Ġaffa, u int ittellagħhom Ġerusalemm.”
17 Imbagħad Salamun għadd l-irġiel kollha li kienu residenti barranin fl-art t’Iżrael, bħalma kien għamel missieru David, u kien hemm 153,600. 18 Għalhekk, hu qabbad 70,000 minnhom bħala ħaddiema normali,* 80,000 jaqtgħu l-ġebel mill-muntanji, u 3,600 imgħallem fuq il-ħaddiema.
3 Imbagħad Salamun beda jibni d-dar taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm fuq il-Muntanja Morija, fejn Ġeħova kien deher lil missieru David, fil-post li David kien ipprepara għall-bini tat-tempju fuq il-post t’Ornan il-Ġebusi, fejn jiġu sseparati ċ-ċereali.* 2 Hu beda jibni fit-tieni jum tat-tieni xahar, fir-rabaʼ sena tas-saltna tiegħu. 3 U l-pedament li Salamun qiegħed għad-dar tal-Alla l-veru kien twil 60 kubitu u wiesaʼ 20 kubitu, skont il-qies taʼ qabel.* 4 L-intrata taʼ quddiem kienet twila 20 kubitu, daqs il-wisaʼ tad-dar,* u l-għoli tagħha kien 20 kubitu;* u ksieha minn ġewwa b’deheb pur. 5 Hu kesa d-dar il-kbira bl-injam tal-ġnibru, ksieha b’deheb fin, u mbagħad naqqax fuqu siġar tal-palm u ktajjen. 6 Barra minn hekk, kesa d-dar b’ħaġar prezzjuż mill-isbaħ; u d-deheb li uża kien minn Parwajm. 7 Hu kesa d-dar, it-travi, l-għetiebi, il-ħitan, u l-bibien tagħha bid-deheb; u naqqax kerubini fuq il-ħitan.
8 Hu issa għamel il-kamra* tal-Iktar Qaddis. It-tul tagħha kien daqs il-wisaʼ tad-dar, 20 kubitu, u l-wisaʼ tagħha kien 20 kubitu. Hu ksieha b’600 talent* deheb fin. 9 Id-deheb għall-imsiemer kien jiżen 50 xekel;* u hu kesa l-kmamar taʼ fuq bid-deheb.
10 Imbagħad fil-kamra* tal-Iktar Qaddis għamel żewġ skulturi taʼ kerubini u ksiehom bid-deheb. 11 Il-ġwienaħ miftuħin tal-kerubini kienu 20 kubitu f’daqqa. Ġewnaħ tal-ewwel kerubin kien ħames kubiti u kien imiss il-ħajt tad-dar, u l-ġewnaħ l-ieħor kien ħames kubiti u kien imiss il-ġewnaħ tal-kerubin l-ieħor. 12 U ġewnaħ tal-kerubin l-ieħor kien ħames kubiti u kien imiss il-ħajt l-ieħor tad-dar, u l-ġewnaħ l-ieħor kien ħames kubiti u kien imiss il-ġewnaħ tal-ewwel kerubin. 13 Il-ġwienaħ miftuħin taʼ dawn il-kerubini kienu 20 kubitu u l-kerubini kienu bilwieqfa b’wiċċhom ’il ġewwa.*
14 Hu għamel ukoll il-purtiera minn ħajt blu, suf vjola, drapp aħmar skur, u drapp fin. Fuqha għamel disinji taʼ kerubini rrakkmati.
15 Imbagħad għamel żewġ kolonni quddiem id-dar. Kienu twal 35 kubitu, u l-parti mżejna taʼ fuq kull kolonna kienet ħames kubiti. 16 Hu għamel ktajjen qishom ġiżirajjen u qegħedhom in-naħa taʼ fuq tal-kolonni, u għamel 100 rummiena u dendilhom mal-ktajjen. 17 Hu rama l-kolonni quddiem it-tempju, waħda fuq il-lemin* u waħda fuq ix-xellug.* Il-kolonna tal-lemin semmieha Ġakin* u tax-xellug semmieha Bogħaż.*
4 Imbagħad għamel l-artal tar-ram twil 20 kubitu, wiesaʼ 20 kubitu, u għoli għaxar kubiti.
2 Hu għamel vaska kbira minn metall imdewweb li ssemmiet il-Baħar. Din kienet tonda u kienet għaxar kubiti minn xifer sa xifer u l-għoli tagħha kien ħames kubiti. Il-qies tad-dawra kien 30 kubitu.* 3 U taħt ix-xifer kien imżejjen bi frott tond żgħir, għaxra f’kull kubitu madwar il-Baħar kollu. Il-frott tond żgħir kien f’żewġ ringieli u maħdum biċċa waħda miegħu. 4 Dan kien fuq 12-il barri, tlieta jħarsu lejn it-Tramuntana, tlieta jħarsu lejn il-Punent, tlieta jħarsu lejn in-Nofsinhar, u tlieta jħarsu lejn il-Lvant. Il-Baħar kien iserraħ fuqhom, u n-naħa taʼ wara tagħhom kienet lejn in-nofs. 5 U l-ħxuna tiegħu kienet daqs wisaʼ taʼ id;* u x-xifer tiegħu kien maħdum bħax-xifer taʼ tazza, bħal ġilju qed jiftaħ. Dan kien jesaʼ 3,000 bat* ilma.
6 Barra minn hekk, għamel għaxar vaski biex jaħslu u jlaħalħu fihom l-affarijiet li kellhom x’jaqsmu mal-offerta tal-ħruq. Hu poġġiehom ħamsa fuq il-lemin u ħamsa fuq ix-xellug tad-dar. Imma l-ilma tal-Baħar kienu jużawh il-qassisin biex jinħaslu.
7 Imbagħad għamel għaxar gandlieri tad-deheb, skont id-dettalji taʼ kif kellhom ikunu, u poġġiehom fit-tempju, ħamsa fuq il-lemin u ħamsa fuq ix-xellug.
8 Hu għamel ukoll għaxar imwejjed u qegħedhom fit-tempju, ħamsa fuq il-lemin u ħamsa fuq ix-xellug, u 100 skutella tad-deheb.
9 Imbagħad għamel il-bitħa tal-qassisin, il-bitħa l-kbira, u l-bibien tagħhom, u l-bibien ksiehom bir-ram. 10 U l-Baħar poġġieh fuq in-naħa tal-lemin tad-dar, lejn ix-Xlokk.
11 Ħiram għamel ukoll ir-reċipjenti għall-irmied, il-pali, u l-iskutelli.
Għalhekk, Ħiram lesta x-xogħol li tah ir-Re Salamun għad-dar tal-Alla l-veru. 12 Hu għamel iż-żewġ kolonni u l-partijiet imżejnin forma taʼ skutelli li kienu fuqhom; iż-żewġ xbieki tar-ram biex jiksu l-partijiet imżejnin forma taʼ skutelli li kienu fuq il-kolonni; 13 l-400 rummiena għaż-żewġ xbieki, żewġ ringieli rummien għal kull xibka biex jiksu ż-żewġ partijiet imżejnin taʼ fuq il-kolonni; 14 l-għaxar karrijiet* u l-għaxar vaski taʼ fuqhom; 15 il-Baħar u t-12-il barri taʼ taħtu; 16 u r-reċipjenti għall-irmied, il-pali, il-frieket, u l-għodod l-oħrajn li Ħiram-abiv għamel mir-ram illostrat għar-Re Salamun għad-dar taʼ Ġeħova. 17 Ir-re għamilhom minn metall imdewweb f’forom tat-tafal fid-distrett tal-Ġordan, bejn Sukkot u Saretan. 18 Salamun għamel kwantità kbira minn dawn l-għodod kollha. Il-piż tar-ram baqaʼ mhux magħruf.
19 Salamun għamel l-għodod kollha għad-dar tal-Alla l-veru: l-artal tad-deheb; l-imwejjed għall-ħobż tal-preżenza; 20 il-gandlieri u l-lampi tagħhom tad-deheb pur, biex jinxtegħlu quddiem il-kamra taʼ ġewwa nett skont il-bżonn; 21 il-fjuri, il-lampi, u l-għodod li jitfu l-ftila bihom li kienu kollha mill-iktar deheb pur; 22 l-għodod li jittrimmjaw u jitfu l-ftila bihom, l-iskutelli, it-tazzi, ir-reċipjenti għall-ġamar li kienu kollha tad-deheb pur; id-daħla tad-dar, il-bibien taʼ ġewwa tagħha għall-Iktar Qaddis, u l-bibien tad-dar tat-tempju li kienu kollha tad-deheb.
5 Għalhekk Salamun lesta x-xogħol kollu li kellu jagħmel għad-dar taʼ Ġeħova. Imbagħad Salamun daħħal l-affarijiet li qaddes missieru David, u poġġa l-fidda, id-deheb, u l-oġġetti kollha fil-post fejn iżommu t-teżori fid-dar tal-Alla l-veru. 2 Dak iż-żmien Salamun laqqaʼ lill-anzjani* t’Iżrael, jiġifieri l-kapijiet kollha tat-tribujiet u l-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier t’Iżrael. Huma marru Ġerusalemm biex itellgħu l-arka tal-patt taʼ Ġeħova mill-Belt taʼ David, jiġifieri Sijon. 3 L-irġiel kollha t’Iżrael iltaqgħu quddiem ir-re fil-festa,* li ssir fis-sebaʼ xahar.
4 Għalhekk, marru l-anzjani kollha t’Iżrael, u l-Leviti ġarrew l-Arka. 5 Il-qassisin u l-Leviti* tellgħu l-Arka, it-tinda tal-laqgħa, u l-għodod qaddisin kollha li kien hemm fit-tinda. 6 Ir-Re Salamun u l-ġemgħa kollha t’Iżrael li ġiet miġbura biex tiltaqaʼ miegħu, kienu quddiem l-Arka. Tant bdew joffru sagrifiċċji taʼ nagħaġ u baqar li ma setgħux jgħodduhom. 7 Imbagħad il-qassisin ħadu l-arka tal-patt taʼ Ġeħova f’postha, fil-kamra taʼ ġewwa nett tad-dar, jiġifieri l-Iktar Qaddis, u poġġewha taħt il-ġwienaħ tal-kerubini. 8 Il-ġwienaħ tal-kerubini kienu miftuħin fuq il-post fejn kienet l-Arka, u b’hekk il-kerubini għattew l-Arka u l-lasti tagħha minn fuq. 9 Il-lasti tant kienu twal li t-truf tagħhom setgħu jidhru mill-Qaddis quddiem il-kamra taʼ ġewwa nett, imma ma kinux jidhru minn barra. Dawn għadhom hemmhekk sal-lum. 10 Ma kien hemm xejn fl-Arka ħlief iż-żewġ twavel li Mosè qiegħed fiha f’Ħoreb, meta Ġeħova għamel patt mal-poplu t’Iżrael waqt li kienu ħerġin mill-Eġittu.
11 Meta l-qassisin ħarġu mill-post qaddis (għax il-qassisin kollha li kienu hemm tqaddsu, kien x’kien il-grupp tagħhom), 12 il-kantanti Leviti kollha t’Asaf, taʼ Ħeman, taʼ Ġedutun, tat-tfal tagħhom, u taʼ ħuthom kienu lebsin drapp fin u kellhom iċ-ċimbali, l-istrumenti tal-korda, u l-arpi. Huma kienu weqfin in-naħa tal-Lvant tal-artal u magħhom kien hemm 120 qassis idoqqu t-trumbetti. 13 Id-dar taʼ Ġeħova mtliet bi sħaba malli dawk li jdoqqu t-trumbetti u l-kantanti kienu qed ifaħħru u jirringrazzjaw lil Ġeħova f’daqqa u malli nstemaʼ l-ħoss tat-trumbetti, iċ-ċimbali, u l-istrumenti l-oħrajn. Huma bdew ifaħħru lil Ġeħova billi jgħidu, “għax hu tajjeb; għax l-imħabba u l-lealtà* tiegħu huma għal dejjem.” 14 Il-qassisin ma setgħux ikomplu jaqdu minħabba s-sħaba, għax il-glorja taʼ Ġeħova mliet id-dar tal-Alla l-veru.
6 Imbagħad Salamun qal: “Ġeħova qal li kien se joqgħod fid-dalma l-kbira. 2 Jien bnejtlek dar fil-għoli u glorjuża, post stabbilit biex tgħix fih għal dejjem.”
3 Imbagħad ir-re dar lejn l-Iżraelin kollha li kienu bilwieqfa u beda jberikhom. 4 Hu qal: “Jalla Ġeħova l-Alla t’Iżrael jiġi mfaħħar, il-wieħed li* għamel dak li wiegħed* lil missieri David, meta qal, 5 ‘Minn dakinhar li ħriġt lill-poplu tiegħi mill-Eġittu, m’għażiltx belt mit-tribujiet kollha t’Iżrael biex nibni dar għal ismi ħalli jibqaʼ hemm, u m’għażiltx raġel biex ikun mexxej fuq il-poplu tiegħi Iżrael. 6 Imma issa għażilt lil Ġerusalemm sabiex ismi jibqaʼ hemm, u għażilt lil David biex ikun fuq il-poplu tiegħi Iżrael.’ 7 U missieri David xtaq minn qalbu li jibni dar għal isem Ġeħova l-Alla t’Iżrael. 8 Imma Ġeħova qallu, ‘Int xtaqt minn qalbek li tibni dar għal ismi, u sew għamilt li xtaqt dan. 9 Madankollu mhux int tibni d-dar, imma t-tifel li se jkollok* jibni d-dar għal ismi.’ 10 Ġeħova għamel dak li wiegħed, għax jien ilħaqt wara David missieri u qiegħed fuq it-tron t’Iżrael, bħalma wiegħed Ġeħova. Ukoll, jien bnejt id-dar għal isem Ġeħova l-Alla t’Iżrael, 11 u hemm qegħedt l-Arka li fiha l-patt li Ġeħova għamel mal-poplu t’Iżrael.”
12 Imbagħad hu qagħad quddiem l-artal taʼ Ġeħova u quddiem il-kongregazzjoni kollha t’Iżrael, u fetaħ idejh lejn is-sema. 13 (Għax Salamun kien għamel platform tar-ram u qiegħdu f’nofs il-bitħa. Dan kien twil ħames kubiti,* wiesaʼ ħames kubiti, u għoli tliet kubiti; u hu qagħad fuqu.) U niżel għarkopptejh quddiem il-kongregazzjoni kollha t’Iżrael u fetaħ idejh lejn is-sema, 14 u qal: “Ġeħova l-Alla t’Iżrael, m’hemmx Alla bħalek la fis-sema u lanqas fl-art. Int iżżomm il-patt u turi mħabba u lealtà* mal-qaddejja tiegħek li mexjin quddiemek b’qalbhom kollha. 15 Int żammejt il-wegħda li għamilt maʼ missieri David, il-qaddej tiegħek. U llum int għamilt dak li wegħedt. 16 U issa, Ġeħova l-Alla t’Iżrael, żomm il-wegħda li għamilt maʼ missieri David, meta għedt: ‘Jekk it-tfal tiegħek joqogħdu attenti kif jgħixu u jobdu l-liġi tiegħi bħalma għamilt int, dejjem ikun hemm xi ħadd li jiġi minnek li joqgħod fuq it-tron t’Iżrael.’ 17 U issa, Ġeħova l-Alla t’Iżrael, ħalli l-wegħda li għamilt maʼ missieri David tkun taʼ min jafdaha.
18 “Imma vera li Alla se jgħix fuq l-art? Lanqas is-sema, iva, is-sema kollha, mhi kbira biżżejjed biex toqgħod fiha; aħseb u ara din id-dar li bnejt jien! 19 Ġeħova Alla tiegħi, agħti kas it-talba u s-supplika* tiegħi għall-ħniena. Ismaʼ l-għajta tiegħi għall-għajnuna u dak li qed nitlob quddiemek. 20 Jalla żżomm għajnejk fuq din id-dar lejl u nhar, fuq il-post li dwaru int għedt li se tqiegħed ismek, biex tismaʼ t-talb li jien, il-qaddej tiegħek, nitlob billi nħares fid-direzzjoni taʼ dan il-post. 21 U ismaʼ t-talb tiegħi għall-ħniena u t-talb tal-poplu tiegħek Iżrael li jitolbu billi jħarsu fid-direzzjoni taʼ dan il-post, u jalla tismaʼ mill-post fejn tgħix, mis-sema. Iva, jalla tismaʼ u taħfer.
22 “Ejja ngħidu li raġel jidneb kontra ħaddieħor u jiġi mġiegħel jaħlef jekk hux innoċenti.* U wara jiġi quddiem l-artal tiegħek f’din id-dar. 23 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema u taġixxi u tiġġudika lill-qaddejja tiegħek billi lil dak mill-agħar tiddikjarah ħati u tikkastigah għal dak li għamel, u lill-ġust tiddikjarah innoċenti* u tippremjah għall-ġustizzja tiegħu.
24 “Ejja ngħidu li l-poplu tiegħek Iżrael jingħeleb minn għadu għax ikun baqaʼ jidneb kontrik, u jerġaʼ lura għandek u jigglorifika lil ismek u jitlob u jissupplikak għall-ħniena f’din id-dar. 25 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema, u taħfer id-dnub tal-poplu tiegħek Iżrael u tieħdu lura fl-art li tajt lilu u lil missirijietu.
26 “Ejja ngħidu li s-sema tingħalaq u ma tagħmilx xita għax in-nies ikunu baqgħu jidinbu kontrik, u huma jitolbu lejn dan il-post u jigglorifikaw lil ismek u jduru lura minn dnubhom għax tkun umiljajthom.* 27 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema u taħfer id-dnub tal-qaddejja tiegħek, il-poplu tiegħek Iżrael, u tgħallimhom dwar it-triq it-tajba li għandhom jimxu fiha; u tibgħat ix-xita fuq l-art li int tajthom bħala wirt.
28 “Ejja ngħidu li fil-pajjiż ikun hemm il-ġuħ, pesta, riħ jaħraq, moffa, jew qtajjaʼ taʼ ġurati; jew ikun hemm assedju mill-għedewwa f’waħda mill-bliet jew ikun hemm xi tip taʼ kastig jew mard ieħor, 29 u xi raġel jew il-poplu kollu tiegħek Iżrael jitolbok u jissupplikak għall-ħniena b’idejh miftuħa lejn din id-dar (għax kull wieħed jaf l-uġigħ u n-niket tiegħu). 30 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema, il-post fejn tgħix, u taħfer. Ippremja lil kull wieħed skont dak li jagħmel, għax int taf lil qalbu (int biss taf tajjeb qalb il-bniedem), 31 sabiex jirrispettak ħafna* billi jimxi fi triqatek kemm idum ħaj fl-art li tajt lil missirijietna.
32 “Ukoll, ejja ngħidu li barrani li mhuwiex parti mill-poplu tiegħek Iżrael jiġi mill-bogħod minħabba ismek* il-kbir u l-id b’saħħitha u qawwija tiegħek, u jiġi u jitlob billi jħares fid-direzzjoni taʼ din id-dar. 33 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema, il-post fejn tgħix, u tagħmel kulma jitolbok. B’hekk, il-popli kollha tal-art isiru jafu lil ismek u jirrispettawk ħafna,* bħalma jagħmel il-poplu tiegħek Iżrael, u jkunu jafu li din id-dar li bnejt jien tonora lil ismek.
34 “Issa ejja ngħidu li n-nies tiegħek joħorġu għall-gwerra kontra l-għedewwa tagħhom fit-triq li tibgħathom int, u jitolbuk billi jħarsu fid-direzzjoni tal-belt li int għażilt u d-dar li jien bnejt għal ismek. 35 F’dan il-każ, ismaʼ mis-sema t-talba u s-supplika tagħhom għall-ħniena, u aqbeż* għalihom.
36 “Ejja ngħidu li jidinbu kontrik (għax m’hemm ebda bniedem li ma jidnibx), u int tirrabja ħafna magħhom u tabbandunahom f’idejn għadu, u dan jiħodhom bħala lsiera f’xi pajjiż, ’il bogħod jew viċin. 37 Imbagħad, huma jiġu f’sensihom fil-pajjiż fejn ikunu lsiera, jerġgħu lura lejk, u jitolbuk għall-ħniena fil-pajjiż fejn ikunu lsiera, billi jgħidu, ‘Dnibna u żbaljajna; aġixxejna ħażin.’ 38 U jerġgħu lura lejk b’qalbhom u b’ruħhom* kollha fil-pajjiż tal-għedewwa li ħaduhom fil-jasar, u jitolbuk billi jħarsu fid-direzzjoni t’arthom li int tajt lil missirijiethom, il-belt li int għażilt, u d-dar li jien bnejt għal ismek. 39 F’dan il-każ, ismaʼ t-talba u s-supplika tagħhom għall-ħniena mis-sema, il-post fejn tgħix, u aqbeż għalihom. Aħfer lin-nies tiegħek li dinbu kontrik.
40 “Jekk jogħġbok, Alla tiegħi, jalla tismaʼ t-talba li tiġi offruta f’dan* il-post. 41 U issa, Alla Ġeħova, mur fil-post taʼ mistrieħ tiegħek, int u l-Arka li turi s-saħħa tiegħek. Ħa juru l-qassisin tiegħek li s-salvazzjoni tiġi mingħandek, Alla Ġeħova, u ħa jifirħu l-leali tiegħek bl-affarijiet tajbin kollha li tagħmel. 42 Alla Ġeħova, tiċħadx* ir-re li għażilt. Jalla tiftakar fl-imħabba u l-lealtà tiegħek lejn David il-qaddej tiegħek.”
7 Malli Salamun spiċċa jitlob, niżel nar mis-sema u ħaraq l-offerta tal-ħruq u s-sagrifiċċji, u l-glorja taʼ Ġeħova mliet id-dar. 2 Il-qassisin ma setgħux jidħlu fid-dar taʼ Ġeħova għaliex il-glorja taʼ Ġeħova kienet imliet id-dar taʼ Ġeħova. 3 U l-Iżraelin kienu hemm meta niżel in-nar u l-glorja taʼ Ġeħova kienet fuq id-dar. Huma mielu u nxteħtu b’wiċċhom sal-art u rringrazzjaw lil Ġeħova, “għax hu tajjeb; l-imħabba u l-lealtà* tiegħu jibqgħu għal dejjem.”
4 Ir-re u l-poplu kollu offrew sagrifiċċji quddiem Ġeħova. 5 Ir-Re Salamun offra 22,000 baqra u 120,000 nagħġa bħala sagrifiċċju. B’hekk, ir-re u l-poplu kollu inawguraw id-dar tal-Alla l-veru. 6 Il-qassisin kienu bilwieqfa fil-post fejn jagħtu s-servizz tagħhom. Il-Leviti wkoll kienu bilwieqfa bl-istrumenti li jakkumpanjaw il-kant lil Ġeħova. (Ir-Re David kien għamel dawn l-istrumenti biex jirringrazzja u jfaħħar lil Ġeħova permezz tagħhom,* “għax l-imħabba u l-lealtà tiegħu jibqgħu għal dejjem.”) U l-qassisin kienu qed idoqqu t-trumbetti b’entużjażmu quddiemhom, waqt li l-Iżraelin kollha kienu bilwieqfa.
7 Imbagħad Salamun qaddes il-parti tan-nofs tal-bitħa li kienet quddiem id-dar taʼ Ġeħova, għax hemm kellu joffri l-offerti tal-ħruq u l-biċċiet tax-xaħam tas-sagrifiċċji tal-paċi. Dan sar għax l-artal tar-ram li kien għamel ma setax jesaʼ s-sagrifiċċji tal-ħruq, l-offerti taċ-ċereali,* u l-biċċiet tax-xaħam. 8 F’dak iż-żmien, Salamun għamel festa għal sebat ijiem mal-Iżraelin kollha, jiġifieri mal-kongregazzjoni kbira mill-pajjiż kollu, minn Lebo-ħamat* sal-Wied tal-Eġittu. 9 Imma fit-tmien jum* għamlu assemblea speċjali, għaliex kienu inawguraw l-artal għal sebat ijiem u għamlu l-festa għal sebat ijiem. 10 Imbagħad, fit-23 tas-sebaʼ xahar bagħat lin-nies lejn djarhom. Huma kienu kuntenti u kellhom qalbhom mimlija ferħ minħabba l-qalb tajba li Ġeħova wera maʼ David, Salamun, u l-poplu tiegħu Iżrael.
11 B’hekk, Salamun lesta d-dar taʼ Ġeħova u l-palazz tiegħu. Hu rnexxielu jlesti kull ħaġa li xtaq jibni għad-dar taʼ Ġeħova u għall-palazz tiegħu. 12 Imbagħad Ġeħova deher lil Salamun matul il-lejl u qallu: “Smajt it-talba tiegħek, u għażilt dan il-post għalija bħala dar għas-sagrifiċċji. 13 Jekk jien nagħlaq is-sema u ma tagħmilx xita, jew nikkmanda lill-ġurati biex jieklu l-ħaxix tal-art, jew nibgħat il-pesta fost il-poplu tiegħi, 14 u l-poplu tiegħi li jissejjaħ b’ismi jumilja ruħu, jitlob, ifittixni, u jdur lura mit-triqat ħżiena tiegħu, jien nismaʼ mis-sema, naħfirlu d-dnub tiegħu, u nirranġa l-ħsara li saret f’artu. 15 Issa jien se nismaʼ t-talb li jsir f’din id-dar. 16 U issa għażilt u qaddist din id-dar sabiex ismi jitqiegħed fiha b’mod permanenti, u se nżomm għajnejja fuqha u nipproteġiha għal dejjem.
17 “U jekk int timxi quddiemi bħalma mexa missierek David billi tagħmel kulma kkmandajtek, u tobdi r-regoli u d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi, 18 jien insaħħaħ it-tron taʼ saltnatek, bħalma wegħedt lil missierek David, meta għedt, ‘Dejjem ikun hemm xi ħadd li jiġi minnek li jmexxi f’Iżrael.’ 19 Imma jekk intom ma tibqgħux timxu warajja u titilqu l-liġijiet u l-kmandamenti li tajtkom, u tmorru taqdu allat oħrajn u tmilu quddiemhom, 20 jien naqlaʼ mill-għeruq lil Iżrael mill-art li tajtu, u din id-dar li qaddist għal ismi nneħħiha minn quddiem għajnejja, u nagħmilha oġġett taʼ tmaqdir* u twaqqigħ għaċ-ċajt fost il-popli kollha. 21 U din id-dar issir ħerba sħiħa. Kull min jgħaddi minn ħdejha jibqaʼ ċċassat u jgħid, ‘Ġeħova għala għamlilhom hekk lil din l-art u din id-dar?’ 22 Imbagħad jgħidu, ‘Kien għaliex telqu lil Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom, li kien ħariġhom mill-art tal-Eġittu, u qabdu m’allat oħrajn u mielu quddiemhom u qdewhom. Hu għalhekk li ġab fuqhom dan il-gwaj kollu.’”
8 Salamun bena d-dar taʼ Ġeħova u l-palazz tiegħu f’20 sena. 2 Wara dan, Salamun reġaʼ bena l-bliet li kien tah Ħiram u ssetilja lill-Iżraelin* hemmhekk. 3 Barra minn hekk, Salamun mar Ħamat-soba u ħadha taħt idejh. 4 Imbagħad iffortifika* Tadmor fid-deżert u l-bliet kollha għall-imħażen li kien bena f’Ħamat. 5 Iffortifika wkoll Bet-ħoron taʼ Fuq u Bet-ħoron t’Isfel bi swar, bibien, u staneg. 6 U ffortifika wkoll Bagħalat u l-bliet kollha għall-imħażen, il-bliet kollha għall-karrijiet, il-bliet għar-rikkieba taż-żwiemel, u kwalunkwe ħaġa li Salamun xtaq jibni f’Ġerusalemm, fil-Libanu, u fl-art kollha fejn kien imexxi.
7 U rigward in-nies kollha li kien fadal mill-Ħittin, mill-Amurrin, mill-Pereżin, mill-Ħiwwin, u mill-Ġebusin, li ma kinux parti minn Iżrael, 8 jiġifieri dawk li jiġu min-nies li l-Iżraelin ma kinux qerdu u li kien għad fadal fil-pajjiż, Salamun qabbadhom jagħmlu xogħol taʼ bilfors bħala lsiera sal-lum. 9 Imma Salamun m’għamel lil ħadd mill-Iżraelin ilsir, għax huma kienu l-gwerriera, il-kapijiet tal-ajjutanti tiegħu, u l-kapijiet tas-sewwieqa tal-karrijiet u tar-rikkieba taż-żwiemel tiegħu. 10 Kien hemm 250 kap tal-gvernaturi tar-Re Salamun, u dawn kienu fuq il-ħaddiema.
11 Ukoll, Salamun ħareġ lil bint il-Fargħun mill-Belt taʼ David u ħadha lejn id-dar li kien bnielha, għax qal: “Għalkemm hi marti m’għandhiex tgħix fid-dar tar-Re David t’Iżrael, għax il-postijiet fejn hemm l-Arka taʼ Ġeħova huma qaddisa.”
12 Imbagħad Salamun offra s-sagrifiċċji tal-ħruq lil Ġeħova fuq l-artal taʼ Ġeħova li kien bena quddiem l-intrata. 13 U fi qbil mal-kmandament taʼ Mosè, hu offra l-offerti li kien hemm bżonn għal kuljum, jiġifieri għal kull Sabat, għal kull qamar ġdid, u għall-festi stabbiliti tliet darbiet fis-sena. Dawn huma l-Festa tal-Ħobż bla Ħmira, il-Festa tal-Ġimgħat, u l-Festa tal-Għerejjex.* 14 Barra minn hekk, hu inkariga l-gruppi tal-qassisin għas-servizzi tagħhom skont ir-regola taʼ missieru David. Inkariga wkoll lil-Leviti għax-xogħol tagħhom, biex ifaħħru lil Alla u jaqdu quddiem il-qassisin skont ir-rutina taʼ kull ġurnata. U inkariga l-għassiesa tal-bibien fit-taqsimiet tagħhom għal kull bieb. Hu għamel dan kollu fi qbil mal-kmandament taʼ David, il-qaddej tal-Alla l-veru. 15 Huma obdew il-kmandament li r-re ta lill-qassisin u lil-Leviti dwar kollox, anki dwar l-imħażen. 16 Għalhekk, ix-xogħol kollu taʼ Salamun kien organizzat tajjeb,* mill-jum li tqiegħed il-pedament tad-dar taʼ Ġeħova sakemm tlestiet. Għalhekk, id-dar taʼ Ġeħova kienet lesta minn kollox.
17 F’dak iż-żmien, Salamun mar Għesjon-geber u Elot f’xatt il-baħar fl-art t’Edom. 18 Ħiram bagħatlu vapuri u baħrin tal-esperjenza permezz tal-qaddejja tiegħu. Dawn marru Ofir mal-qaddejja taʼ Salamun u ħadu minn hemm 450 talent* deheb għar-Re Salamun.
9 Issa r-reġina taʼ Xeba semgħet dwar il-fama li kellu Salamun, għalhekk marret Ġerusalemm biex tittestja l-għerf tiegħu b’mistoqsijiet diffiċli.* Magħha kien hemm ammont impressjonanti taʼ qaddejja, u iġmla jġorru żejt tal-balzmu, kwantità kbira taʼ deheb, u ħaġar prezzjuż. Hi daħlet għand Salamun u kellmitu fuq dak kollu li kien għal qalbha. 2 Imbagħad Salamun wieġeb il-mistoqsijiet kollha tagħha. Ma kien hemm xejn li kien diffiċli wisq* għalih biex jispjegalha.
3 Meta r-reġina taʼ Xeba rat l-għerf taʼ Salamun, id-dar li kien bena, 4 l-ikel fuq il-mejda tiegħu, kif il-qaddejja tiegħu kienu jpoġġu mal-mejda, is-servizz taʼ dawk li kienu jservu l-ikel u lbieshom, lil dawk li jservu x-xorb u lbieshom, u s-sagrifiċċji tal-ħruq li kien joffri regolarment fid-dar taʼ Ġeħova, hi baqgħet imbellha.* 5 Għalhekk qalet lir-re: “Dak li smajt f’pajjiżi dwar dak li għamilt* u dwar l-għerf tiegħek hu veru. 6 Iżda m’emmintx dak li smajt sakemm ġejt u rajt b’għajnejja. U lanqas biss kienu qaluli n-nofs dwar l-għerf kbir tiegħek. Dak li smajt ma jibdiex maʼ dak li rajt. 7 Ferħanin huma n-nies tiegħek u ferħanin huma l-qaddejja tiegħek li jkunu miegħek kuljum u jisimgħu l-għerf tiegħek! 8 Ħa jkun imfaħħar Ġeħova l-Alla tiegħek, li ħa pjaċir bik u poġġiek fuq it-tron tiegħu bħala re inkarigat minnu. Peress li Ġeħova l-Alla tiegħek iħobb lill-Iżraelin u jridhom jibqgħu għal dejjem, hu inkarigak bħala re fuqhom biex tagħmel il-ġustizzja u tmexxi bis-sewwa.”
9 Imbagħad tat lir-re 120 talent* deheb, kwantità kbira taʼ żejt tal-balzmu, u ħaġar prezzjuż. Ħadd ma ta żejt tal-balzmu daqskemm tat ir-reġina taʼ Xeba lir-Re Salamun.
10 Iktar minn hekk, il-qaddejja taʼ Ħiram u l-qaddejja taʼ Salamun li kienu ħadu d-deheb minn Ofir, ħadu wkoll minn hemm injam tas-sandlu u ħaġar prezzjuż. 11 Mill-injam tas-sandlu, ir-re għamel taraġ għad-dar taʼ Ġeħova u għall-palazz tiegħu, kif ukoll arpi u strumenti tal-korda għall-kantanti. Fl-art taʼ Ġuda qatt ma deher injam bħalu.
12 Ir-Re Salamun ta lir-reġina taʼ Xeba kulma xtaqet u talbitu. Hu taha iktar milli* kienet ġabitlu hi. Imbagħad, hi telqet lura lejn pajjiżha flimkien mal-qaddejja tagħha.
13 U d-deheb li kien jasal għand Salamun f’sena kien jiżen 666 talent, 14 minbarra d-deheb u l-fidda li kienu jġibulu l-merkanti, in-negozjanti, ir-rejiet kollha tal-Għarab, u l-gvernaturi tal-pajjiż.
15 Ir-Re Salamun għamel 200 tarka kbira tad-deheb imħallat maʼ metall ieħor (kull tarka kien fiha 600 xekel* deheb) 16 u 300 tarka żgħira* tad-deheb imħallat maʼ metall ieħor (kull tarka żgħira kien fiha tliet miniet* deheb). Imbagħad ir-re qegħedhom fid-Dar tal-Foresta tal-Libanu.
17 Ir-re għamel ukoll tron kbir tal-avorju u ksieh bid-deheb pur. 18 Kien hemm sitt tarġiet għat-tron u miegħu kellu banketta tad-deheb, u maż-żewġt iġnub tiegħu kellu fejn iserraħ idejh, u kien hemm iljun fuq kull naħa. 19 U kien hemm 12-il iljun fuq is-sitt tarġiet, wieħed fuq kull tarf tas-sitt tarġiet. L-ebda saltna oħra ma kellha tron bħalu. 20 It-tazzi kollha tar-Re Salamun kienu tad-deheb, u kull ħaġa li kienet tintuża għall-ikel u x-xorb fid-Dar tal-Foresta tal-Libanu kienet tad-deheb pur. Ma kien hemm xejn tal-fidda, għax il-fidda fi żmien Salamun ma kienet tiswa xejn. 21 Għax ir-re kellu vapuri li jmorru Tarsis u li kienu jsuquhom il-qaddejja taʼ Ħiram. U darba kull tliet snin, il-vapuri taʼ Tarsis kienu jiġu mgħobbijin b’deheb u fidda, avorju, xadini, u paguni.
22 Għalhekk, ir-Re Salamun kellu iktar ġid u għerf mir-rejiet kollha tal-art. 23 U r-rejiet kollha tal-art kienu jipprovaw jiltaqgħu maʼ* Salamun biex jisimgħu l-għerf li kien tah l-Alla l-veru. 24 Kull sena, kull min iżuru kien jiħodlu rigal: oġġetti tal-fidda, oġġetti tad-deheb, ħwejjeġ, armi, żejt tal-balzmu, żwiemel, u bgħula. 25 U Salamun kellu 4,000 stalla għaż-żwiemel u għall-karrijiet u 12,000 żiemel,* u kien iżommhom fil-bliet għall-karrijiet u qribu f’Ġerusalemm. 26 Hu mexxa fuq is-saltniet kollha mix-Xmara* sal-art tal-Filistin u sal-fruntiera tal-Eġittu. 27 F’Ġerusalemm, ir-re għamel il-fidda abbundanti daqs il-ġebel, u l-injam taċ-ċedru daqs is-siġar tal-ġummajż* li hemm fis-Sefela. 28 U kienu jġibu ż-żwiemel għal Salamun mill-Eġittu u mill-artijiet l-oħrajn kollha.
29 Il-bqija tal-istorja kollha taʼ Salamun qiegħda fil-kitbiet taʼ Natan il-profeta, fil-profezija t’Aħija s-Siloni, u fir-rekords taʼ Iddo l-viżjonarju li kellu viżjonijiet dwar Ġerobogħam bin Nebat. 30 Salamun mexxa f’Ġerusalemm fuq Iżrael kollu għal 40 sena. 31 Imbagħad Salamun miet.* Għalhekk, difnuh fil-Belt taʼ David missieru u ibnu Reħobogħam sar re minfloku.
10 Reħobogħam mar Sikem, għax Iżrael kollu kien mar hemm biex jagħmlu re. 2 Malli Ġerobogħam bin Nebat semaʼ b’dan, hu telaq mill-Eġittu (għax kien għadu jgħix hemm peress li kien ħarab minħabba r-Re Salamun). 3 Il-poplu bagħat għalih, u Ġerobogħam u Iżrael kollu marru għand Reħobogħam u qalulu: 4 “Missierek taqqal il-madmad tagħna. Imma jekk int tħaffef ix-xogħol iebes li qabbadna missierek u l-madmad tqil* li qiegħed fuqna, aħna naqduk.”
5 Għal dan hu qalilhom: “Ejjew għandi tlett ijiem oħra.” Għalhekk in-nies telqu. 6 Ir-Re Reħobogħam mar jieħu parir mingħand l-irġiel kbar fl-età* li kienu qdew lil missieru Salamun waqt li kien għadu ħaj, u qalilhom: “X’parir tagħtuni dwar kif inwieġeb lil dawn in-nies?” 7 Huma wiġbuh: “Jekk timxi tajjeb maʼ dawn in-nies, tikkuntentahom, u twiġibhom bil-kelma t-tajba, huma jkunu dejjem il-qaddejja tiegħek.”
8 Madankollu, hu injora l-parir li kienu tawh l-irġiel kbar fl-età,* u mar jieħu parir mingħand iż-żgħażagħ li trabbew miegħu u li kienu qed jaqduh. 9 Hu staqsiehom: “X’parir tagħtuni dwar kif inwieġbu lin-nies li qaluli biex inħaffef il-madmad li missieri qiegħed fuqhom?” 10 Iż-żgħażagħ li kienu trabbew miegħu qalulu: “Lin-nies li qalulek biex tħaffef il-madmad tqil taʼ missierek għidilhom hekk: ‘Is-subaʼ ż-żgħir tiegħi se jkun eħxen minn ġenbejn missieri. 11 Missieri għabba fuqkom madmad tqil, imma jien se nżid mal-madmad tagħkom. Missieri kkastigakom bil-frosti, imma jien se nikkastigakom bil-frosti bil-ponot.’”
12 Ġerobogħam u n-nies kollha marru għand Reħobogħam fit-tielet jum, peress li kien qalilhom biex jagħmlu hekk. 13 Imma r-re wiġibhom bl-aħrax. B’hekk, injora l-parir tal-irġiel kbar fl-età.* 14 Hu kellimhom skont il-parir taż-żgħażagħ, u qalilhom: “Jien se ntaqqal il-madmad tagħkom u se nżid miegħu. Missieri kkastigakom bil-frosti, imma jien se nikkastigakom bil-frosti bil-ponot.” 15 Għalhekk, ir-re ma semax min-nies, għax dan kien mill-Alla l-veru sabiex isir dak li Ġeħova kien qal lil Ġerobogħam bin Nebat permezz t’Aħija s-Siloni.
16 Peress li r-re ma riedx jismaʼ minnhom, l-Iżraelin wiġbuh: “X’sehem għandna maʼ David? Aħna m’għandniex wirt maʼ bin Ġesse! Mela ħa jmur kull wieħed lejn allatu, Iżrael! Issa aħseb għal darek int, David.” U l-Iżraelin marru lura lejn djarhom.*
17 Imma Reħobogħam baqaʼ jmexxi fuq l-Iżraelin li kienu jgħixu fil-bliet taʼ Ġuda.
18 Imbagħad ir-Re Reħobogħam bagħat b’inkarigu lil Adoram, li kien fuq dawk li kkmanda biex jaħdmu għalih, imma l-Iżraelin waddbulu l-ġebel sakemm miet. Ir-Re Reħobogħam irnexxielu jitlaʼ fuq il-karru biex jaħrab lejn Ġerusalemm. 19 U l-Iżraelin komplew jirribellaw kontra d-dar taʼ David sal-lum.
11 Meta Reħobogħam bin Salamun wasal Ġerusalemm, hu mill-ewwel laqqaʼ d-dar taʼ Ġuda u taʼ Benjamin, 180,000 gwerrier ittrennjat,* biex jiġġieldu kontra d-dar t’Iżrael u jieħu lura s-saltna. 2 Imbagħad Ġeħova qal lil Semajja, il-qaddej tal-Alla l-veru: 3 “Għid lil Reħobogħam bin Salamun ir-re taʼ Ġuda u lil Iżrael kollu f’Ġuda u f’Benjamin 4 li Ġeħova jgħid: ‘Titilgħux tiġġieldu kontra ħutkom. Morru lura, kull wieħed lejn daru, għax jien ġegħeltu jiġri dan.’” Għalhekk, huma obdew dak li qal Ġeħova u marru lura u ma telgħux kontra Ġerobogħam.
5 Reħobogħam għex f’Ġerusalemm u bena bliet iffortifikati f’Ġuda. 6 Il-bliet kienu Betlem, Għetam, Tekogħa, 7 Bet-sur, Soko, Għadullam, 8 Gat, Maresah, Żif, 9 Adorajm, Lakis, Għażeka, 10 Sorgħa, Ajjalon, u Ħebron, bliet iffortifikati f’Ġuda u f’Benjamin. 11 Iżjed minn hekk, hu saħħaħ il-postijiet iffortifikati, poġġa kmandanti fihom, u pprovdielhom ikel, żejt, u nbid. 12 Hu pprovda tarki kbar u lanez lill-bliet kollha u saħħaħhom bil-kbir. U Ġuda u Benjamin baqgħu tiegħu.
13 U l-qassisin u l-Leviti li kien hemm f’Iżrael kollu żammew miegħu, u telqu mit-territorji kollha tagħhom. 14 Il-Leviti ħallew l-art tagħhom fejn jirgħaw l-annimali u kulma kellhom u marru Ġuda u Ġerusalemm, għax Ġerobogħam u t-tfal tiegħu ma ħallewhomx jaqdu iktar lil Ġeħova bħala qassisin. 15 Imbagħad Ġerobogħam inkariga l-qassisin tiegħu fil-postijiet għall-qima biex jaqdu lid-demonji li qishom mogħoż* u l-barrin żgħar* li kien għamel. 16 Mit-tribujiet kollha t’Iżrael kien hemm uħud li f’qalbhom kienu determinati li jaqdu lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael. Huma marru wara l-qassisin u l-Leviti lejn Ġerusalemm biex joffru sagrifiċċji lil Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom. 17 Huma saħħew is-saltna taʼ Ġuda u appoġġaw lil Reħobogħam bin Salamun għal tliet snin, għax matul dak iż-żmien huma qiemu lil Alla bħalma għamlu David u Salamun.
18 Imbagħad Reħobogħam iżżewweġ lil Maħalat bint Ġerimot bin David. Ommha kienet Abiħajl bint Eljab bin Ġesse. 19 Hi wellditlu lil Ġegħus, Semarija, u Żaħam. 20 Warajha żżewweġ lil Magħka, li nannuha kien Absalom. Hi wellditlu lil Abija, Għattaj, Żiża, u Selomit. 21 Reħobogħam kien iħobb lil Magħka iktar min-nisa u l-konkubini kollha tiegħu. Hu kellu 18-il mara u 60 konkubina, u kellu 28 tifel u 60 tifla. 22 Għalhekk, Reħobogħam għamel lil Abija bin Magħka kap u mexxej fost ħutu, għax kellu l-ħsieb li jagħmlu re. 23 Madankollu, hu aġixxa bl-għaqal u bagħat* ftit mit-tfal tiegħu fir-reġjuni kollha taʼ Ġuda u taʼ Benjamin, fil-bliet iffortifikati kollha, u tahom ammont kbir taʼ provvisti u sabilhom ħafna nisa biex jiżżewġuhom.
12 Malli Reħobogħam issoda u s-saltna tiegħu ssaħħet, hu telaq il-Liġi taʼ Ġeħova, u Iżrael kollu għamel bħalu. 2 Fil-ħames sena tat-tmexxija tar-Re Reħobogħam, ir-Re Sisak tal-Eġittu telaʼ kontra Ġerusalemm, għax huma ma kinux leali lejn Ġeħova. 3 Hu kellu 1,200 karru, 60,000 rikkieb taż-żwiemel, u ammont kbir taʼ suldati Libjani, Sukkijin, u Etjopjani li ħarġu miegħu mill-Eġittu. 4 Hu ħa taħt idejh il-bliet iffortifikati taʼ Ġuda u fl-aħħar wasal Ġerusalemm.
5 Il-profeta Semajja mar għand Reħobogħam u l-kapijiet taʼ Ġuda li kienu nġabru Ġerusalemm minħabba Sisak, u qalilhom: “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Jien tlaqtkom f’idejn Sisak għax intom tlaqtuni.’” 6 Għal dan, il-kapijiet t’Iżrael u r-re umiljaw ruħhom u qalu: “Ġeħova hu ġust.” 7 Meta Ġeħova ra li kienu umiljaw ruħhom, Ġeħova qal lil Semajja: “Huma umiljaw ruħhom. M’iniex se neqridhom, u daqt se nsalvahom. Mhux se nuża lil Sisak biex nuri r-rabja tiegħi lejn Ġerusalemm. 8 Imma huma jsiru qaddejja tiegħu, sabiex ikunu jafu d-differenza bejn li jaqdu lili u li jaqdu lir-rejiet* t’artijiet oħra.”
9 Għalhekk, ir-Re Sisak tal-Eġittu telaʼ kontra Ġerusalemm. Hu ħa t-teżori tad-dar taʼ Ġeħova u t-teżori tal-palazz tar-re. Kollox ħa, inkluż it-tarki tad-deheb li kien għamel Salamun. 10 Għalhekk, ir-Re Reħobogħam għamel tarki tar-ram minflokhom, u fdahom f’idejn il-kapijiet tal-gwardji,* li kienu joqogħdu għassa mal-bieb tal-palazz tiegħu. 11 Kull meta r-re kien imur id-dar taʼ Ġeħova, il-gwardji kienu jmorru miegħu u jġorruhom. Imbagħad kienu jiħduhom lura fil-kamra tal-gwardji. 12 Peress li r-re umilja ruħu, Ġeħova ma baqax irrabjat miegħu, u ma qeridx lilu u l-poplu tiegħu għalkollox. Barra minn hekk, kien hemm xi nies li kienu qed jagħmlu affarijiet tajbin f’Ġuda.
13 Ir-Re Reħobogħam saħħaħ il-pożizzjoni tiegħu f’Ġerusalemm u baqaʼ jmexxi. Hu kellu 41 sena meta sar re, u dam imexxi 17-il sena f’Ġerusalemm, il-belt li Ġeħova kien għażel mit-tribujiet kollha t’Iżrael biex iqiegħed ismu. Omm ir-re kienet Nagħma l-Għammonija. 14 Imma hu għamel dak li hu ħażin, għax ma kienx determinat f’qalbu li jfittex lil Ġeħova.
15 L-istorja kollha taʼ Reħobogħam qiegħda fil-kitbiet taʼ Semajja l-profeta u Iddo l-viżjonarju li qegħdin fir-rekords tal-linja ġenealoġika. U l-gwerer bejn Reħobogħam u Ġerobogħam ma waqfux. 16 Imbagħad Reħobogħam miet u ndifen fil-Belt taʼ David, u ibnu Abija sar re minfloku.
13 Fit-18-il sena tat-tmexxija tar-Re Ġerobogħam, Abija sar re fuq Ġuda. 2 Hu mexxa tliet snin f’Ġerusalemm. Ommu kienet Mikaja bint Urijel minn Gibegħa. U kien hemm gwerra bejn Abija u Ġerobogħam.
3 Għalhekk, Abija mar għall-gwerra b’armata taʼ 400,000 gwerrier ittrennjat* u b’saħħtu. U Ġerobogħam ħareġ kontrih bi 800,000 gwerrier ittrennjat* u b’saħħtu. 4 Abija qagħad fuq il-Muntanja Semarajm fir-reġjun muntanjuż t’Efrajm, u qal: “Isimgħuni Ġerobogħam u Iżrael kollu. 5 Intom tafu li Ġeħova l-Alla t’Iżrael ta s-saltna lil David fuq Iżrael għal dejjem, lilu u lit-tfal tiegħu b’patt għal dejjem.* 6 Imma Ġerobogħam bin Nebat, il-qaddej taʼ Salamun bin David, irribella kontra sidu. 7 U rġiel għażżenin li mhuma tajbin għal xejn ingħaqdu miegħu. Huma rnexxielhom jirribellaw kontra Reħobogħam bin Salamun meta kien żagħżugħ u beżżiegħ, u ma felaħx jiqfilhom.
8 “U issa intom konvinti li tistgħu tiħduha kontra s-saltna taʼ Ġeħova li qiegħda f’idejn it-tfal taʼ David, għax intom folla kbira u għandkom il-barrin żgħar* tad-deheb li Ġerobogħam għamlilkom bħala allat. 9 Intom keċċejtu lill-qassisin taʼ Ġeħova, lil dawk li jiġu minn Aron, u l-Leviti, u għażiltu għalikom qassisin bħalma jagħmlu n-nies tal-pajjiżi l-oħrajn. Kull min ġie* b’barri żgħir* u sebaʼ mtaten setaʼ jsir qassis taʼ dawk li mhumiex allat. 10 Imma għalina, Ġeħova hu l-Alla tagħna, u ma tlaqniehx. Il-qassisin tagħna, li jiġu minn Aron, qed jaqdu lil Ġeħova, u l-Leviti qed jgħinuhom fix-xogħol. 11 Huma qed jaħarqu l-offerti tal-ħruq lil Ġeħova kull filgħodu u kull filgħaxija flimkien mal-inċens ifuħ, ipoġġu l-ħobż tal-preżenza* fuq il-mejda tad-deheb pur, u jixegħlu l-gandlier tad-deheb u l-lampi tiegħu kull filgħaxija. Aħna nagħmlu dan għax qed nobdu dak li qabbadna nagħmlu Ġeħova l-Alla tagħna, imma intom tlaqtuh. 12 L-Alla l-veru hu magħna u qed imexxina. Il-qassisin tiegħu qegħdin hawn biex idoqqu t-trumbetti tal-gwerra bħala sinjal tal-battalja kontrikom. Irġiel t’Iżrael, tiġġildux kontra Ġeħova l-Alla taʼ missirijietkom, għax mhux se tirbħu.”
13 Imma Ġerobogħam bagħat nies biex jistaħbew u jattakkawhom minn warajhom, u b’hekk kien hemm il-kumplament tal-armata quddiem Ġuda u l-oħrajn moħbijin warajhom. 14 Meta l-irġiel taʼ Ġuda daru, indunaw li kienu qed jiġu attakkati miż-żewġ naħat. Għalhekk, bdew jgħajtu lil Ġeħova għall-għajnuna, waqt li l-qassisin kienu qed idoqqu t-trumbetti b’ħoss qawwi. 15 L-irġiel taʼ Ġuda bdew jgħajtu l-għajta tal-gwerra. U meta għamlu hekk, l-Alla l-veru rebaħ lil Ġerobogħam u lil Iżrael kollu quddiem Abija u Ġuda. 16 L-Iżraelin ħarbu u Alla tahom f’idejn Ġuda. 17 Abija u n-nies tiegħu qatlu 500,000 raġel ittrennjat* t’Iżrael. 18 B’hekk, l-irġiel t’Iżrael ġew umiljati dakinhar, imma l-irġiel taʼ Ġuda rebħu għaliex straħu fuq Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom. 19 Abija baqaʼ jiġri wara Ġerobogħam u ħadlu Betel, Ġesana, Efrajn, u l-bliet li jiddependu minnhom.* 20 Fi żmien Abija, Ġerobogħam qatt ma reġaʼ kellu qawwa bħal qabel, imbagħad Ġeħova kkastigah u miet.
21 Imma Abija baqaʼ jissaħħaħ. Maż-żmien iżżewweġ 14-il mara, u kellu 22 tifel u 16-il tifla. 22 U l-bqija tal-istorja t’Abija, dak li għamel, u dak li qal qegħdin fil-kitbiet* tal-profeta Iddo.
14 Imbagħad Abija miet u difnuh fil-Belt taʼ David, u ibnu Asa sar re minfloku. Fi żmienu, l-art kienet fil-paċi għal għaxar snin.
2 Asa għamel dak li hu tajjeb u sewwa f’għajnejn Ġeħova l-Alla tiegħu. 3 Hu neħħa l-artali barranin u l-postijiet għall-qima, kisser il-pilastri sagri, u qaċċat l-arbli sagri.* 4 Barra minn hekk, hu qal lin-nies taʼ Ġuda biex ifittxu lil Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom u biex jobdu l-Liġi u l-kmandamenti. 5 Għalhekk, neħħa mill-bliet kollha taʼ Ġuda l-postijiet għall-qima u l-artali tal-inċens, u taħt it-tmexxija tiegħu s-saltna baqgħet bla problemi. 6 Peress li Ġeħova tah il-paċi, hu bena bliet iffortifikati f’Ġuda għax l-art ma kellhiex tfixkil u ma kien hemm ebda gwerra kontrih matul dawn is-snin. 7 Hu qal lin-nies taʼ Ġuda: “Ejja nibnu dawn il-bliet u ndawruhom bi swar u torrijiet, bibien,* u staneg. L-art għadha f’idejna, għaliex aħna fittixna lil Ġeħova l-Alla tagħna. Aħna fittixnieh, u hu tana l-mistrieħ mill-għedewwa kollha taʼ madwarna.” Għalhekk irnexxielhom ilestu l-bini.
8 Asa kellu armata taʼ 300,000 raġel minn Ġuda, armati b’tarka kbira u lanza. U minn Benjamin kellu 280,000 gwerrier b’saħħtu li kienu jġorru tarka żgħira* u armati bil-qaws.
9 Iktar tard, Żeraħ l-Etjopjan ħareġ kontrihom b’armata taʼ 1,000,000 raġel u 300 karru. Meta wasal Maresah, 10 Asa ħareġ kontrih u huma tqassmu għall-battalja fil-Wied taʼ Sefata f’Maresah. 11 Imbagħad Asa għajjat lil Ġeħova l-Alla tiegħu u qal: “Ġeħova, għalik ma tagħmilx differenza jekk lil dawk li tgħin ikunux b’saħħithom* jew dgħajfin. Ġeħova Alla tagħna, għinna għax aħna fuqek nistrieħu, u f’ismek ġejna kontra din il-folla. Ġeħova, int l-Alla tagħna. Tħallix sempliċi bniedem jirbaħlek.”
12 Għalhekk, Ġeħova għeleb lill-Etjopjani quddiem Asa u Ġuda, u l-Etjopjani ħarbu. 13 Asa u n-nies taʼ miegħu baqgħu jiġru warajhom sa Gerar, u l-Etjopjani baqgħu jinqatlu sakemm ħadd ma baqaʼ ħaj, għax Ġeħova u l-armata tiegħu rebħulhom għalkollox. Imbagħad l-irġiel taʼ Ġuda ġarrew l-affarijiet kollha li ħadu. 14 Barra minn hekk, attakkaw il-bliet kollha taʼ madwar Gerar, għax Ġeħova ġiegħel lil dawn il-bliet jibżgħu. U ħadu ħafna affarijiet mill-bliet kollha għax kien hemm ħafna ġid. 15 Huma attakkaw ukoll it-tined taʼ dawk li kellhom l-annimali, ħadu ammont kbir taʼ mrieħel u iġmla, u wara marru lura Ġerusalemm.
15 Issa l-ispirtu t’Alla ġie fuq Għażarija bin Għoded. 2 Għalhekk, mar jiltaqaʼ m’Asa u qallu: “Isimgħuni, Asa u intom in-nies kollha taʼ Ġuda u Benjamin! Ġeħova jkun magħkom sakemm intom tibqgħu miegħu, u jekk tfittxuh, iħallikom issibuh, imma jekk titilquh, jitlaqkom. 3 Għal żmien twil, l-Iżraelin ma qdewx lill-Alla l-veru, ma kellhomx qassisin jgħallmuhom, u ma kinux jobdu l-liġi. 4 Imma meta kienu mdejqin u reġgħu lura lejn Ġeħova l-Alla tagħhom u fittxewh, hu ħalliehom isibuh. 5 F’dawk iż-żminijiet, kien perikoluż li wieħed jivvjaġġa,* għax kien hemm ħafna inkwiet fl-artijiet kollha. 6 Poplu kien qed jeqred poplu ieħor, u belt kienet qed teqred belt oħra, għax Alla ġegħelhom ikunu f’konfużjoni b’kull tip taʼ diffikultà. 7 Imma intom kunu sodi u taqtgħux qalbkom,* għax se tiġu ppremjati għal dak li qed tagħmlu.”
8 Malli Asa semaʼ l-kliem t’Għażarija u l-profezija tal-profeta Għoded, għamel il-kuraġġ u neħħa l-idoli moqżieża mill-art kollha taʼ Ġuda u Benjamin u mill-bliet li kien rebaħ mir-reġjun muntanjuż t’Efrajm. Ukoll, sewwa l-artal taʼ Ġeħova li kien quddiem l-intrata tad-dar taʼ Ġeħova. 9 Hu ġabar lin-nies kollha taʼ Ġuda u Benjamin u lir-residenti barranin li kien hemm magħhom minn Efrajm, Manasse, u Simegħon. Għax ħafna kienu telqu minn Iżrael u ngħaqdu miegħu meta raw li Ġeħova l-Alla tiegħu kien miegħu. 10 Għalhekk, inġabru f’Ġerusalemm fit-tielet xahar tal-15-il sena tat-tmexxija t’Asa. 11 Dakinhar lil Ġeħova ssagrifikawlu 700 baqra u 7,000 nagħġa minn dak li kienu ħadu. 12 Iżjed minn hekk, huma għamlu patt li se jfittxu lil Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom b’qalbhom u b’ruħhom* kollha. 13 Kull min ma kienx se jfittex lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael kien se jinqatel, sew jekk kien żgħir, kbir, raġel, jew mara. 14 Għalhekk, ħalfu lil Ġeħova b’leħen għoli, b’għajjat taʼ ferħ, u bid-daqq tat-trumbetti u l-qrun. 15 In-nies taʼ Ġuda kollha ferħu minħabba l-ħalfa għax din għamluha b’qalbhom kollha, u lil Alla fittxewh bil-ħeġġa. B’hekk Alla ħalliehom isibuh. Ġeħova kompla jagħtihom il-mistrieħ mill-għedewwa kollha taʼ madwarhom.
16 Ir-Re Asa neħħa wkoll lil nanntu Magħka mill-pożizzjoni li kellha,* għax kienet għamlet idolu moqżież għall-qima tal-arblu sagru.* Asa qaċċat l-idolu moqżież tagħha, farrku, u ħarqu fil-Wied taʼ Kidron. 17 Imma l-postijiet għall-qima ma tneħħewx minn Iżrael. Minkejja dan, Asa qeda lil Alla b’qalb sħiħa* tul ħajtu kollha. 18 Hu daħħal fid-dar tal-Alla l-veru l-affarijiet li qaddsu hu u missieru. Dawn kienu fidda, deheb, u diversi għodod. 19 U ma kienx hemm gwerer sal-35 sena tat-tmexxija t’Asa.
16 Fis-36 sena tat-tmexxija t’Asa, ir-Re Bagħsa t’Iżrael telaʼ kontra Ġuda u beda jibni* Rama biex ma jħalli lil ħadd joħroġ jew jidħol għand* ir-Re Asa taʼ Ġuda. 2 Għal dan, Asa ħareġ il-fidda u d-deheb mill-post fejn kienu jżommu t-teżori fid-dar taʼ Ġeħova u fil-palazz tiegħu u bagħathom lir-Re Ben-ħadad tas-Sirja, li kien jgħix Damasku, u qallu: 3 “Hemm ftehim* bejni u bejnek u bejn missieri u missierek. Jien qed nibgħatlek fidda u deheb. Ejja u ikser il-ftehim* mar-Re Bagħsa t’Iżrael, sabiex jitlaq minn hawn.”
4 Ben-ħadad semaʼ mir-Re Asa u bagħat lill-kapijiet tal-armati tiegħu kontra l-bliet t’Iżrael, u dawn rebħu lil Ijon, Dan, Abel-majm, u l-imħażen kollha tal-bliet taʼ Naftali. 5 Malli Bagħsa semaʼ b’dan, hu waqaf jibni* Rama u ma baqax jaħdem fuqha. 6 Imbagħad, ir-Re Asa ħa lin-nies taʼ Ġuda kollha, u huma ġarrew il-ġebel u l-injam taʼ Rama li Bagħsa kien qed jibni bihom, u użahom biex jibni* Geba u Mispa.
7 Dak iż-żmien Ħanani l-profeta* mar għand ir-Re Asa taʼ Ġuda u qallu: “Talli striħajt fuq ir-re tas-Sirja u mhux fuq Ġeħova l-Alla tiegħek, m’intix se tieħu taħt idejk l-armata tar-re tas-Sirja. 8 Ma kinux l-Etjopjani u l-Libjani armata kbira b’ħafna karrijiet u rikkieba taż-żwiemel? Imma talli striħajt fuq Ġeħova, tahomlok f’idejk. 9 Għax għajnejn Ġeħova qed iħarsu bir-reqqa lejn l-art kollha biex juri s-saħħa* tiegħu billi jgħin lil dawk li qalbhom hi sħiħa* lejh. Int aġixxejt taʼ iblah f’din il-ħaġa, u minn issa ’l quddiem ikollok il-gwerer.”
10 Madankollu, Asa ħassu offiż b’dak li qallu l-profeta u tefgħu l-ħabs,* għax kien irrabjat ħafna miegħu minħabba dan. Dik il-ħabta, Asa beda jaħqar lil xi wħud mill-poplu. 11 L-istorja kollha t’Asa hi miktuba fil-Ktieb tar-Rejiet taʼ Ġuda u t’Iżrael.
12 Fid-39 sena tat-tmexxija tiegħu, Asa qabditu marda f’saqajh u baqaʼ jiggrava, iżda lanqas meta kien marid ma fittex l-għajnuna taʼ Ġeħova. Minflok fittex l-għajnuna tat-tobba.* 13 Imbagħad, Asa miet fil-41 sena tat-tmexxija tiegħu. 14 Għalhekk, difnuh fil-post impressjonanti tad-dfin li hu ħaffer għalih stess fil-Belt taʼ David, u meddewh f’sodda li kienu mlew biż-żejt tal-balzmu u b’tipi differenti taʼ ingredjenti mħalltin f’ingwent speċjali. Barra minn hekk, għamlu ħuġġieġa kbira ħafna għall-funeral.*
17 U ibnu Ġeħosafat sar re minfloku u saħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fuq Iżrael. 2 Hu qiegħed qawwiet militari fil-bliet iffortifikati kollha taʼ Ġuda u qiegħed gruppi taʼ suldati fl-art taʼ Ġuda u fil-bliet t’Efrajm li missieru Asa kien ħa taħt idejh. 3 Ġeħova kompla jkun maʼ Ġeħosafat, għaliex dan għamel bħall-antenat tiegħu David u ma fittixx lill-Bagħalim. 4 Hu fittex lill-Alla taʼ missieru u għex fi qbil* mal-kmandamenti tiegħu u mhux skont id-drawwiet t’Iżrael. 5 Ġeħova baqaʼ jsaħħaħlu s-saltna. Ġuda kollu baqaʼ jagħti r-rigali lil Ġeħosafat, u hu kellu ħafna ġid u glorja. 6 Hu sar kuraġġuż u mexa fit-triqat taʼ Ġeħova, u saħansitra neħħa l-postijiet għall-qima u l-arbli sagri* minn Ġuda.
7 Fit-tielet sena tat-tmexxija tiegħu, hu bagħat għall-uffiċjali tiegħu Ben-ħajl, Għobadija, Żakkarija, Netanel, u Mikaja, biex jgħallmu fil-bliet taʼ Ġuda. 8 Magħhom kien hemm il-Leviti: Semajja, Netanija, Żebadija, Għasael, Semiramot, Ġeħonatan, Adonija, Tobijah, u Tob-adonija, flimkien mal-qassisin Elisama u Ġeħoram. 9 Huma daru l-bliet kollha taʼ Ġuda jgħallmu fost il-poplu bil-ktieb tal-Liġi taʼ Ġeħova.
10 U Ġeħova ġiegħel lis-saltniet kollha tal-artijiet taʼ madwar Ġuda jibżgħu minnu, għalhekk ma ġġildux kontra Ġeħosafat. 11 Il-Filistin taw rigali u flus lil Ġeħosafat bħala taxxa. L-Għarab tawh 7,700 muntun u 7,700 bodbod mill-imrieħel tagħhom.
12 Ġeħosafat kompla jissaħħaħ, u baqaʼ jibni postijiet iffortifikati u bliet għall-imħażen f’Ġuda. 13 Hu għamel proġetti kbar fil-bliet taʼ Ġuda, u f’Ġerusalemm kellu gwerriera b’saħħithom. 14 Dawn kienu fi gruppi skont dar missirijiethom. Minn Ġuda kien hemm il-kapijiet tal-eluf, l-ewwel wieħed kien Għadnah u 300,000 gwerrier b’saħħtu miegħu. 15 U taħt id-direzzjoni t’Għadnah kien hemm il-kap Ġeħoħanan u 280,000 miegħu, 16 u kif ukoll Amasija bin Żikri, li offra biex jaqdi fis-servizz taʼ Ġeħova, u 200,000 gwerrier b’saħħtu miegħu. 17 Minn Benjamin kien hemm Eljada, gwerrier b’saħħtu. U miegħu kien hemm 200,000 raġel armat bil-qaws u bit-tarka. 18 Taħt id-direzzjoni t’Eljada kien hemm Ġeħożabad. U miegħu kien hemm 180,000 raġel armat għall-gwerra. 19 Dawn kienu jaqdu lir-re apparti dawk li r-re poġġa fil-bliet iffortifikati f’Ġuda kollu.
18 Ġeħosafat kellu ħafna ġid u glorja, imma hu sar ħabib m’Aħab billi ħalla lil xi ħadd mill-familja tiegħu jiżżewweġ lil xi ħadd mill-familja t’Aħab. 2 Għalhekk, snin wara niżel is-Samarija għand Aħab. Aħab offra ħafna nagħaġ u baqar għalih u għan-nies li kienu miegħu, u ħajru biex jitlaʼ jattakka Ramot-gilegħad. 3 Imbagħad, ir-Re Aħab t’Iżrael qal lir-Re Ġeħosafat taʼ Ġuda: “Tiġi miegħi f’Ramot-gilegħad?” Wieġbu: “Jien niġi miegħek bin-nies tiegħi u ngħinuk fil-gwerra.”
4 Imma Ġeħosafat qal lil Aħab: “Jekk jogħġbok, l-ewwel staqsi x’inhi l-gwida taʼ Ġeħova dwar dan.” 5 Għalhekk, ir-re t’Iżrael ġabar lill-profeti flimkien, 400 raġel, u staqsiehom: “Għandi mmur għall-gwerra kontra Ramot-gilegħad jew le?” Huma qalulu: “Mur, u l-Alla l-veru jagħtiha f’idejk.”
6 Imbagħad Ġeħosafat qal: “La hawn profeta taʼ Ġeħova, ejja nistaqsu permezz tiegħu wkoll.” 7 Għal dan, ir-Re Aħab t’Iżrael qallu: “Għad fadal raġel ieħor li permezz tiegħu nistgħu nistaqsu x’inhi l-gwida taʼ Ġeħova; imma jien nobogħdu għax qatt ma jipprofetizza affarijiet tajbin dwari. Hu Mikaja bin Imla.” Madankollu, Ġeħosafat qal: “M’għandekx tgħid xi ħaġa bħal din re.”
8 Għalhekk, ir-Re Aħab t’Iżrael għajjat uffiċjal tal-palazz u qallu: “Ġib malajr lil Mikaja bin Imla.” 9 Issa r-re t’Iżrael u Ġeħosafat ir-re taʼ Ġuda kienu bilqiegħda fuq it-tron tagħhom, lebsin ħwejjeġ tar-rejiet. Huma kienu fil-post fejn jiġu sseparati ċ-ċereali,* fid-daħla tal-bieb tas-Samarija, u l-profeti kollha kienu qed jipprofetizzaw quddiemhom. 10 Imbagħad Sedekija bin Kengħana għamel qrun tal-ħadid u qal: “Hekk jgħid Ġeħova, ‘B’dawn se tweġġaʼ serjament* lis-Sirjani sakemm teqridhom għalkollox.’” 11 Il-profeti l-oħrajn kollha bdew jipprofetizzaw bl-istess mod billi jgħidu: “Itlaʼ Ramot-gilegħad u tirnexxi. Ġeħova se jagħtiha f’idejk.”
12 Għalhekk, il-messaġġier li mar jgħajjat lil Mikaja qallu: “Il-profeti kollha qed jitkellmu favur ir-re. Jekk jogħġbok, ħa jkun dak li tgħid bħal tagħhom, u tkellem favur ir-re.” 13 Imma Mikaja qal: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj li se ngħid dak li jgħid l-Alla tiegħi.” 14 Imbagħad daħal għand ir-re, u dan staqsieh: “Mikaja, għandna mmorru Ramot-gilegħad għall-gwerra jew le?” Minnufih wieġbu: “Itlaʼ u tirnexxi, din se tingħata f’idejk.” 15 Għal dan ir-re qallu: “Kemm-il darba rrid inġiegħlek taħlef biex tgħidli biss il-verità f’isem Ġeħova?” 16 Għalhekk Mikaja qallu: “Qed nara lill-Iżraelin kollha mxerrdin fuq il-muntanji, bħal nagħaġ mingħajr ragħaj. Ġeħova qal: ‘Dawn m’għandhomx sid. Ħallihom imorru lura lejn darhom fil-paċi.’”
17 Imbagħad ir-Re Aħab t’Iżrael qal lil Ġeħosafat: “M’għedtlekx li qatt ma jipprofetizza affarijiet tajbin dwari?”
18 Mikaja mbagħad qal: “Issa ismaʼ dak li jgħid Ġeħova. Jien rajt lil Ġeħova bilqiegħda fuq it-tron tiegħu u l-armata kollha tas-sema fuq il-lemin u fuq ix-xellug tiegħu. 19 Wara Ġeħova qal, ‘Min se jidħaq bir-Re Aħab t’Iżrael, sabiex jitlaʼ u jmut f’Ramot-gilegħad?’ U min beda jgħid ħaġa u min oħra. 20 Imbagħad, anġlu* minnhom resaq u qagħad quddiem Ġeħova u qal, ‘Jien nidħaq bih.’ Ġeħova staqsieh, ‘Kif?’ 21 Wieġbu, ‘Immur u nġiegħel il-profeti tiegħu jigdbu.’ Għalhekk qal, ‘Se tidħaq bih, iva, se jirnexxilek. Mur agħmel hekk.’ 22 U issa Ġeħova ħalla lil dan l-anġlu jġiegħel lil dawn il-profeti kollha jigdbulek, għax fir-realtà Ġeħova ddeċieda li jġib il-gwaj fuqek.”
23 Issa Sedekija bin Kengħana resaq u ta daqqa taʼ ħarta lil Mikaja u qallu: “U int taħseb li l-anġlu taʼ Ġeħova telaq mingħandi biex jiġi jitkellem miegħek?” 24 Mikaja wieġbu: “Dakinhar li tidħol fil-kamra taʼ ġewwa nett biex tinħeba se tkun ċert minn dan.” 25 Imbagħad ir-Re Aħab t’Iżrael qal: “Ħu lil Mikaja u agħtih lil Amon il-kap tal-belt u lil Ġowas bin ir-re. 26 Għidilhom, ‘Hekk jgħid ir-re: “Lil dan itfgħuh il-ħabs u agħtuh inqas ħobż u ilma mis-soltu sakemm niġi lura fil-paċi.”’” 27 Imma Mikaja qal: “Jekk terġaʼ lura fil-paċi, mela Ġeħova ma kellimnix.” Imbagħad żied: “Ftakar dan poplu kollu.”
28 Għalhekk, Aħab ir-re t’Iżrael u Ġeħosafat ir-re taʼ Ġuda telgħu Ramot-gilegħad. 29 Issa r-re t’Iżrael qal lil Ġeħosafat: “Jien se nilbes b’mod li ma nintgħarafx u noħroġ għall-battalja, imma int ilbes il-ħwejjeġ tiegħek taʼ re.” Għalhekk, ir-re t’Iżrael biddel u huma marru għall-battalja. 30 Issa r-re tas-Sirja kien ikkmanda lill-kapijiet tal-karrijiet tiegħu: “Tiġġieldu maʼ ħadd, la mas-suldati u lanqas mal-uffiċjali, ħlief mar-Re Aħab t’Iżrael.” 31 U malli l-kapijiet tal-karrijiet raw lil Ġeħosafat, huma qalu bejnhom u bejn ruħhom: “Dan hu r-re t’Iżrael.” Għalhekk, marru biex jiġġildulu, u Ġeħosafat beda jgħajjat għall-għajnuna, u Ġeħova għenu. Alla minnufih begħedhom minnu. 32 Meta l-kapijiet tal-karrijiet indunaw li ma kienx ir-re t’Iżrael, huma telqu minn warajh mill-ewwel.
33 Imma raġel spara l-qaws tiegħu bl-addoċċ* u laqat lir-Re Aħab t’Iżrael bejn il-biċċiet imrikkbin tal-kurazza. Għalhekk, ir-re qal lis-sewwieq tal-karru tiegħu: “Dawwar u oħroġni mill-battalja,* għax ġejt imweġġaʼ serjament.” 34 Il-battalja baqgħet tiħrax dakinhar, u r-re kellu jinżamm bilwieqfa fil-karru, faċċata tas-Sirjani sa filgħaxija. Hu miet waqt li kienet nieżla x-xemx.
19 Imbagħad ir-Re Ġeħosafat taʼ Ġuda mar lura qawwi u sħiħ* lejn il-palazz tiegħu f’Ġerusalemm. 2 Ġeħu bin Ħanani l-viżjonarju mar jiltaqaʼ miegħu u qallu: “Peress li tgħin lil min hu mill-agħar u tħobb lil dawk li jobogħdu lil Ġeħova, Ġeħova hu rrabjat ħafna miegħek. 3 Minkejja dan, Alla ra affarijiet tajbin fik, għaliex int qridt l-arbli sagri* mill-pajjiż u ppreparajt qalbek* biex tfittex lill-Alla l-veru.”
4 Ġeħosafat baqaʼ jgħix f’Ġerusalemm, u reġaʼ żar lin-nies minn Bir-xeba sar-reġjun muntanjuż t’Efrajm biex jiħodhom lura lejn Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom. 5 Ukoll, hu inkariga mħallfin mal-pajjiż kollu, f’kull belt iffortifikata taʼ Ġuda. 6 Hu qalilhom: “Oqogħdu attenti għal dak li qed tagħmlu, għaliex m’intomx tiġġudikaw għal bniedem imma għal Ġeħova, u hu jkun magħkom meta tiġġudikaw. 7 Issa ibżgħu minn Ġeħova u oqogħdu attenti għal dak li tagħmlu, għax maʼ Ġeħova l-Alla tagħna m’hemmx inġustizzja, preferenzi, u lanqas korruzzjoni.”
8 Anki f’Ġerusalemm, Ġeħosafat inkariga xi wħud mil-Leviti, mill-qassisin, u mill-kapijiet tal-familji t’Iżrael min-naħa tal-missier biex jiġġudikaw f’isem Ġeħova u jissetiljaw kawżi legali għan-nies taʼ Ġerusalemm. 9 Hu kkmandahom: “Fix-xogħol li tagħmlu, għandkom tirrispettaw ħafna lil* Ġeħova, tkunu leali, u jkollkom qalb sħiħa.* 10 Kull meta ħutkom li jgħixu fi bliet oħra jġibu kawża legali li tinvolvi qtil jew mistoqsija dwar il-liġi, il-kmandamenti, ir-regoli, jew id-deċiżjonijiet ġudizzjali, għandkom twissuhom biex ma jsirux ħatja quddiem Ġeħova. Inkella hu jirrabja magħkom u maʼ ħutkom. Hekk għandkom tagħmlu sabiex ma tkunux ħatja. 11 Amarija l-qassis il-kbir hu fuqkom għal kull ħaġa li għandha x’taqsam maʼ Ġeħova. Żebadija bin Ismagħel hu l-mexxej tad-dar taʼ Ġuda għal kull ħaġa li għandha x’taqsam mar-re. U l-Leviti se jaqdu bħala uffiċjali għalikom. Kunu sodi u aġixxu, u jalla Ġeħova jkun maʼ dawk li jagħmlu t-tajjeb.”*
20 Wara dan, il-Mowabin u l-Għammonin, flimkien m’oħrajn minn Għammon,* marru jiggwerraw kontra Ġeħosafat. 2 Għalhekk lil Ġeħosafat qalulu: “Ġejja kontrik armata kbira ħafna mir-reġjun tal-baħar,* minn Edom. Din l-armata qiegħda f’Ħasason-tamar, jiġifieri Għajn-gedi.” 3 Għal dan, Ġeħosafat beżaʼ u kien determinat li jfittex lil Ġeħova. Għalhekk, qal lin-nies kollha taʼ Ġuda biex isumu. 4 Imbagħad in-nies taʼ Ġuda nġabru flimkien biex jitolbu għall-għajnuna taʼ Ġeħova. Huma marru mill-bliet kollha taʼ Ġuda biex jistaqsu għall-gwida taʼ Ġeħova.
5 Imbagħad Ġeħosafat qam bilwieqfa fil-kongregazzjoni taʼ Ġuda u taʼ Ġerusalemm fid-dar taʼ Ġeħova quddiem il-bitħa l-ġdida, 6 u qal:
“Ġeħova l-Alla taʼ missirijietna, int Alla fis-sema, int qed tmexxi fuq is-saltniet kollha tal-popli. F’idek għandek il-qawwa u s-saħħa, u ħadd m’għandu l-ħila jiħodha kontrik. 7 Alla tagħna, int keċċejt lin-nies taʼ din l-art minn quddiem il-poplu tiegħek Iżrael u mbagħad tajtha lil dawk li jiġu minn Abraham il-ħabib tiegħek biex tkun tiegħu għal dejjem. 8 Huma ssetiljaw fiha, u bnew santwarju għal ismek, u qalu, 9 ‘Jekk jiġi diżastru fuqna, kemm jekk bix-xabla, b’kastig, bil-pesta, jew bil-ġuħ, ħa noqogħdu quddiem din id-dar u quddiemek (għax ismek qiegħed f’din id-dar) u ngħajtulek għall-għajnuna minħabba d-diffikultà tagħna, u int tismagħna u ssalvana.’ 10 Issa ara x’qed jagħmlu l-irġiel t’Għammon, taʼ Mowab, u tar-reġjun muntanjuż tas-Segħir. Int ma ħallejtx lill-Iżraelin jattakkawhom meta ħarġu mill-art tal-Eġittu. L-Iżraelin tbiegħdu minnhom u ma qerduhomx għalkollox. 11 Huma qed ipattu t-tajjeb bil-ħażin għax qed ikeċċuna mill-art tiegħek li tajtna bħala wirt. 12 Alla tagħna, m’intix se tiġġudikahom? Għax aħna ma nistgħu nagħmlu xejn quddiem din l-armata kbira li ġejja kontrina, u ma nafux x’għandna nagħmlu, imma għajnejna huma fuqek.”
13 Sadanittant, dawk kollha minn Ġuda kienu quddiem Ġeħova, flimkien man-nisa u t-tfal* tagħhom, inkluż iż-żgħar.
14 Imbagħad f’nofs il-kongregazzjoni, l-ispirtu taʼ Ġeħova niżel fuq Ġaħażijel bin Żakkarija, bin Benaja, bin Ġegħijel, bin Mattanija l-Levita mit-tfal t’Asaf. 15 Hu qal: “Isimgħu nies kollha taʼ Ġuda u taʼ Ġerusalemm u int, Re Ġeħosafat! Hekk jgħidilkom Ġeħova, ‘Tibżgħux u titwerwrux minħabba din l-armata kbira, għax il-battalja mhix tagħkom imma tiegħi, l-Alla tagħkom. 16 Għada inżlu għalihom. Huma se jkunu telgħin mit-triq taʼ Sis, u se ssibuhom f’tarf il-wied qabel id-deżert taʼ Ġerwel. 17 Mhux se jkollkom għalfejn tiġġieldu din il-battalja. Ħudu postkom, tiċċaqalqux, u araw kif Ġeħova se jsalvakom. Nies taʼ Ġuda u Ġerusalemm tibżgħux u titwerwrux. Għada oħorġu għalihom, u Ġeħova jkun magħkom.’”
18 Minnufih Ġeħosafat miel b’wiċċu sal-art, u n-nies kollha taʼ Ġuda u taʼ Ġerusalemm inxteħtu quddiem Ġeħova biex iqimu lil Ġeħova. 19 Imbagħad il-Leviti li kienu jiġu mill-Keħatin u l-Koraħin qamu biex ifaħħru lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael b’leħen għoli.
20 L-għada qamu kmieni u ħarġu lejn id-deżert taʼ Tekogħa. Huma u ħerġin, Ġeħosafat qam bilwieqfa u qal: “Isimgħuni, nies taʼ Ġuda u Ġerusalemm! Afdaw f’Ġeħova l-Alla tagħkom sabiex tkunu tistgħu tissaportu. Afdaw il-profeti tiegħu u tirnexxu.”
21 Wara li ftiehem man-nies, hu inkariga rġiel biex ikantaw u jfaħħru lil Ġeħova lebsin ħwejjeġ qaddisin. Huma kellhom jagħmlu dan waqt li jkunu ħerġin qabel l-irġiel armati, u jgħidu: “Irringrazzjaw lil Ġeħova, għax l-imħabba u l-lealtà* tiegħu jibqgħu għal dejjem.”
22 Meta bdew ikantaw u jfaħħruh bil-ferħ, Ġeħova qiegħed xi rġiel mistoħbijin biex jattakkaw lill-irġiel t’Għammon, taʼ Mowab, u tar-reġjun muntanjuż tas-Segħir li kienu qed jattakkaw lil Ġuda, u dawn bdew jiġġieldu kontra xulxin. 23 U l-Għammonin u l-Mowabin daru kontra n-nies tar-reġjun muntanjuż tas-Segħir biex jeqirduhom u jġibuhom fix-xejn. Wara li għamlu dan, huma qerdu lil xulxin.
24 U meta n-nies taʼ Ġuda waslu ħdejn it-torri tal-għassa fid-deżert, huma ħarsu lejn l-armata u raw l-iġsma mejtin tagħhom fl-art. Ħadd ma ħelisha. 25 Għalhekk, Ġeħosafat u n-nies tiegħu marru jiħdulhom l-affarijiet, u sabu ammont kbir taʼ ġid, ħwejjeġ, u affarijiet prezzjużi. Huma ħadu kemm felħu affarijiet u damu tlett ijiem sakemm ħadu kollox, għax kien hemm ħafna. 26 Fir-rabaʼ jum inġabru flimkien fil-Wied* taʼ Beraka biex ifaħħru* lil Ġeħova. Huwa għalhekk li dak il-post semmewh il-Wied taʼ Beraka* sal-lum.
27 Imbagħad l-irġiel kollha taʼ Ġuda u taʼ Ġerusalemm reġgħu lura Ġerusalemm ferħanin b’Ġeħosafat quddiemhom, għax Ġeħova kien għenhom jirbħu lill-għedewwa tagħhom. 28 Għalhekk, daħlu Ġerusalemm bl-istrumenti tal-korda, bl-arpi, u bit-trumbetti u marru lejn id-dar taʼ Ġeħova. 29 U Alla ġiegħel lis-saltniet kollha tal-art jibżgħu minnu meta semgħu li Ġeħova kien iġġieled kontra l-għedewwa t’Iżrael. 30 B’hekk, is-saltna taʼ Ġeħosafat ma kellhiex tfixkil, u l-Alla tiegħu kompla jagħtih il-mistrieħ mill-għedewwa kollha taʼ madwaru.
31 U Ġeħosafat baqaʼ jmexxi fuq Ġuda. Hu kellu 35 sena meta sar re, u mexxa 25 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Għażuba bint Silħi. 32 Hu baqaʼ jaġixxi bħal missieru Asa u għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova. 33 Imma l-postijiet għall-qima ma tneħħewx, u n-nies kienu għadhom mhumiex determinati f’qalbhom li jaqdu lill-Alla taʼ missirijiethom.
34 Il-bqija tal-istorja kollha taʼ Ġeħosafat hi miktuba fost il-kliem taʼ Ġeħu bin Ħanani, li kien parti mill-Ktieb tar-Rejiet t’Iżrael. 35 Wara dan, ir-Re Ġeħosafat taʼ Ġuda sar ħabib mar-Re Aħażija t’Iżrael, li għamel dak li hu ħażin. 36 Għalhekk, it-tnejn li huma bdew jibnu vapuri flimkien ħalli jmorru Tarsis, u l-vapuri bnewhom f’Għesjon-geber. 37 Madankollu, Eligħeżer bin Dodawaħu minn Maresa tkellem b’mod profetiku kontra Ġeħosafat billi qal: “Talli sseħibt m’Aħażija, Ġeħova se jeqred ix-xogħol tiegħek.” Għalhekk, il-vapuri tfarrku u ma setgħux imorru Tarsis.
21 Imbagħad Ġeħosafat miet u ndifen maʼ missirijietu fil-Belt taʼ David, u ibnu Ġeħoram sar re minfloku. 2 Ħutu kienu Għażarija, Ġeħijel, Żakkarija, Għażarija, Mikiel, u Sefatija. Dawn kollha kienu t-tfal tar-Re Ġeħosafat t’Iżrael. 3 U missierhom tahom ħafna rigali taʼ fidda u deheb, affarijiet taʼ valur, u bliet iffortifikati f’Ġuda. Imma s-saltna taha lil Ġeħoram, għax kien l-ewwel imwieled.
4 Meta Ġeħoram ħa kontroll tas-saltna taʼ missieru, hu saħħaħ il-pożizzjoni tiegħu billi qatel lil ħutu kollha bix-xabla, kif ukoll lil xi kapijiet t’Iżrael. 5 Ġeħoram kellu 32 sena meta sar re, u dam imexxi tmien snin f’Ġerusalemm. 6 Hu aġixxa bħar-rejiet t’Iżrael, bħalma kienu għamlu dawk taʼ dar Aħab, għax hu żżewweġ lil bint Aħab. Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova. 7 Imma peress li Ġeħova kien għamel patt maʼ David, ma riedx jeqred lid-dar taʼ David, għax kien wiegħdu li jħalli lil dawk li jiġu minnu jmexxu* għal dejjem.
8 Fi żmienu, l-Edomin irribellaw kontra Ġuda u mbagħad għażlu re għalihom. 9 Għalhekk, Ġeħoram mar għalihom mal-kapijiet u l-karrijiet kollha tiegħu. Hu attakka billejl u għeleb lill-Edomin li kienu dawru lilu u lill-kapijiet tal-karrijiet. 10 Imma Edom baqaʼ jirribella kontra Ġuda sal-lum. Anki Libna bdiet tirribella kontrih f’dak iż-żmien, għax hu kien telaq lil Ġeħova l-Alla taʼ missirijietu. 11 Ukoll, hu għamel postijiet għall-qima fuq il-muntanji taʼ Ġuda biex iwaqqaf lin-nies taʼ Ġerusalemm milli jkunu leali lejn Alla,* u b’hekk biegħed lil Ġuda minn Alla.
12 Imbagħad wasallu dan il-messaġġ bil-miktub mingħand il-profeta Elija: “Hekk jgħid Ġeħova l-Alla tal-antenat tiegħek David, ‘Int m’għamiltx bħal missierek Ġeħosafat jew bħar-Re Asa taʼ Ġuda. 13 Imma qed tagħmel bħar-rejiet t’Iżrael u twaqqaf lil Ġuda u n-nies taʼ Ġerusalemm milli jkunu leali lejn Alla* bħalma għamlu dawk taʼ dar Aħab. Int saħansitra qtilt lil ħutek stess, dawk taʼ dar missierek, li kienu aħjar minnek. 14 Għalhekk, Ġeħova se jikkastiga bil-kbir lill-poplu tiegħek, lit-tfal tiegħek, lin-nisa tiegħek, u kulma għandek. 15 U se tbati minn ħafna mard, inkluż marda tal-imsaren, sakemm jum wara l-ieħor joħorġulek imsarnek minħabba l-marda.’”
16 Imbagħad, Ġeħova ġiegħel il-Filistin* u l-Għarab li kienu qrib l-Etjopjani jiħduha kontra Ġeħoram. 17 Għalhekk, dawn daħlu u attakkaw lil Ġuda, u ħadu l-ġid kollu li sabu fil-palazz tar-re, kif ukoll lit-tfal u lin-nisa tiegħu. L-uniku tifel li kien baqagħlu kien ibnu ż-żgħir Ġeħogħaħaż.* 18 U wara dan kollu, Ġeħova kkastiga lil Ġeħoram b’marda fi msarnu li ma kienx hemm fejqan għaliha. 19 Xi żmien wara, meta kienu għaddew sentejn, ħarġulu msarnu minħabba l-marda tiegħu, u bata ħafna sakemm miet. U n-nies tiegħu m’għamlulux ħuġġieġa biex jonorawh bħalma kienu għamlu għal missirijietu. 20 Hu kellu 32 sena meta sar re, u dam imexxi tmien snin f’Ġerusalemm. Ħadd ma ddispjaċieh meta miet. Huma difnuh fil-Belt taʼ David, imma mhux fil-post fejn jindifnu r-rejiet.
22 Imbagħad, in-nies taʼ Ġerusalemm għamlu lit-tifel iż-żgħir tiegħu Aħażija re minfloku, għax ħutu li kienu akbar minnu nqatlu mill-grupp ħallelin li marru mal-Għarab fil-kampijiet. Għalhekk, Aħażija bin Ġeħoram sar re taʼ Ġuda. 2 Aħażija kellu 22 sena meta sar re, u dam imexxi sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Għatalija u nannuha kien* Għomri.
3 Dan ukoll għamel bħal dawk taʼ dar Aħab, għax ommu kienet dik li tagħtih il-pariri biex jagħmel il-ħażin. 4 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, bħal dawk taʼ dar Aħab, għax wara li miet missieru huma bdew jagħtuh il-pariri u wassluh biex jinqered. 5 Hu ħa l-pariri tagħhom u mar maʼ Ġeħoram bin ir-Re Aħab t’Iżrael biex jiġġieled kontra r-Re Ħażagħel tas-Sirja f’Ramot-gilegħad. Hemm l-arċieri weġġgħu serjament lil Ġeħoram. 6 Hu reġaʼ lura Ġeżragħel biex ifiq mill-feriti li kienu għamlulu f’Rama meta ġġieled kontra r-Re Ħażagħel tas-Sirja.
Aħażija* bin ir-Re Ġeħoram taʼ Ġuda niżel Ġeżragħel biex jara lil Ġeħoram bin Aħab għax kien weġġaʼ serjament.* 7 Imma kien Alla li ġiegħel lil Aħażija jmur għand Ġeħoram u din iż-żjara wasslitu biex imut. Meta mar, hu ħareġ maʼ Ġeħoram biex jiltaqaʼ maʼ Ġeħu, li nannuh kien* Nimsi, u li Ġeħova kien inkarigah* biex jeqred lil dar Aħab. 8 Meta Ġeħu beda jiġġudika lil dar Aħab, hu sab u qatel il-kapijiet taʼ Ġuda u n-neputijiet t’Aħażija li kienu jaqdu lil Aħażija. 9 Imbagħad Ġeħu fittex lil Aħażija, u l-irġiel tiegħu qabduh minn fejn kien mistoħbi fis-Samarija, u ħaduh għand Ġeħu. Imbagħad qatluh u difnuh, għax qalu: “Nannuh hu Ġeħosafat, li fittex lil Ġeħova b’qalbu kollha.” Ma kien hemm ħadd minn dar Aħażija li kellu l-qawwa li jmexxi.
10 Meta Għatalija, omm Aħażija, rat li binha miet, hi pprovat teqred il-linja kollha tar-re taʼ dar Ġuda. 11 Madankollu, Ġeħosabegħat bint ir-re serqet lil Ġeħogħas bin Aħażija minn fost it-tfal tar-re li kienu se jinqatlu, u żammet lilu u lil dik li kienet tieħu ħsiebu fil-kamra tas-sodda taʼ ġewwa. Ġeħosabegħat bint ir-Re Ġeħoram (mart il-qassis Ġeħojada u oħt Aħażija) irnexxielha żżommu moħbi minn Għatalija, u b’hekk ma qatlitux. 12 Hu baqaʼ magħhom sitt snin moħbi fid-dar tal-Alla l-veru, waqt li Għatalija kienet qed tmexxi fuq il-pajjiż.
23 Fis-sebaʼ sena, Ġeħojada kien kuraġġuż u għamel patt mal-kapijiet tal-mijiet, jiġifieri m’Għażarija bin Ġeroħam, maʼ Ismagħel bin Ġeħoħanan, m’Għażarija bin Għobed, maʼ Magħseja bin Għadaja, u m’Elisafat bin Żikri. 2 Imbagħad marru f’Ġuda kollu u ġabru flimkien lil-Leviti mill-bliet kollha taʼ Ġuda u l-kapijiet tal-familji t’Iżrael min-naħa tal-missier. Meta waslu Ġerusalemm, 3 il-kongregazzjoni kollha għamlet patt mar-re fid-dar tal-Alla l-veru, u mbagħad Ġeħojada qalilhom:
“Bin ir-re se jmexxi, bħalma wiegħed Ġeħova dwar it-tfal taʼ David.” 4 Hu kkmandahom: “F’dan is-Sabat, terz mill-qassisin u mil-Leviti għandhom ikunu għassiesa mal-bibien, 5 terz ieħor joqogħdu ħdejn il-palazz tar-re, u t-terz l-ieħor joqogħdu f’Bieb il-Pedament, u n-nies kollha jkunu fil-btieħi tad-dar taʼ Ġeħova. 6 Tħallu lil ħadd jidħol fid-dar taʼ Ġeħova ħlief il-qassisin u l-Leviti li jkunu qed jaqdu. Dawn jistgħu jidħlu, għax huma grupp qaddis, u n-nies kollha se jagħmlu dak li talabhom Ġeħova billi jibqgħu barra. 7 Il-Leviti għandhom joqogħdu madwar ir-re minn kull naħa, kull wieħed bl-armi tiegħu f’idu. Kull min jidħol fid-dar għandu jinqatel. Ibqgħu mar-re kull fejn imur.”*
8 Il-Leviti u Ġuda kollu għamlu eżatt dak li kkmandahom Ġeħojada l-qassis. Għalhekk, kull wieħed ħa lill-irġiel tiegħu li kienu għassa fis-Sabat, flimkien maʼ dawk li ma kinux għassa fis-Sabat, għax il-qassis Ġeħojada ried li t-taqsimiet kollha jkunu xogħol. 9 Imbagħad il-qassis Ġeħojada ta lill-kapijiet tal-mijiet il-lanez, it-tarki ż-żgħar,* u t-tarki tondi li kienu tar-Re David u li kienu fid-dar tal-Alla l-veru. 10 Wara qiegħed lin-nies kollha posthom, kull wieħed bl-armi tiegħu f’idu, min-naħa tal-lemin tad-dar san-naħa tax-xellug tad-dar, ħdejn l-artal u ħdejn id-dar, imdawrin mar-re. 11 Imbagħad ħarġu lil bin ir-re u qiegħdu fuqu l-kuruna* u t-Testimonjanza,* u għamluh re. U Ġeħojada u t-tfal tiegħu dilkuh* u qalu: “Ħa jkun imbierek ir-re!”
12 Meta Għatalija semgħet in-nies jiġru u jfaħħru lir-re, mill-ewwel marret ħdejn in-nies fid-dar taʼ Ġeħova. 13 Imbagħad rat lir-re ħdejn il-kolonna tiegħu fid-daħla. Il-kapijiet u dawk li jdoqqu t-trumbetti kienu ħdejn ir-re, in-nies kollha tal-pajjiż kienu qed jifirħu u jdoqqu t-trumbetti, u l-kantanti bi strumenti mużikali kienu qed imexxu ċ-ċelebrazzjoni. Għal dan Għatalija ċarrtet ħwejjiġha u għajtet: “Konfoffa! Konfoffa!” 14 Imma l-qassis Ġeħojada kkmanda lill-kapijiet tal-mijiet, dawk taʼ fuq l-armata: “Oħorġuha minn bejn is-suldati, u jekk xi ħadd imur warajha, oqtluh bix-xabla!” Għax il-qassis kien qalilhom: “Toqtluhiex fid-dar taʼ Ġeħova.” 15 Għalhekk, qabduha u qatluha malli waslu ħdejn id-daħla taʼ Bieb iż-Żwiemel tal-palazz tar-re.
16 Imbagħad Ġeħojada, il-poplu, u r-re għamlu patt bejniethom li se jibqgħu l-poplu taʼ Ġeħova. 17 Wara dan, in-nies kollha tal-pajjiż daħlu fit-tempju taʼ Bagħal u waqqgħuh, kissru l-artali u l-istatwi tiegħu, u qatlu lil Mattan il-qassis taʼ Bagħal quddiem l-artali. 18 Imbagħad Ġeħojada ħalla f’idejn il-qassisin u l-Leviti biex jieħdu ħsieb id-dar taʼ Ġeħova. Lil dawn David kien qassamhom f’taqsimiet fuq id-dar taʼ Ġeħova biex joffru s-sagrifiċċji tal-ħruq lil Ġeħova skont dak li hemm miktub fil-Liġi taʼ Mosè. Huma kellhom jagħmlu dan waqt li jifirħu u jkantaw bħalma kkmandahom David. 19 Ukoll, hu qiegħed l-għassiesa tal-bibien ħdejn il-bibien tad-dar taʼ Ġeħova sabiex ma jidħol ħadd li ma jkunx nadif b’xi mod. 20 Wara ħa lill-kapijiet tal-mijiet, in-nies importanti, il-mexxejja tan-nies, u n-nies kollha tal-pajjiż sabiex jinżlu mar-re mid-dar taʼ Ġeħova. Imbagħad għaddew mill-bieb taʼ fuq għall-palazz tar-re u qiegħdu lir-re fuq it-tron tas-saltna. 21 Għalhekk, in-nies kollha tal-pajjiż ferħu u kien hemm il-paċi fil-belt, għax lil Għatalija kienu qatluha bix-xabla.
24 Ġeħogħas kellu seba’ snin meta sar re, u mexxa 40 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Sibjah minn Bir-xeba. 2 Ġeħogħas għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova kemm dam ħaj il-qassis Ġeħojada. 3 Ġeħojada għażel żewġ nisa għal Ġeħogħas, u dan kellu subien u bniet.
4 Wara dan Ġeħogħas xtaq minn qalbu li jirrestawra d-dar taʼ Ġeħova. 5 Għalhekk, ġabar flimkien il-qassisin u l-Leviti u qalilhom: “Oħorġu fil-bliet taʼ Ġuda u iġbru l-flus mingħand Iżrael kollu biex minn sena għal sena ssewwu d-dar tal-Alla tagħkom. Aġixxu malajr fuq dan.” Imma l-Leviti m’aġixxewx malajr. 6 Għalhekk, ir-re għajjat lil Ġeħojada l-kap u qallu: “Għala ma tlabtx lil-Leviti jġibu minn Ġuda u Ġerusalemm it-taxxa sagra li Mosè l-qaddej taʼ Ġeħova kkmanda li għandha tingħata, jiġifieri t-taxxa tal-kongregazzjoni t’Iżrael għat-tinda tat-Testimonjanza? 7 Għax it-tfal tal-mara mill-agħar Għatalija daħlu fid-dar tal-Alla l-veru, u użaw l-affarijiet qaddisin kollha tad-dar taʼ Ġeħova għall-Bagħalim.” 8 Imbagħad bil-kmand tar-re saret kaxxa u tpoġġiet barra ħdejn il-bieb tad-dar taʼ Ġeħova. 9 Imbagħad, għamlu avviż maʼ Ġuda u Ġerusalemm kollha biex lil Ġeħova jagħtuh it-taxxa sagra li Mosè kien ikkmanda li għandha tingħata mill-Iżraelin fid-deżert. 10 Il-kapijiet kollha u l-poplu kollu ferħu, u baqgħu jitfgħu l-kontribuzzjonijiet fil-kaxxa sakemm imtliet.*
11 Kull darba li l-Leviti kienu jieħdu l-kaxxa għand ir-re u jaraw li kien hemm ħafna flus fiha, is-segretarju tar-re u dak li kien jaqdi lill-qassis il-kbir kienu jmorru jbattluha, u mbagħad jerġgħu jiħduha f’postha. Hekk kienu jagħmlu minn jum għal jum, u ġabru ammont kbir taʼ flus. 12 Imbagħad ir-re u Ġeħojada kienu jagħtuhom lil dawk li jieħdu ħsieb ix-xogħol tas-servizz tad-dar taʼ Ġeħova, u dawn kienu jqabbdu nies li jaqtgħu l-ġebel u nies tas-sengħa biex jirrestawraw id-dar taʼ Ġeħova, kif ukoll nies li jaħdmu l-ħadid u r-ram biex isewwu d-dar taʼ Ġeħova. 13 U dawk li jieħdu ħsieb bdew ix-xogħol, u x-xogħol tat-tiswija baqaʼ miexi ’l quddiem taħt it-tmexxija tagħhom. Huma rrestawraw u ssodaw id-dar tal-Alla l-veru kif kienet qabel. 14 U malli kienu lesti, ħadu l-flus li kien fadal għand ir-re u għand Ġeħojada. Imbagħad, għamlu għodod għad-dar taʼ Ġeħova, għodod li jaqdu bihom, għodod għall-offerti, tazzi, u għodod tad-deheb u tal-fidda. Huma kienu joffru sagrifiċċji tal-ħruq fid-dar taʼ Ġeħova kuljum għal kemm dam ħaj Ġeħojada.
15 Ġeħojada miet xiħ u sodisfatt taʼ 130 sena. 16 Għalhekk, difnuh fil-Belt taʼ David flimkien mar-rejiet, għax kien għamel ħafna affarijiet tajbin għall-poplu t’Iżrael, għall-Alla l-veru, u għad-dar t’Alla.
17 Wara li miet Ġeħojada, il-kapijiet taʼ Ġuda daħlu ħdejn ir-re u mielu quddiemu, u r-re semaʼ minn dak li qalulu. 18 Huma abbandunaw id-dar taʼ Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom u bdew jaqdu lill-arbli sagri* u lill-idoli. B’hekk, Alla rrabja* maʼ Ġuda u Ġerusalemm minħabba d-dnub tagħhom. 19 Ġeħova baqaʼ jibagħtilhom il-profeti biex jiġbidhom lura lejh, u dawn baqgħu jwissuhom,* imma ma ridux jisimgħu.
20 L-ispirtu t’Alla niżel fuq* Żakkarija bin il-qassis Ġeħojada, u qam bilwieqfa ’l fuq min-nies u qalilhom: “Hekk jgħid l-Alla l-veru, ‘Għala qed tiksru l-kmandamenti taʼ Ġeħova? Mhux se tirnexxu! Talli tlaqtu lil Ġeħova, hu se jitlaq lilkom.’” 21 Imma huma kkonfoffaw kontrih u bil-kmand tar-re waddbulu l-ġebel fil-bitħa tad-dar taʼ Ġeħova sakemm miet. 22 Billi għamel hekk, ir-Re Ġeħogħas ma ftakarx l-imħabba u l-lealtà* li Ġeħojada kien wera miegħu, u qatillu lil ibnu Żakkarija, li waqt li kien qed imut qal: “Jalla Ġeħova jikkastigak għal dak li għamilt.”
23 Fil-bidu tas-sena,* l-armata Sirjana telgħet kontra Ġeħogħas, u dawn attakkaw lil Ġuda u Ġerusalemm. Imbagħad qerdu lill-kapijiet kollha tal-poplu, u kulma kellhom bagħtuh lir-re taʼ Damasku. 24 Għax għalkemm l-armata Sirjana kellha ftit suldati, Ġeħova għenhom jieħdu taħt idejhom armata kbira ħafna, għaliex in-nies taʼ Ġuda kienu telqu lil Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom. B’hekk, is-Sirjani kkastigaw lil Ġeħogħas. 25 U meta telqu minn ħdejh (għax kienu weġġgħuh serjament*), il-qaddejja tiegħu stess ikkonfoffaw kontrih minħabba li kien qatel it-tfal* tal-qassis Ġeħojada. Huma qatluh fuq is-sodda tiegħu stess u difnuh fil-Belt taʼ David, imma mhux fil-post fejn jindifnu r-rejiet.
26 Dawk li kkonfoffaw kontrih kienu Żabad bin Simegħat l-Għammonija u Ġeħożabad bin Simrit il-Mowabija. 27 Il-kitbiet* dwar it-tfal tiegħu, id-dikjarazzjonijiet kontrih, u r-restawr tad-dar tal-Alla l-veru qegħdin fil-Ktieb tar-Rejiet. U ibnu Amażija sar re minfloku.
25 Amażija kellu 25 sena meta sar re, u dam imexxi 29 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Ġeħogħaddan minn Ġerusalemm. 2 Hu għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova, imma mhux b’qalb sħiħa. 3 Malli kellu kontroll sħiħ tas-saltna, hu qatel lill-qaddejja tiegħu li kienu qatlu lil missieru r-re. 4 Imma lit-tfal tagħhom ma qatilhomx, għax għamel skont dak li hemm miktub fil-Liġi, fil-ktieb taʼ Mosè, li fih Ġeħova kkmanda: “Il-missirijiet m’għandhomx imutu minħabba t-tfal tagħhom, u t-tfal m’għandhomx imutu minħabba missirijiethom. Imma kull wieħed għandu jmut minħabba d-dnub tiegħu stess.”
5 U Amażija ġabar lin-nies taʼ Ġuda flimkien u qassamhom skont dar missirijiethom, skont il-kapijiet tal-eluf u l-kapijiet tal-mijiet fuq in-nies kollha taʼ Ġuda u Benjamin. Hu rreġistrahom minn 20 sena ’l fuq, u sab li kien hemm 300,000 gwerrier ittrennjat* biex jaqdu mal-armata, kapaċi jużaw il-lanza u t-tarka l-kbira. 6 Barra minn hekk, ħallas 100 talent* fidda biex iqabbad 100,000 gwerrier b’saħħtu minn Iżrael ħalli jiġġieldu għalih. 7 Imma qaddej tal-Alla l-veru mar għandu u qallu: “Re, tħallix l-armata t’Iżrael tiġi miegħek, għax Ġeħova mhux qiegħed m’Iżrael, u maʼ ħadd mill-Efrajmin. 8 Minflok, mur waħdek u kun kuraġġuż għall-gwerra, u l-Alla l-veru jgħinek. Inkella jistaʼ jħalli lill-għadu jirbaħlek.” 9 Għal dan, Amażija qal lill-qaddej tal-Alla l-veru: “Imma x’se jiġri dwar il-100 talent li jien tajt lis-suldati t’Iżrael?” Il-qaddej tal-Alla l-veru wieġbu: “Ġeħova jistaʼ jagħtik ħafna iktar minn dan.” 10 Għalhekk, Amażija bagħat lura lis-suldati li kienu ġew għandu minn Efrajm. Madankollu, kienu rrabjati ħafna kontra Ġuda meta marru lejn djarhom.
11 Imbagħad, Amażija għamel il-kuraġġ u mexxa lis-suldati tiegħu stess lejn Wied il-Melħ, u qatel 10,000 raġel mis-Segħir. 12 U l-irġiel taʼ Ġuda qabdu 10,000 raġel, ħaduhom fl-irdum, tefgħuhom għal isfel, u ġew biċċiet. 13 Imma s-suldati li Amażija kien bagħat lura biex ma jmorrux miegħu għall-gwerra, bdew jattakkaw il-bliet taʼ Ġuda, mis-Samarija sa Bet-ħoron. Huma qatlu 3,000 ruħ u ħadu ħafna affarijiet minn hemm.
14 Wara li Amażija qatel lill-Edomin, hu ħa l-allat tal-irġiel tas-Segħir u għamilhom l-allat tiegħu, u beda jmil quddiemhom u joffrilhom id-duħħan tas-sagrifiċċji. 15 Għalhekk, Ġeħova rrabja ħafna m’Amażija, u bagħatlu profeta li qallu: “Għala qed timxi wara l-allat tan-nies li lanqas biss salvaw lil nieshom stess minnek?” 16 Hekk kif kellmu, ir-re qallu: “Ieqaf. Tlabt il-parir tiegħek jien? Jekk tibqaʼ titkellem, ikolli noqtlok.” Imma qabel il-profeta waqaf jitkellem, qallu: “Int qed tqim l-idoli u ma smajtx mill-parir tiegħi. Għalhekk, Alla ddeċieda li jeqirdek.”
17 Wara li tkellem maʼ dawk li jagħtuh il-pariri, ir-Re Amażija taʼ Ġuda bagħat jgħid lil Ġeħogħas bin Ġeħogħaħaż u n-neputi taʼ Ġeħu r-re t’Iżrael: “Ejja niffaċċjaw lil xulxin fil-battalja.”* 18 Ir-Re Ġeħogħas t’Iżrael bagħat jgħidlu hekk lir-Re Amażija taʼ Ġuda: “Ix-xewka li kienet fil-Libanu bagħtet tgħid liċ-ċedru fil-Libanu, ‘Agħti lil bintek biex tiżżewweġ lil ibni.’ Madankollu, annimal salvaġġ tal-Libanu għadda minn hemm u għaffeġ ix-xewka. 19 Int għedt, ‘Jien* għelibt lil Edom.’ Għalhekk qalbek tkabbret, għax ridt tkun igglorifikat. Issa ibqaʼ f’darek.* Għala għandek iġġib diżastru u titlef int u Ġuda miegħek?”
20 Iżda Amażija ma semax minnu, għax kien mill-Alla l-veru li jagħti lilu u l-poplu tiegħu f’id l-għadu minħabba li kienu mxew wara l-allat t’Edom. 21 Għalhekk, ir-Re Ġeħogħas t’Iżrael telaʼ u ffaċċja lir-Re Amażija taʼ Ġuda f’battalja f’Bet-xemex, li hi taʼ Ġuda. 22 Iżrael għeleb lil Ġuda, u s-suldati ħarbu kull wieħed lejn daru.* 23 F’Bet-xemex, ir-Re Ġeħogħas t’Iżrael qabad lir-Re Amażija taʼ Ġuda, li kien bin Ġeħogħas u n-neputi taʼ Ġeħogħaħaż.* Imbagħad ħadu Ġerusalemm u waqqaʼ 400 kubitu* mis-sur tagħha, minn Bieb Efrajm sal-Bieb tal-Kantuniera. 24 Hu ħa d-deheb u l-fidda kollha u l-oġġetti kollha li kienu fid-dar tal-Alla l-veru u li kien jieħu ħsiebhom Għobed-edom. Ħa wkoll dak li kien hemm fil-post fejn iżommu t-teżori fil-palazz tar-re, u lil xi nies bħala ostaġġi.* Imbagħad mar lura s-Samarija.
25 Amażija bin Ġeħogħas ir-re taʼ Ġuda għex 15-il sena oħra wara l-mewt taʼ Ġeħogħas bin Ġeħogħaħaż ir-re t’Iżrael. 26 Il-bqija tal-istorja kollha t’Amażija hi miktuba fil-Ktieb tar-Rejiet taʼ Ġuda u t’Iżrael. 27 Minn dakinhar li Amażija ma baqax jimxi wara Ġeħova, saret konfoffa kontrih f’Ġerusalemm u ħarab lejn Lakis, imma ntbagħtu xi rġiel warajh f’Lakis u qatluh hemmhekk. 28 Għalhekk, ħaduh lura fuq iż-żwiemel u difnuh maʼ missirijietu fil-belt taʼ Ġuda.
26 Imbagħad in-nies kollha taʼ Ġuda ħadu lil Użżija, li kellu 16-il sena, u għamluh re minflok missieru Amażija. 2 Hu reġaʼ bena lil Elot u taha lura lil Ġuda wara li r-re* miet. 3 Użżija kellu 16-il sena meta sar re, u mexxa 52 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Ġekolija minn Ġerusalemm. 4 Hu għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova, bħalma għamel missieru Amażija. 5 Hu baqaʼ jfittex lil Alla fi żmien Żakkarija, li għallmu jirrispetta ħafna* lill-Alla l-veru. Fiż-żmien li kien ifittex lil Ġeħova, l-Alla l-veru tah ħafna ġid.
6 Hu mar jiġġieled kontra l-Filistin u ħa taħt idejh lil Gat, Ġabne, u Asdod. Imbagħad bena bliet fit-territorju t’Asdod u fost il-Filistin. 7 L-Alla l-veru kompla jgħinu jirbaħ lill-Filistin, l-Għarab li kienu jgħixu f’Gurbagħal, u l-Megħunin. 8 L-Għammonin bdew iħallsu t-taxxi lil Użżija. Maż-żmien, il-fama tiegħu waslet sal-Eġittu, għax sar qawwi b’mod straordinarju. 9 Iktar minn hekk, Użżija bena torrijiet f’Ġerusalemm ħdejn il-Bieb tal-Kantuniera, il-Bieb tal-Wied, u l-Istruttura tas-Sur, u ffortifikahom. 10 Ukoll, hu bena torrijiet fid-deżert u ħaffer* ħafna ġwiebi (għax kellu ammont kbir taʼ bhejjem). Għamel hekk ukoll fis-Sefela u fil-pjanura. Hu kellu bdiewa u min jieħu ħsieb id-dwieli fuq il-muntanji u fil-Karmel, għax hu kien iħobb l-agrikultura.
11 Iktar minn hekk, Użżija kellu armata lesta għall-gwerra. Dawn kienu jmorru jiggwerraw organizzati fi gruppi. Ġegħijel is-segretarju u Magħseja l-uffiċjal għoddew u rreġistraw l-irġiel għall-gwerra fi gruppi taʼ suldati. Dawn iż-żewġt irġiel kienu taħt il-kmand taʼ Ħananija, wieħed mill-uffiċjali tar-re. 12 B’kollox, il-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier li kienu fuq dawn il-gwerriera b’saħħithom kienu 2,600. 13 Taħt it-tmexxija tagħhom, il-qawwiet tal-armata kienu 307,500 raġel lest għall-gwerra. Huma kienu qawwa militari b’saħħitha biex jgħinu lir-re kontra l-għadu. 14 Lill-armata, Użżija baqaʼ jagħtiha tarki, lanez, elmijiet, kurazzi, qwas, u ġebel għall-iżbandoli. 15 Barra minn hekk, f’Ġerusalemm għamel magni tal-gwerra ddisinjati mill-inġinieri. Dawn tqiegħdu fuq it-torrijiet u fuq il-kantunieri tas-swar u setgħu jisparaw vleġeġ u ġebel kbir. Għalhekk, hu sar famuż kullimkien, għax Alla għenu ħafna u sar b’saħħtu.
16 Madankollu, malli sar b’saħħtu, qalbu tkabbret u ġab diżastru fuqu stess. Hu ma kienx leali lejn Ġeħova l-Alla tiegħu għax daħal fit-tempju taʼ Ġeħova biex jaħraq l-inċens fuq l-artal tal-inċens. 17 Minnufih daħlu warajh il-qassis Għażarija u 80 qassis kuraġġuż ieħor taʼ Ġeħova. 18 Imbagħad huma ffaċċjaw lir-Re Użżija u qalulu: “Użżija, int mhux suppost taħraq l-inċens lil Ġeħova! Il-qassisin biss għandhom jaħarqu l-inċens, għax huma jiġu minn Aron u Alla għamilhom qaddisin. Oħroġ ’il barra mis-santwarju għax m’aġixxejtx b’lealtà. B’hekk mhux se tirċievi glorja mingħand Alla Ġeħova.”
19 Imma Użżija, li kien qed iżomm inċensier biex jaħraq l-inċens, irrabja ħafna. Waqt li kien qed jirrabja mal-qassisin, ħariġlu l-ġdiem fuq moħħu quddiem il-qassisin fid-dar taʼ Ġeħova ħdejn l-artal tal-inċens. 20 Meta l-qassis il-kbir Għażarija u l-qassisin kollha rawh, indunaw li kellu l-ġdiem fuq moħħu. Għalhekk, ħarġuh minn hemm malajr, u hu stess ħareġ jgħaġġel, għaliex Ġeħova kien ikkastigah.
21 Ir-Re Użżija baqaʼ bil-ġdiem sakemm miet. Peress li ma tħalliex jidħol fid-dar taʼ Ġeħova, hu kompla jgħix f’dar oħra. Ibnu Ġotam kien jieħu ħsieb il-palazz u jiġġudika lin-nies tal-pajjiż.
22 Il-bqija tal-istorja kollha t’Użżija kienet miktuba mill-profeta Isaija bin Għamoż. 23 Imbagħad Użżija miet u difnuh maʼ missirijietu fl-għalqa fejn jindifnu r-rejiet, għax qalu: “Hu mġiddem.” U ibnu Ġotam sar re minfloku.
27 Ġotam kellu 25 sena meta sar re, u mexxa 16-il sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Ġerusah bint Sadok. 2 Hu għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova, bħalma kien għamel missieru Użżija, imma hu ma qabadx u daħal fit-tempju taʼ Ġeħova. Madankollu, in-nies kienu għadhom qed jaġixxu b’mod mill-agħar. 3 Hu bena l-bieb taʼ fuq tad-dar taʼ Ġeħova u għamel ħafna xogħol taʼ bini fuq is-swar t’Għofel. 4 Hu bena wkoll bliet fir-reġjun muntanjuż taʼ Ġuda u bena postijiet iffortifikati u torrijiet fil-foresti. 5 Hu ggwerra kontra r-re tal-Għammonin u fl-aħħar rebħilhom. B’hekk, dik is-sena l-Għammonin tawh 100 talent* fidda, 10,000 kor* qamħ, u 10,000 kor xgħir.* Huma ħallsu dan ukoll fit-tieni u fit-tielet sena. 6 Għalhekk, Ġotam baqaʼ jissaħħaħ, għax hu kien determinat li jimxi fit-triqat taʼ* Ġeħova l-Alla tiegħu.
7 Il-bqija tal-istorja taʼ Ġotam, il-gwerer kollha tiegħu, u kulma għamel huma miktubin fil-Ktieb tar-Rejiet t’Iżrael u taʼ Ġuda. 8 Hu kellu 25 sena meta sar re, u mexxa 16-il sena f’Ġerusalemm. 9 Imbagħad Ġotam miet u difnuh fil-Belt taʼ David. U ibnu Aħaż sar re minfloku.
28 Aħaż kellu 20 sena meta sar re, u mexxa 16-il sena f’Ġerusalemm. Hu m’għamilx dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova bħalma għamel l-antenat tiegħu David. 2 Minflok hu aġixxa bħar-rejiet t’Iżrael, u saħansitra għamel statwi tal-Bagħalim mill-metall.* 3 Iktar minn hekk, hu offra d-duħħan tas-sagrifiċċji fil-Wied taʼ Bin Ħinnom* u ħaraq lit-tfal tiegħu, skont il-prattiki moqżieża tal-popli li Ġeħova keċċa minn quddiem l-Iżraelin. 4 Ukoll, hu kompla joffri s-sagrifiċċji u d-duħħan tas-sagrifiċċji fil-postijiet għall-qima, fuq l-għoljiet, u taħt kull siġra b’saħħitha.
5 Għalhekk, Ġeħova l-Alla tiegħu tah f’idejn ir-re tas-Sirja. Is-Sirjani rebħulu u ħadu ħafna nies mill-poplu tiegħu bħala lsiera f’Damasku. Hu ngħata wkoll f’idejn ir-re t’Iżrael, u dan qatel lil ħafna. 6 Fil-fatt, f’jum wieħed Pekaħ bin Remalija qatel 120,000 raġel kuraġġuż f’Ġuda, għax dawn kienu telqu lil Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom. 7 U Żikri, gwerrier minn Efrajm, qatel lil Magħseja bin ir-re, lil Għażrikam li kien jieħu ħsieb il-palazz,* u lil Elkana li kien it-tieni wara r-re. 8 Iktar minn hekk, l-Iżraelin ħadu nisa u tfal bħala lsiera, b’kollox 200,000. Huma ħadulhom ukoll ħafna affarijiet, u ġarrewhom lejn is-Samarija.
9 Imma hemm kien hemm profeta taʼ Ġeħova jismu Għoded. Hu ħareġ quddiem l-armata li kienet sejra lejn is-Samarija u qalilhom: “Kien minħabba li Ġeħova l-Alla taʼ missirijietkom kien irrabjat maʼ Ġuda li tahom f’idejkom. Imma intom tant qtiltuhom bi ħdura li Alla stess innota dan. 10 U issa intom beħsiebkom tagħmlu lin-nies taʼ Ġuda u Ġerusalemm il-qaddejja tagħkom. Imma mhux anki intom ħatjin f’għajnejn Ġeħova l-Alla tagħkom? 11 Issa isimgħu minni u eħilsu lill-ilsiera, għax Ġeħova hu rrabjat ħafna magħkom.”
12 Għal dan Għażarija bin Ġeħoħanan, Berekija bin Mesillemot, Ġeħiżkija bin Sallum, u Għamasa bin Ħadlaj, li kienu kapijiet tal-Efrajmin, iffaċċjaw lil dawk li kienu deħlin mill-gwerra, 13 u qalulhom: “Iddaħħlux lill-ilsiera hawnhekk, inkella nkunu ħatjin f’għajnejn Ġeħova. B’dak li beħsiebkom tagħmlu se żżidu mad-dnubiet u l-ħtija tagħna, għax aħna diġà ħatjin ħafna, u Alla hu rrabjat ħafna m’Iżrael.” 14 Għalhekk, is-suldati armati taw l-ilsiera u l-affarijiet li ħadu lill-kapijiet u l-kongregazzjoni kollha. 15 Imbagħad l-irġiel li ġew inkarigati ħadu lill-ilsiera u taw xi ħwejjeġ minn dak li ħadu lil dawk li kienu għarwenin. Għalhekk, libbsuhom, u tawhom is-sandlijiet, x’jieklu u x’jixorbu, u żejt għall-ġilda. Barra minn hekk, rikkbu lid-dgħajfin fuq il-ħmir u ħaduhom għand ħuthom f’Ġeriko, il-belt tas-siġar tal-palm. Imbagħad reġgħu lura s-Samarija.
16 Dak iż-żmien, ir-Re Aħaż talab lir-rejiet tal-Assirja biex jgħinuh. 17 U għal darb’oħra l-Edomin attakkaw lil Ġuda u ħadu magħhom xi lsiera. 18 Il-Filistin attakkaw ukoll il-bliet tas-Sefela u tan-Negeb li kienu taʼ Ġuda u ħadu taħt idejhom Bet-xemex, Ajjalon, u Gederot. Ħadu wkoll Soko, Timna, u Gimżo u l-bliet li jiddependu minnhom,* u ssetiljaw hemmhekk. 19 Ġeħova umilja lil Ġuda minħabba r-Re Aħaż t’Iżrael, għaliex ħalla n-nies taʼ Ġuda jkunu bla kontroll, u b’hekk għamlu ħafna dnubiet u ma kinux leali lejn Ġeħova.
20 Maż-żmien, ir-Re Tilgat-pilneser tal-Assirja ġie kontrih u ġablu iktar inkwiet minflok għenu. 21 Għax Aħaż ħa kulma kien hemm fid-dar taʼ Ġeħova, fil-palazz tar-re, u fid-djar tal-uffiċjali biex jagħtihom bħala rigal lir-re tal-Assirja, imma dan kien għalxejn. 22 U matul dan iż-żmien taʼ inkwiet, ir-Re Aħaż għamel saħansitra iktar dnubiet u ma kienx leali lejn Ġeħova. 23 Hu beda joffri sagrifiċċji lill-allat taʼ Damasku li kienu rebħulu, u qal: “Peress li l-allat tar-rejiet tas-Sirja qed jgħinuhom, se noffri s-sagrifiċċji lilhom sabiex jgħinuni.” Imma dawn kienu taʼ ħsara għalih u għal Iżrael kollu. 24 Barra minn hekk, Aħaż ġabar l-għodod tad-dar tal-Alla l-veru u kissirhom, għalaq il-bibien tad-dar taʼ Ġeħova, u għamel artali għalih f’kull rokna taʼ Ġerusalemm. 25 U fil-bliet kollha taʼ Ġuda, għamel postijiet għall-qima biex joffri d-duħħan tas-sagrifiċċji lil allat oħrajn, u offenda lil Ġeħova l-Alla taʼ missirijietu.
26 Il-bqija tal-istorja tiegħu u kulma għamel huma miktubin fil-Ktieb tar-Rejiet taʼ Ġuda u t’Iżrael. 27 Imbagħad Aħaż miet u difnuh fil-belt taʼ Ġerusalemm, imma ma ħaduhx fil-postijiet fejn jindifnu r-rejiet t’Iżrael. U ibnu Ħeżekija sar re minfloku.
29 Ħeżekija sar re meta kellu 25 sena, u dam imexxi 29 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Abija bint Żakkarija. 2 Hu għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova, bħalma għamel l-antenat tiegħu David. 3 Fl-ewwel xahar tal-ewwel sena tas-saltna tiegħu, hu fetaħ il-bibien tad-dar taʼ Ġeħova u sewwiehom. 4 Imbagħad ġabar il-qassisin u l-Leviti fil-pjazza lejn il-Lvant. 5 Hu qalilhom: “Isimgħuni Leviti. Issa tqaddsu intom u qaddsu d-dar taʼ Ġeħova l-Alla taʼ missirijietkom, u neħħu dak li mhux nadif mill-post qaddis. 6 Għax missirijietna ma kinux leali u għamlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova l-Alla tagħna. Huma telquh u ma wrewx rispett lejn it-tabernaklu taʼ Ġeħova u tawh daharhom. 7 Huma għalqu wkoll il-bibien tal-intrata u tfew il-lampi. Ma baqgħux jaħarqu l-inċens u joffru s-sagrifiċċji tal-ħruq fil-post qaddis lill-Alla t’Iżrael. 8 Għaldaqstant, Ġeħova rrabja ħafna maʼ Ġuda u Ġerusalemm u ġab ħsara fuqhom, u b’hekk min jarahom u jismaʼ dwarhom jitwerwer, jistagħġeb, u jwaqqagħhom għaċ-ċajt,* bħalma qed taraw b’għajnejkom stess. 9 Missirijietna mietu bix-xabla, u s-subien, il-bniet, u n-nisa tagħna ttieħdu bħala lsiera minħabba dan. 10 Issa x-xewqa taʼ qalbi hi li nagħmel patt maʼ Ġeħova l-Alla t’Iżrael ħalli ma jibqax irrabjat magħna. 11 Poplu tiegħi, issa mhux iż-żmien li nkunu ttraskurati,* għax Ġeħova għażilkom biex tieqfu quddiemu, taqduh,* u toffrulu d-duħħan tas-sagrifiċċji.”
12 Dawn huma l-Leviti li bdew ix-xogħol: Mill-Keħatin, Maħat bin Għamasaj u Ġoel bin Għażarija; mill-Merarin, Kis bin Għabdi u Għażarija bin Ġeħallelel; mill-Gersonin, Ġowaħ bin Żimma u Għeden bin Ġowaħ; 13 minn dawk li jiġu minn Elisafan, Simri u Ġegħuwel; minn dawk li jiġu minn Asaf, Żakkarija u Mattanija; 14 minn dawk li jiġu minn Ħeman, Ġeħijel u Simgħi; u minn dawk li jiġu minn Ġedutun, Semajja u Użżijel. 15 Imbagħad ġabru lil ħuthom flimkien, tqaddsu, u marru jnaddfu d-dar taʼ Ġeħova, skont il-kmand tar-re fi qbil maʼ dak li qal Ġeħova. 16 Il-qassisin imbagħad daħlu fid-dar taʼ Ġeħova biex inaddfu, u kull ħaġa li ma kinitx nadifa fit-tempju taʼ Ġeħova ħarġuha fil-bitħa tad-dar taʼ Ġeħova. Imbagħad il-Leviti ġarrewhom ’il barra lejn il-Wied taʼ Kidron. 17 B’hekk, bdew inaddfu fl-ewwel jum tal-ewwel xahar, u fit-tmienja tax-xahar waslu fl-intrata taʼ Ġeħova. Huma qaddsu d-dar taʼ Ġeħova għal tmint ijiem, u fis-16 tal-ewwel xahar lestew.
18 Imbagħad daħlu għand ir-Re Ħeżekija u qalulu: “Naddafna d-dar taʼ Ġeħova kollha kemm hi, l-artal tal-offerta tal-ħruq u l-għodod kollha tiegħu, u l-mejda tal-ħobż tal-preżenza u l-għodod kollha tagħha. 19 U l-għodod kollha li r-Re Aħaż warrab matul is-saltna tiegħu meta ma kienx leali, ippreparajniehom u qaddisniehom, u issa qegħdin quddiem l-artal taʼ Ġeħova.”
20 U r-Re Ħeżekija qam kmieni u ġabar l-uffiċjali tal-belt flimkien u telgħu lejn id-dar taʼ Ġeħova. 21 Huma ġabu sebaʼ barrin, sebaʼ mtaten, sebat iħrief irġiel, u sebaʼ bdabad bħala offerta għad-dnub ippreżentata għas-saltna, għas-santwarju, u għal Ġuda. Għalhekk hu qal lill-qassisin, li jiġu minn Aron, biex joffruhom fuq l-artal taʼ Ġeħova. 22 Wara qatlu l-barrin, u l-qassisin ħadu d-demm u raxxewh fuq l-artal, imbagħad qatlu l-imtaten u raxxew id-demm fuq l-artal, u qatlu l-ħrief u raxxew id-demm fuq l-artal. 23 Imbagħad ħadu l-bdabad tal-offerta għad-dnub quddiem ir-re u l-kongregazzjoni, u qiegħdu jdejhom fuqhom. 24 Il-qassisin qatluhom u għamlu offerta għad-dnub bid-demm tagħhom fuq l-artal biex jagħmlu tpattija għal Iżrael kollu, għax ir-re qal li l-offerta tal-ħruq u l-offerta għad-dnub kellhom ikunu għal Iżrael kollu.
25 Sadanittant, hu qabbad lil-Leviti jieħdu posthom fid-dar taʼ Ġeħova biċ-ċimbali, bl-istrumenti tal-korda, u bl-arpi, skont il-kmand taʼ David, taʼ Gad il-viżjonarju tiegħu, u taʼ Natan il-profeta, għax il-kmand kien ingħata minn Ġeħova permezz tal-profeti tiegħu. 26 Għalhekk, il-Leviti kienu weqfin bl-istrumenti taʼ David u l-qassisin bit-trumbetti.
27 Imbagħad Ħeżekija kkmanda biex joffru s-sagrifiċċju tal-ħruq fuq l-artal. Meta bdiet l-offerta tal-ħruq, bdew ikantaw lil Ġeħova u jdoqqu l-istrumenti tar-Re David t’Iżrael flimkien mat-trumbetti. 28 U l-kongregazzjoni kollha mielet waqt li kien hemm il-kant u l-ħoss tat-trumbetti. Dan kollu baqaʼ għaddej sakemm lestew l-offerta tal-ħruq. 29 U malli lestew l-offerta, ir-re u dawk kollha li kienu miegħu mielu u nxteħtu fl-art. 30 Ir-Re Ħeżekija u l-uffiċjali issa qalu lil-Leviti biex ifaħħru lil Ġeħova bis-salmi taʼ David u t’Asaf il-viżjonarju. Għalhekk, faħħruh b’ferħ kbir u mielu u nxteħtu fl-art.
31 Imbagħad Ħeżekija qal: “Issa li ntgħażiltu* għal Ġeħova, ejjew u ġibu s-sagrifiċċji u l-offerti taʼ ringrazzjament lejn id-dar taʼ Ġeħova.” Għalhekk, il-kongregazzjoni bdiet tieħu s-sagrifiċċji u l-offerti taʼ ringrazzjament, u kull min xtaq minn qalbu ħa wkoll offerti tal-ħruq. 32 Għall-offerti tal-ħruq lil Ġeħova, il-kongregazzjoni ħadet 70 baqra, 100 muntun, u 200 ħaruf. 33 U għall-offerti qaddisin ħadu 600 baqra u 3,000 nagħġa. 34 Imma ma kienx hemm biżżejjed qassisin biex iqaxxru l-offerti tal-ħruq kollha. Għalhekk, ħuthom il-Leviti għenuhom sakemm tlesta x-xogħol u sakemm il-qassisin l-oħra setgħu jitqaddsu, għax il-Leviti kienu iktar żelużi* biex jitqaddsu milli kienu l-qassisin. 35 Ukoll, kien hemm ħafna offerti tal-ħruq, biċċiet tax-xaħam tas-sagrifiċċji tal-paċi, u offerti tax-xorb għall-offerti tal-ħruq. B’hekk is-servizz tad-dar taʼ Ġeħova reġaʼ beda.* 36 Għalhekk, Ħeżekija u n-nies kollha ferħu minħabba dak kollu li l-Alla l-veru kien għamel għan-nies, għaliex din il-ħaġa seħħet f’daqqa.
30 Ħeżekija bagħat għal Iżrael u Ġuda kollha, u wkoll kiteb xi ittri lil Efrajm u lil Manasse, biex imorru fid-dar taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm ħalli jiċċelebraw il-Qbiż lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael. 2 Madankollu r-re, l-uffiċjali tiegħu, u l-kongregazzjoni kollha f’Ġerusalemm iddeċidew li jiċċelebraw il-Qbiż fit-tieni xahar. 3 Huma ma setgħux jiċċelebrawh fiż-żmien li suppost, għax ma kienx hemm qassisin biżżejjed li tqaddsu u n-nies ma kinux inġabru f’Ġerusalemm. 4 Din il-ħaġa dehret tajba f’għajnejn ir-re u l-kongregazzjoni kollha. 5 Għalhekk, iddeċidew li jagħmlu avviż maʼ Iżrael kollu, minn Bir-xeba sa Dan, biex in-nies imorru u jiċċelebraw il-Qbiż lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael f’Ġerusalemm, għax ma kinux iċċelebrawh bħala grupp skont kif hemm miktub.
6 Imbagħad, bħalma kkmanda r-re, il-messaġġiera* marru mal-pajjiż kollu t’Iżrael u Ġuda bl-ittri mingħand ir-re u l-uffiċjali tiegħu u qalu: “Poplu t’Iżrael, erġgħu lura lejn Ġeħova l-Alla t’Abraham, Iżakk, u Iżrael, biex hu jerġaʼ lura lejn dawk li fadal u li ħarbu mir-rejiet tal-Assirja. 7 Tkunux bħal missirijietkom u bħal ħutkom li ma kinux leali lejn Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom. Minħabba f’hekk Alla ġab diżastru fuqhom, bħalma qed taraw. 8 Twebbsux raskom bħal missirijietkom. Kunu sottomessi lejn Ġeħova u ejjew fis-santwarju tiegħu li hu qaddes għal dejjem u aqdu lil Ġeħova l-Alla tagħkom, biex ma jibqax irrabjat magħkom. 9 Għax meta terġgħu lura lejn Ġeħova, dawk li qabdu lil ħutkom u t-tfal tagħkom juruhom ħniena u jħalluhom jiġu lura lejn din l-art, għax Ġeħova l-Alla tagħkom juri qalb tajba* u ħniena, u mhux se jdawwar wiċċu minnkom jekk terġgħu lura lejh.”
10 Għalhekk, il-messaġġiera* marru minn belt għal belt mal-art kollha t’Efrajm u Manasse, saħansitra sa Żebulun, imma n-nies bdew iwaqqgħuhom għaċ-ċajt u jidħqu bihom. 11 Madankollu, xi nies minn Aser, Manasse, u Żebulun umiljaw ruħhom u marru Ġerusalemm. 12 U l-barka tal-Alla l-veru kienet fuq in-nies taʼ Ġuda u hu għenhom biex flimkien* jagħmlu dak li kkmandawhom ir-re u l-uffiċjali permezz tal-kelma taʼ Ġeħova.
13 U ħafna nies inġabru flimkien f’Ġerusalemm biex jiċċelebraw il-Festa tal-Ħobż bla Ħmira fit-tieni xahar. Kien hemm kongregazzjoni kbira ħafna. 14 Huma neħħew l-artali li kien hemm f’Ġerusalemm u l-artali tal-inċens kollha u tefgħuhom fil-Wied taʼ Kidron. 15 Imbagħad qatlu s-sagrifiċċju tal-Qbiż fl-14 tat-tieni xahar. Il-qassisin u l-Leviti bdew jistħu, u b’hekk tqaddsu u ħadu l-offerti tal-ħruq fid-dar taʼ Ġeħova. 16 Huma marru fil-post tagħhom skont il-Liġi taʼ Mosè l-qaddej tal-Alla l-veru. Imbagħad il-qassisin raxxew id-demm li ħadu mingħand il-Leviti. 17 Kien hemm ħafna fil-kongregazzjoni li ma kinux tqaddsu, u l-Leviti kienu inkarigati biex joqtlu s-sagrifiċċju tal-Qbiż għal dawk kollha li ma kinux nodfa, biex iqaddsuhom lil Ġeħova. 18 Għax ammont kbir taʼ nies, speċjalment minn Efrajm, Manasse, Issakar, u Żebulun, ma kinux tnaddfu, imma xorta kielu l-ikla tal-Qbiż, u b’hekk għamlu l-kontra taʼ dak li hemm miktub. Imma Ħeżekija talab għalihom u qal: “Jalla Ġeħova, li hu tajjeb, jaħfer 19 lil dawk kollha li ppreparaw qalbhom biex ifittxu lill-Alla l-veru Ġeħova, l-Alla taʼ missirijiethom, għalkemm ma kinux nodfa b’mod xieraq għal din iċ-ċelebrazzjoni qaddisa.” 20 U Ġeħova semaʼ minn Ħeżekija u ħafer* lin-nies.
21 Għalhekk, l-Iżraelin li kienu f’Ġerusalemm iċċelebraw il-Festa tal-Ħobż bla Ħmira għal sebat ijiem b’ferħ kbir. Il-Leviti u l-qassisin kienu qed ifaħħru lil Ġeħova minn jum għal jum u jdoqqu b’entużjażmu l-istrumenti tagħhom lil Ġeħova. 22 Iktar minn hekk, Ħeżekija kellem u inkuraġġixxa* lil-Leviti kollha li aġixxew bl-għaqal huma u jaqdu lil Ġeħova. Il-Leviti u n-nies kielu, offrew is-sagrifiċċji tal-paċi, u rringrazzjaw lil Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom matul is-sebat ijiem taʼ festa.
23 Imbagħad il-kongregazzjoni kollha ddeċidiet li tiċċelebraha għal sebat ijiem oħra, u għamlu dan bil-ferħ. 24 Lill-kongregazzjoni, ir-Re Ħeżekija taʼ Ġuda taha 1,000 barri u 7,000 nagħġa, u l-uffiċjali tawha 1,000 barri u 10,000 nagħġa. U ħafna qassisin bdew iqaddsu lilhom infushom. 25 U l-kongregazzjoni kollha taʼ Ġuda, il-qassisin, il-Leviti, il-kongregazzjoni kollha li marret hemm minn Iżrael, u l-barranin li marru hemm mill-art t’Iżrael u li kienu f’Ġuda komplew jifirħu. 26 U kien hemm ferħ kbir f’Ġerusalemm, għax xi ħaġa bħal din kienet ilha ma ssir minn żmien Salamun bin David ir-re t’Iżrael. 27 Fl-aħħar, il-qassisin Leviti qamu u bierku lill-poplu. U Alla sema’ leħinhom, u t-talba tagħhom waslet sal-post qaddis fejn jgħix, is-sema.
31 Malli lestew dan kollu, l-Iżraelin kollha li kienu hemm ħarġu lejn il-bliet taʼ Ġuda. Huma kissru l-pilastri sagri, qaċċtu l-arbli sagri,* u waqqgħu l-postijiet għall-qima u l-artali mill-art kollha taʼ Ġuda u Benjamin, kif ukoll t’Efrajm u Manasse, sakemm qerduhom għalkollox. Wara, l-Iżraelin kollha marru lura fil-bliet fejn kienu jgħixu.
2 Imbagħad Ħeżekija organizza l-qassisin u l-Leviti fil-gruppi tagħhom, biex b’hekk ikunu jistgħu jagħmlu s-servizz li ġew inkarigati. Huma ħarqu l-offerti tal-ħruq u s-sagrifiċċji tal-paċi. Ukoll, huma qdew, irringrazzjaw, u faħħru lil Alla fil-bibien tal-btieħi* taʼ Ġeħova. 3 Ir-re kien jagħti sehem minn ġidu stess għall-offerti tal-ħruq, inkluż l-offerti taʼ filgħodu u taʼ filgħaxija, kif ukoll l-offerti tal-ħruq għas-Sabatijiet, għal kull qamar ġdid, u għall-festi, skont dak li hemm miktub fil-Liġi taʼ Ġeħova.
4 Barra minn hekk, hu kkmanda lin-nies li kienu jgħixu Ġerusalemm biex jagħtu s-sehem li kien imiss lill-qassisin u l-Leviti, sabiex jagħmlu eżatt bħalma tgħid* il-liġi taʼ Ġeħova. 5 Malli ħareġ il-kmand, l-Iżraelin taw ħafna mill-ewwel prodott taċ-ċereali,* tal-inbid ġdid, taż-żejt, tal-għasel, u tal-prodotti kollha tal-għelieqi. Huma ħadu b’abbundanza, għaxra fil-100 taʼ kollox. 6 U l-poplu t’Iżrael u taʼ Ġuda li kienu jgħixu fil-bliet taʼ Ġuda ħadu għaxra fil-100 mill-baqar, min-nagħaġ, u mill-affarijiet qaddisin li ġew iddedikati lil Ġeħova l-Alla tagħhom. Għalhekk, huma ġabru ħafna offerti. 7 Fit-tielet xahar bdew ipoġġu l-offerti li taw in-nies f’post wieħed, u fis-sebaʼ xahar kienu lesti. 8 Meta Ħeżekija u l-uffiċjali raw l-offerti kollha li kienu taw in-nies, faħħru lil Ġeħova u bierku lill-poplu tiegħu Iżrael.
9 Imbagħad Ħeżekija staqsa lill-qassisin u lil-Leviti dwar l-offerti li kienu taw in-nies. 10 U Għażarija l-qassis il-kbir tad-dar taʼ Sadok qallu: “Minn dakinhar li bdew iġibu l-offerti fid-dar taʼ Ġeħova, in-nies kielu u xebgħu u għad fadal ħafna, għax Ġeħova bierek lill-poplu tiegħu.”
11 Għal dan, Ħeżekija qalilhom biex jippreparaw xi mħażen* fid-dar taʼ Ġeħova, u hekk għamlu. 12 Huma baqgħu jagħtu lealment l-offerti, l-għaxra fil-100* tal-affarijiet li kellhom jagħtu, u l-affarijiet qaddisin. Konanija l-Levita ġie inkarigat biex jieħu ħsieb dawn l-affarijiet, u ħuh Simgħi kien it-tieni warajh. 13 Ġeħijel, Għażażija, Naħat, Għasael, Ġerimot, Ġożabad, Eligħel, Ismakija, Maħat, u Benaja kienu uffiċjali li jgħinu lil Konanija u ħuh Simgħi, bil-kmand tar-Re Ħeżekija. U Għażarija kien jieħu ħsieb id-dar tal-Alla l-veru. 14 U Kore bin Imnaħ, il-Levita li kien l-għassies tal-bieb fil-Lvant, kien jieħu ħsieb l-offerti volontarji tal-Alla l-veru, u kien iqassam il-kontribuzzjoni li tingħata lil Ġeħova u l-affarijiet l-iktar qaddisin. 15 U taħt id-direzzjoni tiegħu fil-bliet tal-qassisin kien hemm Għeden, Minjamin, Ġeswa, Semajja, Amarija, u Sekanija fix-xogħol li ġew fdati jagħmlu, jiġifieri li jagħtu l-istess kontribuzzjoni lil ħuthom il-qassisin li kienu fi gruppi, kemm lill-kbir u kemm liż-żgħir. 16 Barra minn hekk, taw dawn l-affarijiet ukoll lill-irġiel li kienu rreġistrati fil-linja ġenealoġika, jiġifieri lil dawk li kienu jmorru kuljum fid-dar taʼ Ġeħova biex jaqdu u jagħmlu x-xogħol tal-grupp tagħhom u t-tfal tagħhom minn tliet snin ’il fuq.
17 Ir-reġistrazzjoni tal-linja ġenealoġika tal-qassisin kienet skont dar missirijiethom, bħalma kienet dik tal-Leviti minn 20 sena ’l fuq, skont ix-xogħol tal-grupp tagħhom. 18 Ir-reġistrazzjoni tal-linja ġenealoġika kienet tinkludi lin-nisa, it-tfal, u l-membri tal-familja kollha tagħhom, għaliex huma baqgħu nodfa minħabba li kienu fdati biex jagħmlu xogħol qaddis. 19 Ir-reġistrazzjoni tal-linja ġenealoġika kienet tinkludi wkoll lil dawk li jiġu minn Aron, jiġifieri l-qassisin li kienu jgħixu fl-għelieqi tal-art taʼ madwar il-bliet fejn jirgħaw l-annimali. F’dawn il-bliet kollha, xi rġiel ġew magħżulin u ngħataw ir-responsabbiltà li jqassmu l-ikel lill-qassisin u lil dawk irreġistrati fil-linja ġenealoġika tal-Leviti.
20 Ħeżekija għamel hekk f’Ġuda kollu, u baqaʼ jagħmel dak li hu tajjeb u sewwa f’għajnejn Ġeħova l-Alla tiegħu u kien leali lejh. 21 Kull xogħol li għamel biex ifittex lill-Alla tiegħu, kemm jekk kellu x’jaqsam mas-servizz tad-dar tal-Alla l-veru u kemm jekk mal-Liġi u l-kmandamenti, għamlu b’qalbu kollha, u rnexxa.
32 Wara li Ħeżekija għamel dawn l-affarijiet b’lealtà, ir-Re Sennakerib tal-Assirja telaʼ kontra Ġuda. Hu assedja l-bliet iffortifikati bil-ħsieb li jiħodhom taħt idejh.
2 Meta Ħeżekija ra li Sennakerib ġie bil-ħsieb li jiggwerra kontra Ġerusalemm, 3 hu ħa parir mingħand l-uffiċjali u l-gwerriera tiegħu u ddeċieda li jwaqqaf l-ilmijiet tal-għejun taʼ barra l-belt, u huma appoġġawh. 4 Għalhekk, inġabru ħafna nies, u waqqfu l-għejun kollha u l-wied li jgħaddi minn nofs l-art, u qalu: “Għala għandhom ir-rejiet tal-Assirja jiġu u jsibu ħafna ilma?”
5 Barra minn hekk, hu kompla jaħdem b’determinazzjoni u reġaʼ bena s-sur kollu li kien waqaʼ u tellaʼ torrijiet fuqu, u fuq barra tellaʼ sur ieħor. Hu sewwa wkoll l-Għolja* tal-Belt taʼ David, u għamel ħafna armi u tarki. 6 Imbagħad inkariga kapijiet tal-battalja fuq in-nies, ġabarhom fil-pjazza taʼ bieb il-belt, u inkuraġġiehom* billi qal: 7 “Kunu kuraġġużi u sodi. Tibżgħux u titwerwrux minħabba r-re tal-Assirja u l-ħafna nies li hemm miegħu, għax hemm iktar magħna milli miegħu. 8 Hu għandu s-saħħa tal-bnedmin,* imma aħna għandna lil Ġeħova l-Alla tagħna biex jgħinna u jiġġieled il-battalji tagħna.” U n-nies ġew inkuraġġiti b’dak li qalilhom ir-Re Ħeżekija taʼ Ġuda.
9 Wara dan, waqt li kien Lakis mas-suldati tiegħu, ir-Re Sennakerib tal-Assirja bagħat il-qaddejja tiegħu Ġerusalemm għand ir-Re Ħeżekija taʼ Ġuda u n-nies kollha taʼ Ġuda li kienu Ġerusalemm, u qalulhom:
10 “Hekk jgħid ir-Re Sennakerib tal-Assirja, ‘Fiex qed tafdaw biex bqajtu f’Ġerusalemm waqt li hi assedjata? 11 Ħeżekija qed iqarraq bikom u ħa jħallikom tmutu bil-ġuħ u bl-għatx, billi jgħidilkom: “Żgur li Ġeħova se jeħlisna minn idejn ir-re tal-Assirja.” 12 Hu stess neħħa l-postijiet għall-qima u l-artali tal-Alla tagħkom* u mbagħad qal lil Ġuda u lil Ġerusalemm: “Għandkom tmilu quddiem artal wieħed u toffru d-duħħan tas-sagrifiċċji fuqu.” 13 Ma tafux x’għamilnielhom jien u missirijieti lin-nies tal-pajjiżi kollha? Setgħu l-allat tal-popli jeħilsu lil pajjiżhom minn idi? 14 Missirijieti qerdu ħafna popli u ħadd minn allathom ma setaʼ jeħles lill-poplu tiegħu minn idi. Allura għala taħsbu li l-Alla tagħkom jistaʼ jeħliskom minni? 15 Tħallux lil Ħeżekija jqarraq jew jidħaq bikom b’dan il-mod! Tafdawx fih, għax ebda alla taʼ xi poplu jew saltna ma setaʼ jeħles lill-poplu tiegħu minn idi u minn id missirijieti. Aħseb u ara kemm se jeħliskom minni l-Alla tagħkom!’”
16 Il-qaddejja tiegħu komplew jitkellmu kontra Ġeħova l-Alla l-veru u kontra Ħeżekija l-qaddej tiegħu. 17 Sa ittri kiteb biex imaqdar lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael u biex jitkellem kontrih, u qal: “Bħalma l-allat tal-popli l-oħra ma ħelsux lill-poplu tagħhom minn idi, l-Alla taʼ Ħeżekija mhux se jeħles lill-poplu tiegħu minni.” 18 Huma baqgħu jgħajtu bil-lingwa tal-Lhud lin-nies taʼ Ġerusalemm li kienu fuq is-sur, ħalli jbeżżgħuhom u jwerwruhom, u jieħdu l-belt taħt idejhom. 19 Huma tkellmu kontra l-Alla taʼ Ġerusalemm bħalma tkellmu kontra l-allat tal-popli tal-art, li jagħmluhom il-bnedmin. 20 Imma r-Re Ħeżekija u l-profeta Isaija bin Għamoż baqgħu jitolbu dwar dan u jgħajtu lil Alla għall-għajnuna.
21 Imbagħad, Ġeħova bagħat anġlu u qered lil kull gwerrier b’saħħtu, mexxej, u kap fil-kampijiet tar-re tal-Assirja, u b’hekk dan mar lura lejn pajjiżu umiljat. Iktar tard daħal fit-tempju tal-alla tiegħu u wħud mit-tfal tiegħu qatluh bix-xabla. 22 B’hekk, Ġeħova salva lil Ħeżekija u lin-nies taʼ Ġerusalemm minn id ir-Re Sennakerib tal-Assirja u l-għedewwa l-oħrajn kollha u tahom il-mistrieħ minnhom. 23 U ħafna ħadu rigali lil Ġeħova f’Ġerusalemm u affarijiet mill-aqwa lir-Re Ħeżekija taʼ Ġuda, u wara dan kien irrispettat ħafna mill-popli kollha.
24 Dak iż-żmien Ħeżekija marad u kien wasal biex imut. Hu talab lil Ġeħova, li wieġbu u tah sinjal.* 25 Imma Ħeżekija ma weriex apprezzament għall-ġid li sarlu, għax tkabbar. B’hekk, Alla rrabja miegħu u maʼ Ġuda u Ġerusalemm. 26 Madankollu, Ħeżekija umilja ruħu u ma baqax kburi. Anki n-nies taʼ Ġerusalemm hekk għamlu, u Ġeħova ma kkastigahomx fi żmien Ħeżekija.
27 U Ħeżekija kellu ħafna ġid u glorja. Hu għamel imħażen għall-fidda, id-deheb, il-ħaġar prezzjuż, iż-żejt tal-balzmu, it-tarki, u l-affarijiet prezzjużi kollha. 28 Għamel ukoll imħażen għaċ-ċereali* u għall-inbid u ż-żejt ġdid, kif ukoll stalel għall-annimali kollha li kienu jrabbu u għall-imrieħel. 29 Hu bena bliet għalih, u kiseb ammont kbir taʼ mrieħel taʼ nagħaġ u baqar, għax Alla tah ħafna u ħafna ġid. 30 Kien Ħeżekija li waqqaf l-għajn tal-ilma taʼ Giħon u għaddieh ’l isfel lejn il-Punent, lejn il-Belt taʼ David. Ħeżekija rnexxa f’kulma għamel. 31 Madankollu, meta l-kelliema tal-uffiċjali taʼ Babilonja ntbagħtu għandu biex jistaqsuh dwar is-sinjal* li kien ġara fil-pajjiż, l-Alla l-veru ħallieh jiddeċiedi waħdu x’jagħmel biex isir jaf kulma għandu f’qalbu.
32 Il-bqija tal-istorja taʼ Ħeżekija u kulma għamel bi mħabba u lealtà* huma miktubin fil-viżjoni tal-profeta Isaija bin Għamoż fil-Ktieb tar-Rejiet taʼ Ġuda u t’Iżrael. 33 Imbagħad Ħeżekija miet u difnuh fit-telgħa lejn il-postijiet tad-dfin taʼ dawk li jiġu minn David.* In-nies kollha taʼ Ġuda u Ġerusalemm onorawh f’mewtu. U ibnu Manasse sar re minfloku.
33 Manasse kellu 12-il sena meta sar re, u mexxa 55 sena f’Ġerusalemm.
2 Hu għamel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova billi għamel il-prattiki moqżieża tal-popli li Ġeħova kien keċċa minn quddiem l-Iżraelin. 3 Hu reġaʼ bena l-postijiet għall-qima li kien kisser missieru Ħeżekija, għamel artali lill-Bagħalim, għamel arbli sagri,* u miel quddiem l-istilel u qdiehom. 4 Ukoll, hu bena artali fid-dar taʼ Ġeħova, li dwarha Ġeħova kien qal: “Ismi se jkun f’Ġerusalemm għal dejjem.” 5 U bena artali għall-armata kollha tas-sema f’żewġ btieħi tad-dar taʼ Ġeħova. 6 Hu ħaraq lit-tfal tiegħu stess fin-nar* fil-Wied taʼ Bin Ħinnom, ipprattika l-maġija, ipprattika t-teħbir, u inkariga medji tal-ispirti u nies li jbassru l-futur. Għamel kemm felaħ dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova biex joffendih.
7 Hu qiegħed l-istatwa skolpita li kien għamel fid-dar tal-Alla l-veru, li dwarha Alla kien qal lil David u lil ibnu Salamun: “Se nqiegħed ismi għal dejjem f’din id-dar u f’Ġerusalemm, li jien għażilt mit-tribujiet kollha t’Iżrael. 8 Jien qatt ma nerġaʼ nġiegħel lill-Iżraelin joħorġu mill-art li tajt lil missirijiethom, dment li joqogħdu attenti li jobdu kulma kkmandajthom fil-Liġi, jiġifieri r-regoli u d-deċiżjonijiet ġudizzjali li ngħataw permezz taʼ Mosè.” 9 Manasse baqaʼ jiżvija lin-nies taʼ Ġuda u Ġerusalemm, u b’hekk għamlu agħar mill-popli li Ġeħova kien qered għalkollox minn quddiemhom.
10 Ġeħova baqaʼ jkellem lil Manasse u lill-poplu tiegħu, imma ma tawx kas. 11 Għalhekk, Ġeħova bagħat kontrihom il-kapijiet tal-armata tar-re tal-Assirja, u qabdu lil Manasse bil-ganċijiet,* rabtuh b’żewġ ktajjen tar-ram, u ħaduh Babilonja. 12 Meta kien imdejjaq, hu talab bil-ħniena lil Ġeħova l-Alla tiegħu għall-għajnuna u baqaʼ jumilja ruħu ħafna quddiem l-Alla taʼ missirijietu. 13 Hu baqaʼ jitolbu, u Alla tqanqal minn dan it-talb u semgħu. Hu ħadu lura Ġerusalemm lejn saltnatu. Imbagħad Manasse sar jaf li Ġeħova hu l-Alla l-veru.
14 Wara dan bena sur għoli ħafna għall-Belt taʼ David fuq in-naħa taʼ barra lejn il-Punent taʼ Giħon li hi fil-wied. Hu bnieh sa Bieb il-Ħut u minn hemm is-sur kien idur mal-belt u jasal sa Għofel. Barra minn hekk, inkariga kapijiet tal-armata fil-bliet iffortifikati kollha f’Ġuda. 15 Imbagħad neħħa l-allat barranin, l-istatwa tal-idolu mid-dar taʼ Ġeħova, u l-artali kollha li kien bena fuq il-muntanja tad-dar taʼ Ġeħova u f’Ġerusalemm, u ġegħelhom jarmuhom barra l-belt. 16 Ukoll, ipprepara l-artal taʼ Ġeħova u beda joffri fuqu sagrifiċċji tal-paċi u sagrifiċċji taʼ ringrazzjament. Hu qal lil Ġuda biex jaqdi lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael. 17 Minkejja dan, għalkemm in-nies kienu qed joffru sagrifiċċji biss lil Ġeħova l-Alla tagħhom, kienu qed jagħmlu dan fil-postijiet li kienu jintużaw għall-qima falza.
18 Il-bqija tal-istorja taʼ Manasse, it-talba li għamel lill-Alla tiegħu, u dak li qalulu l-profeti* f’isem Ġeħova l-Alla t’Iżrael qegħdin fl-istorja tar-rejiet t’Iżrael. 19 Fil-kliem tal-irġiel tiegħu li jaraw il-viżjonijiet hemm miktub ukoll it-talba bil-ħniena tiegħu u l-mod kif twieġbet, id-dnubiet kollha u n-nuqqas taʼ lealtà tiegħu, fejn bena l-postijiet għall-qima, u fejn poġġa l-arbli sagri* u l-istatwi minquxin qabel m’umilja ruħu. 20 Imbagħad Manasse miet u difnuh viċin daru. Ibnu Amon sar re minfloku.
21 Amon kellu 22 sena meta sar re, u dam imexxi sentejn f’Ġerusalemm. 22 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, bħalma kien għamel missieru Manasse. Amon offra s-sagrifiċċji lill-istatwi minquxin kollha li kien għamel missieru u kompla jaqdihom. 23 Imma hu m’umiljax ruħu quddiem Ġeħova bħalma kien umilja ruħu missieru Manasse. Minflok, kompla jagħmel iktar dnubiet. 24 Fl-aħħar, il-qaddejja tiegħu kkonfoffaw kontrih u qatluh f’daru stess. 25 Imma n-nies tal-pajjiż qatlu lil dawk kollha li kienu kkonfoffaw kontra r-Re Amon u għamlu lil ibnu Ġosija re minfloku.
34 Ġosija kellu tmien snin meta sar re, u mexxa 31 sena f’Ġerusalemm. 2 Hu għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova, aġixxa bħall-antenat tiegħu David, u baqaʼ jobdi għalkollox il-kmandi t’Alla.
3 Fit-tmien sena tat-tmexxija tiegħu, meta kien għadu tifel, beda jfittex lill-Alla tal-antenat tiegħu David. U fit-12-il sena beda jnaddaf lil Ġuda u lil Ġerusalemm mill-postijiet għall-qima, l-arbli sagri,* l-istatwi minquxin, u l-istatwi tal-metall.* 4 Barra minn hekk, kissru quddiemu l-artali tal-Bagħalim, u hu qaċċat l-artali tal-inċens li kienu ’l fuq minnhom. Kisser ukoll l-arbli sagri,* l-istatwi minquxin, u l-istatwi tal-metall.* Hu għamilhom trab u ferrxu fuq l-oqbra taʼ dawk li kienu joffrulhom is-sagrifiċċji. 5 U ħaraq l-għadam tal-qassisin fuq l-artali li kienu jużaw. B’hekk naddaf lil Ġuda u lil Ġerusalemm.
6 Fil-bliet taʼ Manasse, Efrajm, Simegħon, fl-art taʼ Naftali, u fil-postijiet meqrudin taʼ madwarhom, 7 hu kisser l-artali, l-arbli sagri,* u l-istatwi minquxin sakemm għamilhom trab. Hu qaċċat l-artali tal-inċens kollha fl-art kollha t’Iżrael, u mbagħad mar lura Ġerusalemm.
8 Fit-18-il sena tat-tmexxija tiegħu, meta kien naddaf il-pajjiż u t-tempju,* hu bagħat lil Safan bin Asalija, lil Magħseja l-kap tal-belt, u lil Ġowaħ bin Ġowaħaż ir-reġistratur biex isewwu d-dar taʼ Ġeħova l-Alla tiegħu. 9 Dawn marru għand Ħilkija l-qassis il-kbir u tawh il-flus li kienu nġiebu fid-dar t’Alla, li l-Leviti li kienu għassiesa tal-bibien ġabru minn Manasse, Efrajm, u l-bqija t’Iżrael, kif ukoll Ġuda, Benjamin, u n-nies taʼ Ġerusalemm. 10 Imbagħad tawhom lil dawk li jieħdu ħsieb ix-xogħol fid-dar taʼ Ġeħova, u l-ħaddiema fid-dar taʼ Ġeħova użawhom biex jirranġaw id-dar. 11 Huma tawhom lin-nies tas-sengħa u lill-bennejja biex jixtru l-ġebel maqtugħ bl-għodda u l-injam għas-sapport u biex isewwu l-bini li r-rejiet taʼ Ġuda ħallewh jiġi rrovinat.
12 U l-irġiel għamlu x-xogħol b’lealtà. Inkarigati fuqhom biex jieħdu ħsieb ix-xogħol kien hemm dawn il-Leviti: Ġaħat u Għobadija mill-Merarin u Żakkarija u Mesullam mill-Keħatin. U l-Leviti, li kienu kollha mużiċisti tas-sengħa, 13 kienu fuq il-ħaddiema normali* u fuq dawk kollha li kienu qed jaħdmu f’kull tip taʼ servizz. U xi Leviti kienu segretarji, uffiċjali, u għassiesa tal-bibien.
14 Waqt li kienu qed joħorġu l-flus li nġiebu fid-dar taʼ Ġeħova, Ħilkija l-qassis sab il-ktieb tal-Liġi taʼ Ġeħova li ngħata permezz taʼ Mosè. 15 Għalhekk, Ħilkija qal lil Safan is-segretarju: “Sibt il-ktieb tal-Liġi fid-dar taʼ Ġeħova.” U Ħilkija ta l-ktieb lil Safan. 16 Imbagħad Safan ħa l-ktieb għand ir-re u qallu: “Il-qaddejja tiegħek qed jagħmlu kulma ġew inkarigati. 17 Huma battlu l-flus li nstabu fid-dar taʼ Ġeħova, u tawhom lil dawk li qed jieħdu ħsieb ix-xogħol u lill-ħaddiema.” 18 Safan is-segretarju qallu wkoll: “Ħilkija l-qassis tani ktieb.” Imbagħad Safan beda jaqra minnu quddiem ir-re.
19 Malli r-re semaʼ l-kliem tal-Liġi, hu ċarrat ħwejġu. 20 Imbagħad ir-re kkmanda lil Ħilkija, Aħikam bin Safan, Għabdon bin Mikea, Safan is-segretarju, u Għasaja l-qaddej tiegħu, u qalilhom: 21 “Morru staqsu lil Ġeħova għalija u għal dawk li fadal f’Iżrael u f’Ġuda dwar xi jfisser għalina l-kliem tal-ktieb li nstab, għax Ġeħova se jirrabja ħafna magħna minħabba li missirijietna m’obdewx dak li qal Ġeħova u m’għamlux dak li hemm miktub f’dan il-ktieb.”
22 Għalhekk, Ħilkija u dawk li bagħat ir-re marru għand il-profetessa Ħulda u kellmuha. Hi kienet mart Sallum, bin Tikwa u n-neputi taʼ Ħarħas, li kien jieħu ħsieb il-kamra tal-ħwejjeġ. Hi kienet toqgħod fit-Tieni Distrett taʼ Ġerusalemm. 23 Ħulda qaltilhom: “Hekk jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael, ‘Għidu lir-raġel li bagħatkom għandi: 24 “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Se nġib ħsara fuq dan il-post u fuq in-nies tiegħu, jiġifieri s-saħtiet kollha li huma miktubin fil-ktieb li nqraw quddiem ir-re taʼ Ġuda. 25 Talli telquni u qed jagħmlu d-duħħan tas-sagrifiċċji lil allat oħrajn sabiex joffenduni b’dak kollu li jagħmlu, ir-rabja tiegħi se ssir bħal nar kontra dan il-post u mhix se tintefa.’” 26 Imma dan għandkom tgħidu lir-re taʼ Ġuda li bagħatkom tistaqsu x’inhi l-gwida taʼ Ġeħova, “Hekk jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael rigward il-kliem li smajt: 27 ‘Talli qalbek tqanqlet* u umiljajt ruħek quddiemi meta smajt dak li jien għedt dwar dan il-post u n-nies tiegħu, u umiljajt ruħek quddiemi, ċarratt ħwejġek, u bkejt quddiemi, jien ukoll smajtek, jgħid Ġeħova. 28 Għalhekk, se niġbrok mal-antenati tiegħek* u tindifen fil-paċi, u għajnejk ma jarawx il-ħsara kollha li se nġib fuq dan il-post u n-nies tiegħu.’”’”
Imbagħad huma wasslu r-risposta lir-re. 29 Għalhekk, ir-re bagħat għall-anzjani* kollha taʼ Ġuda u Ġerusalemm, u marru għandu. 30 Wara, ir-re telaʼ lejn id-dar taʼ Ġeħova mal-irġiel kollha taʼ Ġuda, in-nies taʼ Ġerusalemm, il-qassisin, u l-Leviti, jiġifieri man-nies kollha, miż-żgħir sal-kbir. Hu qralhom il-kliem kollu tal-ktieb tal-patt li kien instab fid-dar taʼ Ġeħova. 31 Ir-re qagħad quddiemhom u għamel* dan il-patt quddiem Ġeħova: li kien se jimxi wara Ġeħova u jobdi l-kmandamenti, it-tfakkiriet, u r-regoli tiegħu b’qalbu u b’ruħu* kollha. Hu wiegħed li jagħmel dan billi jgħix skont dak kollu li hemm miktub fil-ktieb tal-patt. 32 Barra minn hekk, hu inkuraġġixxa lil dawk kollha li kienu f’Ġerusalemm u f’Benjamin biex jgħixu fi qbil maʼ dan. U n-nies taʼ Ġerusalemm għamlu skont il-patt t’Alla, l-Alla taʼ missirijiethom. 33 Imbagħad Ġosija neħħa l-affarijiet moqżieża* kollha mill-artijiet kollha tal-Iżraelin, u inkuraġġixxa lil dawk kollha f’Iżrael biex jaqdu lil Ġeħova l-Alla tagħhom. Sakemm dam ħaj baqgħu jsegwu lil Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom.
35 Ġosija ċċelebra l-Qbiż lil Ġeħova f’Ġerusalemm, u huma qatlu s-sagrifiċċju tal-Qbiż fl-14 tal-ewwel xahar. 2 Hu inkariga lill-qassisin bix-xogħol li kellhom jagħmlu u inkuraġġiehom jagħmlu s-servizz tagħhom fid-dar taʼ Ġeħova. 3 Imbagħad qal lil-Leviti, dawk li kienu jgħallmu lil Iżrael kollu u li kienu qaddisin għal Ġeħova: “Poġġu l-Arka qaddisa fid-dar li bena Salamun bin David ir-re t’Iżrael. M’għandkomx iġġorruha iktar fuq spallejkom. Issa aqdu lil Ġeħova l-Alla tagħkom u lill-poplu tiegħu Iżrael. 4 Ippreparaw għas-servizz skont il-familji tagħkom min-naħa tal-missier u l-gruppi tagħkom, billi tagħmlu skont dak li kiteb ir-Re David t’Iżrael u ibnu Salamun. 5 Oqogħdu fil-post qaddis fi gruppi skont il-familji taʼ ħutkom min-naħa tal-missier, il-bqija tal-poplu.* Għal kull wieħed minnhom għandu jkun hemm grupp tal-familja tal-Leviti min-naħa tal-missier. 6 Oqtlu s-sagrifiċċju tal-Qbiż, tqaddsu, u lestu l-affarijiet għal ħutkom biex jagħmlu skont dak li Ġeħova qal permezz taʼ Mosè.”
7 Ġosija ta lill-poplu 30,000 ħaruf u gidi għas-sagrifiċċji tal-Qbiż għal dawk kollha li kienu hemm. Ta wkoll 3,000 baqra. Dawn kienu mill-ġid tar-re. 8 Anki l-uffiċjali tiegħu taw offerta volontarja lill-poplu, il-qassisin, u l-Leviti. Ħilkija, Żakkarija, u Ġeħijel, il-mexxejja tad-dar tal-Alla l-veru, taw lill-qassisin 2,600 ħaruf u gidi għas-sagrifiċċju tal-Qbiż u 300 baqra. 9 Konanija u ħutu Semajja u Netanel, flimkien maʼ Ħasabija, Ġegħijel, u Ġożabad, il-kapijiet tal-Leviti, taw 5,000 ħaruf u gidi għas-sagrifiċċju tal-Qbiż u 500 baqra lil-Leviti.
10 Meta ġew ippreparati l-affarijiet għall-festa, il-qassisin qagħdu fil-postijiet tagħhom u l-Leviti qagħdu skont it-taqsimiet tagħhom bħalma kien ikkmanda r-re. 11 Huma qatlu s-sagrifiċċji tal-Qbiż, u l-qassisin raxxew id-demm li ħadu mingħandhom, waqt li l-Leviti kienu qed iqaxxru l-annimali. 12 Wara, ippreparaw l-offerti tal-ħruq sabiex jagħtuhom lill-bqija tan-nies, li kienu fi gruppi skont dar il-missirijiet, biex b’hekk jippreżentawhom lil Ġeħova bħalma hemm miktub fil-ktieb taʼ Mosè. U għamlu l-istess bil-baqar. 13 Huma sajru* l-offerta tal-Qbiż fuq in-nar skont id-drawwa. Huma sajru l-offerti qaddisin fil-borom, fil-kaldaruni, u fit-taġnijiet. Imbagħad ħaduhom malajr għand il-bqija tal-poplu. 14 Wara dan, ippreparaw l-ikla għalihom u għall-qassisin, għaliex il-qassisin, li jiġu minn Aron, kienu qed joffru s-sagrifiċċji tal-ħruq u l-biċċiet tax-xaħam sa ma dalam. Għalhekk il-Leviti ppreparaw l-ikla għalihom u għall-qassisin, li jiġu minn Aron.
15 U l-kantanti, it-tfal t’Asaf, kienu fuq xogħolhom bħalma kkmandaw David, Asaf, Ħeman, u Ġedutun il-profeta* tar-re. L-għassiesa kienu għassa mal-bibien kollha. Ma kellhomx bżonn jitilqu mis-servizz tagħhom, għax ħuthom il-Leviti ppreparawlhom l-ikla. 16 B’hekk dakinhar, is-servizz kollu taʼ Ġeħova ġie ppreparat biex jiġi ċċelebrat il-Qbiż u biex isiru l-offerti tal-ħruq fuq l-artal taʼ Ġeħova, skont il-kmand tar-Re Ġosija.
17 Dak iż-żmien, l-Iżraelin li kienu hemm iċċelebraw il-Qbiż u l-Festa tal-Ħobż bla Ħmira għal sebat ijiem. 18 Kien ilu ma jiġi ċċelebrat Qbiż bħalu f’Iżrael sa minn żmien il-profeta Samwel. U l-ebda re ieħor t’Iżrael ma kien iċċelebra Qbiż bħal dak li ċċelebraw Ġosija, il-qassisin, il-Leviti, in-nies kollha taʼ Ġuda u Iżrael li kienu hemm, u n-nies taʼ Ġerusalemm. 19 Dan il-Qbiż ġie ċċelebrat fit-18-il sena tat-tmexxija taʼ Ġosija.
20 Wara dan kollu, meta Ġosija kien irranġa t-tempju,* ir-Re Neko tal-Eġittu telaʼ biex jiġġieled f’Karkemis ħdejn l-Ewfrat. Imbagħad Ġosija ħareġ għal kontrih. 21 Għalhekk, Neko bagħatlu messaġġiera biex jgħidlu: “Għala ħriġt kontrija re taʼ Ġuda? Jien mhux kontrik ġej illum, imma ġejt niġġieled kontra poplu ieħor, u Alla qal li għandi nħaffef. Ikun aħjar għalik li ma tiħodhiex kontra Alla, li qiegħed miegħi, inkella jeqirdek.” 22 Madankollu Ġosija ma telaqx, imma biddel ħwejġu biex ma jintgħarafx ħalli jiġġieled kontrih. Hu ma tax kas kliem Neko, li kien ġej minn Alla. Għalhekk, mar jiġġieled fil-Pjanura taʼ Megiddo.
23 U l-arċiera sparaw lir-Re Ġosija, u b’hekk qal lill-qaddejja tiegħu: “Ħuduni minn hawn, għax ġejt imweġġaʼ serjament.” 24 Għalhekk il-qaddejja tiegħu niżżluh mill-karru, rikkbuh fit-tieni karru tal-gwerra tiegħu, u ħaduh Ġerusalemm. B’hekk, hu miet u ndifen fil-qabar taʼ missirijietu, u Ġuda u Ġerusalemm kollha kienu mdejqin minħabba f’hekk. 25 U Ġeremija kanta għanja taʼ swied il-qalb dwar Ġosija, u l-kantanti rġiel u nisa kollha baqgħu jkantaw dwar Ġosija fl-għanjiet taʼ swied il-qalb tagħhom sal-lum. U dawn l-għanjiet saru drawwa f’Iżrael, u huma miktubin fil-ktieb tal-għanjiet taʼ swied il-qalb.
26 Il-bqija tal-istorja taʼ Ġosija, l-imħabba u l-lealtà* li wera biex jobdi l-Liġi taʼ Ġeħova, 27 u dak kollu li għamel huma miktubin fil-Ktieb tar-Rejiet t’Iżrael u taʼ Ġuda.
36 Imbagħad in-nies tal-pajjiż għamlu lil Ġeħogħaħaż re minflok missieru Ġosija f’Ġerusalemm. 2 Ġeħogħaħaż kellu 23 sena meta sar re, u mexxa tliet xhur f’Ġerusalemm. 3 Madankollu, ir-re tal-Eġittu neħħieh mill-pożizzjoni tiegħu f’Ġerusalemm, u lin-nies tal-pajjiż tahom multa taʼ talent* deheb u 100 talent fidda. 4 Barra minn hekk, ir-Re Neko tal-Eġittu għamel lil ħu Ġeħogħaħaż, Eljakim, re fuq Ġuda u Ġerusalemm u biddillu ismu għal Ġeħojakim. Imma lil Ġeħogħaħaż ħadu l-Eġittu.
5 Ġeħojakim kellu 25 sena meta sar re, u mexxa 11-il sena f’Ġerusalemm. Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova l-Alla tiegħu. 6 Ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja telaʼ kontrih biex jorbtu b’żewġ ktajjen tar-ram u jieħdu Babilonja. 7 U Nebukadnessar ħa ftit mill-għodod tad-dar taʼ Ġeħova u qegħedhom fil-palazz tiegħu f’Babilonja. 8 Il-bqija tal-istorja taʼ Ġeħojakim, l-affarijiet moqżieża li għamel, u l-affarijiet ħżiena kollha dwaru huma miktubin fil-Ktieb tar-Rejiet t’Iżrael u taʼ Ġuda. U ibnu Ġeħojakin sar re minfloku.
9 Ġeħojakin kellu 18-il sena meta sar re, u mexxa tliet xhur u għaxart ijiem f’Ġerusalemm. Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova. 10 Fil-bidu tas-sena,* ir-Re Nebukadnessar bagħat xi rġiel biex jieħdu lil Ġeħojakin f’Babilonja, flimkien mal-oġġetti taʼ valur tad-dar taʼ Ġeħova. U bħala re fuq Ġuda u Ġerusalemm, hu għamel lil Sedekija ħu missier Ġeħojakin.
11 Sedekija kellu 21 sena meta sar re, u mexxa 11-il sena f’Ġerusalemm. 12 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova l-Alla tiegħu. M’umiljax ruħu meta Ġeħova wissieh permezz tal-profeta Ġeremija. 13 Ukoll, hu rribella kontra r-Re Nebukadnessar, li kien ġiegħlu jaħlef b’Alla li se jappoġġah. Hu baqaʼ jwebbes rasu* u ma riedx jobdi lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael. 14 Il-kapijiet kollha tal-qassisin u n-nies ma kinux leali billi għamlu l-affarijiet moqżieża kollha tal-popli u niġġsu d-dar taʼ Ġeħova li hu kien qaddes f’Ġerusalemm.
15 Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom baqaʼ jwissihom permezz tal-messaġġiera tiegħu. Hu wissiehom darba wara l-oħra, għaliex ħass għall-poplu tiegħu u ma riedx li t-tempju tiegħu jinqered. 16 Imma huma baqgħu jwaqqgħu għaċ-ċajt lill-messaġġiera tal-Alla l-veru, jobogħdu dak li qalilhom, u jiżżuffjettaw bil-profeti tiegħu sakemm ma kienx hemm tama li jsalvaw. U Ġeħova kien irrabjat magħhom.
17 Għalhekk, bagħat kontrihom lir-re tal-Kaldin u dan qatel liż-żgħażagħ tagħhom bix-xabla fid-dar tas-santwarju tagħhom. Hu ma ħassx għaż-żagħżugħ jew għaż-żagħżugħa, għax-xiħ jew għall-marid. Alla tah kollox f’idejh. 18 Hu ġarr lejn Babilonja l-għodod kbar u żgħar kollha tad-dar tal-Alla l-veru, it-teżori tad-dar taʼ Ġeħova, u t-teżori tar-re u l-uffiċjali tiegħu. 19 Hu ħaraq id-dar tal-Alla l-veru, waqqaʼ s-sur taʼ Ġerusalemm, ħaraq it-torrijiet iffortifikati kollha tagħha, u qered kull ħaġa taʼ valur. 20 Lil dawk li ma mitux bix-xabla, ħadhom fl-eżilju f’Babilonja u saru qaddejja tiegħu u tat-tfal tiegħu sakemm bdiet tmexxi s-saltna tal-Persja. 21 Dan ġara biex isir dak li Ġeħova qal permezz taʼ Ġeremija, sakemm l-art tkun straħet* għal kull Sabat li fih ma straħitx. L-art straħet* il-jiem kollha li baqgħet ħerba, sakemm għaddew 70 sena.
22 Fl-ewwel sena tar-Re Ċiru tal-Persja, biex isir dak li Ġeħova qal permezz taʼ Ġeremija, Ġeħova ħeġġeġ lir-Re Ċiru tal-Persja biex joħroġ aħbar importanti mas-saltna kollha tiegħu, u għamilha wkoll bil-miktub. Din kienet tgħid: 23 “Hekk jgħid ir-Re Ċiru tal-Persja, ‘Ġeħova l-Alla tas-sema tani s-saltniet kollha tal-art, u hu inkarigani biex nibnilu dar f’Ġerusalemm, li qiegħda f’Ġuda. Min fostkom hu mill-poplu tiegħu? Jalla Ġeħova l-Alla tiegħu jkun miegħu u jmur lura hemm.’”
Jew “kienu jmorru ħdejh biex jistaqsu għall-gwida t’Alla.”
Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “biex noħroġ u nidħol quddiem.”
Jew “ir-rikkieba taż-żwiemel.”
Jew “rikkieb taż-żwiemel.”
Tip taʼ siġar tat-tin.
Jew forsi “mill-Eġittu u minn Kuwi; il-merkanti tar-re kienu jixtruhom minn Kuwi,” li jistaʼ jirreferi għaċ-Ċiliċja.
Jew “li jġorru t-tagħbija.”
Letteralment “għall-ħobż impoġġi f’ordni.”
Kor kien daqs 220 litru. Ara App. B14.
Jiġifieri barley.
Bat kien daqs 22 litru. Ara App. B14.
Jew “li jġorru t-tagħbija.”
Jew “fil-qiegħa tad-dris.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Kubitu normali kien daqs 44.5 ċentimetri, imma xi wħud iħossu li “l-qies taʼ qabel” jirreferi għall-kubitu t-twil li kien daqs 51.8 ċentimetri. Ara App. B14.
Jew “20 kubitu tul il-wisaʼ tad-dar.”
Xi manuskritti antiki jgħidu “120,” filwaqt li manuskritti oħrajn u xi traduzzjonijiet jgħidu “20 kubitu.”
Letteralment “id-dar.”
Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.
Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.
Letteralment “fid-dar.”
Jiġifieri lejn il-Qaddis.
Jew “fin-Nofsinhar.”
Jew “fit-Tramuntana.”
Ifisser “Jalla Hu [jiġifieri Ġeħova] Isaħħaħ Dan il-Post.”
Jistaʼ jfisser “Fis-Saħħa.”
Jew “Kien hemm bżonn ħabel taʼ 30 kubitu biex idur miegħu dawramejt.”
Madwar 7.4 ċentimetri. Ara App. B14.
Bat kien daqs 22 litru. Ara App. B14.
Jew “karettuni għall-ilma.”
Jiġifieri l-Festa tal-Għerejjex.
Jew “Il-qassisin Leviti.”
Jew “l-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “li b’idu stess.”
Letteralment “qal b’ħalqu stess.”
Letteralment “ibnek, il-wieħed li joħroġ mill-ġewwieni tiegħek.”
Kubitu kien daqs 44.5 ċentimetri. Ara App. B14.
Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jiġifieri talba bil-ħniena. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
B’din il-ħalfa jkun qed jaċċetta li jkollu saħta bħala kastig jekk ikun gideb.
Letteralment “ġust.”
Jew “ġegħelthom ibatu.”
Letteralment “jibżaʼ minnek.”
Jew “ir-reputazzjoni tiegħek.”
Letteralment “jibżgħu minnek.”
Letteralment “agħmel ġudizzju.”
Jew “dwar dan.”
Letteralment “iddawwarx wiċċ.”
Jew “l-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Tistaʼ tirreferi għal-Leviti.
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jew “mid-daħla taʼ Ħamat.”
Il-ġurnata taʼ wara l-festa, jew il-15-il ġurnata.
Letteralment “proverbju.”
Letteralment “lit-tfal t’Iżrael.”
Jew “reġaʼ bena.”
Jew “tat-Tined Temporanji.”
Jew “kien lest.”
Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.
Jew “taʼ taħbil il-moħħ.”
Letteralment “moħbi.”
Letteralment “ma kienx fadlilha spirtu fiha.”
Jew “kliemek.”
Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.
Jew forsi “Dan minbarra r-rigali li kienu tal-istess valur taʼ dak li.”
Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.
Din spiss kienet tintuża mill-arċieri.
Fl-Iskrittura Ebrajka mina kienet daqs 570 gramma. Ara App. B14.
Letteralment “ifittxu wiċċ.”
Jew “rikkieb taż-żwiemel.”
Jiġifieri l-Ewfrat.
Tip taʼ siġar tat-tin.
Letteralment “imtedd maʼ missirijietu.”
Jew “taʼ moħqrija.”
Jew “l-anzjani.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “l-anzjani.”
Jew “l-anzjani.”
Letteralment “it-tined tagħhom.”
Letteralment “magħżul.”
Letteralment “lill-mogħoż.”
Jew “l-għoġġiela.”
Jew “qassam.”
Letteralment “lis-saltniet.”
Letteralment “tal-ġerrejja.”
Letteralment “magħżul.”
Letteralment “magħżul.”
Letteralment “b’patt tal-melħ.”
Jew “l-għoġġiela.”
Letteralment “ġie biex jimla idu.”
Jew “b’għoġol.”
Letteralment “ħobż impoġġi f’ordni.”
Letteralment “magħżul.”
Jew “taʼ madwarhom.”
Jew “fl-ispjegazzjoni fid-dettall.”
Letteralment “bibien doppji.”
Din spiss kienet tintuża mill-arċieri.
Letteralment “ħafna.”
Letteralment “ma kienx hemm paċi għal min joħroġ jew għal min jidħol.”
Letteralment “tħallux idejkom jintelqu.”
Jew “minn reġina omm.”
Jew “devota għalkollox.”
Jew “isaħħaħ; jerġaʼ jibni.”
Jew “fit-territorju taʼ.”
Jew “patt.”
Jew “il-patt.”
Jew “isaħħaħ; jerġaʼ jibni.”
Jew “isaħħaħ; jerġaʼ jibni.”
Letteralment “il-veġġent.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “l-appoġġ.”
Jew “hi devota għalkollox.”
Letteralment “fid-dar tal-qjud.”
Jew “taʼ dawk li kienu jfejqu.”
Milli jidher il-ħwawar ħarqu u mhux il-katavru t’Asa.
Letteralment “mexa.”
Jew “fil-qiegħa tad-dris.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “timbotta.”
Letteralment “spirtu.”
Jew “bla ħsieb taʼ xejn.”
Letteralment “mill-kampijiet.”
Jew “fil-paċi.”
Jew “qalbek hi determinata.”
Letteralment “tibżgħu minn.”
Jew “devota għalkollox.”
Jew “maʼ dak li hu tajjeb.”
Jew forsi “maʼ xi Megħunin.”
Milli jidher il-Baħar il-Mejjet.
Letteralment “is-subien.”
Jew “l-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “fil-Pjanura l-Baxxa.”
Letteralment “ibierku.”
Ifisser “Barka.”
Letteralment “tah lampa.”
Jew “biex iġiegħel lin-nies taʼ Ġerusalemm jagħmlu prostituzzjoni spiritwali.”
Jew “iġġiegħel lil Ġuda u n-nies taʼ Ġerusalemm jagħmlu prostituzzjoni spiritwali.”
Letteralment “l-ispirtu tal-Filistin.”
Jgħidulu wkoll Aħażija.
Letteralment “it-tifla taʼ.”
F’xi manuskritti Ebrajċi jissejjaħ “Għażarija.”
Jew “kien marid.”
Letteralment “it-tifel taʼ.”
Letteralment “dilku.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “meta joħroġ u meta jidħol.”
Dawn spiss kienu jintużaw mill-arċieri.
Jew “id-dijadema.”
Jistaʼ jkun skroll li fih il-Liġi t’Alla.
Jew forsi “sakemm kulħadd kien ta.”
Letteralment “kien hemm ir-rabja.”
Jew “jixhdu kontrihom.”
Letteralment “libbes lil.”
Jew “l-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “Meta qalbet is-sena.”
Jew “ħallewh b’ħafna mard.”
Jew “it-tifel.” Jistaʼ jkun li ntuża l-plural biex juri kemm Żakkarija kien apprezzat.
Jew “L-ispjegazzjoni fid-dettall.”
Letteralment “magħżul.”
Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.
Jew “niltaqgħu wiċċ imb wiċċ.”
Letteralment “Int.”
Jew “fil-palazz tiegħek.”
Letteralment “it-tined tiegħu.”
Jgħidulu wkoll Aħażija.
Madwar 178 metru. Ara App. B14.
Jew “ilsiera.”
Jiġifieri missieru Amażija.
Letteralment “jibżaʼ minn.”
Jew “qataʼ,” aktarx mill-blat.
Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.
Kor kien daqs 220 litru. Ara App. B14.
Jiġifieri barley.
Jew “ipprepara triqatu quddiem.”
Jew “mill-metall imdewweb.”
Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Geħenna.”
Letteralment “id-dar.”
Jew “taʼ madwarhom.”
Jew “isaffar.”
Jew “nitnikkru.”
Jew “taqdu bħala l-ministri tiegħu.”
Letteralment “Issa mlejtu idkom.”
Letteralment “ġusti f’qalbhom.”
Jew “ġie ppreparat.”
Letteralment “il-ġerrejja.”
Jew “juri mogħdrija.”
Letteralment “il-ġerrejja.”
Letteralment “tahom qalb waħda biex.”
Letteralment “fejjaq.”
Letteralment “kellem qalb.”
Letteralment “tal-kampijiet.”
Jew “ikunu devoti għalkollox għal.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jew “kmamar tal-ikel.”
Jew “l-għexur.”
Jew “Millo.” Terminu Ebrajk li jfisser “timla.”
Letteralment “kellem lil qalbhom.”
Letteralment “id tal-laħam.”
Letteralment “il-postijiet għoljin tiegħu u l-artali tiegħu.”
Jew “sinjal tal-għaġeb.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jew “is-sinjal tal-għaġeb.”
Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Milli jidher dan jirreferi għad-dixxendenti taʼ David li kienu rejiet.
Letteralment “għadda lit-tfal tiegħu min-nar.”
Jew forsi “fil-ħofor tal-blat.”
Jew “il-viżjonarji,” jiġifieri dawk li jirċievu l-viżjonijiet.
Jew “minn metall imdewweb.”
Jew “minn metall imdewweb.”
Letteralment “id-dar.”
Jew “li jġorru t-tagħbija.”
Letteralment “irtabet.”
Din hi espressjoni poetika li tirreferi għall-mewt.
Jew “ġedded.”
Jew “l-idoli.”
Letteralment “it-tfal tal-poplu.”
Jew forsi “xwew.”
Jew “il-viżjonarju,” jiġifieri wieħed li jirċievi l-viżjonijiet.
Letteralment “id-dar.”
Jew “l-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.
Jistaʼ jkun fir-rebbiegħa.
Letteralment “webbes għonqu u qalbu.”
Letteralment “ħallset.”
Jew “żammet is-sabatijiet.”